Monthly Archives: April 2014

Bullettin 25 ta’ April 2014

ŻEWĠ PAPIET QADDISIN

Il-Ħadd 27 ta’ April hija ġurnata storika għall-Knisja kollha. F’dan il-jum il-Papa Franġisku ser jikkanonizza lill-Papiet Ġwanni XXIII u Ġwanni Pawlu II. Żewġ papiet li mexxew il-Knisja ta’ Kristu skont il-Qalb ta’ Alla mimlija bl-Ispirtu Qaddis. Ġwanni XXIII mexxa l-Knisja għal ħames snin filwaqt li Ġwanni Pawlu II kellu pontifikat twil ta’ ftit aktar minn 26 sena. Meta wieħed jaqra l-ħajja ta’ dawn iż-żewġ qaddisin malajr jintebaħ bil-ħajja xejn faċli ta’ dawn iż-żewġ persuni li minkejja kollox iggranfaw mas-Salib ta’ Kristu Rxuxtat u permezz tiegħu wettqu ħwejjeġ kbar. Kemm hemm x’nimitaw minn dawn iż-żewġ papiet. Kemm hemm x’nitgħallmu. Ningħaqdu mal-Knisja kollha f’talba ħerqana għal aktar mexxejja fi ħdan il-Knisja li jkunu kapaċi jagħrfu s-sinjali taż-żminijiet u jmexxu l-merħla ta’ Ġesu’ mhux skont l-eżiġenzi tad-dinja imma skont it-tagħlim tal-Vanġelu u tal-Knisja Mqaddsa.

Il-funzjoni tal-Kanonizzazzjoni tibda fl-10am u tistgħu ssegwuha fuq it-televixin. Radju Lauretana ser jagħti xandira speċjali minn Ruma u bil-Malti tal-avveniment kollu mit-7.45am ‘il quddiem.

QUDDIESA GĦALL-FAMILJI

Il-quddiesa tal-Ħadd 27 ta’ April tkun animata mill-familji għall-familji. Inħeġġu lill-membri kollha tal-familja biex jieħdu sehem.

FESTA TAL-ĦNIENA DIVINA

Il-Ħadd 27 ta’ April it-tieni Ħadd tal-Għid hija l-festa tal-Ħniena Divina. Festa li tfakkarna għal darba oħra kemm Alla tagħna huwa ħanin u dejjem lest li jaħfrilna minkejja n-nuqqasijiet u l-miżerja tagħna. Kien il-Papa Ġwanni Pawlu II li waqqaf din il-festa fis-sena 2000. Fil-knisja parrokkjali fl-4pm ikollna ċ-Ċelebrazzjoni tal-Ħniena Divina. Tixxandar dirett fuq Radju Lauretana.

NIBDEW MEJJU – IX-XAHAR MA’ OMMNA MARIJA

Fil-Ħlewwa ta’ Mejju!”Ix-xahar ta’ Mejju jġib miegħu tant devozzjonijiet sbieħ lejn Ommna Marija.

IT-TBERIK TAL-FAMILJI

Matul din il-ġimgħa jkompli t-tberik tal-familji tagħna. Għal darba oħra nħeġġu li sa fejn huwa possibli, fil-ħin tat-tberik tajjeb li fid-dar ikun hemm il-membri kollha tal-familja.

ILMA MBIEREK – dawk li jkunu jixtiequ li jkollhom ftit ilma mbierek fid-dar tagħhom jistgħu jieħdu mill-fonti li għandna fuq il-presbiterju.

QUDDIESA B’SUFFRAĠJU

Il-Ħamis l-1 ta’ Mejju ser issir quddiesa b’suffraġju tal-bandisti u s-soċji mejtin tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp iċ-ċimiterju. Il-quddiesa tkun f’12pm.

SANTA RITA

Ikompl l-Ħamisijiet bi preparazzjoni għall-festa ta’ Santa Rita. Għal ġimgħa d-dieħla din ser issir l-Erbgħa 30 ta’ April u mhux il-Ħamis l-1 ta’ Mejju. Fil-5.30pm kurunella, barka sagramentali u fis-6pm quddiesa.

L-EWWEL ĠIMGĦA U SIBT TAX-XAHAR

Il-Ġimgħa 2 ta’ Mejju hija l-ewwel ġimgħa tax-xahar. L-adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali wara l-quddiesa tad-9am. Is-Sibt 3 ta’ Mejju fit-3.30pm rużarju u quddiesa. Wara l-quddiesa tissokta l-adorazzjoni sad-9pm.

GBIR B’RISQ DAR ARKA

Il-ġbir li jsir fil-quddies tas-Sibt 26 u l-Hadd 27 ta’ April (Festa tal-Ħniena Divina) ikun b’risq Dar l-Arka. Inkunu ġenerui ma’ din l-opra kbira fir-raħal tagħna.

LAQGĦA SPEĊJALI GĦALL-KRESIMANDI

Dawk kollha li ser jirċievu l-Griżma tal-Isqof din is-sena flimkien mal-ġenituri u l-parrini tagħhom ser ikollhom laqgħa apposta għalihom flimkien ma’ Mons Isqof fil-Knisja tax-Xewkija. Din tkun fis-6.30p.m. Ikollna trasport provdut mill-pjazza fis-6.00p.m.

Il-Grima tal-Isqof fil-Parroċċa tagħna tkun nhar il-Ħadd 15 ta’ Ġunju fil-5pm.

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-Għid ta’ Radju Lauretana tintemm il-Ħadd 27 ta’ April. L-iskeda li jmiss hija dik marbuta mal-festa ta’ Sant’ Antnin li ser tkun iċċelebrata din is-sena fl-1 ta’ Ġunju. Tibda l-Ħadd 18 ta’ Mejju.

GRAZZI

Donazzjonijiet Radju Lauretana €740.

Euro Collection għax-xahar ta’ April €509.73

Għall-knisja: NN €500, NN €100. Għas-Sagristiji: €100.

GRAZZI mill-qalb lil tant voluntiera li f’dawn il-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa jgħinu biex ikollna tant attivitajiet sbieħ u biex isir it-tindif, l-armar u t-tiżjin tal-knisja u lil dawk kollha li jagħtu sehemhom fil-liturġija ta’ dawn il-jiem qaddisa.

ĦARĠA MALTA

Il-Ħadd 4 ta’ Mejju ser norganizzaw ħarġa għal Malta. Immorru l-Isla ninviztaw ir-Redentur u jkollna quddiesa, u l-Birgu għand is-sorijiet tal-Klawsura ta’ Santa Skolastika. Din hija l-ewwel darba li sejrin narawhom. Il-karozza titlaq fit-8.15am minn ħdejn Lauretana Pharmacy, tgħaddi mill-pjazza u nibqgħu sejrin Malta. Biljetti (€8) mingħand Rose ta’ Ideal Store u Maria Xuereb (Maria’s Salon) ta’ Triq Imġarr. Aħsbu għall-biljetti kmieni.

DĦUL SKEJJEL PRIMARJI TAL-KNISJA F’GĦAWDEX

Il-Ġenituri/Tuturi legali li huma nteressati jdaħħlu lil uliedhom fl-iskejjel primarji tal-Knisja f’Għawdex huma mitluba jimlew formola apposta. Dom tinkiseb mill-Kurja tal-Isqof mit-Tnejn 5 ta’ Mejju. L-applikazzjonijiet jagħlqu t-Tnejn 12 ta’ Mejju. Il-Kurja tiftaħ mit-Tnejn sal-Ġimgħa (minbarra l-Ħamis), bejn it-8.30am u nofsinhar.

Il-postijiet vakanti jinsabu fil-Kinder 2, u mill-Year 1 sa Year 6 (minbarra Year 2). Id-dettalji dwar kundizzjonijiet u postijiet vojta jinsabu fl-applikazzjoni stess. Jekk ikun hemm aktar applikazzjonijiet milli postijiet vakanti, issir polza.

ILQA’ FI ĦDANEK

Ilqa’ fi ħdanek Missier Qaddis lir-ruħ għażiża ta’ Helen Zammit Scicluna minn Għajnsielem u li kienet toqgħod iż-Żejtun li ġiet tiltaqa’ miegħek fit-22 ta’ April 2014 fl-eta’ ta’ 75 sena. Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Carmela Ciantar toffri €20 b’suffraġju ta’ missierha Anġlu Buttiġieġ f’għeluq l-14-il sena mill-mewt tiegħu fit-28 ta’ April.

Ġuża u Fredu Ciangura joffru €20 b’suffraġju ta’ missierhom Mikiel Ciangura f’għeluq it-tliet snin mill-mewt tiegħu fl-4 ta’ Mejju u għal oħthom Maria Azzopardi f’għeluq it-3 snin mill-mewt tagħha fis-7 ta’ Mejju.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 18 ta’ April 2014

L-IKBAR ĠRAJJA

HALLELUJAH!

Wara stennija u preparazzjoni ta’ erbgħin jum, wasalna biex niċċelebraw l-ikbar festa tagħna l-insara, il-qawmien ta’ Sidna Ġesu’ mill-mewt. Ġesu’ rebaħ għalina biex aħna bis-saħħa tiegħu nkunu kapaċi nirbħu d-dnub u l-mewt. Nifirħu għax il-Mulej qam tassew minn bejn l-imwiet! Naraw x’jgħidilna l-Papa Franġisku fuq din il-ġrajja singulari:

Emmen li Kristu qam tassew!

Il-fidi tfisser ukoll nemmnu fiH, nemmnu li tassew iħobbna, li hu ħaj, li għandu l-ħila jidħol b’mod misterjuż fil-ħajja tagħna, li ma jitlaqniex waħidna, li bil-qawwa tiegħu u bil-kreattività bla tarf tiegħu mill-ħażin jaf joħroġ it-tajjeb. […] Nemmnu fil-Vanġelu li jgħid li s-Saltna ta’ Alla diġà tinsab fid-dinja, u qed tikber ’l hemm u ’l hawn, b’għadd ta’ modi […] u dejjem għandha l-ħila tissorprendina b’mod sabiħ.  Hi preżenti, tiġi mill-ġdid, tħabrek biex twarrad mill-ġdid.  Il-qawmien ta’ Kristu jqabbad ma’ kullimkien l-għeruq ta’ din id-dinja ġdida; u anki jekk jinqatgħu, jerġgħu jixirfu, għax il-qawmien tal-Mulej diġà daħal fin-nisġa moħbija ta’ din l-istorja, għax Ġesù ma qamx għalxejn mill-imwiet.  Ejjew ma nibqgħux mal-ġenb ta’ din il-mixja tat-tama ħajja!

Is-Sibt 19 ta’ April – SIBT IL-GĦID

Fit-8pm –   Il-Velja l-Kbira tal-Għid

Inħeġġu lil kulħadd, kbar u żgħar, biex nieħdu sehem sħiħ f’din il-velja tant sabiħa. Janimaw iż-żgħażagħ tal-parroċċa mal-Kor Lauretana. Inħeġġu attentendenza sabiħa għal din l-akbar ċelebrazzjoni tal-Knisja.

Il-Ħadd 20 ta’ April – ĦADD IL-GĦID

Fl-10am – Konċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Għid. Tixxandar ukoll fuq Radju Marija. Ikollna magħmudija.

RADJU LAURETANA 89.3FM

L-iskeda tal-Għid tkompli anke wara l-Għid. Nhar il-Ħadd 27 ta’ April, Festa tal-Ħniena Divina jkollna edizzjoni speċjali ta’ Bonġu mill-Għajn mit-7.45am sas-1pm li matulu jkollna xandira speċjali tal-Kanonizzazzjoni tal-Papiet Ġwanni XXIII u Ġwanni Pawlu II diretta mill-Vatikan. Inħeġġukom issegwu dan l-avveniment storiku minn fuq it-televixin imma tħallu Radju Lauretana mixgħul.

LAQGĦA GĦAN-NISA

Laqgħa għan-nisa kollha f’Lourdes Home nhar l-Erbgħa 23 ta’ April mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Christopher Farrugia, kafe’, te’ u logħob tat-tombla. Inħeġġu lin-nisa biex jattendu.

SERATA TA’ JUM L-OMM

Infakkru li ċ-Ċentru Parrokkjali qed iżomm l-appuntament tas-serata ta’ Jum l-Omm. Din ser tittella’ nhar is-Sibt 10 ta’ Mejju, 2014. Min jixtieq jieħu sehem b’xi kant, żfin jew mużika jiġbor formola mill-uffiċċju parrokkjali jew miċ-Ċentru u jwassalha mimliha sal-1 ta’ Mejju, 2014.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

It-Talb għall-persuni kkonsagrati għal dan ix-xahar ta’ April ser isir fil-parroċċa tagħna nhar is-Sibt li ġej 26 ta’ April. Nibdew bil-quddiesa fis-7.00pm u wara jkollna siegħa talb quddiem Ġesu’ Ewkaristija.

L-ADORAZZJONI FIL-KNISJA L-QADIMA

terġa’ tiftaħ it-Tnejn 21 ta’ April mit-8.30 sal-4pm. Inħeġġu aktar persuni biex jiġu jgħaddu ħin quddiem Ġesu’ Ewkaristija.

IT-TBERIK TAL-FAMILJI

Dan huwa mument ta’ grazzja għall-familji tagħna. Jibda t-Tlieta 22 ta’ April. Huwa tajjeb li sa fejn huwa possibli, waqt il-ħin tat-tberik, fid-dar ikun hemm il-membri kollha tal-familja.

TRIQ XPRUNARA: It-Tberik ser isir it-Tlieta 23 ta’ April filgħaxija.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-iSptar Ġenerali ta’ Għawdex nhar Ħadd il-Għid ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8am sas-1pm.

EURO COLLECTION GĦALL-FESTA

L-euro collection għall-festa għal dan ix-xahar ser issir fil-quddies ta’ Ħadd il-Għid. Ngħinu minn qalbna.

GRAZZI MILL-QALB

NN offerta għall-orgni €50.  NN Offerta lampier €50.

Is-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesu’ jixtieq jirringrazzja lil dawk li taw l-offerta għas-Seminarju waqt l-eżerċizzi tar-randan. Is-somma miġbura kienet ta’ €775.18.

ILQA’ FI ĦDANEK

  • Ilqa’ għal dejjem fi ħdanek lil Loreta Grech li inti sejjaħt għal għandek nhar l-4 ta’ April fl-eta’ ta’ 72 sena.
  • Missier Qaddis ilqa’ fi ħdanek lil Michael Vella mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li ttajjar għal għandek fit-12 ta’ April fl-eta’ ta’ 74 sena.
  • Ilqa’ fi ħdanek O Mulej ir-ruħ għażiża ta’ Ġużeppi Attard mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li ħalla dan il-wied tad-dmugħ fit-12 ta’ April fl-għomor ta’ 85 sena.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Sunta Bugeja toffri €20 b’suffraġju ta’ Salvu u Dolora Grech.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

      … NIĠĠEDDU FI KRISTU

Nawguraw lil kulħadd

GĦID QADDIS

mimli bil-ferħ ta’ Kristu Rxuxtat

 u Ħajja ġdida fiH!

Bullettin 11 ta’ April 2014

L-IKBAR ĠIMGĦA

Wasalna għall-akbar ġimgħa, ġimgħa li twassalna għall-akbar festa tal-knisja l-Għid il-Kbir. Ejjew ngħixu dawn is-sebat ijiem li ġejjin fi spirtu ta’ talb u tħejjija. Kif għamilna tul ir-Randan, qed noffrulkom silta mill-kitbiet tal-Papa Franġisku biex nirriflettu fuqha:

Ibni dinja aħjar

Fidi awtentika – li qatt ma tfittex il-kumdità jew hi individwalista – timplika dejjem xewqa profonda li nibdlu d-dinja, li nittrasmettu l-valuri, li nħallu xi ħaġa aħjar warajna fid-dinja.  Inħobbu din il-pjaneta mill-isbaħ li fuqha qegħidna Alla, u nħobbu l-umanità li tgħammar fiha, bit-traġedji u l-qtigħ il-qalb tagħha, bix-xewqat u t-tamiet tagħha, bil-valuri u d-dgħufijiet tagħha.  Id-dinja hi d-dar komuni tagħna u fiha lkoll aħna aħwa. [] L-Insara kollha, anki r-Rgħajja, huma msejħa jieħdu ħsieb jibnu dinja aħjar.

Programm tal-Ġimgħa Mqaddsa

Il-Ħadd 13 ta’ April – ĦADD IL-PALM

Fid-9.30am – Niltaqgħu lkoll kbar u żgħar quddiem il-Knisja l-Qadima biex nagħtu bidu għall-funzjoni ta’ Ħadd il-Palm. Ikollna l-qari tal-Kelma ta’ Alla u t-tberik tal-palm u ż-żebbuġ. Imbagħad nimxu f’purċissjoni għall-Knisja Parrokkjali fejn ikollna Konċelebrazzjoni Solenni. Inħeġġu lit-tfal kollha biex jilbsu ta’ tfal Lhud. Il-funzjoni ser tixxandar ukoll fuq Radju Marija.

Fis-6pm – Ninġabru ħdejn il-kanċell tas-sorijiet Ta’ Lourdes biex flimkien ngħixu Via Sagra b’Differenza mtella’ mill-Għaqda Drammatika Għajnsielem bl-isem ta’ Kont Hemm! It-Triq tas-Salib. Ser naraw il-passjoni sseħħ quddiemna u nitolbu flimkien.

It-Tnejn 14 ta’ April

L-Għaqda Ħbieb tal-Presepju – Sezzjoni Għajnsielem ser torganizza Ġita f’Malta biex inżuru l-Wirjiet tal-Ġimgħa Imqaddsa. Tluq mal-vapur tal-3.45pm. Prezz €7. Biljetti jinkisbu minn Radju Lauretana.

It-Tlieta 15 ta’ April

Talb quddiem Ġesu’ Kurċifiss fil-Knisja Parrokkjali fis-7.30pm. Ikun hemm il-qrar.

Laqgħa ta’ talb għall-bandisti u l-membri tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp fil-Każin tal-Banda fit-8pm. Imexxi Fr Joe Cardona.

Programm tal-Ġimgħa Mqaddsa

L-Erbgħa 16 ta’ April

Programm ta’ Mużika Sagra mtella’ mill-Banda San Ġużepp fil-Knisja ta’ Sant’ Antnin fis-7.30pm.

Il-Ħamis 17 ta’ April – ĦAMIS IX-XIRKA

Fid-9am – Quddiesa taż-żjut fil-Katidral ta’ Għawdex.

Fis-7pm – Funzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka.

Fid-9pm – Nagħmlu s-Seba’ Viżti fil-Knisja Parrokkjali.

Fid-9pm – Is-Seba’ Viżti – Xandira diretta fuq Radju Lauretana u Radju Marija.

Fid-9.30pm – Is-Seba’ Viżti għaż-Żgħażagħ. Nitilqu minn ħdejn iċ-Ċentru Parrokkjali.

Il-Ġimgħa 18 ta’ April – IL-ĠIMGĦA L-KBIRA

8am –       Talb tal-Uffiċċju tal-Qari

8.30am – Ikomplu l-viżti u qrar fil-Knisja Arċipretali

3pm –      Il-Funzjoni tal-Ġimgħa l-Kbira

9pm –      Il-Via Crucis tal-Papa mill-Kolossew – Xandira Diretta fuq Radju Lauretana u Radju Marija.

Is-Sibt 19 ta’ April – SIBT IL-GĦID

Fit-8am –   Talb tal-Uffiċċju tal-Qari

Fid-9am – Is-Siegħa tal-Omm – Xandira Diretta mis-Santwarju Ta’ Pinu fuq Radju Lauretana.

Fit-3pm –    Is-Siegħa tad-Duluri bi tħejjija għall-festa tal-Qawmien.

Fit-8pm –   Il-Velja l-Kbira tal-Għid

Inħeġġu lil kulħadd biex nieħdu sehem sħiħ f’din il-velja tant sabiħa. Janimaw iż-żgħażagħ tal-parroċċa mal-Kor Lauretana. Inħeġġu attentendenza sabiħa għal din l-akbar ċelebrazzjoni tal-Knisja.

Il-Ħadd 20 ta’ April – ĦADD IL-GĦID

Fl-10am – Konċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Għid. Tixxandar ukoll fuq Radju Marija.

INĦEJJU L-ALTAR TAR-REPOŻIZZJONI

Għandna bżonn weraq aħdar u ward abjad biex bihom inżejnu s-sepulkru. Il-weraq aħdar ġibuh il-knisja t-Tlieta u l-ward abjad l-Erbgħa. Grazzi tal-għajnuna.

IL-ĠABRA LI SSIR NHAR ĦAMIS IX-XIRKA FILGĦAXIJA TKUN BIEX INSOSTNU L-ĦIDMA PASTORALI TAS-SAĊERDOTI FIL-PARROĊĊA TAGĦNA. NGĦINU ĦAFNA DIN L-OPRA QADDISA.

IS-SEBA’ VIŻTI MAL-PAPA ĠWANNI PAWLU II

Dan il-ktejjeb jista’ jgħinek għas-seba’ viżti ta’ Ħamis ix-Xirka. Jinkiseb minn Radju Lauretana jew mid-Dar Parrokkjali għall-prezz ta’ €1.

IT-TBERIK TAL-FAMILJI

Mal-bullettin qed jaslilkom il-programm tat-tberik tal-familji. Jibda t-Tlieta 22 ta’ April. Huwa tajjeb li sa fejn huwa possibli, waqt il-ħin tat-tberik, fid-dar ikun hemm il-membri kollha tal-familja.

QRAR

Ikollna l-qrar bi tħejjija għall-Għid:

L-Erbgħa 16 ta’ April fis-6.00pm.

Il-Ħamis 17 ta’ April fil-5.30pm u l-Ġimgħa l-Kbira  filgħodu.

ĠABRA GĦALL-ARMAR 

Inkomplu ngħinu. Tistgħu twasslu d-donazzjoni tagħkom fil-letter box tal-maħżen tal-armar, fid-Dar Parrokkjali jew waqt il-ferta fil-quddies.

RADJU LAURETANA 89.3FM

Mal-bullettin qed tirċievu l-iskeda tat-tielet ġimgħa ta’ xandir f’din l-iskeda tal-Għid. Il-Ħadd 27 ta’ April ikollna xandira speċjali minn Ruma tal-Kanonizzazzjoni tal-Papiet Ġwanni XXIII u Ġwanni Pawlu II.

SERATA TA’ JUM L-OMM

Din is-sena wkoll, iċ-Ċentru Parrokkjali qed iżomm l-appuntament tas-serata ta’ Jum l-Omm. Din ser tittella’ nhar is-Sibt 10 ta’ Mejju, 2014. Min jixtieq jieħu sehem b’xi kant, żfin jew mużika jiġbor formola mill-uffiċċju parrokkjali jew miċ-Ċentru u jwassalha mimliha sal-1 ta’ Mejju, 2014.

OĦLOQ TBISSIMA  Tkompli l-ġabra tal-hampers biex jingħataw lill-familji foqra tal-missjoni li jeħtieġu l-ikel ta’ kuljum. Iġbor kaxxa tal-kartun mis-sagristija u imliha b’oġġetti tal-ikel li hemm indikati fil-karta mal-kaxxa. Grazzi lil dawk kollha li diġa’ taw l-għajnuna tagħhom.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Doris Sultana toffri €20 b’suffraġju ta’ Carmena u Angelo Camilleri.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

      … NIĠĠEDDU FI KRISTU

Bullettin 4 ta’ April 2014

IL-MIXJA TAR-RANDAN

Qegħdin fil-ħames Ħadd tar-Randan Imqaddes. Bil-mod il-mod qed naslu għall-qofol ta’ dan iż-żmien liturġiku li fih il-Knisja ssejħilna għall-konverżjoni. Din hija sejħa għal kulħadd. Inkomplu bit-tħejjija tagħna għall-akbar festa tal-knisja permezz tat-talb, tal-penitenza u tal-karita’. Kif għamilna f’dawn l-aħħar ġimgħat, inkomplu nirriflettu fuq il-kitbiet tal-Papa Franġisku: Kun xhud kullimkien

Issa li l-Knisja tixtieq tgħix tiġdid missjunarju qawwi, hemm għamla ta’ predikazzjoni li tgħodd għalina lkoll bħala impenn ta’ kuljum.  Din hi li nwasslu l-Vanġelu lill-persuni li magħhom ikollna x’naqsmu, kemm dawk l-iżjed qrib tagħna u kemm dawk li ma nafuhomx.  Hi dik il-predikazzjoni informali li tista’ ssir waqt konverżazzjoni u hi anki dik li jwettaq missjunarju meta jżur familja.  Li nkunu dixxipli jfisser li jkollna dispożizzjoni permanenti biex inwasslu l-imħabba ta’ Ġesù lill-oħrajn, u dan iseħħ b’mod spontanju kullimkien, fit-triq, fil-pjazza, fuq ix-xogħol, tul vjaġġ.

VIA SAGRA DJOĊESANA

L-Isqof Mario Grech ser imexxi Via Sagra Djoċesana fuq l-Għolja ta’ Għammar il-Ħadd 6 ta’ April. Tibda fis-6.30pm. Trasport fis-6pm.

L-inizjattiva FESTA TA’ MAĦFRA

Kif ħabbarna fil-bullettin tal-ġimgħa li għaddiet, fil-Parroċċa tagħna ser tkun organizzata l-festa ta’ maħfra l-Ħamis 10 ta’ April. Dakinhar ser ikun hawn f’Għawdex tliet knejjes miftuħa: Il-Knisja ta’ San Ġakbu r-Rabat, il-Knisja tax-Xagħra u l-Knisja Arċipretali tagħna ta’ Għajnsielem. Ma nitilfux din l-okkażjoni tant sabiħa lejlet il-festa tad-Duluri.

Il-programm ser ikun hekk:

Niftħu bil-quddiesa ta’ filgħaxija fis-7.00pm. Wara tiftaħ l-adorazzjoni kif isir kull nhar ta’ Ħamis. Fit-8.00pm isir talb organizzat bi tħejjija għall-qrar.  Imbagħad l-adorazzjoni  tibqa’ sejra sal-11pm u jkun hemm ukoll saċerdoti disponibbli għall-qrar. Fil-11pm tingħata l-barka sagramentali. Nagħmlu impenn u nattendu minkejja li l-għada l-Ġimgħa hija ġurnata tax-xogħol.

INFAKKRU li kull nhar ta’ Sibt matul ir-Randan l-Adorazzjoni fil-Knisja l-Qadima tibqa’ miftuħa sad-9pm.

GRAZZI – NN għas-sagristiji €200.

JUM ID-DULURI

Il-Ġimgħa 11 ta’ April infakkru lil Ommna Marija Addolorata. Ngħixu din il-ġurnata fi spirtu ta’ talb u sagrifiċċju. L-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali u tibda wara l-quddiesa tad-9am. Fit-3pm ikollna s-siegħa tad-Duluri. Fil-5pm ikollna quddiesa kantata. Fis-6.15pm il-Banda San Ġużepp iddoqq marċi funebri fuq iz-zuntier tal-knisja. Fis-6.30pm toħroġ il-purċissjoni. Inħeġġu lil kulħadd biex bħala komunita’ parrokkjali ulied Marija nimxu wara l-istatwa ta’ Marija Addolorata u nitolbu flimkien.

Il-purċissjoni tgħaddi għal wara l-Knisja Arċipretali, Triq Mogħdija, Gleneagles, Triq Għajnsielem, Triq Perellos, Il-Pjazza l-Qadima, il-Pjazza tad-Dehra, u lura lejn il-knisja minn Triq Fawwara. Kif il-purċissjoni tasal lura fil-knisja, ikollna quddiesa oħra. Inħeġġu lill-fratelli biex jakkumpanjaw il-purċissjoni. Huwa tajjeb ukoll li minn fejn ser tgħaddi l-purċissjoni nixegħlu l-galleriji u t-twieqi tagħna u nesponu xbiehat tal-Madonna u ta’ binha Ġesu’ fuq is-Salib.

LAQGĦA MPORTANTI

It-Tnejn 7 ta’ April ser issir laqgħa importanti għal dawk kollha li se jiehdu sehem fil-Purċissjoni tad-Duluri.  Din ser tkun fiċ-Ċentru Parrokkjali fit-8pm. Nistiednu wkoll lil dawk it-tfal li se jirċievu l-Ewwel Tqarbina biex jieħdu sehem. Min hu mħajjar, jagħti l-isem lill-Arċipriet, lil JoAnne Debrincat 99479612 jew il-katekisti tad-Duttrina.

VIA SAGRA b’DIFFERENZA

L-Għaqda Drammatika Għajnsielem ser ittella’  Via Sagra li ġġib l-isem Kont Hemm! It-Triq tas-Salib madwar Chambray Ħadd il-Palm 13 ta’ April 2014 fis-6pm.  Aktar dettalji fil-Bullettin tal-ġimgħa d-dieħla u fuq Radju Lauretana. Is-Sibt u l-Ħadd fil-5pm ser isiru l-provi fil-post.

APPELL  Navżaw lill-voluntiera biex min jista’ dan il-weekend jasal wasla sa Ta’ Passi biex nagħmlu clean up u  nippreparaw il-post għall-Għid fejn qed nibdlu l-grotta  f`ċenaklu għal Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgha l-Kbira. Għandna bżonn irġiel bħala atturi għaċ-ċenaklu u anke bħala suldati għal Via Sagra ħajja li ser issir madwar Chambray.

ĠABRA GĦALL-ARMAR  Ma’ dan il-bullettin qed jitqassmu l-envelopes u messaġġ mill-Għaqda tal-Armar biex kollha kemm aħna nagħtu s-sehem tagħna għall-armar tal-festa. Inkunu ġenerużi bħal dejjem.

GĦOTI TAD-DEMM  L-għoti tad-demm il-Ħadd 6 ta’ April jista’ jsir fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex mit-8am sas-1pm.

SANTA RITA   Minħabba l-Festa ta’ Maħfra li ser issir il-Ħamis 10 ta’ April, din il-ġimgħa t-tħejjija għall-festa ta’ Santa Rita għand is-sorijiet Agostinjani ser issir l-Erbgħa 9 tax-xahar – kollox bħalma jsir is-soltu. Fil-5.30pm rużarju, kurunella u barka sagramentali. Fis-6pm quddiesa.

RADJU LAURETANA 89.3FM

Mal-bullettin qed tirċievu l-iskeda tat-tieni ġimgħa ta’ xandir. Komplu segwu l-programmi kollha li l-membri tar-radju tagħna preparaw għal dan iż-żmien sabiħ tas-sena.

OĦLOQ TBISSIMA  Tkompli l-ġabra tal-hampers biex jingħataw lil ħafna familji fqar tal-missjoni li jeħtieġu l-ikel ta’ kuljum. Iġbor kaxxa mis-sagristija u imliha b’oġġetti tal-ikel li hemm indikati fil-karta mal-kaxxa.

MILL-ISKOLA PRIMARJA

Il-Kap tal-Iskola Primarja ta’ Għajnsielem tixtieq tavża lill-ġenituri li għandhom uliedhom li se jagħlqu tliet snin sal-31 ta’ Diċembru, 2014 biex jirreġistraw lit-tfal tagħhom ħalli jibdew jattendu l-klassijiet tal-kindergarten minn Ottubru 2014 jew Frar 2014. Ir-reġistrazzjoni ssir l-iskola stess sal-15 t’April. Il-ġenituri jieħdu magħhom l-ID card u l-ktieb tat-tilqim tat-tfal.

Eżerċizzi Anke f’dan ir-Randan ser isiru l-eżerċizzi għallpersuni separati irġiel jew nisa, u għal dawk li jinsabu f’relazzjoni barra ż-żwieġ. Dawn l-eżerċizzi ser jinżammu fl-Istitut tal-Familja Ġwanni Pawlu II (Kana), ir-Rabat mit-Tnejn 7 ta’ April sal-Ħamis 10 ta’ April fit-8.00pm. Il-kelliem ser ikun Fr. Anton Gouder.  Ikun hemm min jieħu ħsieb it-tfal.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Maria Debono toffri €20 b’suffraġju ta’ Manuel, Annetta u Ġużeppi Agius. Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.
  • Ġuża Attard toffri €20 b’suffraġju ta’ ommha Ġorġa Attard f’għeluq it-22 sena mill-mewt tagħha fl-10 ta’ April. Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem