Monthly Archives: September 2014

Bullettin 26 ta’ Settembru 2014

NIBDEW SENA PASTORALI ĠDIDA

Il-ħajja pastorali tal-Parroċċa tinbena fuq tliet punti prinċipali. Dawn jinsabu ffigurati fit-tliet kaxxi li għandna fil-logo tal-parroċċa għal din is-sena li qed jidher hawn fuq f’kull bullettin.

 IL-KATEKEŻI: Tagħlim għal kulħadd  IL-LITURĠIJA: Iċ-Ċelebrazzjoni tal-Fidi  IL-KARITÀ: L-imħabba lejn għajrna.

LAQGĦA TA’ TALB GĦALL-FEJQAN Infakkru li Fr Hayden Williams, flimkien mal-Appostli u d-Dixxipli Franġiskani, ser imexxi laqgħa ta’ talb il-Ħadd, 28 ta’ Settembru fil-5pm fil-Knisja tagħna. Tibda bil-quddiesa tal-5pm u wara jkun hemm adorazzjoni u talb għall-fejqan fil-familji. Inħeġġu lil kulħadd sabiex jattendi. Ilkoll kemm aħna għandna bżonn ta’ ħafna fejqan!

JIBDA OTTUBRU Nhar l-Erbgħa huwa l-1 ta’ Ottubru. Dan huwa xahar marbut mat-talba tar-rużarju, talba antika imma dejjem attwali, talba li l-Madonna tixtieq li ngħiduha kuljum, anke fil-familji tagħna. Ejjew nagħmlu impenn u tul dan ix-xahar ma nfallu qatt din it-talba tant għażiża. Il-festa tar-rużarju tinżamm fil-parroċċa tagħna l-Ħadd 5 ta’ Ottubru. Fil-5pm ikollna l-quddiesa u wara purċissjoni.

RUŻARJU FIL-BERAĦ Il-membri tal-leġjun ta’ Marija matul ix-xahar ta’ Ottubru ser jirreċitaw ir-rużarju fil-beraħ: kull nhar ta’ Tlieta fl-4.30pm fi Pjazza Tolfa u kull nhar ta’ Erbgħa fl-4.30pm fi Triq il-Qigħan. Nibdew min-nhar it-Tlieta li ġej 30 ta’ Settembru.

GRAZZI lil George Grech joffri Us$300 għal-lampier u Us$200 għas-sagristiji.

PELLEGRINAĠĠ PARROKKJALI – LORETO Fl-okkażjoni tal-125 u l-25 ANNIVERSARJU mill-Konsagrazzjoni tal-Knisja l-Qadima u s-Santwarju Lawretan tagħna, ser inżuru d-DAR IMQADDSA għall-festa tal-10 ta’ Diċembru ġewwa Loreto. Jekk tixtieq li tingħaqad magħna personalment, fadlilna ftit postijiet. Inżuru Ruma, Assisi, Bologna – ċimiterju militari fejn hemm bosta Maltin midfuna anke Għajnselmiżi, San Marino u Ancona. Dan ikun mis-6 sal-11 ta’ Diċembru. Tistgħu wkoll tibagħtulna l-intenzjonijiet tagħkom u aħna nwasslu t-talba tagħkom f’riġlejn il-Madonna. Titlifx din l-okkażjoni tant speċjali!

GĦOTI TA’ DEMM Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex nhar it-Tlieta 30 ta’ Settembru ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

MINN COTTOLENGO Grupp ta’ żgħażagħ mill-Parroċċa tagħna flimkien ma’ Fr Joseph għadhom kemm għamlu esperjenza fl-isptar ta’ Cottolengo fejn kienu ta’ għajnuna għal pazjenti. Barra l-għajnuna li taw hemmhekk stess, iż-żgħażagħ tagħna wasslu wkoll is-somma sabiħa ta’ €1200 bħala għajnuna lil dan l-isptar li jitmexxa bil-karità li jirċievi. Nirringrazzjaw lil dawk kollha li taw id-donazzjoni tagħhom għal dan l-għan nobbli. Iż-żgħażagħ li daqu din l-esperjenza kollha kelma waħda: x’esperjenza sabiħa! Esperjenzi bħal dawn inkomplu nħeġġuhom u ninkuraġġuhom.

RADJU LAURETANA Id-direzzjoni tixtieq tirringrazzja lil dawk kollha li darba fix-xahar jgħinu lir-radju fil-lotterija żgħira li ssir speċjalment lil Mary Scicluna, Ruth Vassallo u Loreta Zerafa

ATTIVITA’ GĦALL-ANZJANI fl-okkażjoni tal-15-il sena mill-ftuħ taċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum f’Għajnsielem. Din ser tkun fis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesu’ fid-9.00am nhar l-10 ta’ Ottubru. Biljetti (€1.50) mid-Day Centre f’Għajnsielem. Trasport b’xejn mill-Pjazza fit-8.00am.

KATEKIŻMU LAGĦAT IMPORTANTI GĦALL-ĠENITURI TAT-TFAL LI QEGĦDIN: YEAR 3 – It-Tlieta 30 ta’ Settembru YEAR 2 – L-Erbgħa 1 ta’ Ottubru YEAR 1 – Il-Ħamis 2 ta’ Ottubru. Fiċ-Ċentru Parrokkjali fil-5pm. QUDDIESA TAL-FTUĦ Għat-tfal kollha minn Year 1 sa Form 1 flimkien mal-katekisti kollha: It-TNEJN 6 ta’ Ottubru, 2014 fl-4.30pm fil-Knisja Parrokkjali.

MUSEUM BNIET GĦAJNSIELEM Mit-Tnejn 6 ta’ Ottubru 2014 IMPORTANTI: Għall-Years 4,5 u 6: it-Tlieta u l-Ġimgħa mill-5 sas-5.45pm.(mhux kif deher bi żball fl-aħħar ħarġa tal-bullettin) Form 1: It-Tlieta, il-Ħamis u l-Ġimgħa:4.30 sa 5pm. Form 2: Nhar ta’ Ħamis fil-5pm. GĦALL-ADOLOXXENTI: Nhar ta’ Ġimgħa. Ħin u aktar dettalji fuq il-bullettin tal-ġimgħa d-dieħla

LAQGĦAT GĦALL-PERSUNI SEPARATI Il-Kummissjoni Djoċesana Familja tavża li fix-xhur li ġejjin ser ikunu qed jerġgħu jinżammu laqgħat ta’ formazzjoni u ċelebrazzjonijiet ewkaristiċi għall-persuni separati fl-Istitut tal-Familja Ġwanni Pawlu II, ir-Rabat. Il-laqgħat jinżammu darba kull ħmistax il-ġurnata u ser jibdew nhar il-Ġimgħa, 3 ta’ Ottubru fit-7.45pm b’ċelebrazzjoni ewkaristika.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN – Persuna toffri €50 għall-ispejjeż tal-bullettin bħala ringrazzjament lil Alla u lill-Madonna tal-ħamsin darba li tat id-demm. Agħti l-Ħajja! Agħti d-Demm!

– Karmena Rapa toffri €20 b’suffraġju ta’ żewġha Carmelo Rapa f’għeluq l-erba’ snin mill-mewt tiegħu fit-28 ta’ Settembru. Mulej agħtih il-mistrieħ ta’ dejjem.

 

Bullettin 19 ta’ Settembru 2014

LAQGĦAT ORGANIZZATTIVI
KUMITAT PARROKKJALI TAL-FESTA
Il-laqgħa li jmiss ser tkun nhar l-Erbgħa li ġejja 24 ta’ Settembru fiċ-Ċentru Parrokkjali fis-7pm.

KUNSILL PARROKKJALI
Ser issir laqgħa nhar il-Ħamis li ġej 25 ta’ Settembru fil-5pm fiċ-Ċentru Parrokkjali. Il-membri kollha huma mfakkra biex jattendu.

MINN GĦAJNSIELEM FC
Il-Kumitat ta’ Għajnsielem FC javża li se issir quddiesa f’għeluq l-10 snin mill-mewt tal-ex-player Joseph Attard il-Ħadd 21 ta’ Settembru, fit-8am fil-knisja.

GĦOTI TA’ DEMM
Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 21 ta’ Settembru ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm. Agħti l-ħajja, agħti d-demm.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA
Ser isir nofs ta’ nhar għan-nisa kollha f’Lourdes Home l-Erbgħa 24 ta’ Settembru mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Charles Buttigieg, kafe’ u tombla.

IMMORRU L-KAPUĊĊINI
B’talba ta’ persuna ser immmorru l-Kapuċċini għall-festa ta’ Padre Pio nhar it-Tlieta 23 ta’ Settembru. Ikollna quddiesa fid-9am. Tluq mill-pjazza fit-8.30am. Trasport imħallas. Il-karozza tgħaddi wkoll minn Triq Sant’ Antnin.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI
Dan ser isir is-Sibt 27 ta’ Settembru, 2014 fil-Parroċċa tal-Għarb bejn is-7.30 u d-9.30pm. Trasport mill-Pjazza fis-7pm.

LAQGĦA TA’ TALB
Infakkru li Fr Hayden Williams, flimkien mal-Appostli u d-Dixxipli Franġiskani, ser imexxi laqgħa ta’ talb il-Ħadd, 28 ta’ Settembru fil-5pm fil-Knisja tagħna. Tibda bil-quddiesa tal-5pm u wara jkun hemm adorazzjoni u talb għall-fejqan fil-familji.

GRAZZI
NN €200 u NN €2000 għall-proġett tas-sagristiji.

KATEKIŻMU
MUSEUM SUBIEN GĦAJNSIELEM
Mit-Tnejn 22 ta’ Settembru 2014
Il-Years 4 u 5 se ikollhom t-Tlieta u l-Ġimgħa:lezzjoni bejn 5:10pm u 5:55pm. Il-Museum jiftaħ fil-4:45pm.
Mill-Year 6 sal-Form 5 (Preparatorja, Magħżulin u Aspiranti) ikollhom it-Tnejn, it-Tlieta, il-Ħamis, il-Ġimgħa u s-Sibt bejn is-6:45pm u 7:15pm.
Rigward il-Ħadd ikun ftit differenti. Il-lezzjoni ssir fit-3:00pm u wara jkun hemm ħarġa. Din tkun għall-klassijiet mill-Year 6 sal-Form 5.
Year 4: Nitolbu lill-ġenituri tat-tfal subien tal-year 4 li ser jattendu l-Museum tas-Subien sabiex jiktbu lit-tfal tagħhom fil-ħinijiet li jkun miftuħ il-Museum.

MUSEUM BNIET GĦAJNSIELEM
Mit-Tnejn 6 ta’ Ottubru 2014
Years 4,5 u 6: it-Tlieta u l-Ħamis mill-5 sas-5.45pm.
Form 1: It-Tlieta, il-Ħamis u l-Ġimgħa:4.30 sa 5pm.
Form 2: Nhar ta’ Ħamis fil-5pm.

BETHLEHEM F’GĦAJNSIELEM
Ser issir laqgħa għall-voluntiera kollha l-Ħamis 25 ta’ Settembru fis-7pm fil-Każin tal-Banda San Ġużepp. Kulħadd imħeġġeġ jattendi. Din is-sena Bethlehem f’Għajnsielem ser ikun inawgurat is-Sibt 6 ta’ Diċembru mill-ET il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN
• Tereża Zerafa toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ oħtha Dolora Grech f’għeluq l-ewwel sena mill-mewt tagħha.
• Loreta Xuereb toffri €20 b’suffraġju ta’ George Xuereb f’għeluq is-seba’ snin mill-mewt tiegħu fit-23 ta’ Settembru u għal Loreto u Carmena Azzopardi.
• Salvina Tabone toffri €20 b’suffraġju ta’ Emanuel Tabone f’għeluq il-ħdax-il sena mill-mewt tiegħu.
• Loreta Zerafa toffri €20 b’suffraġju ta’ żewġha Loreto Zerafa f’għeluq is-seba’ snin mill-mewt tiegħu fl-20 ta’ Settembru.
Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 12 ta’ Settembru 2014

GĦAWDEX: 150 SENA DJOĊESI
16 ta’ Settembru 1864 – 2014
Nhar it-Tlieta 16 ta’ Settembru niċċelebraw il-150 sena mit-twaqqif tad-Djoċesi tagħna ta’ Għawdex. Iċ-ċelebrazzjonijiet anniversarji mistennija jkunu mifruxa fuq medda ta’ sena, u jiftħu uffiċjalment appuntu nhar it-Tlieta 16 ta’ Settembru, jum l-anniversarju, b’Konċelebrazzjoni ta’ Radd il-Ħajr fis-7pm immexxija mill-Isqof Mons. Mario Grech fil-Katidral tal-Assunta, li wkoll qed ifakkar il-mija u ħamsin sena tiegħu bħala s-Sede tal-Isqof Djoċesan. Dakinhar tinżamm ukoll ġurnata adorazzjoni fil-knejjes kollha ta’ Għawdex, li tintemm b’mota solenni fis-6pm.
Minħabba l-Konċelebrazzjoni Solenni fil-Katidral, il-quddiesa ta’ filgħaxija għal dakinhar biss tkun fil-5pm. Inħeġġu lil kulħadd biex jieħu sehem fil-quddiesa ta’ radd il-ħajr fil-Katidral. Ikollna trasport mill-Pjazza fis-6.15pm.

ĠEST TA’ SOLIDARJETÀ U KARITÀ
MA’ ĦUTNA L-INSARA PPERSEGWITATI
Kollha kemm aħna qed nisimgħu minn xhiex huma għaddejjin eluf ta’ ħutna Nsara speċjalment fis-Sirja u fl-Iraq. Fil-prietka tal-Festa ta’ Marija Bambina fix-Xagħra nhar it-8 ta’ Settembru Mons. Isqof Mario Grech ħabbar inizjattiva sabiħa li d-Djoċesi tagħna qed tipprepara biex tilqa’ xi familji nsara minn dawn il-postijiet – familja f’kull Parroċċa. Hija sejħa kuraġġjuża, sabiħa, u li għandna nagħtuha l-ikbar importanza. Mill-ħafna li l-Mulej ipprovdielna ngħinu lil ħutna Nsara jsibu kenn u għajnuna. Dawn huma Nsara bħalna li għaddejjin minn żmien ta’ prova kbira. Ftit minn ta’ kulħadd, inkunu nagħmlu opra kbira u qaddisa ta’ karità.

ĠIMGĦA MUSEUMINA
Bejn nhar it-Tnejn 15 u l-Ġimgħa 20 ta’ Settembru ser issir il-Ġimgħa Museumina fil-Museum tas-Subien. Kull attivita’ tibda fit-7:45pm. Aktar informazzjoni fuq il-fuljett li qed jitqassam ma’ dan il-bullettin. Nattendu aħna u nħajru oħrajn jattendu wkoll. It-tagħlim huwa l-għajn ta’ kull ġid.

RADJU LAURETANA
Nixtiequ nirringrazzjaw lil Toni Buttigieg tal-ħidma volontarja tiegħu biex ġew irranġati partijiet mis-saqaf tal-istudios li kellhom bżonn dawra sew.

MINN GĦAJNSIELEM FC
Il-Kumitat ta’ Għajnsielem FC Youth Academy javża li s-sessjonijiet tat-tfal minn 5 snin sa 11-il sena ser jibdew is-Sibt 27 ta’ Settembru mid-9am ‘il quddiem fl-iskola primarja tax-Xewkija. Kull min hu interessat jista’ jkellem lil xi membru tal-kumitat jew iċempel fuq 99712226 mill-aktar fis possibli.

QUDDIESA – Il-Kumitat ta’ Għajnsielem FC jixtieq javża wkoll li ser issir quddiesa f’għeluq l-10 snin mill-mewt tal-ex-player Joseph Attard nhar il-Ħadd 21 ta’ Settembru, 2014 fit-8.00am fil-knisja.

GĦOTI TA’ DEMM
Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex nhar it-Tlieta 16 ta’ Settembru ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1pm sal-5pm.

OFFERTA GĦAD-DJOĊESI
Fil-quddies ta’ dan il-weekend il-ġabra waqt il-quddies kollu tkun għad-Djoċesi tagħna biex ngħinu tant ħidma pastorali li ssir fuq livell Djoċesan. Id-Djoċesi mhix l-Isqof jew il-Kurja… id-Djoċesi hija l-Knisja fil-Gżira tagħna. Ngħinu kif u kemm nistgħu. Grazzi ta’ kull għajnuna.

GRAZZI
Ġabra Puttinu Cares (mir-Radju) €80
Offerta għall-Knisja: NN €145.
Lil dawk li taw l-offerta għar-Rivista. Tistgħu tkomplu twasslu l-offerta tagħkom lil dawk li jqassmu l-bullettin.

STEDINA
Stedina lill-operaturi pastorali, membri tal-għaqdiet, għalliema, youth workers u katekisti għall-konferenza bit-tema Healing Victims of Abuse. Din ser issir il-Ġimgħa 19 ta’ Settembru fis-7pm fis-Seminarju. Tingħata wkoll esperjenza minn persuna barranija li kienet sofriet abbuż.

LAQGĦA TA’ TALB
Fr Hayden Williams, flimkien mal-Appostli u d-Dixxipli Franġiskani, se jkun qed imexxi l-laqgħa ta’ talb u evanġelizzazzjoni EJJEW GĦANDI l-Ħadd, 28 ta’ Settembru fil-5pm fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Loreto, Għajnsielem. Il-laqgħa tibda bil-quddies tal-Ħadd u wara jkun hemm adorazzjoni li tinkludi talb għall-fejqan fil-familji.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ
Ilqa’ fi ħdanek o Ħanin Ġesu’ lir-ruħ għażiża ta’ Loreta Grima mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li għoġbok issejħilha għal għandek fid-9 ta’ Settembru fl-eta’ ta’ 96 sena.
Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN
• Mary Scicluna toffri €20 b’suffraġju ta’ Suzanne Sultana li kienet tgħix l-Awstralja u mietet b’disgrazzja, f’għeluq is-seba’ snin mill-mewt tagħha.
• Grace Vella toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ missierha George Bugeja f’għeluq l-10 snin mill-mewt tiegħu fis-6 ta’ Settembru.
Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

MILL-KALENDARJU PARROKKJALI
Il-ferħ tal-Vanġelu li jimla l-ħajja tal-komunita’ tad-dixxipli huwa ferħ missjunarju (Evangelii Gaudium, 21).

KELMA – Kemm tista’ tagħmel ġid!!!
KELMA – Kemm tista’ taqla’ nkwiet!!!
KELMA – Kemm turi dak li hemm f’qalbna!!!
KELMA – Kemm irridu noqogħdu attenti kif, meta u ma’ min ngħiduha!!!

 

Bullettin 5 ta’ Settembru 2014

WARA L-FESTA…
Għall-grazzja t’Alla l-festa għaddiet b’wiċċ il-ġid. Kellna festa kbira mżejna b’tant mumenti sbieħ, festa fejn kulħadd ta s-sehem tiegħu biex stajna niċċelebraw festa kbira, sabiħa u fuq kollox dinjituża. L-attendenza għall-funzjonijiet fil-knisja kienet waħda inkoraġġanti b’tant nies jersqu għas-sagramenti tal-qrar u t-tqarbin. Iċ-ċelebrazzjonijiet li saru barra komplew jagħtu l-kulur lill-festa. Mument partikulari minn din il-festa u li ser jibqa’ mniżżel fl-istorja tal-parroċċa tagħna huwa l-preżenza tal-Arċisqof ta’ Loreto fostna, l-E.T. Monsinjur Giovanni Tonucci.
L-Arċisqof għex il-festa magħna, tħallat magħna, sar wieħed minna u qasam magħna mumenti u ħsibijiet tant sbieħ. Fi kliemu stess baqa’ impressjonat b’dak li ra, sema’ u ħass u qed jistenna b’ħerqa x-xahar ta’ Diċembru meta numru sabiħ ta’ parruċċani ser ikunu Loreto għall-festa liturġika tal-Madonna ta’ Loreto.
Il-bozoz intfew, il-logħob tan-nar spiċċa, l-armar tal-knisja u ta’ barra qiegħed jiżżarma, Radju Lauretana siket. X’ser jibqa’ mill-festa? Tifkira biss? Memorji? Ritratti u videos?
Ejjew bħala komunita’ parrokkjali nkomplu Ma’ Ommna Marija ninbnew f’tempju qaddis fil-Mulej. IMPORTANTI Dan mhux biss il-motto li għażlet il-parroċċa għall-festa ta’ din is-sena imma anke għas-sena pastorali li ser tibda dalwaqt. Ftit ftit, matul din is-sena pastorali li tiftaħ f’Ottubru, irridu nagħmluh tagħna u ngħixuh.

GRAZZI KBIRA MILL-QALB! LIL KULĦADD…TA’ KOLLOX!
Wara festa kbira b’tant preparazzjoni, il-Parroċċa tixtieq twassal l-apprezzament u r-radd il-ħajr Lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għenu biex kellna festa tant sabiħa.
Grazzi lil tant voluntiera fid-diversi għaqdiet fi ħdan il-Kumitat tal-Festa parrokkjali li ħadmu bla heda biex seta’ kellna festa sabiħa u dinjituża. Mingħajr l-għajnuna volontarja ta’ tant nies, mhux possibli li torganizza festa. Grazzi kbira lil tant benefatturi li bl-għotjiet u l-offerti ġenerużi tagħhom għenu biex jitħallsu l-ispejjeż kbar li festa kbira bħal tagħna teħtieġ.

RADJU LAURETANA
Id-direzzjoni, f’isem il-parroċċa, tixtieq tirringrazzja lill-voluntiera kollha tas-servizz u l-impenn. Il-kontribut siewi tagħhom issarraf fi skeda ta’ suċċess li qabżet kull aspettattiva, skeda li uriet li wara seba’ snin Radju Lauretana għadu b’saħħtu u tant maħbub. Għall-ewwel darba fl-istorja Radju Lauretana għamel użu mill-mobile webcam, servizz li tant ġie apprezzat minn kulħadd b’mod partikulari mill-emigranti. Ir-rispons min-naħa tagħhom kien wieħed rekord. L-iskeda tal-Milied tibda nhar it-8 ta’ Diċembru 2014.
Donazzjonijiet b’risq ir-radju: €2163,49 u $ Aus 100, $ US 200. GRAZZI MILL-QALB!

FESTA MARIJA BAMBINA
It-Tnejn 8 ta’ Settembru hija l-festa tal-Vitorja. Il-quddies ikun bħall-Ħadd: 6, 8, 10am u 5pm.

IMMORRU TA’ PINU
B’talba ta’ persuna ser immorru l-Għasri ninviżtaw il-Ħniena Divina l-Ħamis 11 ta’ Settembru. Ikollna quddiesa fid-9am. Trasport mħallas: fit-8.30am mill-pjazza u ngħaddi minn Triq Sant’ Antnin.

GĦOTI TA’ DEMM
Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 7 ta’ Settembru ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8am sal-5pm.

GRAZZI
NN Us$400 offerta għall-knisja. Mill-Familja Buttigieg – kaxxa tal-offerti fil-wirja fid-Dar Parrokkjali – €100. Waqt ħruġ il-vara min-niċċa – €2112. Waqt il-purċissjoni €3162.22.

RIVISTA Għajnsielem
Il-parroċċa tieħu ħsieb toħroġ ir-rivista tagħha għall-festa. Hija x-xewqa tagħna li din ir-rivista toħroġ ukoll xi drabi oħra matul is-sena. Għalkemm tqassmet b’xejn, il-ħarġa tal-festa ġiet tiswa €2075. Grazzi kbira lil dawk li jikkontribwixxu bl-artikli li jiktbu, bir-reklami kif ukoll bl-offerti. Kull offerta li tistgħu tagħmlu tgħin biex insostnu din il-pubblikazzjoni.

BŻONN TA’ GĦAJNUNA
Il-kumitat ta’ Għajnsielem FC javża li għandu bżonn voluntiera għal xogħol ta’ tikħil fil-grawnd Dun Karm Cassar nhar it-Tnejn 8 ta’ Settembru mis-7am ‘il quddiem. Għal aktar dettalji kellmu lil xi membru tal-kumitat jew ċemplu fuq 99880879. Grazzi bil-quddiem.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ
Lil oħtna Phyllis Grima li inti sejjaħtilha minn fostna għal għandek nhar il-31 ta’ Awwissu fl-età ta’ 65 sena. Ilqagħha fi ħdanek għal dejjem.
Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN
Maria Vella toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Toni Vella f’għeluq it-30 sena mill-mewt tiegħu u għal ruħ Ġużepp u Liża Vella.
Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.