Monthly Archives: January 2014

Bullettin 31 ta’ Jannar 2014

IL-FESTA TAL-PREŻENTAZZJONI TA’ ĠESU’ FIT-TEMPJU
Illum il-Ħadd 2 ta’ Frar qegħdin niċċelebraw il-festa ta’ meta Marija u Ġużeppi preżentaw lil binhom Ġesu’ fit-tempju. Hekk kienet titlob il-liġi ta’ Mose’, li koppja joffru t-tarbija tagħhom bħala l-ewwel wild lil Alla. Il-għan ta’ din iċ-ċerimonja kien biex il-Lhud jifhmu li l-ulied huma ta’ Alla, afdati f’idejn il-ġenituri li flok Alla kellhom jieħdu ħsiebhom. Fit-tempju jiltaqgħu ma’ Xmun u Anna. Dawn it-tnejn għarfu fit-tarbija l-Messija mwiegħed.

ĠESÙ HUWA D-DAWL TAD-DINJA
Din il-festa tissejjaħ ukoll il-gandlora (ġejja minn candela bit-taljan li tfisser xama). Il-Knisja tbierek ix-xemgħat mixgħula għaliex Xmun sejjaħ lil Ġesu’: Dawl biex idawwal il-ġnus (Lq 2:32). Il-Knisja tagħmel din il-festa mhux biss biex tfakkarna fil-ġrajja, iżda wkoll biex tħajjarna nerġgħu nġeddu l-offerta tagħna nfusna lil Alla. Alla jilqa’ l-offerta tagħna nfusna minkejja l-miżerja tagħna.

GĦALHEKK IL-ĦADD waqt il-quddiesa tal-10am ser jitbierku u jinxtegħlu x-xemgħat. Għal din il-quddiesa huma mistiedna t-tfal kollha flimkien mal-familji tagħhom u b’mod speċjali l-adoloxxenti li din is-sena ser jirċievu s-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof u jiġu ppreżentati biex nitolbu għalihom.

HEMM BŻONN LI L-ĦARSA TAGĦNA TKUN AKTAR MITFUGĦA FUQ IL-PERSUNA TA’ ĠESÙ BIEX IMEXXINA HU BID-DAWL TAL-KELMA TIEGĦU U BL-ISPIRAZZJONIJIET TAJBA LI HUWA JNISSEL F’MOĦĦNA ĦALLI NAGĦMLU T-TAJJEB.

L-ISTRINA TAL-MADONNA
Ma’ dan il-bullettin qegħdin tirċievu l-envelope tal-Istrina tal-Madonna. Din id-darba l-istrina tal-Madonna ser tkun biex nibdew niġbru fondi għall-proġett tas-sagristiji u l-orgni. Fil-fatt diġa’ bdew jaslu partijiet mill-għamara tal-orgni. Il-voluntiera tal-parroċċa ser jiġbru dawn l-envelopes u jagħtukom ix-xemgħa tal-gandlora. Inkunu ġenerużi bħal dejjem. Grazzi ta’ kull offerta.

L-ARLOĠĠ GĦALL-KNISJA TAGĦNA
Ix-xogħol fil-kampnar tal-knisja tagħna miexi ġmielu. Bħalissa għadna għaddejjin bix-xogħol biex isir ir-restawr meħtieġ tal-konkrit li jdawwar it-twieqi t-tondi ta’ fejn ġejjin l-erba’ arloġġi, wieħed kull faċċata tal-kampnar. Kellna wkoll nibdlu s-saqaf tal-kamra li ser tagħlaq il-parti tat-twieqi t-tondi biex tkun il-kamra tal-arloġġ. Qegħdin fil-fażi fejn neħħejna s-saqaf il-qadim biex issa jintrama u jsir is-saqaf il-ġdid.

Sadanittant qed isiru konsultazzjonijiet ta’ x’inhu l-aħjar materjal li minnu jsiru l-uċuħ tal-arloġġi biex ikunu jifilħu għall-elementi tat-temp u fl-istess ħin inżommu l-ispiża fil-limitu tal-budget li għandna. Tlabna l-għajnuna ta’ esperti kif ukoll ressaqna l-proġett kollu lill-kummissjoni djoċesana tal-arti sagra għall-konsultazzjoni u l-approvazzjoni.

Il-Ġbir għall-dan il-proġett Bi pjaċir inħabbru li għall-proġett tal-arloġġi lħaqna s-somma ta’ €30,000 u għalhekk issa nistgħu ngħidu li l-fond ta’ dan il-proġett nistgħu nagħlquh. Minn qalbi nirringrazzja lil dawk kollha li taw tant offerti għal dan il-proġett u tant oħrajn li qed jgħinu bl-ideat u x-xogħol tagħhom. Ta’ min jinnota li f’dan il-proġett hemm kemm-il sengħa differenti li trid tiġi nkorporata u allura jridu jitlaqqgħu flimkien ħafna proposti. Però, bi pjaċir ngħid li mxejna ħafna ‘l quddiem f’dan ir-rigward. Jonqos biss li jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex imbagħad jibda x-xogħol. Kif jgħid il-Malti, qis mitt darba u aqta’ darba.

L-Arċipriet Dun Frankie Bajada

ABBONAMENTI ĦAJJA f’GĦAWDEX Infakkru li bħalissa qed isir it-tiġdid tal-abbonamenti fil-Ħajja f’Għawdex, ir-rivista li toħroġ id-djoċesi. Ħlas 15-il Ewro għal sena. Tajjeb li mill-parroċċa tagħna jiżdiedu l-abbonati. Kellmu lil Orietta Azzopardi.

CLEAN AND GREEN HIKE
Il-Kunsill Lokali Għajnsielem flimkien mal-Gozo Greyhounds se jorganizza Clean and Green Hike l-Ħadd, 2 ta’ Frar. Għal din l-inzjattiva, qegħdin jiġu mistiedna kull resident/a f’Għajnsielem biex jipparteċipaw u b’hekk ikollna raħal aktar nadif. It-tluq ikun fis-1pm minn quddiem l-uffiċċju tal-Kunsill Lokali tal-Qala, u jispiċċa ħdejn iż-żona tax-Xatt l-Aħmar. Għal aktar dettalji tistgħu tikkuntattjaw lil Louis Debattista (99609845).

GRAZZI MINN RADJU LAURETANA
Id-direzzjoni ta’ Radju Lauretana tixtieq tirringrazzja lill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem għall-għajnuna finanzjarja li offra in konnessjoni max-xandir minn Bethlehem f’Għajnsielem. Il-flus ser jintużaw biex jitħallas il-cable tal-webcam li twaħħlet f’Ta’ Passi kif ukoll il-kollegamenti bit-telephone li saru waqt il-vjaġġ tas-Slaten Maġi. Grazzi tmur ukoll lil John Camilleri ta’ Eagle Ltd li offra l-webcam bla ħlas.

GRAZZI Għal-lampier NN €40. Għall-Madonna NN€500

IMMORRU TA’ PINU
L-Erbgħa 5 ta’ Frar ser immorru s-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu fejn ikollna quddiesa. Tluq mill-pjazza fit-8.30am. Il-karozza tgħaddi wkoll minn Triq Sant’ Antnin.

SANTA RITA
Il-Ħamis 6 ta’ Frar ikomplu l-Ħamisijiet ta’ Santa Rita għand is-sorijiet Agostinjani. Fil-5.30pm rużarju, kurunella u barka sagramentali. Fis-6pm quddiesa.

LAQGĦA BETHLEHEM F’GĦAJNSIELEM
L-Erbgħa 5 ta’ Frar ser issir laqgħa pubblika fis-sala tal-każin tal-Banda San Ġużepp fis-7pm dwar l-edizzjoni ta’ Bethlehem f’Għajnsielem ta’ din is-sena. Jingħata rendikont ta’ dak li ġara. Kulħadd hu mħeġġeġ jattendi.

L-EWWEL ĠIMGĦA TAX-XAHAR
Il-Ġimgħa 7 ta’ Frar l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali u tibda wara l-quddiesa tad-9am.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN
Katrina Sammut u l-familja joffru €25 b’suffraġju ta’ Franġisku Sammut f’għeluq il-11-il sena mill-mewt tiegħu.  Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

NIĠĠEDDU FI KRISTU

Bullettin 25 ta’ Jannar 2014

Mill-Kalendarju Parrokkjali għax-xahar ta’ Jannar 2014

Il-ferħ tal-Vanġelu jilma l-qalb u l-ħajja kollha ta’ dawk li jiltaqgħu ma’ Ġesu’. Dawk li jħallu lil Ġesu’ isalvahom, jiġu meħlusa mid-dnub, mid-dwejjaq, mill-vojt interjuri u mill-iżolament. Ma’ Ġesu’ Kristu, dejjem jitnissel u jerġa’ jitnissel il-ferħ.

Programm tal-Ġimgħa tal-Azzjoni Kattolika mill-Ħadd 26 sal-Ġimgħa 31 ta’ Jannar 2014

Il-Ħadd 26 ta’ Jannar             

8.00 am Ftuħ tal-Ġimgħa bis-sehem tal-membri tal-Azzjoni Kattolika rġiel u nisa fil-quddiesa fil-Knisja Parrokkjali.

It-Tnejn 27 ta’ Jannar            
Quddiesa għand is-Sorijiet tal-Klarissi r-Rabat u wara adorazzjoni quddiem Ġesu’ Sagramentat. Trasport mill-pjazza fit-8.30am.
Fis-6.30pm laqgħa tal-membri rġiel u nisa fis-sagristija tal-Knisja l-Qadima. Mistieden il-President Djoċesan tal-Azzjoni Kattolika Għawdex, is-Sur Antoine Vassallo.

It-Tlieta 28 ta’ Jannar           
Irtir għand is-Sorijiet Agostinjani ta’ Għajnsielem mid-9am sas-2pm. Fit-8.30am ikun hemm il-qrar, fid-9am jibdew il-konferenzi u wara quddiesa. Waqfa għall-ikel f’nofsinhar. Ħlas għall-ikel €10.Min se joqgħod għall-ikel iċempel lil Antonia Xerri 21553470. Mis-1pm sas-2pm Adorazzjoni u Barka Sagramentali.

L-Erbgħa 29 ta’ Jannar          
Ġurnata ddedikata għal xogħol volontarju u żjara lill-morda u lill-anzjani fir-raħal tagħna u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Il-Ħamis 30 ta’ Jannar           
Coffee Morning fiċ-Ċentru tal-Azzjoni Kattolika fir-Rabat organizzat mill-Azzjoni Kattolika tad-Djoċesi.

Il-Ġimgħa 31 ta’ Jannar  Għeluq tal-Ġimgħa
Fit-3.30pm Adorazzjoni quddiem Ġesu’ Sagramentat li fiha jsir it-tesserament tal-membri mmexxija mill-Arċipriet Dun Frankie Bajada. Fl-4.30pm ikun hemm quddiesa.

Kulħadd huwa mistieden għal dawn l-attivitajiet.

Ikun imfaħħar Ġesu’ Kristu!

JUM IĊ-ĊENTRU PARROKKJALI

Ta’ kull sena, qrib il-festa ta’ San Ġwann Bosco, id-Djoċesi tagħna tfakkar Jum iċ-Ċentru Parrokkjali. Għall-grazzja t’Alla, il-parroċċa tagħna għandha Ċentru Parrokkjali li fih kuljum hemm diversi laqgħat ta’ formazzjoni għall-kbar jew għaż-żgħar. Nieħdu din l-okkażjoni biex minn qalbna ngħidu grazzi lil dawk kollha li, b’mod volontarju, jaħdmu fiċ-Ċentru tagħna. Hija x-xewqa tal-parroċċa li nkomplu nżidu attivitajiet oħra għall-familji tagħna.

Il-ĦADD 26 ta’ Jannar, 2014 – 5.45pm.
FAMILY MOVIE NIGHTFilm għall-familja kollha

SANTA RITA
Il-Ħamis 30 ta’ Jannar ser jibdew il-Ħamisijiet ta’ Santa Rita għand is-sorijiet Agostinjani. Fil-5.30pm rużarju, kurunella u barka sagramentali. Wara quddiesa bil-ħsieb fuq Santa Rita.

QUDDIES
Min jixtieq jordna quddies fil-Knisja Parrokkjali għax-xhur April, Mejju u Ġunju 2014 jista’ jagħmel dan fl-Uffiċċju Parrokkjali nhar ta’ Tlieta jew Ħamis bejn id-9am u 12pm.

L-EWWEL SIBT TAX-XAHAR
Is-Sibt l-1 ta’ Frar huwa l-Ewwel Sibt tax-xahar. L-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja l-Qadima. Fit-3.30pm ikollna r-rużarju u wara l-quddiesa għall-irġiel kollha. L-Adorazzjoni Ewkaristika tkompli sad-9pm.

PREŻENTAZZJONI TRABI F’TA’ PINU
Is-Sibt l-1 ta’ Frar fl-4.30pm ser issir il-preżentazzjoni tat-trabi lill-Madonna ta’ Pinu. Il-ġenituri huma mistiedna għal-Liturġija tal-Kelma mmexxija mill-Isqof Mario Grech u li matulha uliedhom jiġu ppreżentati lill-Madonna. Il-ġenituri huma mħeġġa jieħdu magħhom xemgħa ħamra.

GĦOTI TA’ DEMM
Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ser ikun miftuħ il-Ħadd 26 ta’ Jannar mit-8:00am sas-1:00pm għal min jixtieq jagħti d-demm. Ħudu magħkom il-karta tal-identita’.

L-ISTRINA TAL-MADONNA
Wara l-festa tal-Gandlora jkollna t-tqassim tax-xemgħa fid-djar tagħna. Bħal kull sena ssir il-ġabra tal-Istrina tal-Madonna. Mal-bullettin tal-ġimgħa d-dieħla ser jitqassmu l-envelopes li mbagħad jinġabru bieb bieb mill-voluntiera tal-parroċċa. Din id-darba l-istrina tal-Madonna ser tkun biex nibdew niġbru fondi għall-proġett tas-sagristiji u l-orgni.

ABBONAMENTI ĦAJJA f’GĦAWDEX
Infakkru li bħalissa qed isir it-tiġdid tal-abbonamenti fil-Ħajja f’Għawdex, ir-rivista li toħroġ id-djoċesi. Ħlas 15-il Ewro għal sena. Tajjeb li mill-parroċċa tagħna jiżdiedu l-abbonati. Kellmu lil Orietta Azzopardi.

GRAZZI  Ġabra Art Imqaddsa €710.96
Offerti lampier fil-ferta knisja NN €30, NN €20
Offerta lampier NN €50.

ILQA’ FI ĦDANEK
Missier Ħanin ilqa’ fi ħdanek lir-ruħ għażiża ta’ Ġużeppi Mercieca mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li ħalla din id-dinja fid-19 ta’ Jannar fl-għomor ta’ 63 sena.
Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.
 
OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • M’Ann Zammit toffri €20 b’suffraġju ta’ Loretu Azzopardi f’għeluq is-sitt snin mill-mewt tiegħu fil-25 ta’ Jannar.
  • Theresa Grech toffri €20 b’suffraġju ta’ binha Peter Paul Grech f’għeluq il-11-il sena mill-mewt tiegħu fil-25 ta’ Jannar.
  • Carmen Scicluna (New York) toffri $50 b’suffraġju ta’ żewġha Anthony Scicluna f’għeluq it-22 sena mill-mewt tiegħu fil-25 ta’ Jannar. Carmen bagħtet ukoll donazzjoni għal Radju Lauretana.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Dalwaqt…
Il-Ħadd 2 ta’ Frar   Il-Preżentazzjoni ta’ Ġesu’ fit-tempju – Il-Gandlora. Quddiesa bit-tberik tax-xemgħa fl-10.am. Issir il-preżentazzjoni ta’ dawk li ser jirċievu s-sagrament tal-Griżma tal-Isqof dis-sena.
 

NIĠĠEDDU FI KRISTU

Bullettin 17 ta’ Jannar 2014

Nilqgħu l-KELMA TAL-VANĠELU
Il-Papa Franġisku kontinwament qed jistedinna biex nilqgħu l-kelma tal-Vanġelu u nħalluha taħdem fina. Kuljum, waqt il-quddiesa li jiċċelebra fil-Kappella tad-Dar Santa Marta jagħmel omelija mimlija tagħlim meħud mill-qari tal-ġurnata. Dawn il-ħsibijiet ikunu ta’ kuljum fuq il-websajt tal-Vatikan u websajtx oħra.  Il-Papa wkoll iwassal messaġġi fuq il-midja l-oħra bħal Twitter. L-aħħar messaġġ li ħareġ fuq dan il-mezz jgħid: “Ejjew nitolbu għall-paċi, u naħdmu biex inġibu l-paċi. Nibdew mid-dar tagħna stess.”

ĠABRA ART IMQADDDSA
Dan il-weekend fil-knisja tagħna waqt il-quddies kollu ssir il-ġabra għal-Art Imqaddsa. Ngħinu bħal dejjem lill-Patrijiet Franġiskani fil-missjoni tagħhom biex jindukraw il-postijiet tant għeżież marbuta mal-ħajja tal-Mulej Ġesu’.

GĦOTI TA’ DEMM
Il-kumpless kummerċjali The Duke r-Rabat Għawdex, il-Ħadd 19 ta’ Jannar ser jospita attività għal iktar għarfien dwar is-saħħa. Parti integrali minn din l-attività ser tkun l-għoti tad-demm, u l-ħin disponibbli għad-donaturi ser ikun mit-8:30am sas-1pm. Min ser jagħti d-demm jieħu miegħu l-Karta tal-Identita’.

LOTTERIJA B’RISQ IL-LAMPIER TAL-KORSIJA
Ir-rebbieħa hija Antonia Camilleri ta’ Triq Imġarr. Grazzi lil dawk kollha li ħadu sehem u lill-Familja Spiteri mill-Amerika li bagħtitilna s-sett tant sabiħ tal-pasturi.

GRAZZI
Ewro Collection għax-xahar ta’ Jannar €441.33
Mill-għotjiet fil-Presepju ta’ Paul Stellini għal Radjulauretana €228.97.

LAQGĦA KUNSILL PARROKKJALI
L-ewwel laqgħa għal din is-sena tal-Kunsill Parrokkjali ser tkun it-Tlieta 21 ta’ Jannar fil-5pm fiċ-Ċentru Parrokkjali. Inħeġġu lill-membri kollha sabiex jattendu.

It-8 Anniversarju
Nhar l-Erbgħa 22 ta’ Jannar huwa t-8 anniversarju mill-Konsagrazzjoni ta’ Mons Mario Grech bħala Isqof tad-Djoċesi tagħna ta’ Għawdex. Hija wkoll il-festa ta’ San Publiju. F’din il-ġurnata nitolbu għall-Isqof tagħna biex il-Mulej ikompli jitfa’ fuqu l-Ispirtu Qaddis tiegħu fil-missjoni li huwa qed iwettaq b’risq il-Knisja f’Għawdex. Ser issir quddiesa ta’ radd il-ħajr l-Erbgħa stess fil-Kappella tar-Ragħaj it-Tajjeb Victoria fis-6pm.

ĠIMGĦA TA’ TALB
Qegħdin fil-ġimgħa ta’ talb għall-għaqda tal-insara. Noffru t-talb tagħna biex aħna l-insara nkunu lkoll merħla waħda taħt ragħaj wieħed.

TALB GĦALL-QDUSIJA TAL-PERSUNI KKONSAGRATI
Dan it-talb ser isir is-Sibt 25 ta’ Jannar fil-Knisja Parrokkjali tax-Xagħra mis-6.30pm sat-8.30pm. Ikollna trasport fis-6pm.

Konferenza dwar il-Familja – Il-Kummissjoni tal-Familja ser torganizza konferenza interessanti dwar ir-relazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied bis-suġġett: Imma kif ma tifhimnix?  Inħeġġu lill-ġenituri kollha, speċjalment dawk li għandhom tfal żgħar jew adoloxxenti biex jattendu. Il-kelliem ser ikun Padre Amedeo Cencini, psikologu espert fil-ħidma mal-familji. Il-Konferenza ser issir nhar is-Sibt li ġej 25 ta’ Jannar, fis-Sala Villa Fiorita (Marsalforn) u tibda fil-5.30pm. Ikun hemm traduzzjoni mit-Taljan għall-Malti. Ikun hemm min jieħu ħsieb it-tfal.

DALWAQT 

Il-Ġimgħa tal-Azzjoni Kattolika mis-26 ta’ Jannar.

Il-Ħamisijiet ta’ Santa Rita jibdew fit-30 ta’ Jannar.

FESTA SAN FRANĠISK TA’ SALES Patrun tal-Ġurnalisti – Fl-okkażjoni tal-festa tal-Patrun tal-Ġurnalisti, Xandara u Kittieba,  l-Għaqda Ġurnalisti Għawdxin ser tfakkar lill-Qaddis Patrun tagħha b’quddiesa mill-E.T. Monsinjur Isqof t’Għawdex Mario Grech, nhar is-Sibt 25 ta’ Jannar 2014 fil-knisja tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Gesu’, Triq Palma Victoria  fil-5pm.  F’din l-okkażjoni l-Isqof iwassal il-messaġġ tiegħu lil dawk preżenti u wara anke jiltaqa’ mal-ġurnalisti, xandara u kittieba waqt riċeviment tal-okkażjoni.   Dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għandhom rabta mal-Mass Media u l-Mezzi tal-Komunikazzjoni Soċjali huma mistiedna għal din l-okkażjoni ta’ darba fis-sena. Il-membri ta’ Radju Lauretana mistiedna jattendu.

ABBONAMENTI ĦAJJA f’GĦAWDEX
Wasal iż-żmien li nġeddu l-abbonament tagħna fil-Ħajja f’Għawdex, ir-rivista li toħroġ id-djoċesi. Ħlas 15-il Ewro għal sena sħiħa. Tajjeb li mill-parroċċa tagħna jiżdiedu l-abbonati. Kellmu lil Orietta Azzopardi.

DUN RAYMOND PORTELLI,
missjunarju Għawdxi fil-Perù, ta’ kull sena jkun fostna. Din is-sena ser iqaddes il-quddiesa tas-6pm nhar is-Sibt 25 ta’ Jannar.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Il-familja Galea joffru €20 b’suffraġju ta’ Carmelo Galea f’għeluq is-17-il sena mill-mewt tiegħu fis-16 ta’ Jannar.
  • Loreta Grech u l-familja joffru 15-il Ewro b’suffraġju ta’ Frenċu Grech f’għeluq it-13-il sena mill-mewt tiegħu fit-22 ta’ Jannar.
  • Laura Vella Gatt toffri €20 b’suffraġju ta’ Frankie Vella f’għeluq il-11-il sena mill-mewt tiegħu u Ġużeppa Axiaq f’għeluq l-4 snin mill-mewt tagħha.
  • Ġuża u Fredu Ciangura joffru €20 b’suffraġju ta’ ommhom Mananni Ciangura f’għeluq il-5 snin mill-mewt tagħha nhar it-22 ta’ Jannar.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

NIĠĠEDDU FI KRISTU

Bullettin 10 ta’ Jannar 2014

Il-Magħmudija tal-Mulej – Illum il-Ħadd qed niċċelebraw il-Magħmudija tal-Mulej Ġesu’. B’din il-festa nagħlqu żmien il-Milied. Il-Papa Franġisku jħeġġiġna nkunu nafu d-data ta’ meta tgħammidna u nagħmlu l-impenn meħtieġ biex ngħixu l-magħmudija tagħna ta’ kuljum.

EWRO COLLECTION
Il-ġabra waqt il-quddies ta’ dan il-weekend tkun b’risq il-festa titulari li jmiss. Inkunu ġenerużi bħal dejjem. Grazzi ta’ kull għajnuna.

QUDDIESA ŻGĦAŻAGĦ
Il-Ħadd 12 ta’ Jannar il-quddiesa tal-10am tkun animata miż-żgħażagħ. Inħeġġu liż-żgħażagħ biex jattendu u jipparteċipaw.

KARTOLINI U BOLOL UŻATI
Qegħdin inkomplu niġbru kartolini tal-Milied u bolol użati għall-missjoni. Itfgħuhom fil-kaxxa apposta fil-knisja.

LURA LEJN L-ISKOLA
It-tfal u l-istudenti reġgħu lura l-iskola wara l-btajjel tal-Milied. Inħeġġu lit-tfal biex jattendu għall-quddiesa tat-7.45am flimkien mal-ġenituri tagħhom. Ma ninsewx il-lezzjonijiet tal-katekiżmu fiċ-Ċentru Parrokkjali u fl-oqsma tal-Museum tal-Bniet u tas-Subien.

GĦAN-NISA KOLLHA
Nhar l-Erbgħa 15 ta’ Jannar ser isir nofs ta’ nhar għan-nisa kollha ġewwa Lourdes Home mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Christopher Farrugia, kafe’ u tombla.

GRAZZI Offerti lampier: NN b’ringrazzjament lil Alla u lill-Madonna ta’ Loreto US$1000, Loreta Zerafa Triq il-Ġnien €50.

MIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI
Iċ-Ċentru Parrokkjali qed joffri lezzjonijiet taż-żfin mis-Central Academy of Dance kif ukoll kors għal-liċenzja tas-sewqan ta’ bċejjeċ tal-baħar mill-Malta Sailing Academy. Aktar informazzjoni mill-uffiċċju parrokkjali.

LOTTERIJA B’RISQ IL-LAMPIER TAL-KORSIJA
L-aħħar ċans biex tgħin! Il-lotterija titla’ l-Ħadd 12 ta’ Jannar filgħaxija. Biljetti mid-Dar Parrokkjali. €1 = biljett, €2 = 3 biljetti u €5 = 10 biljetti.

RADJU LAURETANA – GRAZZI U PROSIT
Il-kru ta’ Radju Lauretana jixtieq jirringrazzja lil kulħadd tal-kummenti sbieħ dwar l-iskeda tal-Milied. Ix-xandira tal-wasla tas-Slaten Maġi mill-Italja għal Bethlehem f’Għajnsielem ġiet segwita minn eluf ta’ semmiegħa. Ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni marbuta ma’ din ix-xandira hija Jean Grech. Jean rebħet Bambin żgħir ta’ Betlem, kuruna tar-rużarju mbierka mill-Papa Franġisku nnifsu u salib replika li jilbes il-Papa. Grazzi lil Dr Joe Mifsud li għaddielna dawn l-oġġetti. L-iskeda tal-Għid tibda s-Sibt 5 ta’ April.

Wara BETHLEHEM F’GĦAJNSIELEM, il-Parroċċa flimkien mal-għaqdiet fi ħdanha tirringrazzja lil kulħadd għall-organizzazzjoni, ix-xogħol u l-impenn fl-edizzjoni ta’ din is-sena.

ĠIMGĦA TA’ TALB
Mis-Sibt 18 ta’ Jannar tibda l-ġimgħa ta’ talb għall-għaqda tal-insara. Noffru t-talb tagħna biex inkunu lkoll merħla waħda taħt ragħaj wieħed.

APPLIKAZZJONIJIET dħul Kinder 1 skejjel tal-Knisja f’Għawdex Sena skolastika 2014-15 
Il-ġenituri/tuturi legali li jixtiequ jdaħħlu lit-tfal tagħhom fil-Kinder 1 fl-Iskejjel tal-Knisja f’Għawdex għas-sena skolastika 2014-2015 huma mitluba jiġbru applikazzjoni mill-Kurja tal-Isqof mit-Tnejn 13 sal-Ġimgħa 17 ta’ Jannar (minbarra l-Ħamis), bejn id-9am u nofsinhar. It-tfal li jistgħu japplikaw iridu jkunu mwielda fl-2011. L-applikazzjonijiet bid-dokumenti meħtieġa, iridu jaslu l-Kurja sal-Ġimgħa 24 ta’ Jannar.

SERVIZZ EKUMENIKU
Il-Leġjun ta’ Marija f’Għawdex flimkien mad-Djoċesi t’Għawdex  u l-Komunita Anglikana f’Għawdex ser torganizza l-Laqgħa Annwali ta’ Talb għall-għaqda tal-Insara fil-Knisja ta’ Santu Wistin ir-Rabat l-Erbgħa 15 ta’ Jannar 2014 fis-6pm.  Ikun hemm  kelmtejn ta’ merħba, messaġġi mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech u l-Ministru Anglikan kif ukoll qari, talb, ġabra u refreshments.  Il-pubbliku flimkien mar-residenti barranin ta’ kull denominazzjoni huma mistiedna.

MIS-SEMINARJU MINURI U MILL-ISKOLA SEKONDARJA TALKONSERVATORJU
Il-ġenituri/kustodji tal-Istudenti tal-Year 6 illi
a.  jattendu fl-iskejjel Primarji tal-Knisja f’Għawdex;
b.  jattendu fl-iskejjel Primarji tal-Gvern f’Għawdex imma li huma:
i.  subien li ħuthom jattendu fis-Seminarju jew bniet li ħuthom jattendu fl-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju
ii. subien li xi ġenitur tagħhom jaħdem/taħdem fis-Seminarju Minuri jew bniet li xi ġenitur tagħhom jaħdem fil-Konservatorju tal-Isqof
ċ. jattendu fl-iskejjel Primarji tal-Knisja u tal-Gvern f’Għawdex li għandhom LSA (kundizzjonijiet japplikaw) mitluba jirreġistraw lil uliedhom għad-Dħul fl-Ewwel Klassi tas-Seminarju Minuri u tal-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof it-Tnejn u t-Tlieta, 27 u 28 ta’ Jannar mid-9 am sal-11.30 a.m.

L-applikazzjonijiet għat-tfal subien jimtlew fis-Seminarju Minuri waqt li għat-tfal bniet jimtlew fl-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof. Min japplika mitlub jieħu miegħu ċertifikat oriġinali tat-twelid tat-tifel/tifla, żewġ ritratti riċenti tal-passaport, u fil-każ ta’ student bl-L.S.A. iċ-ċertifikat tal-Psikologu u ċ-ċertifikat tal-istatementing Board. Tkun mitluba wkoll il-Karta tal-Identita’ tal-ġenituri. It-tfal iridu jkunu mwielda bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2003. Isir ħlas ta’ €14.

Aktar ‘il quddiem toħroġ applikazzjoni oħra għal dawk li jattendu fil-Year 6 fl-Iskejjel Primarji tal-Gvern f’Għawdex sabiex jimtlew il-postijiet vaganti li jkun għad fadal fis-Seminarju Minuri jew fl-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof.

ILQA’ FI ĦDANEK
Missier Ħanin ilqa’ fi ħdanek lil Loreto Cutajar mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li ħalla din id-dinja fil-25 ta’ Diċembru fl-eta’ ta’ 61 sena.
Mulej agħtih il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN
Agnes Xuereb u l-familja joffru €20 b’suffraġju ta’ Karmnu Xuereb f’għeluq l-14-il sena mill-mewt tiegħu fl-10 ta’ Jannar.
Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.