Monthly Archives: June 2014

Bullettin 27 ta’ Ġunju 2014

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO
Għajnsielem

MA’ OMMNA MARIJA NINBNEW F’TEMPJU QADDIS FIL-MULEJ
Dan ta’ hawn fuq huwa l-logo bil-motto uffiċċjali li l-parroċċa għażlet biex tfakkar iż-żewġ anniversarji tal-125 u l-25sena mill-Konsagrazzjoni tal-Knisja l-Qadima u dik Parrokkjali din is-sena. Dan ser ikun ukoll il-motto tal-festa li ġejja u tas-sena pastorali li jekk Alla jrid nerġgħu nibdew f’Ottubru li ġej. Dan il-motto huwa ispirat mill-imħabba tagħna lejn Ommna Marija Lawretana u mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin 2,20-23. Grazzi mill-qalb lil Paul Stellini li ħadem dan il-logo sabiħ!

It-Tnejn 30 ta’ Ġunju
Il-125 ANNIVERSARJU KONSAGRAZZJONI KNISJA L-QADIMA
Nhar it-Tnejn il-Komunita’ Parrokkjali tagħna ser tfakkar ġrajja sabiħa ferm, il-125 sena mill-Konsagrazzjoni tal-Knisja l-Qadima. Din il-knisja serviet lill-parroċċa tagħna għal ħafna u ħafna snin u llum hija knisja tal-Adorazzjoni. Xi tfisser meta ngħidu li post huwa kkonsagrat lil Alla?
Ifisser li huwa ‘midluk’ biex ikun mogħti lil Alla. Madwar il-knisja hemm 12-il salib li dakinhar tal-Konsagrazzjoni ġew midluka mill-Isqof biż-żejt tal-Griżma, l-istess żejt li jintuża fil-Magħmudija, fil-Griżma tal-Isqof u fl-Ordni Sagri. GĦALHEKK il-bini tal-Knisja huwa kollu kemm hu ta’ Alla, huwa post qaddis u jixraqlu kull rispett.

PROGRAMM FIL-KNISJA L-QADIMA – it-Tnejn 30 ta’ Ġunju
9.00am – Il-quddiesa li ssoltu ssir fil-Knisja Arċipretali tkun fil-Knisja l-Qadima. Wara tiftaħ l-adorazzjoni Ewkaristika sa filgħaxija.
6.30pm – Għasar Solenni tal-Konsagrazzjoni tal-Knisja.
7.00pm – Quddiesa Konċelebrata mmexxija mill-Arċipriet Dun Frankie Bajada bl-inċensazzjoni tas-Slaleb. (Ma jkunx hemm quddiesa fl-għaxija fil-Knisja Arċipretali)

NIĠĠEDDU FI KRISTU!
FESTA TA’ OMMNA MARIJA ~ FESTA TAL-KNISJA TAGĦNA
FESTA TAL-PARROĊĊA GĦAŻIŻA TAGĦNA
FESTA TAL-QALB NISRANIJA TAGĦNA

Is-SIBTIJIET BI PREPARAZZJONI GĦALL-FESTA
Nibdew is-Sibt 28 ta’ Ġunju, 2014. Ser ikollna mistiedna l-parroċċi li huma ddedikati lil Ommna Marija Santissima. Isir talb speċjali għas-Sinodu tal-Isqfijiet fuq il-Familja kif mitluba direttament mill-Papa Franġisku permezz tal-Arċisqof ta’ Loreto Mons Giovanni Tonucci. Hemm ir-rebħ tal-indulġenza plenarja għal min iżur il-Knisja Parrokkjali tagħna u jitlob fiha matul ix-xhur li ġejjin sas-sinodu f’Ottubru.
Niftħu nhar is-Sibt li ġej bil-quddiesa li tkun fis-7pm u tkun immexxija mill-Arċipriet Dun Frankie Bajada.

GĦOTI TA’ DEMM – INSALVAW IL-ĦAJJA
Nhar il-Ħadd 29 ta’ Ġunju fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex mit-8am sas-1pm ser issir sessjoni oħra ta’ għoti tad-demm. Importanti li kull min imur jagħti d-demm jieħu miegħu l-Karta tal-Identità.

MIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI

Il-CAR WASH . . . organizzata mill-GSM Youths b’risq l-isptar Cottolengo f’Turin tkun il-Ħadd 29 ta’ Ġunju, 2014 mit-8am sa nofsinhar fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali. Ngħinu kif nistgħu. Nagħmlu kuraġġ liż-żgħażagħ tagħna.
NIGHT FUN GAMES . . . organizzati mill-GSM Youths fis-sajf jibdew it-Tnejn 14 ta’ Lulju. Applikazzjonijiet mill-Uffiċċju jew iċ-Ċentru Parrokkjali.
GĦALL-ADOLOXXENTI – MTL GROUP. . . ser ikollna attivitajiet kull nhar ta’ Tlieta u Ġimgħa filgħodu fiċ-Ċentru Parrokkjali. Dettalji l-ġimgħa d-dieħla.
LEZZJONIJIET TAŻ-ŻFIN . . . ser ikomplu nhar ta’ Erbgħa filgħodu. Min jixtieq jibda kellmu lil Eleonora fuq 99866711.

L-EWWEL ĠIMGĦA u SIBT TAX-XAHAR
Il-Ġimgħa 4 ta’ Lulju l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali wara l-quddiesa tad-9am. Is-Sibt 5 ta’ Lulju jkollna r-rużarju fit-3.30pm fil-Knisja l-Qadima u wara quddiesa. L-Adorazzjoni tissokta sad-9pm.

MONS. RENATO BORG MAĦTUR RETTUR TAL-KNISJA TA’ LOURDES – Nifirħu u nawguraw minn qalbna lil Mons. Renato Borg li issa huwa r-rettur il-ġdid tal-Knisja ta’ Lourdes. Dun Renato, kif nafuh, diġa kien jagħti servizz fil-parroċċa tagħna bil-preżenza tiegħu fil-Leġjun ta’ Marija. Żgur li b’dan l-impenn tiegħu huwa ser ikompli jsaħħaħ il-ħidma tiegħu fostna. Nitolbu għalih u nikkoperaw miegħu.

QUDDIES FIL-KNISJA PARROKKJALI
Infakkru li min jixtieq jordna intenzjonijiet fil-quddies tal-ħin fil-Knisja Parrokkjali għax-xhur Ottubru, Novembru u Diċembru, jista’ jagħmel dan nhar ta’ Tlieta u Ħamis bejn id-9am u nofsinhar fl-Uffiċċju Parrokkjali.

ĠABRA GĦAN-NAR TAL-FESTA
L-envelope għan-nar qiegħed jinġabar bieb bieb mill-membri tal-Għaqda Piroteknika 10 ta’ Diċembru. Inkunu ġenerużi u ngħinu kemm u kif nistgħu biex ikollna nar sabiħ fil-ġranet tal-festa.

QUDDIESA TA’ RADD IL-ĦAJR
Is-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesu’ jixtiequ jistiednu lil kulħadd għall-quddiesa ta’ radd il-ħajr fl-okkażjoni tad-dikjarazzjoni tal-Fundatriċi Madre Margerita tal-Qalb ta’ Ġesu’ bħala venerabbli. Din tkun il-Ġimgħa 4 ta’ Lulju fis-7.30pm fil-knisja ta’ Kerċem.

ĦARĠA TRADE FAIR
Il-Kunsill Lokali ser jorganizza ħarġa ghat-Trade Fair nhar il-Ħamis 3 ta’ Lulju. Nitilqu mal-vapur tal-5.15pm u lura ma’ tal-11.45pm. Min hu interessat li jattendi għandu jikkuntatja lill-kunsill. Kulħadd jixtri l-biljetti tiegħu għall-vapur. Niltaqgħu fit-terminal tal-Gozo Channel.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN
Giaċinta Xuereb toffri €20 b’suffraġju ta’ missierha Loreto Xuereb f’għeluq is-sentejn mill-mewt tiegħu fid-29 ta’ Ġunju. Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

 

Bullettin 20 ta’ Ġunju 2014

FESTA TA’ CORPUS
Illum, Mulej, hawn ħafna attenzjoni fuq l-ikel. Hawn ħafna edukazzjoni. Mhux kulħadd jiekol kollox. Mhux kollox tajjeb għal kulħadd. Illum niżnu, nagħżlu, nevitaw u nnaqsu. Ħadd ma jrid jismen iżżejjed. Ħadd ma jrid jimrad b’kapriċċ. Allura naqraw, nistaqsu, nitrażżnu.
Mulej, kieku nuru interess fik, daqskemm ħafna juru f’dal-qasam kieku żgur titjieb sew il-kwalità tal-ħajja tagħna, tal-Knisja, tas-soċjeta’.
Mulej għadna ma ndunajniex li mhux biss bil-ħobż li naħmu aħna ngħixu tajjeb. Dak jinteressak ukoll tipprovdihulna anki b’abbundanza. Imma XEJN ma jaqta’ l-ġuħ bħalek.
Kemm nixtieq Mulej li ruħi tixxennaq għalik, li nissaħħaħ biss fik, li jikbirli l-aptit tiegħek. Tħallinix nintilef f’ikel li jxebba’ bla ma jsaħħaħ. Mulej, jekk illum tistaqsini x’irridek tagħmilli, inwieġbek bla tlaqliq:
Li ngħix bik, li nduq biex nara kemm inti tajjeb, li ma ngħaddix mingħajrek. Ikel ieħor Mulej jista’ jissodisfani għal ftit. Imma fit-tul ixebbagħni żgur, jagħmilli ħażin, iqabbadni iżjed ġuħ.
Int biss Mulej il-ħobż ta’ ħajja vera!
Is-Sollennita’ tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej qed tkun iċċelebrata llum il-Ħadd 22 ta’ Ġunju. Għal din is-sena l-programm ser ikun hekk:
L-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali u tibda wara l-quddiesa tal-10am. Fil-5pm quddiesa kantata u wara toħroġ il-purċissjoni. Mistiedna jieħdu sehem il-fratelli, it-tfal tal-Ewwel Tqarbina, l-adoloxxenti tal-Griżma u l-poplu kollu.
FL-OKKAŻJONI TAL-125 SENA MILL-KONSAGRAZZJONI TAL-KNISJA L-QADIMA, il-purċissjoni timxi lejn il-Knisja l-Qadima fejn hemmhekk tingħata l-Barka Sagramentali.
Minn hemm nimxu għal Triq Ħamri fejn tingħata l-Barka quddiem ir-residenza tal-Familja Borg. Wara l-purċissjoni tissokta sal-Knisja ta’ Sant’ Antnin fejn nagħlqu bil-Barka Sagramentali.

QUDDIESA FAMILJI Il-quddiesa tal-10am tal-Ħadd 22 ta’ Ġunju tkun immexxija mill-familji għall-familji. Inħeġġu lill-membri kollha tal-familji tagħna biex jattendu u jieħdu sehem.

TALB GĦALL-PERSUNU KKONSAGRATI Dan ser ikun nhar is-Sibt 28 ta’ Ġunju, 2014 fil-knisja ta’ San Lawrenz u jibda fis-7pm. Ikollna trasport mill-pjazza bħas-soltu.

FESTA TAL-QALB TA’ ĠESU’
Il-Ġimgħa 27 ta’ Ġunju hija s-Sollennita’ tal-Qalb ta’ Ġesu’. L-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali u tibda wara l-quddiesa tad-9am. Filgħaxija fis-6.30pm rużarju meditat quddiem Ġesu’ Ewkaristija u wara quddiesa bil-priedka.

Is-SIBTIJIET BI PREPARAZZJONI GĦALL-FESTA
Nibdew nhar is-Sibt li ġej 28 ta’ Ġunju, 2014. Ser ikollna mistiedna l-parroċċi li huma ddedikati lil Ommna Marija Santissima. Isir talb speċjali għas-Sinodu tal-Isqfijiet fuq il-Familja kif mitlubin direttament mill-Papa permezz tal-Arċisqof ta’ Loreto Mons Antonio Tonucci. Aktar dettalji fil-Bullettin li jmiss.

GĦOTI TA’ DEMM – INSALVAW IL-ĦAJJA
Il-Ħadd 22 ta’ Ġunju ser issir sessjoni oħra ta’ għoti tad-demm fil-jum tal-Ħadd mit-8am sas-1pm. Din ser tkun waħda speċjali li fiha ser jiġi kkommemorat il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm. Waqt din is-sessjoni, il-ġest sabiħ tal-għoti tad-demm mid-donaturi Għawdxin ser ikun muri apprezzament billi għadd ta’ persuni distinti ser jżuru lid-donaturi waqt li jkunu qed jagħtu d-demm fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li għal dakinhar ser ikun imżejjen għall-okkażjoni. Importanti li kull min imur jagħti d-demm jieħu miegħu l-Karta tal-Identità.

MUSEUM SUBIEN
Nixtiequ navżaw li l-qasam tal-Museum tas-Subien ma jagħlaqx fis-sajf u għalhekk inħeġġukom sabiex tibqgħu tibagħtu lill-uliedkom. Għalhekk minn nhar it-Tnejn 23, ta’ Ġunju, 2014 l-ħinjiet ser jkunu kif ġej:
• It-Tnejn, It-Tlieta, il-Ħamis u l-Ġimgħa – Mill-Year 4 sal-Form 5. Il-museum jiftaħ mis-6.30pm sat-8.15pm. Il-lezzjoni tkun fis-7.30pm.
• Is-Sibt – mill-Year 6 sal-Form 5. Il-Museum ikun miftuħ mis-7.30pm sad-9pm. Il-lezzjoni tkun fit-8pm.
• Il-Ħadd – mill-Year 6 sal-Form 5. Il-Museum jiftaħ fl-4pm. Nitolbu r-rużarju u mmorru l-baħar sas-7pm.
Jistgħu jibdew jattendu wkoll dawk is-subien li din is-sena għamlu l-Ewwel Tqarbina.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA
Dan ser ikun ġewwa Lourdes Home l-Erbgħa 25 ta’ Ġunju mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Joe Xerri, kafe’ u tombla.

ĠABRA GĦAN-NAR TAL-FESTA
… FTEHIM MAL-GĦAQDA PIROTEKNIKA 10 TA’ DIĊEMBRU
Il-ġimgħa li għaddiet ġie ffirmat ftehim bejn il-Parroċċa u l-Għaqda Piroteknika 10 ta’ Diċembru dwar in-nar fil-ġranet tal-festa. Il-Parroċċa, bħala l-organizzatur tal-Festa Titulari, ser tagħti €4000 mill-ġbir għall-festa u tħallas l-ispejjeż relatati mal-permessi u l-insurance filwaqt li l-Għaqda ser tkun responsabbli mill-ġbir l-ieħor kollu u min-nar kollu li jinħaraq fil-festa. Ser tirċievu envelope mal-bullettin li mbagħad jinġabar bieb bieb fil-ġranet li ġejjin mill-membri tal-Għaqda Piroteknika 10 ta’ Diċembru. Inkunu ġenerużi u ngħinu kemm u kif nistgħu biex ikollna nar sabiħ fil-ġranet tal-festa.

Il-CAR WASH . . . b’risq l-esperjenza li ser jagħmlu ż-żgħażagħ tagħna f’Turin tkun il-Ħadd 29 ta’ Ġunju, 2014 mit-8am sa nofsinhar fuq iz-zuntier tal-knisja arċipretali.

QUDDIES FIL-KNISJA PARROKKJALI
Min jixtieq jordna intenzjonijiet fil-quddies tal-ħin fil-Knisja Parrokkjali għax-xhur Ottubru, Novembru u Diċembru jista’ jagħmel dan nhar ta’ Tlieta u Ħamis bejn id-9am u nofsinhar.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN
Charlie u Tonina Mizzi joffru €20 b’suffraġju ta’ Joseph Mizzi f’għeluq it-23 sena mill-mewt tiegħu nhar is-26 ta’ Ġunju u għal ruħ Joe Micallef f’għeluq l-14-il sena mill-mewt tiegħu nhar it-30 ta’ Ġunju.
Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Il-Familja Grech toffri €30 b’suffraġju ta’ Ġanni Grech f’għeluq l-ewwel sena mill-mewt tiegħu.
Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

NGĦIXU L-KONSAGRAZZJONI TAL-KNEJJES TAGĦNA

Bil-preżenza ħajja tagħna fil-knisja
Bis-sehem sħiħ fil-liturġija
Bl-Adorazzjoni l-aktar fil-knisja l-qadima.

NIĠĠEDDU FI KRISTU!

 

Bullettin 13 ta’ Ġunju 2014

IS-SAGRAMENT TAL-GRIŻMA TAL-ISQOF
Illum il-Ħadd 15 ta’ Ġunju l-ET Mons Isqof Mario Grech ikun fostna biex imexxi l-funzjoni tal-għoti tas-sagrament tal-Griżma tal-Isqof. Il-funzjoni tkun fil-5pm. Imma x’inhu dan is-sagrament? Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħidilna hekk:
Fit-Testment il-Qadim il-profeti ħabbru li l-Ispirtu tal-Mulej kellu jistrieħ fuq il-Messija mistenni u kellu jingħata lill-poplu messjaniku kollu. Il-ħajja u l-missjoni kollha ta’ Ġesu’ seħħew f’għaqda sħiħa mal-Ispirtu s-Santu. L-appostli rċevew l-Ispirtu s-Santu nhar Għid il-Ħamsin u bdew ixandru l-għeġubijiet ta’ Alla (Atti 2,11). Huma jwasslu lill-imgħammda ġodda, bit-tqegħid tal-idejn, ir-rigal tal-istess Spirtu. Tul is-sekli, il-Knisja kompliet tgħix mill-Ispirtu u kompliet twasslu lil uliedha.
Jissejjaħ griżma minħabba li r-rit essenzjali tiegħu hu d-dilka. Jissejjaħ konfermazzjoni għax jikkonferma u jwettaq il-grazzja tal-magħmudija.
L-effett tal-konfermazzjoni hu l-għotja sħiħa tal-Ispirtu s-Santu, kif darba ngħata nhar Għid il-Ħamsin. Din l-għotja tħalli fir-ruħ marka li ma titħassar qatt u ġġib magħha t-tkabbir tal-grazzja tal-magħmudija waqt li tniżżel fiha l-għeruq tagħha aktar fil-fond bħala iben Alla; tgħaqqadha b’mod aktar sħiħ ma’ Kristu u mal-Knisja tiegħu; tkattar fiha d-doni tal-Ispirtu s-Santu; tagħtiha qawwa speċjali biex tagħti xhieda tal-ħajja nisranija.
Il-ġenituri u l-parrinijiet ikollhom post riservat għalihom fil-bankijiet tal-korsija. Tkun ħaġa sabiħa li lkoll kemm aħna nattendu għal din il-funzjoni. Janima l-kant il-Kor Lauretana.
Illum ukoll qed niċċelebraw is-Sollennita’ tat-Trinita’ Qaddisa. Nemmen f’Alla wieħed fi tliet persuni:
Glorja lil Missier
u lill-Iben
u lill-Ispirtu s-Santu!

EWRO COLLECTION
Matul il-quddies kollu ta’ dan il-weekend, il-ġabra fil-knisja tkun b’risq il-festa titulari li ser niċċelebraw il-Ħadd 31 ta’ Awwissu. Il-festa tinsab fil-qrib u għalhekk jeħtieġ li ngħinu kif u kemm nistgħu għax l-ispejjeż dejjem jiżdiedu. Fejn nistgħu nagħtu Ewro jew aktar.

XOGĦOL FIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI
Matul il-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin qed jerġa’ jkompli x-xogħol fiċ-Ċentru Parrokkjali. Ser nibnu kamra għal-logħob, nirranġaw kamra oħra għal-laqgħat u nkomplu nattrezzawh ħalli jkun aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilita’. Napprezzaw ħafna kull daqqa t’id. Dan ix-xogħol qed isir issa hekk kif għadna kemm spiċċajna d-duttrina tat-tfal.

FESTA TA’ CORPUS
Is-Sollennita’ tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej tkun iċċelebrata l-Ħadd 22 ta’ Ġunju. Għal din is-sena l-programm ser ikun hekk: L-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali minn wara l-quddiesa tal-10am. Fil-5pm quddiesa kantata u wara toħroġ il-purċissjoni. Mistiedna jieħdu sehem il-fratelli, tfal tal-Ewwel Tqarbina, Adoloxxenti tal-Griżma u l-poplu kollu.
FL-OKKAŻJONI TAL-125 SENA MILL-KONSAGRAZZJONI TAL-KNISJA L-QADIMA, Il-purċissjoni timxi lejn il-Knisja l-Qadima fejn hemmhekk tingħata l-Barka Sagramentali.
Minn hemm nimxu għal Triq Ħamri fejn tingħata l-Barka quddiem ir-residenza tal-Familja Borg. Wara l-purċissjoni tissokta sal-Knisja ta’ Sant’ Antnin. Hemmhekk issir Ċelebrazzjoni Ewkaristika billi tingħata l-Barka Sagramentali. B’hekk inkunu ninkorporaw ukoll dak li s-soltu jsir fil-Festa tal-Qalb ta’ Ġesù. Programm tal-festa tal-Qalb ta’ Ġesù nagħtuhulkom fil-bullettin li jmiss.

MILL-AZZJONI KATTOLIKA
It-tieni laqgħa ta’ Talb fil-KAMPANJA FAVUR AMBJENT MORALMENT NADIF U B’SAĦĦTU fil-knisja Marjana tal-Kapuċċini (Victoria) nhar it-Tlieta 17 ta’ Ġunju fis-6.30pm – nofs siegħa adorazzjoni u quddiesa. Trasport mill-Pjazza fis-6.00pm qabel minn Triq Sant’Antnin.

CAR WASH . . .
Il-grupp taż-żgħażagħ tal-parroċċa, GSM Youths dan is-sajf ser jagħmlu esperjenza ta’ volontarjat barra minn Malta fi sptar magħruf sew għall-ħidma tiegħu ma’ persuni b’diżabilità –il-Cottolengo. 14-il żagħżugħ u żagħżugħa ser ikunu jaħdmu għal ġimgħa sħiħa f’dan l-isptar li jiddependi biss fuq il-providenza.
GĦALHEKK GSM Youths ser jorganizzaw CARWASH b’risq dan l-isptar u l-esperjenza ta’ volontarjat li ser jagħmlu. Ngħinuhom kemm nistgħu ħalli b’kuraġġ u ġenerożità jkunu ambaxxaturi tal-imħabba ta’ Kristu u tar-raħal tagħna.
Din il-CARWASH ser tkun il-Ħadd 29 ta’ Ġunju, 2014 mit-8am sa nofsinhar fuq iz-zuntier tal-knisja arċipretali.

IL-KONSAGRAZZJONI TAL-KNISJA
… Infakkruha bil-fidi
Huwa fatt li l-knisja hija spazju ta’ art, maħdum mill-ġebla – opra li ġejja mill-bniedem u mill-arti u s-sengħa tiegħu. Huwa wkoll minnu li Alla huwa nfinit u żgur li mhux se jillimita ruħu minn xi binja tal-bnedmin anke jekk din tkun knisja. Imma huwa proprju f’dan il-post li l-Knisja tfakkarna fil-preżenza ta’ Alla, tiġborna flimkien bħal aħwa fis-smiegħ tal-Kelma ta’ Alla u għaċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti speċjalment l-EWKARISTIJA. Huwa l-post tat-tifħir lil Alla u l-laqgħa tagħna fis-skiet miegħu.
INFAKKRU B’TANT FIDI D-DATI TAL-KONSAGRAZZJONI TAL-KNEJJES TAGĦNA.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN
L-Arċipriet flimkien mal-Familja Bajada joffru €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju tal-għeżież ġenituri tagħhom Marija u Wenzu Bajada. Mulej, agħtihom il-mistrieħ ta’ dejjem.

NIĠĠEDDU FI KRISTU!

 

Bullettin 6 ta’ Ġunju 2014

GĦID IL-ĦAMSIN
Illum il-Ħadd 8 ta’ Ġunju qegħdin nagħlqu Żmien il-Għid bis-Sollennita’ ta’ Pentekoste, Għid il-Ħamsin, inżul l-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja:
Lanqas aħna għaqlin Mulej!
Mingħajrek spiċċajna b’kuxjenza tqila, b’moħħ imbeżża’, b’qalb imħawda.
Malli erġajt ġejt fostna, b’għaġġla kbira, int ġibtilna miegħek, Mulej, rimedju għas-sitwazzjoni mwiegħra tagħna. Ġibtilna l-paċi mill-ġdid. Ħfirtilna u għamiltna ministri tal-maħfra.
Infaħt fuqna u tajtna l-Ispirtu tiegħek:
Spirtu ta’ tiġdid, ta’ kuraġġ, ta’ konverżjoni.
Mhux ta’ b’xejn Mulej li l-ħbieb tiegħek sabu kuraġġ jemmnu ferm iżjed fik, jemmnu mill-ġdid fihom infushom, jemmnu b’qawwa fix-xandir tal-messaġġ tiegħek. Id-dinja ma baqgħetx tbeżżagħhom, il-persekuzzjoni ma baqgħetx twaqqafhom.
Mulej, mingħajrek ma nistgħu nagħmlu xejn.
Fik nistgħu kollox, jekk issaħħaħna. Oqgħod fostna Mulej: agħżel int il-mod kif. Għat-taħwid u l-konfużjoni li noħolqu b’kapriċċ ma tistħoqqilna ebda preżenza tiegħek Mulej, ebda don.
Imma int tħobb u taħfer, Mulej, Int tassew għani fil-ħniena.
Mulej, jekk illum tistaqsini x’irridek tagħmilli inwieġbek bla tlaqliq:
Li toqgħod fostna bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħek,
bid-dawl ta’ dawk l-ilsna mbierka,
bl-enerġija ta’ dak ir-riħ qawwi.
Jekk toqgħod fostna b’dal-mod, Mulej, inkunu nistgħu noħorġu fid-dinja l-kbira inxandru mħabbtek, ngħinuk toqgħod fiha wkoll.
Mulej ibgħat kontinwament l-Ispirtu Qaddis Tiegħek fuqna u fostna! Ejja Spirtu Qaddis!
SPIRTU S-SANTU EJJA FINA!
RAĠĠ TA’ DAWL QADDIS AGĦTINA!
L-ADORAZZJONI FIL-KNISJA L-QADIMA – Is-Sibt 7 ta’ Ġunju, minħabba l-Velja Djoċesana ta’ Pentekoste, tieqaf qabel il-quddiesa li tkun fl-4pm.

KORSIJIET FAMILJA
Fl-ewwel gimagħtejn ta’ Lulju l-Kummissjoni Djoċesana Familja ser torganizza tliet korsijiet li jistgħu jkunu utli ħafna għal dawk kollha li jixtiequ jinvestu fil-familja tagħhom. Issibu aktar informazzjoni fuq l-applikazzjoni u l-flyer li tqassmu mal-bullettin l-ġimgħa l-oħra. Inħeġġu lill-koppji u lill-ġenituri biex japprofittaw u jkomplu jitgħallmu kif isaħħu u jtejbu r-relazzjonijiet mal-membri kollha tal-familja kbar u żgħar. Aktar ma nitgħallmu, anqas inbatu!

XOGĦOL FIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI
Matul il-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin ser jerġa’ jkompli x-xogħol fiċ-Ċentru Parrokkjali. Issa jmiss li nibnu kamra għal-logħob, nirranġaw kamra oħra għal-laqgħat u nkomplu nattrezzawh ħalli jkun aktar aċċessibbli għall-persuni li jkollhom bżonn il-wheelchairs billi nagħmlu r-rampa meħtieġa bil-liġi. Napprezzaw ħafna kull daqqa t’id. Dan ix-xogħol qed isir issa hekk kif għadna kemm spiċċajna d-duttrina tat-tfal.

GRAZZI LILL-KATEKISTI
Għalkemm ix-xogħol tal-katekisti jibqa’ dejjem għaddej, jixraq li fit-tmiem ta’ sena oħra kateketika nuru l-apprezzament tagħna lejhom kollha li tant jagħtu ħin u enerġija biex jiffurmaw fil-fidi lil uliedna fiċ-ċentri tad-duttrina tagħna. Nitolbu ħafna għalihom u nkomplu nikkoperaw magħhom fil-ħidma tagħhom favur uliedna anke fix-xhur tas-sajf.

GRAZZI
Offerta lill-Madonna: NN €100; Offerta għas-sagristiji: NN Triq Ħamri €120.
Lill-Familja Żammit li tat €500 għall-orgni b’suffraġju ta’ Ġanni Grech.

QUDDIESA ORGANIZZATA MIŻ-ŻGĦAŻAGĦ
Illum il-Ħadd, Jum PENTEKOSTE, il-quddiesa tal-10.00am tkun animata miż-żgħażagħ tagħna. Iż-żgħażagħ u l-adoloxxenti huma mistiedna jieħdu sehem u jiċċelebraw il-ferħ tal-Ispirtu s-Santu.

ILQA’ FI ĦDANEK
B’niket inħabbru l-mewt ta’ Joseph Portelli minn Għajnsielem u li kien joqgħod l-Amerika li mar jiltaqa’ mal-Mulej Irxoxt nhar it-30 ta’ Mejju fl-għomor ta’ 80 sena. Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

ĊELEBRAZZJONI TAL-GRIŻMA TAL-ISQOF
Il-Ħadd li ġej 15 ta’ Ġunju l-ET Mons Isqof Mario Grech ikun fostna biex imexxi l-funzjoni tal-għoti tas-sagrament tal-Griżma tal-Isqof. Il-funzjoni tkun fil-5pm. Tajjeb li bħala komunita’ parrokkjali nattendu lkoll għal din il-funzjoni.

  • Bi tħejjija għal din iċ-ċelebrazzjoni, is-Sibt li ġej, 14 ta’ Ġunju, filgħodu fid-9.30, fil-Knisja Parrokkjali, dawk li ser jirċievu l-Griżma tal-Isqof ser ikollhom il-provi, u jkun hemm il-qrar għalihom, għall-ġenituri u l-parrini.
  • Fil-Knisja l-Qadima, l-adorazzjoni tas-Sibt 14 ta’ Ġunju tibqa’ sejra sad-9.00pm. Flimkien nitolbu għall-familji tagħna.

OĦLOQ TBISSIMA – GRAZZI
Fr. Mark Demanuele MSSP, f’isem is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl u sħabu li jaħdmu fil-Missjoni tal-Perù, bagħtilna dan il-messaġġ ta’ ringrazzjament – “F’isem sħabna li jaħdmu fil-missjoni tagħna fil-Perù, nixtiequ nroddulkom ħajr tal-ġenerożità kbira tagħkom. Żgur li se tferrħu tant familji u tfal. L-ewwel container bid-donazzjonijiet tagħkom diġa’ telaq u ieħor qed jiġi ppreparat. Grazzi ħafna u l-Mulej ibierek u jseddaq din il- ġenerożità tagħkom.”

GĦOTI TA’ DEMM
Għal sena oħra qed tiġi organizzata l-maratona ta’ 60 siegħa futbol u volibol b’risq l-Organizzazzjoni Puttinu Cares. Ma’ din il-martona wieħed ma jistax ma jsemmix l-ammont kbir ta’ prodotti tad-demm li t-tfal morda bil-kanċer jirċievu tul is-sena kollha, u għaldaqstant is-Servizz apparti li jappella għad-donazzjonijiet tal-flus jappella ukoll għal għoti tad-demm.
Min jixtieq jgħin fil-fejqan ta’ dawn it-tfal billi jagħti d-demm għandu jmur fil-kumpless kummerċjali Arkadia, Ir-Rabat, Għawdex, li s-Sibt 7 ta’ Ġunju (festa pubblika) ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:30am sas-1pm.

MINN GĦAJNSIELEM F.C.
Il-Kumitat ta’ Għajnsielem FC javża lill-membri u lill-pubbliku li l-Ħadd 8 ta’ Ġunju 2014 ser issir l-laqgħa ġenerali annwali 2013-14 fil-każin tal-football fil-10.45am.

NIĠĠEDDU FI KRISTU!