Monthly Archives: May 2014

Bullettin 30 ta’ Mejju 2014

FESTA SANT’ ANTNIN
Illum il-Ħadd l-1 ta’ Ġunju qegħdin niċċelebraw il-festa ta’ Sant’ Antnin ta’ Padova fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani fi ħdan il-parroċċa tagħna. Mistiedna nieħdu sehem f’din il-festa sabiħa. Il-programm ta’ matul il-ġurnata tal-festa huwa kif ġej:
6.00am Quddiesa
7.00am Quddiesa mill-Arċipriet Dun Frankie Bajada
8.30am Quddiesa Pontifikali Solenni mmexxija mill-ET Mons Mario Grech Isqof ta’ Għawdex. Isir it-tberik u tqassim tal-ħobż ta’ Sant’ Antnin.
11.00am Quddiesa
5.45pm L-Għasar immexxi mill-WR Ministru Provinċjal
5.45pm Marċ mill-Banda Ite ad Joseph tal-Qala fi Triq Sant’ Antnin
6.15pm Quddiesa mmexxija minn Mons Joseph Sultana Arċipriet tal-Bażilika tal-Għarb
7.30pm Purċissjoni bl-Istatwa devota tal-qaddis immexxija mill-WR Ministru Provinċjal. Takkumpanja l-purċissjoni l-Banda San Ġużepp. Mal-ħruġ tal-istatwa jingħata s-salut, jindaqq l-Innu ta’ Sant’ Antnin u jsir ħruq tan-nar.
8.00pm Waqt il-purċissjoni l-Banda Mnarja tan-Nadur tesegwixxi programm mużikali fuq iz-zuntier.
10.00pm Mad-dħul tal-purċissjoni jsir ħruq tan-nar. Iċ-Ċelebrazzjoni u l-Barka Ewkaristika tagħlaq il-festa.
Radju Lauretana jwassal il-festa ta’ Sant’ Antnin diretta ġewwa darek.
Il-Festi lill-Qaddisin: Għalfejn?
Il-bennej joqgħod attent kif juża ż-żagarella tal-kejl u l-pendlu bil-piż biex jiżgura li l-binja hi dritta u livellata. Ma nistgħux ngħidu li l-ħajja virtuża tal-qaddisin hija żagarella tal-kejl mifruxa fuq ir-ruħ tagħna biex niżguraw li ħajjitna tieħu s-sura li jixirqilha u nitkejlu mal-eżempju tajjeb tagħhom? Kull meta niċċelebraw il-festa ta’ qaddis, ejjew inħarsu lejh biex jagħtina d-disinn li ħajjitna għandha tieħu.
Mis-sermones ta’ Sant’ Antnin

NIĠĠEDDU FI KRISTU!
Sewwa li nġeddu anke l-festi tagħna fi Kristu

RADJU LAURETANA
Grazzi lil dawk kollha li taw is-sehem tagħhom fl-iskeda tal-Festa ta’ Sant’ Antnin, skeda qasira imma ferm impenjattiva. Jekk il-Bambin irid l-iskeda li jmiss tibda t-Tnejn 4 ta’ Awwissu 2014.

IT-TIENI ĠABRA BIEB BIEB GĦALL-FESTA …Grazzi!
Is-somma laħqet €2510.
Inkomplu ngħinu mill-qalb ħalli inkopru l-ispejjeż kbar li wieħed jeħtieġ biex jorganizza festa li tixraq f’din is-sena li fiha qed infakkru żewġ anniversarji sbieħ. Għalhekk l-għajnuna tagħna hija meħtieġa u apprezzata aktar.

FESTIN TAT-TFAL TAL-EWWEL TQARBINA
Dan ser ikun nhar is-Sibt 7 ta’ Ġunju fiċ-Ċentru Parrokkjali fl-4.30pm.

L-EWWEL ĠIMGĦA u SIBT TAX-XAHAR
Il-Ġimgħa 6 ta’ Ġunju hija l-Ewwel Ġimgħa tax-xahar. L-adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-knisja parrokkjali wara l-quddiesa tad-9am. Is-Sibt 7 ta’ Ġunju, fil-Knisja l-Qadima jkollna r-rużarju fit-3.30pm u fl-4pm quddiesa. Wara l-quddiesa, l-Adorazzjoni tissokta sad-9pm.

QUDDIESA TA’ QABEL L-ISKOLA
Infakkru li din il-quddiesa tibqa’ fit-7.45am.

MILL-AZZJONI KATTOLIKA TA’ GĦAWDEX
Stedina għal attività soċjali – Il-Ġenju Femminili – Qalb tħabbat fis-soċjetà. Nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Ġunju 2014 fis-Sala tal-Ministeru għal Għawdex Pjazza San Franġisk mis-6.30 sa 8.30pm. Tmexxi Maria Pia Gauci.

MINN GĦAJNSIELEM F.C.
Il-Kumitat ta’ Għajnsielem FC jixtieq javża lill-membri u lill-pubbliku li nhar il-Ħadd 8 ta’ Ġunju 2014 ser issir l-laqgħa ġenerali annwali 2013-14 fil-każin tal-football. Il-membri huma mħeġġin jattendu.

VELJA TA’ PENTEKOSTE
Din is-sena ser tkun fil-Knisja Parrokkjali tax-Xewkija u tibda fis-7.30pm. Fiha ser jingħata l-mandat lill-Ministri Straordinarji tat-Tqarbin li jgħinu fit-tqarbin fil-knejjes u lill-morda tad-Djoċesi tagħna.

AVVIŻ MIS-SEMINARJU MINURI T’GĦAWDEX
Ma’ tmiem is-sena skolastika, is-Seminarju Minuri t’Għawdex jorganizza Wine and Pizza fil-bitħa tas-Seminarju bħala attivita’ għall-familja kollha. Din l-attivita’ għandha l-iskop li tgħin biex jinġabru fondi biżżejjed biex inkomplu noffru l-aħjar edukazzjoni lill-istudenti li jattendu fis-Seminarju Minuri t’Għawdex. Din is-sena l-attivita’ ser issir nhar il-Ħamis 5 ta’ Ġunju 2014, mis-7pm ‘l quddiem. Il-biljetti, li jiswew €8 tal-kbar u €3 taż-żgħar, jinkisbu mill-Parroċċi u mis-Seminarju.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN
• Il-familja Xuereb toffri €20 b’suffraġju ta’ Kelinu u Sunta Cassar f’għeluq l-ewwel anniversarju mill-mewt tagħha.
• Loreta Azzopardi flimkien mal-familja toffri €20 b’suffraġju ta’ Alfred Azzopardi f’għeluq l-erba’ snin mill-mewt tiegħu.
Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

Bullettin 23 ta’ Mejju 2014

GĦALL-EWWEL DARBA
Illum il-Ħadd 25 ta’ Mejju, 22 tifel u tifla mill-parroċċa tagħna ser jagħmlu l-Ewwel Tqarbina tagħhom. Kemm hi ħaġa sabiħa li tara lil dawk it-tfal kollha ħerqanin għal din il-ġurnata li huma tant ikunu jixtiequ: ġurnata fejn ikunu ser jirċievu lil Ġesu’ għall-ewwel darba.Din hija okkażjoni sabiħa mhux biss għal dawn it-tfal u għall-familji tagħhom imma għall-komunita’ parrokkjali kollha kemm hi. Ġesu’ għadu magħna preżenti fl-Ewkaristija. Ried li ma jħalliniex waħedna u għalhekk waqqaf is-Sagrament tant sabiħ tal-Ewkaristija. Kemm huwa sabiħ li nirċevuh ġewwa fina kull meta nistgħu biex hekk hu jsaħħaħna bil-grazzja tiegħU. Nitolbu għal dawn it-tfal biex jibqgħu dejjem marbuta ma’ Ġesu’ tul il-ħajja tagħhom u nagħtuhom eżempju tajjeb bis-sehem tagħna fil-quddiesa.
It-tfal flimkien mal-katekisti tagħhom jiltaqgħu quddiem il-Knisja l-Qadima fl-4.30pm. Fil-4.45pm titlaq il-purċissjoni lejn il-Knisja Parrokkjali fejn fil-5pm tibda l-funzjoni. It-tfal ikunu fuq il-presbiterju qrib l-artal u s-saċerdot filwaqt li l-ġenituri jkollhom post riservat fil-korsija. Janima l-kant il-Kor Lauretana. Nagħmlu mpenn u nattendu għal din il-funzjoni.

QUDDIESA TAL-FAMILJI
Il-quddiesa tal-10am tal-Ħadd 25 ta’ Mejju tkun animata mill-familji għall-familji. Inħeġġu lill-membri kollha tal-familji tagħna biex jattendu għal din il-quddiesa u jieħdu sehem.

FESTA SANT’ ANTNIN
Il-festi b’ġieħ il-qaddis ta’ Padova fil-Knisja Franġiskana jibdew is-Sibt 24 ta’ Mejju bil-ħruġ tal-vara min-niċċa.
L-Erbgħa 28, il-Ħamis 29 u l-Ġimgħa 30 ta’ Mejju huma l-jiem tat-Tridu. Nagħmlu mpenn matul din il-ġimgħa biex meta nistgħu nattendu għal dawn il-funzjonijiet.
Radju Lauretana jwassal il-festa ta’ Sant’ Antnin diretta ġewwa darek.

KUNSILL PARROKKJALI
Il-laqgħa tal-Kunsill Parrokkjali għax-xahar ta’ Mejju ser issir nhar il-Ġimgħa li ġejja 30 ta’ Mejju, 2014 fl-4.30pm fiċ-Ċentru Parrokkjali. Il-membri huma avżati biex jattendu.

RADJU LAURETANA
Mal-bullettin qed tirċievu l-iskeda ta’ din il-ġimgħa li twassalna għall-festa ta’ Sant’ Antnin.

RUŻARJU
Ninsabu fl-aħħar ġimgħa tax-xahar ta’ Mejju. Il-membri tal-Leġjun ta’ Marija qed jirreċitaw it-talba tar-rużarju fil-beraħ. Nhar it-Tlieta li jingħad fi Pjazza Tolfa fl-4.30pm u kantuniera Triq Malta ma’ Triq Kemmunett fil-5pm.

L-ERBGĦAT TAL-MADONNA
Dawn ikomplu kull nhar ta’ Erbgħa. Ikollna trasport għal Ta’ Pinu fl-4.30am u fil-5pm mill-pjazza.

IT-TIENI ĠABRA BIEB BIEB GĦALL-FESTA …Grazzi!
Il-voluntiera tal-parroċċa ħarġu għall-offerta tagħkom bieb bieb. Grazzi lil dawk kollha li taw l-għotja tagħhom li s’issa laħqet €2355. Min ma kienx id-dar waqt il-ġabra jista’ jwassal l-offerta tiegħu fil-ferta tal-quddies jew jitfa’ l-envelope fil-letter box tad-Dar Parrokkjali jew jgħaddih lill-voluntiera li ssoltu jiġu jiġbru fit-triq tiegħu. Għotja ġeneruża u mill-qalb tkun tgħin biex nuru l-maturita’ tagħna ta’ festa sabiħa u dinjituża.
GRAZZI mill-qalb: Ewro collection ta’ Mejju: €401.83

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA
Ser isir nofs ta’ nhar għan-nisa kollha f’Lourdes Home l-Erbgħa 28 ta’ Mejju mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Christopher Farrugia, kafe’ u tombla.

GĦOTI TA’ DEMM
Dan jista’ jsir fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex il-Ħadd 25 ta’ Mejju: 8am – 1pm.

VOLONTARJAT FIL-KNISJA L-QADIMA
Għandna bżonn min iħit biex nagħmlu purtieri mat-twieqi kollha tal-knisja ħalli nipproteġu l-pitturi. Min jixtieq jgħin ikellem lill-arċipriet jew lil Rudolph Cauchi.

NIĠĠEDDU FI KRISTU!
Sib ħin u għaddi adura lil Ġesù Ewkaristija fil-knisja l-qadima. Miftuħa mit-Tnejn sas-Sibt: 8.30-4pm.
Fl-ewwel sibt tax-xahar sad-9pm.

MATUL ĠUNJU
Il-quddiesa tat-7.45am ser tibqa’ fl-istess ħin għax għax il-ħinijiet tal-iskola ser ikunu mit-8.30am sal-12.15pm.
1 ta’ Ġunju FESTA TA’ SANT’ANTNIN.
7 ta’ Ġunju – Party għat-tfal tat-Tqarbina, ħbieb u familjari fiċ-Ċentru Parrokkjali.
7 ta’ Ġunju – VELJA DJOĊESANA TA’ PENTEKOSTE fix-Xewkija.
8 ta’ Ġunju – FESTA SOLENNI TA’ PENTEKOSTE (Għid il-Ħamsin) li tagħlaq iż-żmien tal-Għid.
15 ta’ Ġunju – Għoti tas-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof lill-adoloxxenti tagħna. Fil-Knisja Parrokkjali fil-5.00pm.
22 ta’ Ġunju – Festa ta’ Korpus – Mistiedna wkoll jieħdu sehem fil-purċissjoni it-Tfal tat-Tqarbina u l-adoloxxenti tal-Griżma.
22 ta’ Ġunju – Tkun ukoll it-tifkira Ta’ Pinu.
28 ta’ Ġunju – Attivita ta’ Lejlet l-Imnarja.
29 ta’ Ġunju – Carwash miż-Żgħażagħ tal-Parroċċa.
30 ta’ Ġunju – IL-125 ANNIVERSARJU MILL-KONSAGRAZZJONI TAL-KNISJA L-QADIMA.

RESTAWR TAL-KWADRI TAL-KNISJA L-QADIMA
Dan ir-restawr, li fil-parti kbira minnu qed jiġi sponsorjat mill-Bank of Valletta, bil-bqija tal-fondi jitħallsu mill-parroċċa, miexi ġmielu. IL-KWADRU TITULARI jinsab fi stadju avvanzat ħafna ta’ xogħol għalkemm baqa’ ħafna xi jsir fuqu. Is-Sur Emanuel Zammit li qed jaħdem fuqu qalilna li x-xogħol fejn kien hemm żebgħa u rtokki li saru maż-żmien kważi lest kollu u bħalissa qed jiġu msewwija l-partijiet fejn iż-żebgħa kienet waqgħet.
Ix-xogħol fuq IL-KWADRI TA’ ĠUŻEPPI CALÌ, li qed isir minn Fr. Charles Vella u l-grupp tiegħu mexa wkoll. Għandna t-tieni kwadru mill-ħajja tal-Madonna lest mit-tindif u r-restawr li kellu bżonn. Beda wkoll ix-xogħol ta’ tindif u restawr estensiv fuq il-kwadru ta’ Sant’Andrija. Qed nippjanaw li sal-festa jkollna aktar kwadri ta’ Calì lesti. Il-ħila ta’ Fr. Charles li joħroġ il-kuluri sbieħ oriġinali tal-artist magħruf Calì diġa dehret fl-ewwel biċċtejn li lesta.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN
Rosi u l-familja Gauci joffru €20 b’suffraġju ta’ missierhom Wenzu Gauci f’għeluq il-11-il sena mill-mewt tiegħu. Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

 

Bullettin 16 ta’ Mejju 2014

MAR JILTAQA’ MAL-MULEJ
Ilkoll inħsadna bl-aħbar tal-mewt ta’ Dun Tarċisju Attard, saċerdot iben din il-parroċċa li ħalla din id-dinja biex jingħaqad mal-Mulej Irxoxt fl-10 ta’ Mejju fl-għomor ta’ 81 sena. Ilkoll konna nafuh lil Dun Tarċis, dejjem bi tbissima fuq fommu u jipprova jgħin lil min ikollu bżonn. Kien kapaċi jgħid kelma tajba f’waqtha kif qal l-Isqof Mario Grech waqt l-omelija tal-quddiesa tal-funeral li saret fil-Knisja Parrokkjali tagħna t-Tnejn 12 ta’ Mejju.
Matul ħajja ta’ 81 sena Dun Tarċis kien impenjat b’diversi ħidmiet pastorali fosthom bħala rettur tas-Santwarju tal-Madonna ta’ Lourdes fi ħdan il-parroċċa tagħna u saċerdot attiv fil-Leġjun ta’ Marija ta’ Għajnsielem. Ilkoll għandna nkunu rikonoxxenti lejn il-ħidma li wettaq Dun Tarċis matul ħajtu u dan jixhduh il-ħafna nies li attendew għall-funeral tiegħu u għal ħafna oħrajn li segwew il-funeral dirett permezz ta’ Radju Lauretana.
Filwaqt li nagħtu l-kondoljanzi tagħna lill-Familja Attard, ejjew nitolbu għal ruħu u nitolbu wkoll għall-vokazzjonijiet fir-raħal tagħna. Jeħtieġ li l-vojt li ħalla warajh Dun Tarċis jimtela!
Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem!

FESTA SANTA RITA
Programm tal-Festa ta’ Santa Rita meqjuma fil-Kappella tas-Sorijiet Agostinjani
It-Tnejn 19 ta’ Mejju: L-Ewwel Jum tat-Tridu
5.30pm Rużarju u Kurunella lil Santa Rita
6.00pm Quddiesa bl-Omelija mill-Kan. Mikiel Borg. Wara Barka Sagramentali
It-Tlieta 20 ta’ Mejju: It-Tieni Jum tat-Tridu
5.30pm Rużarju u Kurunella lil Santa Rita
6.00pm Quddiesa bl-Omelija mill-Kan. Mikiel Borg. Wara Barka Sagramentali
L-Erbgħa 21 ta’ Mejju: It-Tielet Jum tat-Tridu
5.30pm Rużarju u Kurunella lil Santa Rita
6.00pm Quddiesa bl-Omelija mill-Kan. Mikiel Borg. Wara Barka Sagramentali
Il-Ħamis 22 ta’ Mejju: Jum il-Festa
7.00am Quddiesa bit-tifħir ta’ sbiħ il-jum immexxija mill-Arċipriet Kan. Frankie Bajada
11.00am Quddiesa bil-preżentazzjoni u t-tberik tat-tfal immexxija mill-Gwardjan Fr Joe Xerri OFM Conv
5.30pm Rużarju u Kurunella lil Santa Rita
6.00pm Quddiesa mmexxija minn Mons Ġwann Bosco Cremona. Wara l-Evanġelju jinseġ kliem ta’ tifħir lil Santa Rita. Wara, barka sagramentali u jitkanta l-Innu Popolari ta’ Santa Rita. Janima l-kant il-Kor Lauretana.

RADJU LAURETANA
L-iskeda ta’ Radju Lauretana marbuta mal-festa ta’ Sant’ Antnin tibda l-Ħadd 8 ta’ Mejju. Mal-bullettin qegħdin tirċievu l-iskeda tal-ewwel ġimgħa. Tinsewx il-frekwenza 89.3FM.

RUŻARJU
Qegħdin fix-xahar ta’ Mejju. Infakkru li matul ix-xahar ta’ Mejju membri tal-Leġjun ta’ Marija qed jirreċitaw it-talba tar-rużarju fil-beraħ. Nhar it-Tlieta li ġejja jingħad fi Pjazza Tolfa fl-4.30pm u kantuniera Triq Malta ma’ Triq Kemmuna fil-5pm.

L-ERBGĦAT TAL-MADONNA
Dawn ikomplu kull nhar ta’ Erbgħa. Ikollna trasport għal Ta’ Pinu fl-4.30am u fil-5pm mill-pjazza.

IT-TIENI ĠABRA BIEB BIEB GĦALL-FESTA
Mal-bullettin tal-ġimgħa l-oħra tqassmu l-envelopes tal-ġabra għall-festa li l-parroċċa tagħna torganizza f’ġieħ Ommna Marija Lawretana. Il-voluntiera tal-parroċċa qegħdin jiġbru l-offerta tagħkom bieb bieb matul dan il-weekend. Kulħadd jaf li din is-sena qed niċċelebraw festi speċjali u għalhekk biex issir festa sabiħa, kbira u dinjituża neħtieġu spejjeż akbar. Ngħinu kif u kemm nistgħu. Il-Madonna tapprezza kull għotja li tkun ġejja mill-qalb.

FESTA SANT’ ANTNIN
Il-festi ad unur dan il-qaddis jibdew is-Sibt 24 ta’ Mejju. Programm tal-festa qed jitqassam mal-bullettin.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI
Dan ser isir is-Sibt 17 ta’ Mejju u jibda fis-7.15pm. Ikollna trasport mill-pjazza bħas-soltu.

L-EWWEL TQARBINA
It-tfal li ser jirċievu l-Ewwel Tqarbina flimkien mal-ġenituri tagħhom huma mistiedna għall-aħħar quddiesa flimkien qabel ma jersqu għat-Tqarbina. Niltaqgħu ċ-Ċentru Parrokkjali l-Ħadd 18 ta’ Mejju fid-9.30am.
IL-FUNZJONI TAL-EWWEL TQARBINA TKUN IL-ĦADD 25 TA’ MEJJU FIL-5.00PM FIL-KNISJA PARROKKJALI.

GRAZZI MILL-QALB : -Offerta għall-Knisja NN€300.
-LILL-VOLUNTIERA TAL-PARROĊĊA
• li ta’ kull ġimgħa jaħdmu biex jasallek dan il-bullettin.
• li jieħdu ħsieb il-ġbir bieb bieb u dawk li jqassmu l-envelopes tal-iskema ta’ għajnuna lill-knisja tagħna.
• li jieħdu ħsieb l-indafa taż-żewġ knejjes, iċ-ċentru u d-dar parrokkjali.

SEJĦA: Jekk tħoss u tista tgħin, napprezzaw ħafna kull għajnuna li tista’ toffri. Ikkuntattjana fuq in-numri li jidhru fl-ewwel kolonna.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN
Pawla Haber toffri €20 b’suffraġju ta’ Frenċu Haber f’għeluq it-22 sena mill-mewt tiegħu fl-24 ta’ Mejju.
Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

NIĠĠEDDU FI KRISTU!
Sib ħin u għaddi adura lil Ġesù Ewkaristija fil-knisja l-qadima.Miftuħa mit-Tnejn sas-Sibt: 8.30am-4pm. Fl-ewwel sibt tax-xahar sad-9pm.

Bullettin 9 ta’ Mejju 2014

IL-VOKAZZJONIJIET
Xhieda għall-Verità
Dan huwa t-titlu tal-messaġġ tal-Papa Franġisku għall-51 Jum Dinji ta’ talb għall-vokazzjonijiet li qed jiġi ċċelebrat illum il-Ħadd 11 ta’ Mejju, ir-raba’ Ħadd tal-Għid. Il-messaġġ tal-Papa huwa twil imma sabiħ. Hawnhekk qed inġibu żewġ siltiet minnu biex nirriflettu u nkomplu nitolbu kuljum għall-vokazzjonijiet speċjalment għal dawk saċerdotali u reliġjużi:
Illum ukoll, Ġesù jgħix u jimxi tul il-mogħdijiet tal-ħajja ordinarja biex ikun qrib ta’ kulħadd, ibda’ mill-iċken, u jfejjaqna mid-dgħufijiet u l-mard tagħna. Se ndur issa fuq dawk li huma imħejjijin sew li jisimgħu l-vuċi ta’ Kristu li tidwi fil-Knisja, biex jifhmu x’inhi l-vokazzjoni tagħhom. Nistedinkom biex lil Ġesù tisimgħuh u timxu warajh, u tħallu lilkom infuskom tiġu mibdula minn ġewwa mill-kliem tiegħu li “huwa spirtu u ħajja” (Ġw 6, 62). Marija, Omm Ġesù u ommna, tgħidilna hi ukoll: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu” (Ġw 2, 5). Jagħmlilkom tajjeb li tingħaqdu ma’ oħrajn b’fiduċja u magħhom tieħdu sehem fi vjaġġ ta’ tfittxija li jkun kapaċi joħroġ l-aqwa enerġiji minn ġo fikom u madwarkom. Il-vokazzjoni hija frotta li timmatura ġol-għalqa ikkultivata tajjeb fejn tispikka l-imħabba lejn xulxin li tissarraf f’servizz lejn xulxin, dejjem fil-kuntest ta’ ħajja ekkleżjali ta’ vera. L-ebda vokazzjoni ma titwieled minnha innifisha jew tgħix għaliha innifisha. Il-vokazzjoni tfur mill-qalb ta’ Alla u tinbet fil-ħamrija tajba ta’ poplu fidil, fl-esperjenza ta’ imħabba fraterna. Forsi ma qalx Ġesù li: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13, 35)?
SEJĦAT DIRETTI MILL-PAPA FRANĠISKU
Ejjew għalhekk inħejju qlubna biex ikunu “art tajba”, billi nisimgħu, nilqgħu u ngħixu l-Kelma, u b’hekk nagħmlu l-frott. Aktar ma ngħaqqdu lilna nfusna ma’ Ġesù permezz tat-talb, l-Iskrittura Mqaddsa, l-Ewkaristija, is-Sagramenti iċċelebrati u mgħixa fi ħdan il-Knisja u fi spirtu ta’ fraternità, aktar se jikber fina l-gost li nikkoperaw ma’ Alla fis-servizz tas-Saltna ta’ ħniena u verità, ta’ ġustizzja u paċi. U l-ħsad imbagħad ikun kotran, fi proporzjon mal-grazzja li b’qalb ħelwa nkunu għarafna nilqgħu f’ħajjitna. B’dan is-sentiment, waqt li nitlobkom iżżommuni fit-talb tagħkom, kordjalment nagħtikom ilkoll il-Barka Appostolika tiegħi.

FESTA TA’ SAN ĠUŻEPP
Fil-parroċċa tagħna llum il-Ħadd qed niċċelebraw anke l-festa ta’ San Ġużepp. Fil-5pm ikollna quddiesa bis-sehem tal-orkestra u wara toħroġ il-purċissjoni bl-istatwa tal-qaddis. Tieħu sehem il-Banda San Ġużepp. Sejħa lill-fratelli biex jakkumpanjaw.

JUM L-OMM
Illum il-Ħadd 11 ta’ Mejju huwa Jum l-Omm, ġurnata li fiha niftakru b’mod partikulari fl-omm tagħna. Nitolbu għall-ommijiet ħajjin u anke dawk li daħlu qabilna fl-eternita’. Iċ-ċimiterju jkun miftuħ bħas-soltu għal min ikun jixtieq jagħmel żjara.
Marbuta ma’ Jum l-Omm għandna s-serata fiċ-Ċentru Parrokkjali llum is-Sibt 10 ta’ Mejju fis-7.30pm.

DEHRIET TAL-MADONNA TA’ FATIMA
AMBJENT MORALMENT NADIF
Nhar it-Tlieta 13 ta’ Mejju jibdew id-dehriet tal-Madonna ġewwa Fatima. Fil-Knisja Ta’ Ħamet l-ewwel dehra tkun imfakkra f’din il-ġurnata. Fis-6.15pm tibda l-Adorazzjoni Ewkaristika Solenni mmexxija mill-membri tal-Azzjoni Kattolika ta’ Għawdex. Fis-7pm quddiesa konċelebrata mmexxija mill-Isqof li jinawgura il-kampanja favur AMBJENT MORALMENT NADIF. Wara l-quddiesa jsir pellegrinaġġ ta’ talb bl-istatwa tal-Madonna ta’ Fatima u fl-aħħar tingħata l-barka sagramentali. Trasport mill-pjazza fis-6pm li jgħaddi wkoll minn Triq Sant’ Antnin. Kulħadd jista’ jattendi. Dawk kollha li jattendu huwa mħeġġa jieħdu sehem ukoll fil-pellegrinaġġ li jsir wara l-quddiesa tal-Isqof.

EWRO COLLECTION
Matul il-quddies ta’ dan il-weekend il-ġabra li ssir fil-knisja tkun b’risq il-festa li ser niċċelebraw fi ftit xhur oħra. Din is-sena qegħdin infakkru l-125 sena mill-Konsagrazzjoni tal-Knisja l-Qadima u 25 sena mill-Konsagrazzjoni tal-Knisja Parrokkjali. Tajjeb li nkunu aktar ġenerużi fl-għotjiet tagħna. Fejn nistgħu nagħtu Ewro jew aktar. Grazzi ta’ kull offerta.

RADJU LAURETANA
L-iskeda ta’ Radju Lauretana marbuta mal-festa ta’ Sant’ Antnin tibda l-Ħadd 18 ta’ Mejju. L-iskeda titqassam mal-bullettin tal-ġimgħa d-dieħla.

RUŻARJU
Infakkru li matul ix-xahar ta’ Mejju membri tal-Leġjun ta’ Marija qed jirreċitaw it-talba tar-rużarju fi Pjazza Tolfa kull nhar ta’ Tlieta fl-4.30pm u fiż-żona tal-Gudja fi Triq Żewwieqa fil-5pm.

ERBGĦAT TAL-MADONNA Kull nhar ta’ Erbgħa. Ikollna trasport għal Ta’ Pinu fl-4.30am u fil-5pm mill-pjazza.

SANTA RITA – L-AĦĦAR ĦAMIS
Il-Ħamis 15 ta’ Mejju huwa l-aħħar Ħamis bi preparazzjoni għall-festa ta’ Santa Rita. Fil-kappella tal-kunvent tas-Sorijiet Agostinjani fil-5.30pm tingħad il-kurunella, barka sagramentali u fis-6pm quddiesa li tinkludi l-għoti tas-sagrament tal-Griżma tal-Morda. Inħeġġu b’mod partikulari lill-anzjani u l-morda biex jattendu.

IT-TIENI ĠABRA BIEB BIEB GĦALL-FESTA
Ma’ dan il-bullettin qed jaslulkom l-envelopes tal-ġabra għall-festa li l-parroċċa tagħna torganizza f’ġieħ Ommna Marija Lawretana. Il-ġabra ssir fi tmiem il-ġimgħa li ġejja mill-voluntiera. Inkunu ġenerużi bħal dejjem.

HI TEA
B’risq il-festa ta’ Sant’Antnin nhar il-ġimgħa 16 ta’ Ġunju mis-7.30 p.m. ‘il quddiem fiċ-ċentru Sant’Antnin.

XOGĦOL FIL-KAMPNAR u S-SAGRISTIJI
Bħalissa għaddej xogħol fil-kampnar biex nirranġaw saqaf tal-konkos li kellu bżonn jinbidel. Dan qed isir bi tħejjija għall-installazzjoni tal-arloġġi fit-twieqi t-tondi fejn qed tinħoloq speċi ta’ kamra biex l-apparat tal-arloġġi jkun protetti mill-elementi tan-natura. Għaddej ukoll il-proċess tal-permessi meħtieġa għat-tkomplija tas-sagristiji. Nittamaw li x-xogħol fuq il-bini jkun jista’ jibda wara l-festa ta’ din is-sena. Grazzi mill-qalb lil dawk li qegħdin jgħinu finanzjarjament permezz tal-iskema ta’ kull xahar li issa qed tmur għal dan l-iskop.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN
Il-familja Camilleri toffri €20 b’suffraġju ta’ Alfred Camilleri f’għeluq l-24 sena mill-mewt tiegħu fis-17 ta’ Mejju u għal ruħ Carmela Scicluna fl-anniversarju tal-mewt tagħha.
Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

MARIJA OMM TAGĦNA,
ĦEĠĠIĠNA FI MĦABBITNA GĦAL IBNEK ĠESÙ

 

Bullettin 2 ta’ Mejju 2014

FIL-ĦLEWWA TA’ MEJJU

Għadna kemm bdejna x-xahar ta’ Mejju, xahar iddedikat lil Ommna Marija. Ejjew nippruvaw biex matul dawn il-wieħed u tletin ġurnata ma nfallu qatt it-talba għażiża tar-rużarju. Il-Kalendarju Parrokkjali jistendinna nirriflettu fuq dak li qalilna l-Papa Franġisku fl-Evangelii Gaudium, 284, fejn isemmi l-Madonna:

Flimkien mal-Ispirtu s-Santu, qalb il-poplu hemm dejjem Marija. Hi kienet tiġbor lid-dixxipli biex jitolbuH flimkien (Atti 1,14) u għalhekk hi stess wasslet għall-isplużjoni missjunarja li seħħet nhar Pentekoste. Hija l-Omm tal-Knisja evanġelizzattriċi u mingħajrha ma nistgħu qatt nifhmu sew l-ispirtu tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida.

KUNGRESS DJOĊESAN

Il-51 Kungress Djoċesan tax-Xirka tal-Isem Imqaddes ta’ Alla ser isir il-Ħadd 4 ta’ Mejju fil-parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu l-Munxar. It-tema hija B’Fomm wieħed u b’Qalb waħda nfaħħru lil Alla u Missier Sidna Ġesu’ Kristu (Rum 15,6). Il-korteo jitlaq fil-5pm minn quddiem il-kunvent tas-Sorijiet tal-Karita’ għall-pjazza tal-Knisja Parrokkjali. Jippresiedi l-Isqof Mario Grech. Inħeġġu lil kulħadd sabiex jattendi.

GĦOTI TA’ DEMM

Fid-Dipartiment tal-Outpatients tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdfex il-Ħadd 4 ta’ Mejju mit-8am sas-1pm.

JUM DINJI TA’ TALB

Il-fergħa nisa tal-Azzjoni Kattolika tistieden lin-nisa kollha għaċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Dinji ta’ Talb min-Nisa Kattoliċi nhar it-Tlieta 6 ta’ Mejju mid-9am sal-10.45am fid-Dar Ċentrali tal-Azzjoni Kattolika r-Rabat. Ikun hemm quddiesa minn Mons Isqof Mario Grech b’messaġġ dwar it-tema ta’ din is-sena Inwettqu s-Sewwa fl-Imħabba u diskussjoni wara dramm qasir. Trasport jitlaq mill-pjazza fit-8.30am. Il-karozza tgħaddi wkoll minn Triq Sant’ Antnin.

RUŻARJU

Matul ix-xahar ta’ Mejju membri tal-Leġjun ta’ Marija ser jgħidu r-rużarju fi Pjazza Tolfa kull nhar ta’ Tlieta fl-4.30pm u fiż-żona tal-Gudja fil-Playing Field Bernard Hersey fil-5pm.

ERBGĦAT TAL-MADONNA  Jibdew nhar l-Erbgħa li ġejja 7 ta’ Mejju. Ikollna trasport għal Ta’ Pinu fl-4.30am u fil-5pm mill-pjazza.

SANTA RITA

Ikompli l-Ħamisijiet bi preparazzjoni għall-festa ta’ Santa Rita l-Ħamis 8 ta’ Mejju. Fil-kappella tal-kunvent tas-Sorijiet Agostinjani fil-5.30pm tingħad il-kurunella, barka sagramentali u fis-6pm quddiesa.

GRAZZI

L-għaqda tal-Armar tirringrazzja lil kulħadd għall-ġabra li saret bieb bieb li laħqet €1347.66. Min jixtieq jagħti l-offerta tiegħu jista jitfagħha fil-letterbox tal-maħżen, il-knisja jew id-dar parrokkjali.

HI-TEA GĦALL-FESTA

L-ewwel hi-tea għall-festa se jkun illum is-Sibt 3 ta’ Mejju fit-8pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.

NIFIRĦU lil Giaċinta Xuereb li rebħet il-lotterija b’risq l-Għaqda Drammatika Għajnsielem bin-numru 90.

RADJU LAURETANA

L-iskeda li jmiss ta’ Radju Lauretana tibda l-Ħadd 18 ta’ Mejju. Minkejja li ħafna mill-voluntiera jkunu qed jagħmlu l-eżamijiet, Radju Lauretana xorta ser jipprovdi skeda sabiħa għall-festa ta’ Sant’ Antnin.

FESTA TA’ POMPEI

Il-Ħamis 8 ta’ Mejju hija l-festa tal-Madonna ta’ Pompei u tkun iċċelebrata fil-Knisja tas-Sorijiet Duminkani r-Rabat. F’12pm l-Isqof Mario Grech imexxi s-Supplika tal-Madonna ta’ Pompei.

SAN ĠORĠ PRECA

  • Nhar il-Ħamis 8 ta’ Mejju ser isir pellegrinaġġ għall-Kappella tal-Blata l-Bajda lejlet il-festa ta’ San Ġorġ Preca. Nitilqu mal-vapur tal-4.30pm u jkollna ħin ninviżtaw il-qabar ta’ San Ġorġ Preca. Fis-6.30pm issir quddiesa mmexxija minn Mons Isqof Mario Grech. Biljetti mill-oqsma tal-Museum u mid-Dar Parrokkjali.
  • Il-Ġimgħa 9 ta’ Mejju niċċelebraw il-festa ta’ San Ġorġ Preca. Għalhekk niltaqgħu lkoll għall-quddiesa tas-7pm biex flimkien infakkru din l-okkażjoni. Wara l-quddiesa jkun hemm festin żgħir fil-Museum tas-subien għat-tfal li jattendu l-Museum.

BBQ

Il-Kumitat ta’ Għajnsielem FC ser jorganizza BBQ b’differenza fl-okkażjoni tat-tmiem l-istaġun kalċistiku 2013/2014 nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Mejju fil-bajja tax-Xatt l-Aħmar mis-7.30pm ‘il quddiem. Għal aktar informazzjoni u biljetti kellmu lil xi membru tal-kumitat jew ċemplu fuq 99880879 mhux aktar tard mill-Ħamis 8 ta’ Mejju. Il-qligħ kollu jkun b’risq il-proġett tal-grawnd. Fil-ġimgħat li ġejjin għandu jitkompla x-xogħol fuq il-grawnd Dun Karm Cassar. Dan il-proġett jinvolvi eluf kbar ta’ ewro. Inħeġġu għal aktar donazzjonijiet. Grazzi ta’ kull għajnuna.

ORATORJU DON BOSCO – KLABB TAS-SAJF

L-Oratorju Don Bosco ser jorganizza Klabb tas-Sajf għat-tfal u l-istudenti bejn l-4 snin u 13-il sena matul is-Sajf. Isiru bosta attivitajiet skont l-eta’ tat-tfal kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u Ġimgħa bejn id-9am u 12pm matul Lulju u Awwissu. L-attivitajiet jinkludu quddiesa kuljum, art, crafts, mużika, żfin, drama, sports u ħarġiet kulturali. applikazzjonijiet mill-Oratorju stess sal-aħħar ta’ Mejju.

SERATA TA’ JUM L-OMM

Kulħadd huwa mistieden għal din is-serata ta’ kant, żfin u mużika li ser tittella’ fis-sala taċ-Ċentru Parrokkjali s-Sibt 10 ta’ Mejju. Biljetti mid-Dar Parrokkjali jew miċ-Ċentru.

SONG FESTIVAL MARJAN

Il-Leġjun ta’ Marija ser jorganizza s-Song Festival Marjan is-Sibt 10 ta’ Mejju filgħaxija fl-Oratorju Don Bosco. Biljetti mil-Leġjun ta’ Marija Pjazza Santu Wistin ir-Rabat.

LAQGĦAT GĦARAJJES-TĦEJJIJA GĦAŻ-ŻWIEĠ

Il-laqgħat tal-għarajjes fil-parroċċa, jilħqu l-qofol tagħhom fi tlett laqgħat li ser isiru fl-Istitut tal-familja (Kana). L-ewwel laqgħa ser issir nhar is-Sibt 10 ta’ Mejju fit-8pm. L-attendenza hija importanti biex jinħareġ iċ-ċertifikat tal-aħħar.

QUDDIESA GĦALL-ANZJANI

Il-Ministeru għal Għawdex b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju għall-Anzjani u Bżonnijiet Speċjali ser jorganizza quddiesa għall-anzjani kollha fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm nhar il-Ħadd 11 ta’ Mejju fis-Santwarju Ta’ Pinu fl-10am. Ikun hawn trasport b’xejn mill-pjazza fid-9am. Fit-tmiem tal-quddiesa jingħata rigal lill-ommijiet anzjani kollha preżenti.

MARIJA, OMM TAGĦNA!

RESSAQNA LEJN IBNEK ĠESÙ