Monthly Archives: February 2014

Bullettin 21 ta’ Frar 2014

ĦALLINI NKUN NIXBHEK

It-talba li ġejja hija ta’ John Newman. Mother Tereża riedet li s-sorijiet tagħha jgħiduha kuljum:

Għażiż Mulej,

għinni nxerred il-fwieħa tiegħek kull fejn inkun. Nitolbok tiddi minn ġo fija u timlieni tant li kull persuna li niltaqa’ magħha tkun tista’ tħoss il-preżenza tiegħek fija.

Ħalli jħarsu lejja u jaraw lilek biss, Mulej, u mhux lili.

Ibqa’ miegħi u jien inkun bħalek raġġ ta’ dawl; b’hekk inkun dawl għall-oħrajn. Dan id-dawl ikun ġej kollu minnek biss; tkun int li tiddi fuq l-oħrajn permezz tiegħi.

Ħallini nipprietkak mhux bil-kliem imma bl-eżempju tiegħi – xhieda ta’ mħabba kbira li qalbi għandha lejk.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Infakkru li dan it-talb ser isir is-Sibt 22 ta’ Frar fil-Knisja Parrokkjali ta’ Sannat mis-6pm sat-8pm. Ikollna trasport fil-5.30pm.

HIGH TEA

Ser isir High Tea b’risq iċ-Ċentru Parrokkjali s-Sibt 22 ta’ Frar fis-7pm fl-istess ċentru. Nagħmlu tajjeb jekk nattendu.

QUDDIESA GĦALL-FAMILJI

Il-quddiesa tal-10am tal-Ħadd 23 ta’ Frar ser tkun għall-familji kollha. Inħeġġu lill-membri kollha tal-familja biex jattendu flimkien.

LAQGĦA KUNSILL PARROKKJALI

Il-laqgħa tal-Kunsill Parrokkjali li jmiss ser tkun it-Tlieta 25 ta’ Frar fil-5pm fiċ-Ċentru Parrokkjali. Il-membri huma mħeġġa jattendu.

GRAZZI

  • Għotjiet Sagristiji NN €100, NN €200, NN €300.
  • Għotjiet Lampier NN €20.
  • Il-ġabra tal-Istrina tal-Madonna telgħet €4187. Grazzi mill-qalb lil kull min ta l-offerta tiegħu u lill-voluntiera kollha li ġabru l-envelopes bieb bieb.

TALB MIS-SORIJIET KLARISSI

Bħala ġest sabiħ fl-okkażjoni tal-150 anniversarju mit-twaqqif tad-Djoċesi tagħna fis-sena 1864, is-sorijiet Klarissi fil-kunvent tagħhom fir-Rabat qegħdin joffru talb għall-parroċċi ta’ Għawdex.  Dan ix-xahar ta’ Frar qegħdin jitolbu proprju għalina l-parruċċani ta’ Għajnsielem.  Qed jistednuna biex ningħaqdu magħhom fit-talb nhar l-Erbgħa li ġejja 26 ta’ Frar bejn l-4pm u l-5pm fil-kunvent tagħhom. Min jixtieq jiġi jikkuntattja d-dar parrokkjali. Ikollna trasport mill-pjazza fl-3.45pm. Is-sorijiet Klarissi għandhom il-kunvent tagħhom ħdejn Dar Manresa. Min ikun jixtieq li jitolbu għalih tistgħu tikkuntattjawhom fuq 21569435.

MIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI

  • Il-Ħadd 23 ta’ Frar Movie Night fis-5.45pm
  • Pasta Buffet tal-Karnival

Is-Sibt l-1 ta’ Marzu fis-7pm. Ikollna erba’ tipi ta’ għaġin, soft drink/inbid u deżerta. Aħsbu għall-biljetti issa mid-Dar Parrokkjali, miċ-Ċentru Parrokkjali u mill-ħanut Pen and Pencil. Kbar €7, tfal tal-iskola primarja €3, tfal żgħar b’xejn. Ejja u ħajjar lil oħrajn jattendu wkoll.

GĦOTI TAL-LETTORAT

Il-Ħadd 23 ta’ Far 2014 is-seminarista Massimo Buttiġieġ mill-Parroċċa tal-Katidral ser jingħata l-Ministeru tal-Lettorat waqt konċelebrazzjoni mmexxija mill-Isqof Mario Grech fil-Knisja Parrokkjali tal-Munxar fl-4.00pm. Nitolbu għalih u għal aktar vokazzjonijiet fid-djoċesi u fil-parroċċa tagħna.

ID-DEHRIET F’LOURDES

Tkompli t-tifkira tal-Madonna ġewwa Lourdes. Nagħmlu mezz u min jista’ waqt il-ġranet tad-dehriet ninvistaw lill-Madonna fil-kappella ddedikata lilha taħt dan it-titlu fil-parroċċa tagħna.

SANTA RITA

Il-Ħamis 27 ta’ Frar ikomplu l-Ħamisijiet ta’ Santa Rita għand is-sorijiet Agostinjani. Fil-5.30pm rużarju, kurunella u barka sagramentali. Fis-6pm quddiesa.

L-EWWEL SIBT TAX-XAHAR

Is-Sibt l-1 ta’ Marzu l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja l-Qadima. Fit-3.30pm nitolbu r-rużarju u wara quddiesa. L-Adorazzjoni tkompli sad-9pm.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Giaċinta Xuereb toffri €20 b’suffraġju ta’ ommha Antonia Xuereb f’għeluq is-sentejn mill-mewt tagħha.

Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

DALWAQT…

L-Erbgħa 5 ta’ Marzu         Ras ir-Randan

Il-Ħamis 13 ta’ Marzu        L-ewwel anniversarju mill-elezzjoni ta’ Papa Franġisku

Il-Ħadd 16 ta’ Marzu         Gabra għall-Papa

L-Erbgħa 19 ta’ Marzu       Solennita’ ta’ San Ġużepp; Jum il-Papa: L-ewwel anniversarju mill-bidu tal-Pontifikat ta’ Papa Franġisku; Pellegrinaġġ għall-Qala

MILL-MESSAĠĠ TAL-PAPA GĦAR-RANDAN 2014

Għeżież ħuti, dan iż-żmien tar-Randan lill-Knisja kollha jsibha disposta u mħeġġa biex, quddiem dawk kollha li qed jgħixu fil-miżerja materjali, morali u spiritwali, tagħti xhieda tal-messaġġ tal-Vanġelu, li nistgħu niġbruh fit-tħabbira tal-imħabba tal-Missier il-ħanin, lest biex fi Kristu jgħannaq miegħu lil kull bniedem.  Dan nistgħu nagħmluh daqskemm inkunu ħaġa waħda ma’ Kristu, li ftaqar biex bil-faqar tiegħu stajna nistagħnu aħna.  Ir-Randan hu ż-żmien it-tajjeb biex nitneżżgħu; u jagħmlilna tajjeb jekk nistaqsu lilna nfusna minn liema ħwejjeġ nistgħu niċċaħħdu biex nistgħu ngħinu u bil-faqar tagħna nagħnu lill-oħrajn.  Ma ninsewx li l-faqar veru jweġġa’: l-ebda ċaħda ma tkun tiswa mingħajr din id-dimensjoni penitenzjali.  Ma nemminx f’għamla ta’ karità li m’għandhiex prezz u li ma tweġġax.

Bullettin 14 ta’ Frar 2014

FRAR GĦADDEJ ĠMIELU WKOLL!

Qisu lbieraħ bdejna sena ġdida u dalwaqt ikunu għaddew xahrejn minnha. Iż-żmien ma jistenna lil ħadd. Iż-żmien gerbiebi jgħid il-qawl. Dan jgħinna nirriflettu kemm hu importanti li nużaw iż-żmien misluf lilna bl-aħjar mod possibli. Kull mument jgħodd. Ix-xahar ta’ Frar ifakkarna fil-miġja tal-Appostlu Missierna San Pawl fi gżiritna u fil-fidi li hu ġabilna. San Pawl nissilna fil-fidi.

Imma nistaqsi, il-fidi tiegħi fejn hi? Nemmen għax hekk drajt, għax ngħid li nemmen jew għax jien konvint fil-persuna ħajja ta’ Ġesu’ Kristu, li nista’ nibni relazzjoni personali miegħu? Li bih f’ħajti nista’ nagħmel differenza? Li f’dinja tad-dlam, jien kapaċi nkun dawl u melħ għal dawk ta’ madwari mingħajr ma biss niftaħ fommi imma li bl-eżempju tiegħi kapaċi nwassal il-messaġġ li Alla huwa ħaj, li Alla jħobb, li l-fidi tgħin biex il-bniedem jgħix ħajja bi skop?

F’dan l-ambitu tajjeb li nżommu f’moħħna u nixtarru sew kliem il-Papa Franġisku li qal waqt l-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa 12 ta’ Frar 2014. Il-Papa ħeġġeġ lin-nies biex meta jmorru l-quddies, ikunu moħħhom f’dak li jkun għaddej u mhux fin-nies, u wkoll biex jitolbu għal dawk fil-bżonn.

Hu qal li jkun hemm min imur il-quddies biex ipaċpaċ dwar in-nies, dwar x’kienu lebsin jew x’għamlu u qal li ta’ spiss ikunu dawn l-iktar li jmorru l-quddies. Minflok qal li kien ikun aħjar jekk in-nies li jagħmlu hekk jitolbu għal dawk fil-bżonn u jaraw kif jistgħu jgħinu minflok ikunu moħħhom fis-seksik. Hemm bżonn li n-nies jaħsbu fil-proxxmu u jgħinu lil xulxin.

Hu żied li n-nies imorru l-quddies għaliex huma midinbin u jridu l-maħfra ta’ Kristu. Hu ħeġġeġ lill-Insara biex imorru l-quddies b’umilta’ bħala midinbin. Hu qal li jekk wieħed iħoss li m’għandux dnub, allura jkun aħjar li ma jmurx il-quddies!

EWRO COLLECTION

Matul il-quddies ta’ dan il-weekend, il-ġbir ikun b’risq l-ispejjeż tal-festa 2014. Ngħinu kemm nistgħu billi noffru Ewro jew aktar. Grazzi tal-għajnuna tagħkom.

GRAZZI

• Offerta għas-sagristiji: NN Triq Ħamri- €1000, NN Triq Ħamri €100.

• Grupp ta’ żgħażagħ li kienu magħna l-Ħadd li għadda u ġabru għal Gwatemala €959.12. Bagħtu jirringrazzjaw lil kulħadd.

GĦAQDA DRAMMATIKA GĦAJNSIELEM

Ser issir laqgħa għal dawk kollha li jixtiequ jieħdu sehem fl-attivita’ marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa. Il-laqgħa tkun il-Ħamis 20 ta’ Frar fis-7.30pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.

SANTA RITA    

Il-Ħamis 20 ta’ Frar ikomplu l-Ħamisijiet ta’ Santa Rita għand is-sorijiet Agostinjani. Fil-5.30pm rużarju, kurunella u barka sagramentali. Fis-6pm quddiesa bil-ħsieb fuq Santa Rita.

LAQGĦA ĠENITURI

Il-Ġimgħa 21 ta’ Frar ser issir laqgħa għall-ġenituri kollha fil-Museum tas-Subien fis-7pm. Inħeġġu lill-ġenituri kollha sabiex jattendu, anke dawk li uliedhom ma jattendux il-Museum. Sejħa speċjali tmur lill-ġenituri li għandhom uliedhom fit-tħejjija għall-Griżma tal-Isqof. Jingħataw avviżi mportanti. Jindirizza l-laqgħa l-Arċipriet dun Frankie Bajada

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

It-talb għall-qdusija tal-Persuni Kkonsagrati ser isir is-Sibt 22 ta’ Frar fil-Knisja Parrokkjali ta’ Sannat mis-6pm sat-8pm. Ikollna trasport fil-5.30pm.

MIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI
  • Il-Ħadd 23 ta’ Frar Movie Night fis-5.45pm
  • Is-Sibt l-1 ta’ Marzu fis-7pm – Pasta Buffet tal-Karnival Ikollna erba’ tipi ta’ għaġin, soft drink/inbid u deżerta. Aħsbu għall-biljetti issa mid-Dar Parrokkjali, miċ-Ċentru Parrokkjali u mill-ħanut Pen and Pencil. Kbar €7, tfal tal- primarja €3, tfal żgħar b’xejn. Ejja u ħajjar oħrajn jattendu wkoll.

HIGH TEA  b’risq iċ-Ċentru Parrokkjali s-Sibt 22 ta’ Frar fis-7pm fl-istess ċentru. Nagħmlu tajjeb jekk nattendu. Inkunu ngħinu l-ħidma taċ-Ċentru tagħna.

L-ISTRINA TAL-MADONNA 

L-envelopes inġabru mill-voluntiera.Grazzi tal-offerti tagħkom. Min ma kienx id-dar waqt il-ġabra jista’ jwassal l-offerta tiegħu billi jitfa’ l-envelope fil-letter box tad-Dar Parrokkjali jew waqt il-ġabra fil-knisja. Is-somma miġbura s’issa hija €4093.

TIĠIJIET Dawk kollha li għandhom xi booking għal tiġijiet fil-Knisja Parrokkjali jew fil-Knisja l-Qadima huma mitluba jikkuntatjaw l-Uffiċċju Parrokkjali biex jikkonfermaw.

LAQGĦA DJOĊESANA MPORTANTI

Nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Frar ser isir laqgħa għall-animaturi, letturi, membri tal-korijiet, dawk li jieħdu ħsieb it-tindif tal-knisja, organisti kif ukoll ministri staordinarji  tat-tqarbin bi tħejjija għar-Randan. Il-laqgħa ser tkun fiċ-Ċentru tar-Ragħaj it-Tajjeb taċ-Ċawla r-Rabat fis-6.30 pm. sat-8.00 pm. Importanti li dawk li għandhom dawn il-ministeri fil-Knisja jattendu. Il-laqgħa hi organizzata mill-Kummissjoni Liturġika.

LAQGĦA ANNWALI TAL-LOKALITÀ

Il-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem jixtieq jistiednek għal-laqgħa annwali nhar it-Tlieta, 18 ta’ Frar, 2014 fis-6pm. Post: Fis-Sala tal-Uffiċċju tal-Kunsill. Ir-residenti li isimhom jidher fl-aħħar ħarġa tar-Reġistru Elettorali għall-Kunsill Lokali Għajnsielem huma mistiedna jipparteċipaw u jgħaddu s-suġġerimenti tagħhom għall-kunsiderazzjoni tal-Kunsill.

KORS TA’ PARENTING SKILLS

Il-Kummissjoni Djoċesana Familja qed torganizza mini-kors intensiv u prattiku ta’ parenting skills għall-ġenituri li għandhom tfal bejn is-6 u t-12-il sena.  Il-kors ser jinżamm fuq tlett ijiem mill-Ġimgħa 7 ta’ Marzu sal-Ħadd 9 ta’ Marzu fl-Istitut tal-Familja Papa Ġwanni Pawlu II, Rabat, Għawdex.  Issibu aktar informazzjoni fuq il-flyer li qed jitqassam mal-bullettin.  Inħeġġu lill-ġenituri li għandhom tfal ta’ din l-età biex japprofittaw minn din l-okkażjoni ta’ formazzjoni.

SONG FESTIVAL MARJAN

Il-Leġjun ta’ Marija  ser jorganizza s-Song Festival Marjan fl-Oratorju Don Bosco nhar is-Sibt 17 ta’ Mejju 2014. Dan hu miftuħ għall-kantanti Għawdxin minn 7 snin ‘l fuq u għall-korijiet.  Applikazzjonijiet u dettalji oħra jinkisbu billi wieħed jibgħat email fuq admin@gozolegion.com.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Lorenza Scicluna toffri €20 b’suffraġju tar-ruħ għażiża ta’ żewġha Carmelo Scicluna f’għeluq il-ħames snin mill-mewt tiegħu fit-18 ta’ Frar u wkoll b’suffraġju ta’ uliedha Joe u Frankie Scicluna.
  • Maria Attard u l-familja joffru €20 b’suffraġju ta’ Salvu Attard f’għeluq is-sentejn mill-mewt tiegħu nhar l-20 ta’ Frar.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

NIĠĠEDDU FI KRISTU

Bullettin 7 ta’ Frar 2014

FRAR 2014

Mill-Kalendarju Parrokkjali:

Nistieden lil kull nisrani, f’kull post u sitwazzjoni li fihom jinsab, biex illum stess iġedded il-laqgħa personali tiegħu ma’ Ġesu’ Kristu jew għall-inqas, biex jieħu deċiżjoni biex iħalli lil Ġesu’ jiltaqa’ miegħu u jfittxu ta’ kuljum mingħajr waqfien.                            (Evangelii Gaudium 3)

Ejjew nagħmlu impenn u deċiżjoni biex dak li qalilna l-Papa Franġisku nippruvaw ngħixuh matul dan it-tieni xahar ta’ din is-sena. Mhux dejjem faċli imma possibli. Il-laqgħa tagħna ma’ Ġesu’ Kristu tista’ tieħu diversi forom: is-smiegħ tal-Kelma t’Alla fil-Vanġelu, Il-parteċipazzjoni tagħna fil-quddiesa, l-adorazzjoni lil Ġesu’ Ewkaristija, ir-rispett fil-familji tagħna, l-għajnuna lil min hu fil-bżonn, kelma tajba u għall-ġid.

L-impenn nisrani tagħna hija s-sejħa tagħna ta’ kuljum, is-sena kollha. EJJEW NIĠĠEDDU FI KRISTU

QUDDIESA ŻGĦAŻAGĦ – Il-quddiesa tal-10am tal-Ħadd 9 ta’ Frar ser tkun animata miż-żgħażagħ. Inħeġġu liż-żgħażagħ kollha biex jattendu u jipparteċipaw.

SOLENNITA’ TAN-NAWFRAĠJU TA’ SAN PAWL – It-Tnejn 10 ta’ Frar hija ġurnata għażiża għalina l-Maltin. Hija s-solennita’ tan-nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl. Isem pajjiżna nsibuh fl-Atti tal-Appostli.

  • Kemm għadna napprezzaw dan il-fatt?
  • Il-fidi tagħna fejn qiegħda?

PROPOSTI

–          Inġeddu l-impenn tal-fidi tagħna fil-familji tagħna.

–          Ma nistħux immorru kontra l-kurrent tad-dinja biex nimxu kif iridna Ġesù

–          Nimpenjaw ruħna biex nersqu għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija sew nhar ta’ Ħadd u anke ta’ kuljum.

Dakinhar hemm l-obbligu tas-smigħ tal-quddies. Il-ħin tal-quddies ikun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd. Ġewwa l-parroċċa tal-Munxar, l-Isqof Mario Grech imexxi Pontifikal Solenni fid-9am.

GĦOTI TA’ DEMM
Illum il-Ħadd 9 ta’ Frar l-outpatients fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ikun miftuħ mit-8am sas-1pm għal dawk kollha li jixtiequ jagħtu d-demm. L-appelli għad-demm huma kontinwi u għalhekk għandna nagħmlu sforz, ma nibżgħux u jekk nistgħu ngħinu billi nagħtu d-demm. Kull min imur mitlub jieħu miegħu l-Karta tal-Identita’.

IL-MADONNA TA’ LOURDES
It-Tlieta 11 ta’ Frar infakkru l-ewwel dehra tal-Madonna ġewwa Lourdes. Fil-parroċċa tagħna għandna kappella ddedikata lil Sidtna Marija taħt dan it-titlu. Ejjew matul dawn id-dehriet infittxu li ninvistaw lill-Madonna fis-santwarju tagħha u nitolbuha għal ħafna fejqan spiritwali u materjali. Il-Madonna żgur tisma’ t-talb ta’ uliedha. Mal-bullettin qegħdin tirċievu l-programm sħiħ tad-dehriet tal-Madonna.

IT-22 JUM DINJI TAL-MORDA
It-Tlieta 11 ta’ Frar niftakru fil-morda kollha. Fil-messaġġ tiegħu, Papa Franġisku jindirizza b’mod speċjali lill-morda u lil dawk li jieħdu ħsiebhom. Hu jgħidilhom: Il-Knisja tagħraf fikom il-morda preżenza speċjali ta’ Kristu sofferenti. Il-mard mhux xi ħaġa li wieħed ikun jixtieq jew irid iżda meta ngħixu l-marda tagħna magħquda mar-rieda ta’ Alla (li mhux dejjem faċli), hemmhekk il-mard jieħu dimensjoni oħra, tifsira oħra. Iservi ta’ okkażjoni biex mhux niddispraw u neħduha kontra Alla, imma biex noqorbu aktar u ngħinu biex aktar persuni jersqu qrib Ġesu’.

GRAZZI – Offerti għal Radju Lauretana:

  • Ġuża Azzopardi (USA)
  • George Xerri (Kanada)
  • Mario Xuereb u Kelina Sultana (Awstralja)

SANTA RITA – Il-Ħamis 13 ta’ Frar ikomplu l-Ħamisijiet ta’ Santa Rita għand is-sorijiet Agostinjani. Fil-5.30pm rużarju, kurunella u barka sagramentali. Fis-6pm quddiesa bil-ħsieb fuq Santa Rita.

L-ISTRINA TAL-MADONNA
Mal-bullettin tal-ġimgħa l-oħra rċevejtu l-envelope tal-Istrina tal-Madonna.
Din id-darba l-istrina tal-Madonna ser tkun biex nibdew niġbru fondi għall-proġett tas-sagristiji u l-orgni. L-orgni li xtrajna mill-Ingilterra hu xogħol antik ta’ Henry Willis magħruf bħala Father Willis, l-istess bniedem li ħadem l-orgni ta’ St. Paul’s Cathedral ta’ Londra u kattidrali kbar oħra fl-Ingilterra. Dan issa ser jiġi adattat biex isebbaħ il-knisja tagħna fuq żewġ naħat, fuq is-sagristiji preżenti u jkun jindaqq minn fejn bħalissa għandna l-orgni elettroniku jew minn nofs. Għalhekk il-proġett tas-sagristiji (li jfisser erba’ sulari fuq kull naħa) u l-proġett tal-orgni huma marbutin flimkien.
Meta jerġa’ jinbena dan l-orgni fil-knisja tagħna ser ikun wieħed mill-iktar orgnijiet kbar u sbieħ fil-gżejjer Maltin u anke barra.  Diġa hemm organisti barranin li huma nteressati biex jiġu jdoqqu dan l-orgni meta jkun lest fil-knisja tagħna. Dan mhux proġett żgħir imma proġett li jinvolvi ħafna ħsieb, żmien, xogħol u spejjeż. Konvinti iżda li bl-għajnuna ta’ kulħadd naslu biex hekk inkunu temmejna x-xogħol tal-bini tal-knisja u jkollna orgni mill-isbaħ.
Il-voluntiera tal-parroċċa qed jiġbru dawn l-envelopes bieb bieb u jagħtukom ix-xemgħa tal-gandlora. Inkunu ġenerużi bħal dejjem. Kull offerta hija ferm apprezzata.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Ines Micallef toffri €20 b’suffraġju ta’ Coronato Muscat f’għeluq l-ewwel sena mill-mewt tiegħu.
  • Maria Azzopardi toffri €20 b’suffraġju ta’ Dolora Azzopardi f’għeluq il-5 snin mill-mewt tagħha fil-11 ta’ Frar.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

NIĠĠEDDU FI KRISTU