Monthly Archives: March 2014

Bullettin 28 ta’ Marzu 2014

IL-MIXJA TAR-RANDAN

Wasalna għar-Raba’ Ħadd tar-Randan. Ir-Randan għaddej ġmielu u huwa importanti li aħna bħala nsara nagħmlu l-aħjar użu minn dan iż-żmien li l-Knisja toffrilna biex nippreparaw ruħna għall-akbar festa tal-Knisja l-Għid il-Kbir. Inkomplu nixtarru l-ħsibijiet tal-Papa Franġisku:

Ħobb dejjem: Lill-Insara tal-komunitajiet kollha tad-dinja nixtieq nitlobhom b’mod speċjali xhieda ta’ komunjoni fraterna li ssir dawl li jiġbed lejh.  Hekk kulħadd ikun jista’ jammira l-mod kif tieħdu ħsieb ta’ xulxin, kif tqawwu qalb xulxin u kif issieħbu lil xulxin: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13:35).  Dan hu li talab bil-ħrara Ġesù lill-Missier: “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda… fina… biex hekk id-dinja temmen” (Ġw 17:21).  Noqogħdu attenti mit-tentazzjoni ta’ l-għira!  Qegħdin kollha fuq l-istess dgħajsa u sejrin lejn l-istess port!  Nitolbu l-grazzja li nifirħu bil-frott ta’ xulxin, li hu l-frott ta’ kulħadd.

Il-Parroċċa qed tkompli tgħinna biex ngħixu Randan qaddis. Infakkrukom:

  • KULL NHAR TA’ ĠIMGĦA: Is-Siegħa tad-Duluri fit-3pm. Din il-ġimgħa fil-Knisja Parrokkjali għax tkun l-Ewwel Ġimgħa tax-xahar.
  • KULL NHAR TA’ SIBT: L-Adorazzjoni fil-Knisja l-Qadima tibqa’ miftuħa sad-9pm. Ikun hemm ukoll ħinijiet ta’ qrar.

L-EŻERĊIZZI SPIRITWALI

Din il-ġimgħa kellna l-eżerċizzi għall-miżżewġin kollha. Għal darba oħra kellna attendenza sabiħa. Grazzi lil Patri Diegu Theuma ofm cap li wassal il-Kelma. Il-ġabra għall-knisja kienet ta’ €60 u għas-seminarju €201. Grazzi tal-offerti tagħkom.

Fadal issa l-aħħar opportunita’ għal dawk li għadhom ma attendewx għal xi kors ta’ eżerċizzi.

DIN IL-ĠIMGĦA…

Kulħadd fil-Knisja ta’ Sant’Antnin mit-Tnejn 31 ta’ Marzu sal-Ġimgħa 4 ta’ April. Iwassal il-Kelma Patri Joseph Ciappara OFM.

GĦALL-GĦARAJJES fl-Istitut tal-Familja Papa Ġwanni Pawlu II (Kana), ir-Rabat mit-Tnejn 31 ta’ Marzu sal-Ġimgħa 4 ta’ April fit-8pm minn Fr. Charles Sultana.

IL-ĦIN TAS-SAJF

Issa li ser naqilbu għall-ħin tas-Sajf, il-quddiesa ta’ filgħaxija mit-Tnejn sas-Sibt tibda tkun fis-7pm. Il-quddiesa tal-Ħadd filgħaxija tibqa’ fil-5pm. Il-quddies matul il-ġurnata jżomm l-istess ħinijiet.

GRAZZI  

Offerti lampier Maria Spiteri u l-familja NSW Australia €1164 u NN €250.

Il-Patrijiet Franġiskani jirringrazzjaw lil kulħadd tal-ġabra sabiħa b’risq il-festa ta’ Sant’ Antnin €3689.75.

IT-TWAQQIF TAL-PARROĊĊA

It-Tlieta l-1 ta’ April huwa Jum it-Twaqqif tal-Parroċċa tagħna. Dan kien seħħ fl-1855. Nitolbu dejjem biex Ommna Marija Lawretana tkun dejjem il-ħarriesa u l-gwida ewlenija f’dak kollu li nagħmlu bħala Komunita’ Parrokkjali. Nitolbuha żżomm idejha kontinwament fuq l-Arċipriet, is-saċerdoti u l-lajċi ħalli tassew inkunu nixbħuha fil-virtujiet sbieħ li żejjnu lil ħajjitha.

GĦOTI TA’ DEMM

Iċ-Ċirkolu taż-Żgħażagħ, fi Triq it-28 ta’ April 1688, ix-Xagħra Għawdex, il-Ħadd 30 ta’ Marzu ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm: 8:30am – 1pm.

IMMORRU TA’ PINU

B’talba ta’ persuna ser immorru s-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu nhar l-Erbgħa 2 ta’ April fejn ikollna quddiesa. Nitilqu mill-pjazza fit-8.30am. Ngħaddu minn Triq Sant’ Antnin. It-trasport huwa mħallas.

SANTA RITA

Il-Ħamis 3 ta’ April jkomplu l-Ħamisijiet ta’ Santa Rita għand is-sorijiet Agostinjani. Fil-5.30pm rużarju, kurunella u barka sagramentali. Fis-6pm quddiesa.

L-EWWEL ĠIMGĦA TAX-XAHAR

Il-Ġimgħa 4 ta’ April l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali u tibda wara l-quddiesa tad-9am.

L-EWWEL SIBT TAX-XAHAR

Is-Sibt 5 ta’ April fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm ikollna r-rużarju u wara quddiesa għall-irġiel kollha. Imbagħad l-adorazzjoni tissokta sad-9pm.

RADJU LAURETANA 89.3FM

Kif ħabbarna, l-iskeda tal-Għid ta’ Radju Lauretana tibda s-Sibt 5 ta’ April. Mal-bullettin qegħdin tirċievu l-iskeda tal-ewwel ġimgħa ta’ xandir. Segwu l-programmi kollha u fejn tistgħu pparteċipaw permezz tat-telephone, SMS, e mail jew facebook. Tistgħu ssegwu l-istazzjon tagħna wkoll fuq l-internet fuq www.radjulauretana.com

OĦLOQ TBISSIMA

Kull Randan issir il-ġabra tal-hampers biex jingħataw lil ħafna familji fqar tal-missjoni li jeħtieġu l-ikel ta’ kuljum. Jekk trid titfa’ tbissima fil-qalb ta’ dawn il-familji, iġbor kaxxa mis-sagristija u imliha b’oġġetti tal-ikel li hemm indikati fil-karta li hemm mal-kaxxa. Grazzi mill-qalb.

L-inizzjativa FESTA TA’ MAĦFRA

…f’Għajnsielem ukoll

Nhar il-Ħadd li għadda, il-Papa Franġisku, li fil-messaġġi tiegħu spiss jitkellem dwar il-ħniena t’Alla, stieden lill-Insara jipparteċipaw f’inizjattiva ta’ Festa ta’ Maħfra li qed tkun organizzata din il-Ġimgħa u s-Sibt, fil-Bażilika ta’ San Pietru u f’diversi knejjes f’Ruma.

F’Malta u f’Għawdex, bl-inizjattiva tal-Konferenza Episkopali Maltija, il-Festa ta’ Maħfra qed issir f’jumejn differenti. Kien hemm il-Ġimgħa 28 ta’ Marzu u ser ikun ukoll il-Ħamis 10 ta’ April. Dakinhar ser ikun hawn f’Għawdex tliet knejjes miftuħa: Il-Knisja ta’ San Ġakbu r-Rabat, il-Knisja tax-Xagħra u l-Knisja Arċipretali tagħna f’Għajnsielem. Il-Parroċċa tagħna offriet din il-possibilta’ sabiħa ta’ talb u qrar.

Il-programm tagħna f’Għajnsielem l-Ħamis 10 ta’ April, lejlet id-Duluri jiftaħ bil-quddiesa ta’ filgħaxija fis-7.00pm. Wara tiftaħ l-adorazzjoni kif isir kull nhar ta’ Ħamis. Fit-8.00 xhin ikun hemm talb organizzat bi tħejjija għall-qrar.  Imbagħad l-adorazzjoni  tibqa’ sejra sal-11pm u jkun hemm ukoll saċerdoti disponibbli għall-qrar.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Lorenza Scicluna toffri €20 b’suffraġju tal-għeżież ġenituri tagħha Paula u Ġużepp Sultana fl-anniversarju tal-mewt tagħhom nhar it-3 u l-11 ta’ April rispettivament, kif ukoll b’suffraġju taż-żewġ ħutha Loreto u Carmelo Sultana.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 21 ta’ Marzu 2014

IL-MIXJA TAR-RANDAN

Wasalna għat-tielet Ħadd tar-Randan. Inkomplu nagħmlu l-aħjar użu minn dan iż-żmien liturġiku tas-sena biex nersqu dejjem aktar qrib tal-Mulej permezz tat-talb, tal-pentinenza u atti ta’ karita’. Kif qegħdin nagħmlu matul dan ir-Randan, inkomplu nirriflettu fuq silta mill-kitbiet ta’ Papa Franġisku, kitbiet sempliċi u sbieħ li jgħinuna nirriflettu fuq il-ħajja tagħna bħala nsara li nemmnu bis-sħiħ fil-Qawmien tal-Mulej mill-mewt:

Kun ottimista

Waħda mill-iżjed tentazzjonijiet serji li jifgaw il-ħeġġa u l-kuraġġ huwa meta nħossuna mirbuħin, sens li jibdilna f’persuni pessimisti b’wiċċhom imkemmex li dejjem imdejqin u delużi.  Ħadd ma jista’ jidħol għal battalja jekk sa minn qabel ma jittamax għal kollox fi trijonf.  Min jitlaq mingħajr fiduċja, diġà tilef minn qabel nofs il-battalja u jkun qed jidfen it-talenti tiegħu.  Anki jekk bl-għarfien tad-dgħufijiet tagħna li jnikktuna, jeħtieġ nibqgħu mexjin ’il quddiem mingħajr ma nagħtu ruħna b’mirbuħa, u niftakru dak li qal il-Mulej lil San Pawl: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef” (2 Kor 12:9). 

Il-Parroċċa qed tkompli tgħinna biex ngħixu Randan qaddis. Infakkrukom:

  • KULL NHAR TA’ ĠIMGĦA: Is-Siegħa tad-Duluri fit-3pm fil-Knisja l-Qadima
  • KULL NHAR TA’ SIBT: L-Adorazzjoni fil-Knisja l-Qadima tibqa’ miftuħa sad-9pm. Ikun hemm ukoll ħinijiet ta’ qrar.

L-EŻERĊIZZI SPIRITWALI

Prosit lil dawk kollha li din il-ġimgħa attendew għall-eżerċizzi għal kulħadd fil-Knisja Parrokkjali. Grazzi tmur lil Fr Eddie Zammit li wassal il-Kelma. Il-ġabra għall-knisja kienet ta’ €343 u għas-seminarju €563. Grazzi.

DIN IL-ĠIMGĦA…

Din il-ġimgħa s-sejħa tmur għall-miżżewġin kollha. Sejħa speċjali għall-koppji żgħażagħ biex huma wkoll jisimgħu l-Kelma ta’ Alla matul dan ir-Randan. L-appuntament huwa:

  • Mit-Tnejn 24 sal-Ġimgħa 28 ta’ Marzu fis-7.30pm fis-Sala taċ-Ċentru Parrokkjali. Ikun hemm min jieħu ħsieb it-tfal. It-Tlieta ssir il-ġabra għall-knisja tagħna filwaqt li l-Ħamis issir il-ġabra għas-seminarju tad-Djoċesi tagħna ta’ Għawdex.

 Il-ġimgħa ta’ wara:

  • Eżerċizzji għal Kulħadd fil-Knisja ta’ Sant’Antnin mit-Tnejn 31 ta’ Marzu sal-Ġimgħa 4 ta’ April.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

It-talb għall-qdusija tal-persuni kkonsagrati ser isir is-Sibt 22 ta’ Marzu fil-Knisja Parrokkjali Ta’ Kerċem mis-6.15pm sat-8.15pm. Trasport fis-5.45pm.

QUDDIESA TAL-FAMILJI

Il-Ħadd 23 ta’ Marzu l-quddiesa tal-10am ser tkun animata mill-familji għall-familji. Nagħmlu appell biex il-membri kollha tal-familja jieħdu sehem f’din l-Ewkaristija.

FAMILY MOVIE NIGHT

Għall-familja kollha l-Ħadd 23 ta’ Marzu fiċ-Ċentru Parrokkjali. Jibda fis-6pm.

IT-TĦABBIRA TAL-MULEJ

It-Tlieta 25 ta’ Marzu hija l-festa tal-Lunzjata. Ser ninviżtaw lill-Madonna fil-kappella tagħha ġewwa Kerċem fejn ikollna quddiesa. Tluq mill-pjazza fit-8am. Ikollna quddiesa fit-8.30am.

GRAZZI

Offerti għall-orgni: NN Triq il-Ġnien €200, NN €30.

QUDDIES

Min jixtieq jordna quddies tal-ħin fil-Knisja Parrokkjali għax-xhur Lulju, Awwissu u Settembru 2014 jista’ jagħmel dan fl-Uffiċċju Parrokkjali nhar ta’ Tlieta jew Ħamis bejn id-9am u 12pm.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex il-Ħadd 23 ta’ Marzu ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8am sas-1pm.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA

Ser isir nofs ta’ nhar għan-nisa kollha f’Lourdes Home l-Erbgħa 26 ta’ Marzu mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Joe Xerri OFM, kafe’ u tombla.

SANTA RITA

Il-Ħamis 27 ta’ Marzu jkomplu l-Ħamisijiet ta’ Santa Rita għand is-sorijiet Agostinjani. Fil-5.30pm rużarju, kurunella u barka sagramentali. Fis-6pm quddiesa.

EŻERĊIZZI GĦALL-GĦARAJJES

F’dan ir-Randan ser jiġu organizzati eserċizzi maħsuba apposta għall-koppji għarajjes.  Dawn l-eżerċizzi ser jinżammu fl-Istitut tal-Familja Papa Ġwanni Pawlu II (Kana), ir-Rabat minn nhar it-Tnejn 31 ta’ Marzu sa’ nhar il-Ġimgħa 4 ta’ April fit-8pm. Il-kelliem ser ikun Fr. Charles Sultana.  Inħeġġu lill-koppji għarajjes kollha sabiex jattendu.

RADJU LAURETANA

Kif ħabbarna, l-iskeda tal-Għid ta’ Radju Lauretana tibda s-Sibt 5 ta’ April. Mal-bullettin tal-ġimgħa d-dieħla tirċievu l-iskeda tal-ewwel ġimgħa ta’ xandir.

ĠABRA GĦALL-FESTA TA’ SANT’ANTNIN

Mit-Tnejn 24 ta’ Marzu tibda l-ġabra bieb bieb mill-Patrijiet Franġiskani għall-festa ta’ Sant’Antnin ta’ din is-sena.  Inkunu ġenerużi bħal dejjem u hekk inkunu nuru l-apprezzament tagħna għal dak li jwettqu fostna.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Rose Grech toffri €20 b’suffraġju ta’ missierhom Pawlu Grech f’għeluq is-sentejn mill-mewt tiegħu fit-23 ta’ Marzu.
  • Vendra Xuereb toffri €20 b’suffraġju ta’ missierha Pawlu Azzopardi f’għeluq l-anniversarju mill-mewt tiegħu fil-25 ta’ Marzu.
  • Antonia Spiteri toffri €20 b’suffraġju ta’ Andrew Zerafa u Loreta Spiteri u l-familji Zerafa u Spiteri.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

…NIĠĠEDDU FI KRISTU

Bullettin 14 ta’ Marzu 2014

IL-MIXJA TAR-RANDAN

Żmien ir-Randan għaddej ġmielu. Wasalna għat-tieni Ħadd tar-Randan. Inħeġġu lil xulxin biex il-mixja spiritwali tagħna lejn l-akbar festa tal-knisja l-Għid il-Kbir tkun mixja sabiħa mżejna b’ħafna talb, sagrifiċċju u turija ta’ karita’. Inkomplu nirriflettu fuq silta mill-kitbiet ta’ Papa Franġisku, il-Papa li din il-ġimgħa jagħlaq sena jmexxi l-Knisja ta’ Kristu fuq l-art:

Tibżax li tiżbalja, ibża’ li tingħalaq

Jekk hemm xi ħaġa li bir-raġun kollu għandha tinkwetana u tħassibna fil-kuxjenza tagħna hi li tant minn ħutna qed jgħixu mingħajr il-qawwa, id-dawl u l-faraġ tal-ħbiberija ma’ Ġesù Kristu, mingħajr komunità ta’ fidi li tilqagħhom għandha, mingħajr ebda xefaq ta’ sens u ta’ ħajja.  Iktar milli l-biża’ li niżbaljaw, nittama li dak li jħarrikna jkun il-biża’ li ningħalqu fl-istrutturi li jagħtuna protezzjoni falza, fin-normi li jibdluna fi mħallfin bla ħniena, fid-drawwiet li fihom inħossuna trankwilli, waqt li hemm barra hemm folla kbira mġewħa u Ġesù li qed itennilna bla heda: “Agħtuhom intom x’jieklu” (Mk 6:37).

Il-Parroċċa qed tkompli tagħtina l-għajnuna biex ngħixu Randan qaddis. Infakkrukom:

  • KULL NHAR TA’ ĠIMGĦA: Is-Siegħa tad-Duluri fit-3pm fil-Knisja l-Qadima
  • KULL NHAR TA’ SIBT: l-Adorazzjoni fil-Knisja l-Qadima tibqa’ miftuħa sad-9pm. Ikun hemm ukoll ħinijiet ta’ qrar.

L-EŻERĊIZZI SPIRITWALI

DIN IL-ĠIMGĦA GĦAL KULĦADD fil-Knisja Parrokkjali mit-Tnejn 17 sal-Ġimgħa 21 ta’ Marzu. Ikunu wara l-quddiesa tas-6pm jiġifieri fis-6.30pm. Iwassal il-kelma Dun Eddie Zammit.

Inħeġġu lil kulħadd sabiex ma jitlifx din l-okkażjoni biex matul dan ir-Randan jisma’ kelma ta’ ġid.

It-Tlieta ssir il-ġabra għall-knisja tagħna filwaqt li l-Ħamis issir il-ġabra għas-seminarju tad-Djoċesi tagħna ta’ Għawdex.

L-EWWEL ANNIVERSARJU

Fid-19 ta’ Marzu niċċelebraw Jum il-Papa. Dakinhar infakkru l-ewwel anniversarju mill-bidu tal-Pontifikat ta’ Papa Franġisku. Propju għadu kemm ħareġ dan il-ktieb virtwali dwar ‘sayings’ tal-Papa. Ikklikkja fuq http://www.vatican.va/auguri-francesco/pont_2014/en/index.html#36

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex nhar it-Tlieta 18 ta’ Marzu ser ikun disponibbli għad-donaturi tad-demm bejn is-1pm u l-5pm.  

FESTA TA’ SAN ĠUŻEPP

Nhar l-Erbgħa 19 ta’ Marzu hija l-festa ta’ San Ġużepp Patrun tal-Knisja Universali. Għalkemm il-quddies ikun bħal ta’ kuljum, tajjeb li wieħed isib ħin biex jattendi għall-quddies. Dakinhar immorru l-Qala fejn ikollna quddiesa. Tluq mill-pjazza fis-7.30am. Il-quddiesa fil-Knisja tal-Qala tkun fit-8am.

ĦARĠA GĦALL-FESTA TA‘ SAN ĠUŻEPP (Malta)

L-Għaqda Mużikali San Ġużepp ser torganizza ħarġa għal Malta, nhar l-Erbgħa 19 ta’ Marzu fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġużepp, li tinżamm ġewwa r-Rabat tal-Imdina. Immorru mal-vapur tas-2.15pm u niġu lura mal-vapur tad-9.20pm. Kull min hu interessat jista’ jikkuntatja lil Pawlu Azzopardi inkella jċempel fuq 99229399.  Prezz €5.

TREDIĊINA

It-Tlieta 18 ta’ Marzu jibdew it-Tlettax-il Tlieta li jwassluna għall-festa liturġika f’ġieh Sant’ Antnin ta’ Padova fil-Knisja Franġiskana. Fil-5.30pm Via Sagra u Kurunella u fis-6pm quddiesa. Mal-bullettin qed tirċievu l-programm sħiħ ta’ dawn it-tlietat.

LAQGĦA TAL-KUNSILL PARROKKJALI

Il-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Parrokkjali ser tkun nhar l-Erbgħa li ġejja 19 ta’ Marzu, fil-5.00pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.

FAMILY MOVIE NIGHT

Nhar il-Ħadd 23 ta’ Marzu fiċ-Ċentru Parrokkjali fis-6pm.

GRAZZI

  • Ewro Collection għax-xahar ta’ Marzu €400.01
  • Offerta Orgni NN €20
  • Offerta Sagristiji NN €100

SANTA RITA

Il-Ħamis 20 ta’ Marzu jkomplu l-Ħamisijiet ta’ Santa Rita għand is-sorijiet Agostinjani. Fil-5.30pm rużarju, kurunella u barka sagramentali. Fis-6pm quddiesa.

MILL-MUSEUM TAL-BNIET

Il-membri tal-Museum tal-bniet javżaw li minn nhar it-Tnejn 17 sal-Ġimgħa 21 ta’ Marzu mhux ser isiru lezzjonijiet għat-tfal minħabba li l-membri se jkollhom l-eżerċizzi spiritwali tar-Randan.

TALB GĦALL-QDUSIJA TAL-PERSUNI KKONSAGRATI

It-talb għall-qdusija tal-persuni kkonsagrati ser isir is-Sibt 22 ta’ Marzu fil-Knisja Parrokkjali Ta’ Kerċem mis-6.15pm sat-8.15pm. Ikollna trasport fis-5.45pm.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Marvin Dempsey toffri €20 b’suffraġju ta’ ommha Carmena Dimech f’għeluq l-14-il anniversarju mill-mewt tagħha u għal ruħ Ġużeppi u Alfred Dimech.
  • Erminia Xuereb u l-familja joffru €20 b’suffraġju ta’ Emanuel Xuereb f’għeluq il-11-il sena mill-mewt tiegħu fid-19 ta’ Marzu.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

DALWAQT

  • Eżerċizzji għall-koppji miżżewġin fis-Sala taċ-Ċentru Parrokkjali mit-Tnejn 24 sal-Ġimgħa 28 ta’ Marzu. (Ikun hemm min jieħu ħsieb it-tfal)
  • Eżerċizzji għal Kulħadd fil-Knisja ta’ Sant’Antnin mit-Tnejn 31 ta’ Marzu sal-Ġimgħa 4 ta’ April.

25 ta’ Marzu       Il-Lunzjata

5 ta’ April             Tibda l-Iskeda tal-Għid fuq Radju Lauretana

6 ta’ April             Via Crucis Djoċesana fuq il-Għolja ta’ Għammar

11 ta’ April           Purċissjoni tad-Duluri

…NIĠĠEDDU FI KRISTU

Bullettin 7 ta’ Marzu 2014

IL-MIXJA TAR-RANDAN

Nhar l-Erbgħa li għadda 5 ta’ Marzu tajna bidu għal żmien ir-Randan, żmien ta’ erbgħin ġurnata li jwassalna għall-ikbar festa tal-knisja, l-Għid il-Kbir. Huwa żmien fejn permezz tat-talb, tas-sagrifiċċju u tal-karita’ nersqu aktar viċin ta’ Ġesu’, il-Feddej u s-Salvatur tagħna. Nirriflettu mill-kitbiet tal-Papa Franġisku:

Fittex il-ġid ta’ ħuk

Min jixtieq jgħix b’dinjità u b’mod sħiħ, m’għandux għażla oħra ħlief li jagħraf lill-persuna l-oħra u jfittex il-ġid tagħha.  Mela m’għandniex għax nistagħġbu b’ebda waħda minn dawn l-espressjonijiet ta’ San Pawl: “L-imħabba ta’ Kristu ssuqna” (2 Kor 5:14); “Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju” (1 Kor 9:16). Il-proposta hi li ngħixu fuq livell ogħla, imma mhux b’inqas intensità: Il-ħajja nsaħħuha meta nagħtuha lill-oħrajn u ndgħajfuha meta niżolawha u ngħażżnuha fil-kumdità.  Fil-fatt, dawk li l-iżjed jisfruttaw il-possibbiltajiet li tagħtihom il-ħajja huma dawk li jħallu x-xatt żgur u jingħataw b’ruħhom u ġisimhom għall-missjoni li jwasslu l-ħajja lill-oħrajn.

Ejjew dan ir-Randan ma nibqgħux indifferenti imma nħallu lil Kristu jibdilna fi bnedmin aħjar. Il-Parroċċa qed tgħinna nagħmlu dan:

  • KULL NHAR TA’ ĠIMGĦA: Is-Siegħa tad-Duluri fit-3pm fil-Knisja l-Qadima
  • KULL NHAR TA’ SIBT: l-Adorazzjoni fil-Knisja l-Qadima tibqa’ miftuħa sad-9pm. Ikun hemm ukoll ħinijiet ta’ qrar.
  • L-EŻERĊIZZI SPIRITWALI

a)    Għal kulħadd fil-Knisja Parrokkjali mit-Tnejn 17 sal-Ġimgħa 21 ta’ Marzu.

b)  Għall-koppji miżżewġin fis-Sala taċ-Ċentru Parrokkjali mit-Tnejn 24 sal-Ġimgħa 28 ta’ Marzu. (Ikun hemm min jieħu ħsieb it-tfal)

c)   Għal Kulħadd fil-Knisja ta’ Sant’Antnin mit-Tnejn 31 ta’ Marzu sal-Ġimgħa 4 ta’ April.

ITTRA PASTORALI TAR-RANDAN

L-Ittra Pastorali li kitbu l-Isqfijiet tagħna għal dan ir-Randan u li inqrat fil-quddies tal-Ħadd li għadda qed titqassam mal-bullettin ta’ din il-ġimgħa. Dan biex aħna naqrawha bil-mod u nirriflettu fuq il-ħafna punti li tawna l-Isqfijiet tagħna għal dan iż-żmien liturġiku tas-sena.

L-EWWEL ANNIVERSARJU

Il-Ħamis 13 ta’ Marzu nfakkru l-ewwel anniversarju mill-elezzjoni tal-Papa Franġisku. Sa minn meta ħareġ fil-gallerija tal-Bażilika ta’ San Pietru bħala Papa għall-ewwel darba, il-Papa Franġisku wera li huwa bniedem kariżmatiku, persuna li bil-kelma u aktar u aktar bl-eżempju qed tgħix il-Vanġelu ta’ Ġesu’ Kristu. Nitolbu dejjem għall-Papa ħalli l-Mulej ikompli jużah biex ikompli jmexxi l-Knisja f’dawn iż-żminijiet ta’ sfidi kbar kemm għall-Knisja innifisha u anke għall-umanita’.

TBERIK TAT-TRABI FIL-ĠUF

Bħal kull sena, Dar Ġużeppa Debono qed torganizza quddiesa mmexxija minn Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, li fiha jsir ir-Rit tat-Tberik tat-Tarbija fil-Ġuf, u li għalhekk għaliha huma mistiedna l-ġenituri li qed jistennew tarbija.  Il-quddiesa tkun is-Sibt 8 ta’ Marzu fis-6.30pm fis-Santwarju Ta’ Pinu, Għawdex.

EWRO COLLECTION 

Il-ġabra waqt il-quddies tal-Ħadd ta’ dan il-weekend tkun b’risq il-festa titulari tagħna. Jeħtieġ li ngħinu mill-aħjar li nistgħu. Fejn nistgħu nagħtu Ewro jew aktar. Grazzi ta’ kull offerta.

GĦOTI TA’ DEMM

Il-Ħadd 9 ta’ Marzu d-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ikun miftuħ għal min irid jagħti d-demm mit-8am sas-1pm. Ħudu magħkom il-Karta tal-Identita’.

IMMORRU TA’ PINU

Nhar l-Erbgħa 12 ta’ Marzu ser immorru s-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu fejn ikollna quddiesa. Tluq mill-pjazza fit-8.30am. Il-karozza tgħaddi wkoll minn Triq Sant’ Antnin.

GRAZZI

Il-Familja Grech toffri donazzjoni ta’ €2000 għall-orgni tal-knisja b’suffraġju ta’ Ġanni Grech.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

SANTA RITA

Il-Ħamis 13 ta’ Marzu jkomplu l-Ħamisijiet ta’ Santa Rita għand is-sorijiet Agostinjani. Fil-5.30pm rużarju, kurunella u barka sagramentali. Fis-6pm quddiesa.

SKEDA GĦID RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-Għid ta’ Radju Lauretana tibda s-Sibt 5 ta’ April. Bħala ringrazzjament lil dawk il-ħwienet u individwi li ilhom jirreklamaw ma’ Radju Lauretana sa mit-twaqqif tiegħu, ir-reklam tagħhom ser jixxandar bla ħlas għal matul din l-iskeda u l-iskeda li jmiss, dik marbuta mal-festa ta’ Sant’ Antnin.

 

JOSEPH AND THE AMAZING TECHNICOLOR DREAMCOAT

Il-Helping Hands Group ser itella’ l-Musical Joseph and the Amazing Technicolor Dreamcoat nhar is-Sibt u l-Ħadd 29 u 30 ta’ Marzu 2014 fis-7.30pm u fis-2.30pm rispettivament fl-Oratorju Don Bosco. Il-booking għall-biljetti jista’ jsir billi wieħed iċempel fuq 79421611, 99421611 jew mill-Oratorju Don Bosco 21556616 (mis-6 sat-8pm) jew email thehelpinghandsgroup@yahoo.com.

ILQA’ FI ĦDANEK

  • Ilqa’ fi ħdanek Mulej ir-ruħ għażiża ta’ Alfred Cauchi mill-Marsa u li kien joqgħod fil-parroċċa tagħna li miet fit-18 ta’ Frar 2014 fl-eta’ ta’ 71 sena.
  • Missier Qaddis ilqa’ fi ħdanek lir-ruħ għażiża ta’ Rosina Debono mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li l-Mulej ġabarha fi ħdanu fl-4 ta’ Marzu 2014 fl-eta’ ta’ 91 sena.

Agħtihom O Mulej il-mistrieġ ta’ dejjem.

 

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Il-Familja Xuereb toffri €20 b’suffraġju ta’ Kelinu Xuereb f’għeluq ir-raba’ sena mill-mewt tiegħu nhar l-4 ta’ Marzu.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

…NIĠĠEDDU FI KRISTU

Bullettin 28 ta’ Frar 2014

IR-RANDAN SER JIBDA

Nhar l-Erbgħa 5 ta’ Marzu nagħtu bidu għal żmien ir-Randan, żmien ta’ erbgħin ġurnata li jwassalna għall-ikbar festa tal-knisja, l-Għid il-Kbir. Għaliex erbgħin jum?

  • Ġesù għadda 40 jum u 40 lejl fid-deżert u rnexxielu jiġġieled u jirbaħ lix-xitan.
  • Mosè għadda 40 jum u 40 lejl fuq is-Sinaj qabel ma rċieva l-Kelma tal-Patt.
  • Elija mexa għal 40 jum u 40 lejl fuq is-Sinaj biex wasal fuq il-muntanja Ħoreb.
  • Ġona mexa u ħeġġeġ għal penitenza għal 40 ġurnata fil-belt ta’ Ninwe.

Il-knisja toffrilna tliet pilastri għal dan iż-żmien liturġiku tas-sena:

  • It-Talb
  • Is-Sawm
  • Il-Karita’

Nirriflettu fuq il-messaġġ tal-Papa Franġisku li kiteb għal nhar l-Erbgħa li ġej Ras ir-Randan: Iltaqa’ ma’ Ġesù

Nistieden lil kull Nisrani, huma liema huma l-post u l-qagħda li fihom jinsab, biex iġedded il-lum stess il-laqgħa personali tiegħu ma’ Ġesù Kristu jew, ta’ l-inqas, biex jieħu deċiżjoni li jħalli lilU jiltaqa’ miegħu, li jfittxu kuljum bla heda.  M’hemmx raġuni waħda għaliex wieħed għandu jaħseb li din l-istedina m’hix għalih, għax “ħadd m’hu eskluż mill-ferħ li jġib il-Mulej”.  Min lest li jirriskja, il-Mulej ma jiddeludihx, u meta xi ħadd jagħmel pass imqar ċkejken lejn Ġesù, hu jiskopri li Hu diġà kien qed jistenna l-wasla tiegħu b’dirgħajh miftuħa.

Infakkru li nhar l-Erbgħa li ġejja 5 ta’ Marzu, hemm l-obbligu tas-sawm u l-astinenza. Fil-quddies kollu tal-ġurnata s-saċerdot jitfa’ fuqna l-irmied u jagħmlilna sejħa biex nindmu u nemmnu fil-Bxara t-Tajba. Issa jiddependi minna nilqgħux din is-sejħa jew le. L-għażla hija f’idejna, jew nagħmlu l-aħjar użu minn dan iż-żmien u niġġeddu spiritwalment jew nibqgħu indifferenti u b’hekk inkunu tlifna okkażjoni oħra ta’ grazzja.

IL-MIXJA TAR-RANDAN

Biex ir-Randan iħalli effett fuqna għandna ħafna opportunitajiet li nistgħu nagħmlu użu minnhom.

EŻERĊIZZI

a)      Għal kulħadd fil-Knisja Parrokkjali mit-Tnejn 17 sal-Ġimgħa 21 ta’ Marzu.

b)      Għall-Koppji miżżewġin fis-Sala taċ-Ċentru Parrokkjali mit-Tnejn 24 sal-Ġimgħa 28 ta’ Marzu. (Ikun hemm min jieħu ħsieb it-tfal)

c)      Għal Kulħadd fil-Knisja ta’ Sant’Antnin mit-Tnejn 31 ta’ Marzu sal-Ġimgħa 4 ta’ April.

KULL NHAR TA’ ĠIMGĦA: IS-Siegħa tad-Duluri

KULL NHAR TA’ SIBT FIR-RANDAN: l-Adorazzjoni fil-Knisja l-Qadima tibqa’ miftuħa sad-9pm. Ikun hemm ukoll ħinijiet ta’ qrar.

IKOLLNA WKOLL MUMENTI TA’ TALB FLIMKIEN GĦAL GRUPPI DIVERSI TAL-PARROĊĊA. NIEĦDU ĦSIEB BIEX…

…NIĠĠEDDU FI KRISTU

IS-SIEGĦA TAD-DULURI

Kull nhar ta’ Ġimgħa matul ir-Randan ser issir is-Siegħa tad-Duluri – talb u r-rużarju tad-Duluri. Tibda fit-3.00pm. Nhar il-Ġimgħa li ġejja 7 ta’ Marzu tkun fil-Knisja Parrokkjali u mbagħad il-Ġimgħat ta’ wara tkun fil-Knisja l-Qadima.

GRAZZI

Għal-lampier-NN €100, NN €50. Għas-sagristiji NN €50.

MIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI

  • Pasta Buffet tal-Karnival

Is-Sibt l-1 ta’ Marzu fis-7pm. Ser ikollna erba’ tipi ta’ għaġin, soft drink/inbid u deżerta. Aħsbu għall-biljetti mid-Dar Parrokkjali, miċ-Ċentru Parrokkjali u mill-ħanut Pen and Pencil. Kbar €7, tfal tal-iskola primarja €3, tfal żgħar b’xejn. Ejjew u tieħdu gost.

SANTA RITA

Il-Ħamis 6 ta’ Marzu jkomplu l-Ħamisijiet ta’ Santa Rita għand is-sorijiet Agostinjani. Fil-5.30pm rużarju, kurunella u barka sagramentali. Fis-6pm quddiesa.

L-EWWEL ĠIMGĦA TAX-XAHAR

Il-Ġimgħa 7 ta’ Marzu hija l-ewwel ġimgħa tax-xahar ta’ Marzu. L-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali u tibda wara l-quddiesa tad-9am.

SKEMA TA’ ĠBIR

Nirringrazzjaw minn qalbna lil dawk kollha li kkontribwew kull xahar biex jinġabru l-fondi għall-arloġġi tal-Knisja Parrokkjali. Il-ġimgħa li għaddiet kien hawn fostna Paul Bergamo mill-funderija Cornille-Havard u stajna nikkonkludu d-deċiżjonijiet li kellna bżonn biex invaraw ix-xogħol fuq l-arloġġi.

Kif diġa għidnielkom, il-ġbir għall-fond tal-arloġġi għalaq u bdejna fond ieħor għas-sagristiji u l-orgni. Grazzi mill-qalb lil dawk il-ħafna li għażlu li jibqgħu jagħtu permezz tal-iskema tal-envelopes għall-dan il-proġett li tant ilu mixtieq għall-knisja tagħna.

KORS TA’ PARENTING SKILLS

Il-Kummissjoni Djoċesana Familja qed torganizza mini-kors intensiv u prattiku ta’ parenting skills għall-ġenituri li għandhom tfal bejn 6 u 12-il sena.  Il-kors ser jinżamm fuq tlett ijiem mill-Ġimgħa 7 ta’ Marzu sal-Ħadd 9 ta’ Marzu fl-Istitut tal-Familja Papa Ġwanni Pawlu II, Rabat, Għawdex.  Għall aktar informazzjoni wieħed jista’ jikkuntatja lill-Kummissjoni Familja fuq 21556513, 79734831, 99877339.  Inħeġġu lill-ġenituri li għandhom tfal ta’ din l-età biex japprofittaw minn din l-okkażjoni ta’ formazzjoni.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Il-Familja Ciantar toffri €20 b’suffraġju ta’ Ġużepp Ciantar f’għeluq is-26 sena mill-mewt tiegħu fis-6 ta’ Marzu. Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.