Monthly Archives: August 2014

Bullettin 22 ta’ Awwissu 2014

MILL-PROGRAMM TAL-FESTA
Il-Ħadd 24 ta’ Awwissu: Jum il-Familja Għajnselmiża
10.00 am Quddiesa minn Dun Anton Theuma. Janima l-quddiesa bil-kant il-grupp tal-familji tagħna. Mistiedna b’mod speċjali l-emigranti li jkun hawn fostna u l-familji Għajnselmiżi kollha anke dawk li joqogħdu barra mir-raħal.
Wara l-quddiesa, isir il-ftuħ ta’ Wirja dwar il-Knejjes tagħna mtella’ miż-Żgħażagħ tal-Parroċċa – GSM Youths fil-Knisja l-Qadima.

It-Tnejn 25 ta’ Awwissu: Jum il-Fidi Żagħżugħa
7.00 pm Quddiesa minn Fr. Joseph Bajada animata miż-żgħażagħ tal-parroċċa għaż-żgħażagħ u l-adoloxxenti kollha.
8.00 pm Marċ mill-Banda San Ġużepp minn Triq il-Ġnien.
9.45 pm Ħruġ tal-istatwa min-niċċa.
Issir l-aħħar ġabra kbira għall-festa ta’ din is-sena.

It-Tlieta 26 ta’ Awwissu: – Jum il-Ferħ u l-Banda San Ġużepp
7.00 pm Quddiesa minn Fr. Joseph Farrugia bis-sehem sħiħ tat-tfal u l-pre-adoloxxenti. Janima bil-kant il-Kor Virgo.
8.30 pm Programm mużikali mill-Banda San Ġużepp quddiem il-Każin tal-Banda.
IT-TRIDU TAL-FESTA
L-Erbgħa 27, il-Ħamis 28 u l-Ġimgħa 29 ta’ Awwissu huma l-jiem tat-Tridu tal-Festa
7.00 pm Quddiesa bil-prietka tat-Tridu minn Fr. Richard N. Farrugia. Wara jkun hemm il-Barka Sagramentali.
Matul il-ġranet tal-festa nesponu x-xbieha tal-Madonna ta’ Loreto fit-twieqi u l-galleriji tagħna.

MERĦBA MONS. GIOVANNI TONUCCI
Il-Ġimgħa 29 ta’ Awwissu filgħaxija jasal fostna l-ET Mons Giovanni Tonucci Arċisqof Prelat ta’ Loreto, il-mistieden speċjali għall-festa ta’ din is-sena. Ser jieħu sehem f’bosta funzjonijiet skont il-programm tal-festa.
• Hemm il-probabilita’ li sakemm idum fostna, sal-Erbgħa 3 ta’ Settembru, l-Arċisqof iżur, fi djarhom, lil xi morda jew anzjani li ma joħorġux. Ikkuntattjaw l-Uffċċju Parrokkjali għal appuntament.
• L-Arċisqof Tonucci jqaddes fil-Knisja ta’ Sant’ Antnin it-Tnejn l-1 ta’ Settembru fis-7.00pm.
• Ser iqaddes fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu t-Tlieta 2 ta’ Settembru fl-10am. Ikollna trasport b’xejn mill-Pjazza fid-9.30am.
• Ikla buffet mal-Arċisqof Tonucci t-Tlieta 2 ta’ Settembru fit-8pm fil-Grand Hotel. Biljetti €20 mill-Uffiċċju Parrokkjali.

SOUVENIRS TAL-FESTI SPEĊJALI
Min jixtieq jakkwista souvenir uffiċċjali ta’ dawn il-festi jista’ jasal wasla sa Radju Lauretana mit-Tnejn 25 sal-Ġimgħa 29 ta’ Awwissu mit-8.30am sa 12pm.

RADJU LAURETANA
L-iskeda tal-festa ta’ Radju Lauretana tkompli bil-kbir. Radju Lauretana jwassallek il-festa kollha diretta ġewwa darek. Komplu segwuna fuq 89.3FM u www.radjulauretana.com .
GRAZZI mill-qalb lil dawk kollha li qed jgħinuna bir-reklami fuq dan l-istazzjon tal-parroċċa.

IL-PROĠETT TAS-SAGRISTIJI u L-ORGNI

• KUN PARTI MINN DAN IL-PROĠETT LI SER IKOMPLI JSEBBAĦ IL-KNISJA TAGĦNA u ssieħeb fl-iskema ta’ ġbir apposta. Tistgħu tiġbru formla mill-Knisja jew mill-Uffiċċju Parrokkjali (karta ħadra) u twassluha fl-Uffiċċju Parrokkjali.
• MISTOQSIJA U TWEĠIBA
Meta ser jibda x-xogħol? Ix-xogħol jibda meta nkunu ġbarna aktar minn nofs tal-ispiża prevista.

RIVISTA PARROKKJALI “GĦAJNSIELEM”
Ir-rivista parrokkjali Għajnsielem qed titqassam ma’ dan il-bullettin lil kull familja. Napprezzaw il-ħafna xogħol li jkun hemm f’din il-biċċa xogħol. Ir-rivista qed titqassam b’xejn però napprezzaw kull offerta. Tistgħu tgħadduha lil min iqassam il-bulletin jew direttament fl-Ufficcju Parrokkjali. Grazzi mill-qalb lil dawk li għinuna bir-reklami.

GRAZZI MILL-QALB
Il-Ġabra bieb bieb għall-festa laħqet is-somma sabiħa ta’ €3635. Prosit u grazzi.
Offerta lill-Madonna ta’ Loreto NN. – Us$200, NN. – €50, Offerti fil-bott tal-ħanut Ideal store ta’ Rose Grech – €210

GĦOTI TA’ DEMM
L-għoti tad-demm jista’ jsir fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġnerali ta’ Għawdex il-Ħadd 24 t’Awwissu mit-8am sas-1pm.

OPEN DAY
Il-Ħadd 24 ta’ Awwisu se jkun hemm Open Day il-Każin tal-Banda fejn wieħed jista’ jara l-bar u l-kċina l-ġdida, il-klassi tat-tagħlim tal-mużika, il-panelli fotovoltajiċi fuq il-bejt u swali oħra. Filgħaxija jkun hemm programm mill-alljievi u varjeta’ mużikali.

IKLA TA’ WARA L-FESTA
B’kollaborazzjoni bejn il-Kumitat tal-Banda u dak tal- Futbol ser issir l-ikla tradizzjonali ta’ wara l-Festa l-għada t-Tnejn l-1 ta’ Settembru mis-7.30pm ‘il quddiem. Biljetti għall-bejgħ miż-żewġ każini. Prezz €10 u ser ikun hemm erba’ tipi ta’ għaġin.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN
Charlie u Bronia Vella joffru €20 għall-ispejjeż tal-bullettin għall-memorja ta’ binhom George W. Vella f’għeluq l-ewwel sena mill-mewt tiegħu fit-23 ta’ Awwissu.
Mulej Ġesu’ żommu miegħek fil-glorja tal-ġenna.

FESTA SABIĦA! FESTA KBIRA! FESTA DINJITUŻA!
DIN TIBDA MINN QALB FERĦANA MAGĦQUDA MA’ ALLA. AĦSEB GĦAL QRARA TAJBA U TQARBINA.

Programm tal-Festa tal-Madonna ta’ Loreto 2014

IL-KOMUNITA’ PARROKKJALI TA’ GĦAJNSIELEM – GĦAWDEX
TIĊĊELEBRA L-FESTA AD UNUR TAL-
MADONNA TA’ LORETO
2014

It-Tlieta 19 ta’ Awwissu:
8.00pm Quddiesa fiċ-Ċimiterju għall-Erwieħ kollha tal-Parroċċa.

L-Erbgħa 20 ta’ Awwissu:
8.00pm Niltaqgħu flimkien quddiem is-Santwarju ta’ Lourdes fejn Mons Isqof Mario Grech imexxi t-Talba tar-Rużarju. Nitolbu lil Sidtna Marija għall-Parroċċa tagħna fl-Okkażjoni tal-25 u l-125 tal-Konsagrazzjoni tal-Knejjes tagħna u għad-Djoċesi tagħna fl-Okkażjoni tal-150 sena mit-Twaqqif tagħha.

Il-Ħamis 21 ta’ Awwissu: L-Ewwel Jum tan-Novena – Jum ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet
6.30pm Rużarju meditat quddiem Ġesù Ewkaristija fil-Knisja Arċipretali b’talb speċjali għas-saċerdoti, ir-reliġjużi, il-grupp vokazzjonali u l-abbatini fil-parroċċa tagħna.
7.00 pm Quddiesa tal-Ftuħ tan-Novena minn Dun Samuel Grech.

Il-Ġimgħa 22 ta’ Awwissu: It-Tieni Jum tan-Novena – Jum il-Ħajja
6.30 pm Rużarju, Kurunella u Barka Sagramentali.
7.00 pm Quddiesa tan-Novena mill-Kan. Joe Cardona bis-sehem tal-Voluntiera Għawdxin tal-Ordni ta’ Malta. Wara l-quddiesa jingħata s-Sagrament tad-Dilka tal-Morda.
Kampanja favur id-donazzjoni tal-Organi.
8.30 pm BBQ fi Triq Fuq il-Għajn

Is-Sibt 23 ta’ Awwissu: It-Tielet Jum tan-Novena – Jum il-Komunità Ingliża fostna
6.30 pm Rużarju, Kurunella u Barka Sagramentali.
7.00 pm Quddiesa bl-Ingliż bil-prietka tan-novena minn Dun Loreto Tabone, delegat għall-komunità Ingliża fostna bis-sehem tal-English Speaking Community ta’ Għawdex.

Il-Ħadd 24 ta’ Awwissu: Jum il-Familja Għajnselmiża
10.00 a.m. Quddiesa tan-novena minn Dun Anton Theuma, delegat għall-pastorali tal-Familja bis-sehem tal-familji u l-emigranti. Janima l-quddiesa bil-kant il-grupp tal-familji tagħna. Mistiedna b’mod speċjali l-emigranti li jkun hawn fostna u l-familji Għajnselmiżi kollha anke dawk li joqogħdu barra mir-raħal.
Wara l-quddiesa, isir il-ftuħ ta’ Wirja dwar il-Knejjes tagħna mtella’ miż-Żgħażagħ tal-Parroċċa – GSM Youths fil-Knisja l-Qadima.
Open Day fil-Każin tal-Banda. Diversi attivitajiet matul il-jum.
4.30 pm Rużarju u Barka Sagramentali.
5.00 pm Quddiesa

It-Tnejn 25 ta’ Awwissu: Jum il-Fidi Żagħżugħa
6.30 pm Rużarju, Kurunella u Barka Sagramentali.
7.00 pm Quddiesa minn Fr. Joseph Bajada, delegat għall-Pastorali tal-Iskejjel, li tkun animata miż-żgħażagħ tal-parroċċa għaż-żgħażagħ u l-adoloxxenti kollha.
8.00 pm Marċ mill-Banda San Ġużepp minn Triq il-Ġnien sal-Misraħ tal-Knisja.
9.45 pm Ħruġ tal-istatwa min-niċċa fost kant ta’ innijiet Marjani bis-sehem tal-Banda San Ġużepp.
10.15pm L-Istatwa ta’ Ommna Marija Lawretana titpoġġa taħt it-tron tagħha fil-Knisja. Issir l-aħħar ġabra kbira għall-festa ta’ din is-sena.

It-Tlieta 26 ta’ Awwissu: – Jum il-Ferħ u l-Banda San Ġużepp
6.30 pm Rużarju u Barka Sagramentali
7.00 pm Quddiesa bil-prietka tan-novena minn Fr. Joseph Farrugia bis-sehem sħiħ tat-tfal u l-pre-adoloxxenti. Janima bil-kant il-Kor Virgo.
8.30 pm Il-Banda San Ġużepp tesegwixxi programm mużikali quddiem il-Każin tal-Banda b’siltiet varji taħt id-direzzjoni tas-Surmast Frankie Debono u l-Assistent Surmast Anthony Galea.

L-Erbgħa 27 ta’ Awwissu: – Jum ta’ Talb Marjan – L-EWWEL JUM TAT-TRIDU
6.15 pm Rużarju
6.30 pm Għasar Kantat u Kurunella
7.00 pm Quddiesa mmexxija mill-Arċipriet Mons. Carmelo Mercieca bis-sehem ta’ rappreżentanza tal-kleru tal-Parroċċa ta’ San Ġwann Battista fix-Xewkija, li fiha Fr. Richard N. Farrugia jagħmel l-ewwel prietka tat-Tridu.
Antifona u Barka Sagramentali.
9.00 p.m Lejla Marjana fuq iz-zuntier tal-knisja parrokkjali bit-tema tal-festa – Ma’ Ommna Marija ninbnew f’tempju qaddis fil-Mulej! Imexxi t-talb Mons. Renato Borg, Rettur tal-Knisja ta’ Lourdes fir-raħal tagħna.

Il-Ħamis 28 ta’ Awwissu: Jum il-Ħajja Kkonsagrata – IT-TIENI JUM TAT-TRIDU
6.15 pm Rużarju
6.30 pm Għasar Kantat u Kurunella
7.00 pm Quddiesa mmexxija mill-Provinċjal P. Richard Grech ofm bis-sehem tal-Patrijiet Franġiskani u l-prietka tat-Tridu minn Fr. Richard N. Farrugia u animata mir-Reliġjużi tal-Parroċċa.
Antifona u Barka Sagramentali.
9.30 pm Jibda marċ brijuż min-naħa ta’ fuq ta’ Triq Simirat u jispiċċa ħdejn il-Każin tal-Banda. Jieħdu sehem il-Banda tagħna San Ġużepp u l-Banda Prekursur tax-Xewkija. Fi Pjazza Indipendenza tittella’ l-istatwa tad-dar fuq il-pedestall tagħha.

Il-Ġimgħa 29 ta’ Awwissu: Jum il-Komunità Parrokkjali – IT-TIELET JUM TAT-TRIDU
6.15 pm Rużarju
6.30 pm Għasar kantat u Kurunella
7.00 pm Quddiesa mmexxija mill-Arċipriet Mons. Jimmy Xerri, flimkien ma’ rappreżentanza tal-Kapitlu u l-Kleru tal-Parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl tan-Nadur bil-prietka tat-Tridu minn Fr. Richard N. Farrugia. Mistiedna r-residenti Maltin li joqogħdu fir-raħal tagħna. Antifona u Benedizzjoni Ewkaristika
9.00 pm Marċ mill-Banda Santa Margerita ta’ Sannat li jibda minn ħdejn iċ-Ċentru Parrokkjali u jibqa’ sejjer sal-Misraħ tal-Knisja fejn tesegwixxi programm mużikali fuq il-planċier.
9.30 pm Dimostrazzjoni bl-istatwa tal-Madonna tad-Dar li tibda minn Triq Mġarr. Iddoqq l-Banda San Ġużepp ta’ Għajnsielem flimkien mal-Banda San Girgor ta’ Kerċem.
Inħeġġu briju ferrieħi u dekoruż.
12.00 a.m Wasla tal-Madonna tad-Dar b’mod uniku għal fuq il-Pedestall tagħha fil-Misraħ tal-Knisja. Wirja ta’ ajruplani pirotekniċi.

Is-Sibt 30 ta’ Awwissu: LEJLET IL-FESTA
9.00 am Fil-Knisja l-Qadima ssir Quddiesa kkonċelebrata mmexxija mill-E.T. Mons Giovanni Tonucci, Arċisqof ta’ Loreto li fiha jitkanta t-Te Deum bħala radd il-ħajr lil Alla. Janima bil-kant il-kor tal-irġiel immexxi minn Tony Galea.
5.15 pm Marċ mill-Banda San Ġużepp li jibda minn Triq Cordina.
5.30 pm Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali.
6.30 pm Tranżlazzjoni Solenni tar-Relikwija li titlaq mill-Knisja l-Qadima mmexxija mill-E.T. Mons Giovanni Tonucci, Arċisqof ta’ Loreto għall-Knisja Parrokkjali. Jieħdu sehem il-Fratellanzi tas-Sagrament u tar-Rużarju. Takkumpanja l-Banda San Ġużepp.
7.00 pm L-Ewwel Għasar Solenni mmexxi mill-E.T. Mons Giovanni Tonucci, Arċisqof ta’ Loreto.
8.00 pm Quddiesa.
9.00 pm Marċ mill-Banda Imnarja tan-Nadur li jibda minn Triq il-Ġnien sal-Misraħ tal-Knisja fejn tesegwixxi programm mużikali fuq il-planċier.
9.30 pm Marċ ta’ lejlet il-festa li jibda minn Triq Ħamri, jgħaddi għal Triq Fawwara u jintemm fil-Misraħ tal-Knisja. Il-Banda San Ġużepp ta’ Għajnsielem flimkien mal-Banda Victory tax-Xagħra jferrħu lill-poplu preżenti bid-daqq ta’ marċi brijużi.
12.00 a.m.Marija Lawretana, Protettriċi tal-Avjazzjoni. Wirja ta’ ajruplani pirotekniċi segwita minn wirja spettakolari ta’ logħob tan-nar tal-art.

Il-Ħadd 31 ta’ Awwissu: JUM IL-FESTA PARROKKJALI
6.00 u 7.30 am Quddies .
9.00 a.m. Konċelebrazzjoni Pontifikali mmexxija mill-E.T. Mons Giovanni Tonucci, Arċisqof ta’ Loreto. Tesegwixxi l-Mużika l-Cappella Diacono taħt id-direzzjoni ta’ Mons. Ġwann Galea.
Quddies ieħor – 11.00 a.m., 5.00 pm.
5.30 pm Marċ mill-Banda Ite ad Joseph tal-Qala li jibda minn Triq Ħamri u jintemm fil-Misraħ tal-Knisja.
6.30 pm It-II Għasar Solenni ta’ Jum il-Festa mmexxi mill-Arċipriet Dun Frankie Bajada.
6.30 pm Marċ ta’ qabel il-purċissjoni mill-Banda San Ġużepp li jibda mill-Każin tal-Banda għall-Misraħ tal-Knisja fi Pjazza Madonna ta’ Loreto.
7.30 pm Ħruġ solenni tal-Istatwa Devota tal-Madonna ta’ Loreto. Il-Banda S. Ġużepp flimkien mal-Kor Lauretana, isellmu lil Ommna Marija bid-daqq tal-Innu Alla Vergine di Loreto.
Tibda miexja l-purċissjoni mmexxija mill-E.T. Mons Giovanni Tonucci, Arċisqof ta’ Loreto. akkumpanjata mill-Banda tagħna San Ġużepp.
Nistiednu lil kulħadd biex nakkumpanjaw lil Ommna Marija Lawretana permezz tat-talba tar-rużarju waqt il-purċissjoni.
Mal-wasla ħdejn il-Knisja l-Qadima, l-istatwa tal-Madonna titpoġġa fil-bieb tal-knisja u tingħad it-talba għas-Sinodu tal-Isqfijiet u jitkanta Innu Marjan.
7.45 pm Il-Banda Ċittadina Leone tal-Belt Victoria tibda marċ minn Triq il-Magħdija għall-Misraħ tal-Knisja fejn tesegwixxi programm mużikali fuq il-planċier.
10.25 pm Dħul tal-vara tal-Madonna ta’ Loreto fil-Knisja fost il-Kant Marjan tal-ġemgħa.
Antifona u Barka Sagramentali.
Marċ qasir minn fuq il-planċier fil-Misraħ tal-Knisja sal-Każin tal-Banda San Ġużepp minn elementi mill-istess banda jagħlaq il-festa.

It-Tnejn 1 ta’ Settembru:
7.30 pm Ikla tal-għada tal-festa fi Triq Chambrai.

It-Tlieta 2 ta’ Settembru: QUDDIESA TA’ RINGRAZZJAMENT
6.00 pm Rużarju u Barka Sagramentali.
6.30 pm Quddiesa ta’ ringrazzjament u dħul tal-vara fin-niċċa tagħha.
7.30 pm Ikla fil-Grand Hotel biex insellmu lill-E.T. Mons Giovanni Tonucci, Arċisqof ta’ Loreto.

NOTA ĠENERALI
• Fil-ġranet tal-festa jieħu sehem il-Kor Lauretana taħt id-direzzjoni ta’ Lelio Spiteri u l-Orkestra taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Frankie Debono.
• Il-Mużika ta’ lejlet u nhar il-Festa tkun tal-Cappella Diacono taħt id-direzzjoni ta’ Mons. Ġwann Galea.
• Il-logħob tan-nar tal-art u tal-ajru fil-ġranet tal-festa huwa organizzat mill-Għaqda Piroteknika 10 ta’ Diċembru. L-Għaqda tħeġġeġ lill-ġenituri biex ma jħallux lil uliedhom jersqu lejn il-post minn fejn ikun jinħaraq in-nar. Dak ikun post riservat biss għal min ikun awtorizzat.
• Il-funzjonijiet tal-knisja u l-attivitajiet prinċipali tal-festa jkunu mxandra dirett fuq Radju Lauretana 89.3FM li jkun ukoll fuq il-website www.radjulauretana.com. Segwu l-iskeda ta’ programmi.
• Kull tibdil f’dan il-programm jiġi avzat fil-knisja u fuq Radju Lauretana.

Il-Parroċċa Madonna ta’ Loreto permezz tal-Kunsill Parrokkjali u l-Kumitat Parrokkjali tal-Festa tistieden lil kulħadd għall-attivitajiet kollha f’dan il-programm li ħejjiet u tħeġġeġ għal imġieba ferreħija u responsabbli waqt il-marċijiet skont il-linji maħruġa mill-Kumitat tal-Festa.

FESTA NISRANIJA TAJBA TIBDA BI QRARA U TQARBINA.
NERSQU GĦALL-QRAR U T-TQARBIN.

For an English version of this programm please visit www.ghajnsielem.com

 

Bullettin 15 ta’ Awwissu 2014

MILL-PROGRAMM TAL-FESTA
It-Tlieta 19 ta’ Awwissu:
8.00pm Quddiesa fiċ-Ċimiterju.

L-Erbgħa 20 ta’ Awwissu:
8.00pm Rużarju quddiem is-Santwarju ta’ Lourdes immexxi minn Mons Isqof Mario Grech. Kulħadd iġib xemgħa.

Il-Ħamis 21 ta’ Awwissu: L-Ewwel Jum tan-Novena
7.00 pm Quddiesa tan-Novena minn D. Samuel Grech.

Il-Ġimgħa 22 ta’ Awwissu: – Jum il-Ħajja
7.00 pm Quddiesa tan-Novena mill-Kan. Joe Cardona bis-sehem tal-Voluntiera Għawdxin tal-Ordni ta’ Malta. Wara l-quddiesa jingħata s-Sagrament tad-Dilka tal-Morda.
Kampanja favur id-donazzjoni tal-Organi.

Is-Sibt 23 ta’ Awwissu: Jum il-Komunità Ingliża fostna
7.00 pm Quddiesa bl-Ingliż bil-prietka tan-novena minn Dun Loreto Tabone, delegat għall-komunità Ingliża fostna bis-sehem tal-English Speaking Community ta’ Għawdex.

Il-Ħadd 24 ta’ Awwissu: Jum il-Familja Għajnselmiża
10.00 a.m. Quddiesa tan-novena minn Dun Anton Theuma, delegat għall-pastorali tal-Familja bis-sehem tal-familji u l-emigranti. Janima l-quddiesa bil-kant il-grupp tal-familji.
Mistiedna b’mod speċjali l-emigranti li jkun hawn fostna u l-familji Għajnselmiżi kollha anke dawk li joqogħdu barra mir-raħal.
Wara ftuħ ta’ wirja mtella’ minn GSM Youths fil-Knisja l-Qadima.

FESTA TA’ OMMNA MARIJA – FESTA TAL-KNISJA TAGĦNA
Is-SIBTIJIET BI PREPARAZZJONI GĦALL-FESTA
Inkomplu bis-Sibtijiet bi preparazzjoni għall-festa tal-Madonna ta’ Loreto. Is-Sibt 16 ta’ Awwissu, Mons. Joseph Sultana, Arċipriet tal-Parroċċa tal-Viżitazzjoni fl-Għarb imexxi l-quddiesa tas-7pm.

BUKKETTI FIL-KNISJA GĦALL-FESTA – Infakkru li dawk li jixtiequ jiddedikaw xi bukkett fil-knisja tagħna għall-ġranet tal-festa jistgħu jagħtu d-donazzjoni ta’ €20 fl-Uffiċċju Parrokkjali.

L-AĦĦAR ĠABRA BIEB BIEB GĦALL-FESTA
Bħalissa għaddejja l-aħħar ġabra bieb bieb għall-festa.
IMPORTANTI
L-envelopes qed jinġabru mill-voluntiera tal-parroċċa. Ma’ kull offerta li tagħtu lill-voluntiera qed tingħataw tifkira ħelwa tal-anniversarju tal-konsagrazzjoni tal-knejjes tagħna. Il-Madonna ta’ Loreto tbierek il-ġenerożita’ tagħna.

Il-KWADRU TITULARI TAL-KNISJA L-QADIMA
Din il-ġimgħa wasal lura fil-knisja l-qadima l-kwadru titulari li, għal dawn l-aħħar tliet snin kien qed isir restawr estensiv fuqu. Dan ix-xogħol huwa parti minn proġett ta’ restawr fuq il-kwadri kollha li għandna fil-knisja l-qadima u li qed jiġi sponsorjat mill-Bank of Valletta.

RADJU LAURETANA
L-iskeda tal-festa ta’ Radju Lauretana tidħol fit-tielet ġimgħa. Komplu segwu l-programmi kollha fuq il-frekwenza 89.3FM jew permezz tal-internet fuq www.radjulauretana.com. Ħudu sehem fil-programmi permezz tat-telefon jew l-SMS.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI
Nhar is-Sibt 23 ta’ Awwissu fil-Knisja Parrokkjali tax-Xewkija fis-6.45pm. Trasport bħas-soltu mill-Pjazza.

STEDINA – Nhar it-Tnejn 18 ta’ Awwissu, fil-Knisja ta’ Sant’Antnin, fit-8.00pm, Patri Chris Farrugia ofm se jqaddes quddiesa bħala ċelebrazzjoni tal-ħajja għal ommu Lynette li mietet fit-2 ta’ Awwissu. Il-preżenza tagħkom hija ferm apprezzata.

IL-PROĠETT TAS-SAGRISTIJI u L-ORGNI

• KUN PARTI MINN DAN IL-PROĠETT LI SER IKOMPLI JSEBBAĦ IL-KNISJA TAGĦNA u ssieħeb fl-iskema ta’ ġbir apposta. Tistgħu tiġbru formla mill-Knisja (karta ħadra) u twassluha fl-Uffiċċju Parrokkjali.
• MISTOQSIJA U TWEĠIBA:
Għaliex hu maħsub li jieħu minn 5 sa 6 snin? Għaliex il-proġett tal-bini jinkludi wkoll l-adattament għall-orgni u l-installazzjoni tiegħu. Sakemm ikun isir il-bini hawn, huwa ppjanat li jibda x-xogħol fuq l-orgni ġewwa l-ingilterra. Biex jiġi nstallat l-orgni fil-knisja, ix-xogħol li jinvolvi t-trab (inkluża xi skultura) irid ikun lest kollu. Dan jinvolvi ħafna spejjeż u allura jrid iż-żmien.

SWIM-A-THON
B’risq il-Fundazzjoni Inspire l-Erbgħa 19 ta’ Awwissu bejn is-2 u t-8pm. Għal aktar dettalji u booking ċemplu lil Ann 79569602.

MILL-GĦAJNSIELEM FC
Il-Kumitat t’Għajnsielem F.C. jixtieq javża li f’Għawdex ser isir kors tal-coaching bil-kollaborazzjoni tal-G.F.A. u l-M.F.A. mill-Ħamis 11 sas-Sibt 13 ta’ Settembru 2014. L-applikazzjonijiet jagħlqu s-Sibt 30 t’Awwissu. Kull min hu nteressat jista’ jkellem lil xi membru tal-kumitat jew iċempel fuq in-numru 99880879 mill-aktar fis possibli.

TĦEJJIJA GĦAŻ-ŻWIEĠ
Fl-aħħar weekend ta’ Settembru jerġgħu jibdew il-laqgħat tat-Tħejjija għaż-żwieġ u l-ħajja tal-familja. L-applikazzjonijiet jistgħu jinġabru mill-Uffiċċju Parrokkjali. Dawk il-koppji li diġa għamlu l-ewwel sena ta’ laqgħat jieħdu ħsieb japplikaw għat-tieni sena. Ser isiru wkoll lagħat f’Malta għal min jistudja jew jaħdem hemm.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN
Sally Borg toffri €20 għall-ispejjeż tal-Bullettin b’suffraġju ta’ żewġha Mario Borg f’għeluq l-ewwel anniversarju mill-mewt tiegħu fid-19 ta’ Awwissu.
Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

 

Bullettin 2 ta’ Awwissu 2014

MILL-KALENDARJU PARROKKJALI
Il-Knisja ‘li toħroġ’ hija l-komunita’ tad-dixxipli missjunarji li jieħdu l-inizzjattiva, li jmiddu jdejhom, li jakkumpanjaw, li jiffjorixxu u jiffesteġġjaw (Evangelii Gaudium 4).
Qegħdin nippreparaw ruħna għall-festa tal-Madonna ta’ Loreto. L-ewwel u qabel kollox nitħejjew spiritwalment kif jixhed il-motto li l-parroċċa għażlet għall-festi speċjali ta’ din is-sena. Imbagħad jiġu l-affarijiet l-oħra. Nagħtu daqqa t’id fejn nistgħu fil-preparamenti. Fest kbira bħal tagħna tinvolvi ħafna xogħol. Bid-daqqa t’id ta’ kulħadd, l-affarijiet jirnexxu aħjar. Bil-kelma tajba tagħna nistgħu nagħmlu ħafna kuraġġ lil dawk li jkunu għaddejjin b’tant xogħol.

NGĦIXU L-KONSAGRAZZJONI TAL-KNEJJES TAGĦNA

• ID-DATA TAT-13 TA’ AWWISSU hija data għażiża għalina l-Għajnselmiżi. Kull min għandu għal qalbu lill-Knisja dakinhar għandu jżur dan it-Tempju tal-Mulej u hemm jirringrazzja lil Alla u lil Ommna Marija Lawretana għal tant ġid li jxerrdu fuqna minn dan l-imkien qaddis.
• STEDINA LIL KULĦADD biex fit-13 ta’ Awwissu fis-7pm nattendu bi ħġarna għall-QUDDIESA PONTIFIKALI SOLENNI mmexxija mill-E.T. Mons Isqof Mario Grech. Ninġabru flimkien, bħala poplu Għajnselmiż, biex inroddu ħajr lil Alla għal dawn il-25 sena ta’ ġid spiritwali. Sejħa speċjali lil dawk li qed jiċċelebraw 25 miż-żwieġ tagħhom, dawk li żżewġu, li kellhom xi magħmudija, li rċevew l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma f’din l-aħħar sena.

Is-SIBTIJIET BI PREPARAZZJONI GĦALL-FESTA – Inkomplu bis-Sibtijiet bi preparazzjoni għall-festa tal-Madonna ta’ Loreto. Is-Sibt 2 ta’ Awwissu jkollna lil Dun Brian Meilak, Kappillan ta’ Kerċem. Nattendu għall-quddiesa tas-7pm.

GRAZZI MILL-QALB lil dawk kollha li taw l-offferta tagħhom fil-ġabra bieb bieb li saret għall-festa. Il-ġabra laħqet is-somma ta’ €2768. Min ma kienx id-dar waqt il-ġabra jista’ jwassal l-offerta tiegħu fil-letter box tad-Dar Parrokkjali jew waqt il-ferta tal-quddies.

IN-NAR TAL-FESTA
Il-parroċċa flimkien mal-Għaqda Piroteknika 10 ta’ Diċembru, tixtieq tirringrazzja lil Ġanni Debono li, għal snin twal ħadem u stinka biex jinġabru fondi ħalli jkollna nar sabiħ fil-festa. Issa li Ġanni rtira minn dan l-inkarigu, l-Għaqda 10 ta’ Diċembru tavża li dawk li ser jiġbru f’isimha huma: Baskal Farrugia, Roderick Sultana, Steve Cutajar, Brian Muscat u Rita Zerafa.

MIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI

NIGHT FUN GAMES . . . L-aħħar puntata għal dan is-sajf – it-Tnejn, 4 ta’ Awwissu. Niltaqgħu fejn iċ-Ċentru Parrokkjali fit-8pm.
CRAFTS GĦAT-TFAL. . . mil-Leġjunarji ta’ Marija jibdew nhar l-Erbgħa fid-9.30am fiċ-Ċentru Parrokkjali.

IL-PROĠETT TAS-SAGRISTIJI u L-ORGNI

Inħeġġu biex nibdew ngħinu f’dan il-proġett li jinvolvi ħafna xogħol u spejjeż:
• KUN PARTI MINN DAN IL-PROĠETT LI SER IKOMPLI JSEBBAĦ IL-KNISJA TAGĦNA u ssieħeb fl-iskema ta’ ġbir apposta. Tistgħu tiġbru formla mill-Knisja (karta ħadra) u twassluha fl-Uffiċċju Parrokkjali.
• Tagħtu direttament offerti sbieħ lill-Arċipriet jew lil xi saċerdot tal-parroċċa.

RADJU LAURETANA Jerġa’ magħna
L-iskeda tal-festa ta’ Radju Lauretana tibda t-Tnejn 4 ta’ Awwissu. Mal-bullettin qed titqassam l-iskeda tax-xahar kollu. Segwu l-programmi kollha fuq il-frekwenza 89.3FM jew permezz tal-internet fuq www.radjulauretana.com. Grazzi kbira lil tant voluntieri li jaħdmu biex ikollna tant programmi sbieħ u varjati.

AWGURI RADJU LAURETANA
It-Tlieta 5 ta’ Awwissu huwa s-seba’ anniversarju mill-ftuħ ta’ Radju Lauretana. Matul il-ġurnata niftakru f’dawk kollha li jagħtu s-sehem tagħhom fir-radju fit-talb tagħna u anke nagħtu xi offerta ħalli Radju Lauretana jkun jista’ jkompli jagħti servizz tant tajjeb u utli lill-parroċċa u lir-raħal tagħna.

ĦARĠA GĦALL-QRENDI
Il-kru ta’ Radju Lauretana ġie mistieden biex il-Ġimgħa 15 ta’ Awwissu jmur il-Qrendi biex jikkummenta l-purċissjoni tal-festa ta’ Santa Marija. Din ix-xandira ser tinstema’ dirett kemm fuq ir-Radju Ħmistax ta’ Awwissu tal-Qrendi kif ukoll fuq Radju Lauretana. Kulħadd huwa mistieden biex jingħaqad mal-membri tar-radju għal din il-festa. Dettalji l-ġimgħa d-dieħla.

GĦOTI TA’ DEMM
Dan jista’ jsir fid-Dipartiment tal-Outpatients tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex nhar it-Tlieta 5 t’Awwissu mis-1pm sal-5pm.

BUKKETTI FIL-KNISJA GĦALL-FESTA
Dawk li jixtiequ jiddedikaw xi bukkett fil-knisja tagħna għall-ġranet tal-festa jistgħu jagħtu d-donazzjoni ta’ €20 fl-Uffiċċju Parrokkjali fil-ħinijiet tas-soltu.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN
Il-familja Galea toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju tal-għeżież ġenituri tagħhom Toni u Loreta Galea.
Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.