Monthly Archives: October 2014

Bullettin 31 ta’ Ottubru 2014

L-GĦID TAL-IMWIET

Il-jum tat-2 ta’ Novembru jfakkarna f’realtà importanti fil-ħajja tagħna l-bnedmin: il-mewt. Illum, aħna ġustament niftakru u nissufragaw bit-talb lill-għeżież tagħna li ħallewna; imma llum niftakru wkoll f’dan l-appuntament aħħari li kull wieħed u waħda minna għandna fl-istorja tagħna: il-mewt. Filwaqt li huwa xieraq ħafna li nżommu ħajja l-memorja ta’ dawk li mietu, huwa importanti aktar li naraw kif ser ngħixu l-mewt tagħna.

Marta u Marija, meta miet ħuhom Lazzru, kellhom f’qalbhom u f’moħħhom domandi dwar il-mewt li fnewhom! Dawk l-istess mistoqsijiet itaqqlu lilna llum ukoll! Mgħobbija bit-toqol ta’ dawn id-dubji serji, Marta u Marija resqu għand Kristu, l-Iben t’Alla li sar bniedem, li kellu t-tweġiba: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fiha, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix, u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan ?” (Ġw 11,25).

Ġesù mhux kliem sabiħ biss kellu; imma hu stess, wara li kien maqtul fuq is-salib u tqiegħed f’qabar ġdid, wara tlett ijiem qam mill-mewt! U lil dawk kollha li jemmnu fih tahom il-qawwa li jieħdu sehem minn din ir-rebħa fuq il-mewt. Lilna li nemmnu fi Kristu, din hija l-Bxara t-Tajba li ttemmilna l-biża’ u l-inċertezza li ċertament tqanqal fina l-esperjenza tal-mewt – kemm il-mewt tal-għeżież tagħna u aktar u aktar il-mewt tagħna stess.

Mons Isqof Mario Grech 2 ta’ Novembru 2011

Il-Ħadd 2 ta’ Novembru niftakru fil-mejtin kollha, dawk li digà qed daħlu fl-eternità. Il-ħin tal-quddies ikun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd. Filgħaxija l-quddiesa tkun fl-4.30pm.

Wara l-quddiesa fil-knisja, immorru ċ-ċimiterju fejn ikollna quddiesa solenni u jitbierku l-oqbra.
Il-PELLEGRINAĠĠ GĦAT-TFAL ser ikun it-TNEJN 3 ta’ NOVEMBRU fil-11.30 minn fejn RADJULAURETANA biex imbagħad niċċelebraw flimkien il-quddiesa ta’ nofsinhar.

MATUL NOVEMBRU fiċ-Ċimiterju

Fiċ-Ċimiterju l-quddies matul Novembru ser ikun hekk:

It-Tnejn u l-Erbgħa f’nofsinhar. Imbagħad nhar ta’ Ġimgħa l-quddiesa tkun filgħaxija u tkun organizzata mid-diversi għaqdiet reliġjużi u lokali tar-raħal:

·     Il-Ġimgħa 7 ta’ Novembru tkun fil-5 pm u tkun organizzata mill-Azzjoni Kattolika.

·     Il-Ġimgħa 14 ta’ Novembru (mill-Banda) fis-7.30pm.

·     Il-Ġimgħa 21 ta’ Novembru (mill-Museum) fis-7.30pm.

·     Il-Ġimgħa 28 ta’ Novembru (mill-Klabb tal-Futbol) fis-7.30pm.

Kuljum ikollna l-pellegrinaġġ bir-rużarju fis-7pm.

Ftakar li ċ-ċimiterju huwa post ta’ ġabra, riflessjoni u talb.

IL-PROĠETT TAZ-ZUNTIER

Il-proġett tat-tisbiħ taz-zuntier ta’ quddiem il-Knisja Parrokkjali li l-parroċċa qegħda twettaq miexi sew ‘il quddiem. Bl-għajnuna t’Alla, din il-ġimgħa ħriġna l-pjanta bid-disinn li l-Perit Godwin Sultana qed iħejji fuq il-proposti tal-parroċċa. Min ikun jixtieq, ikun jista’ jwassal xi suġġerimenti fl-Uffiċċju Parrokkjali sad-9 ta’ Novembru, 2014.

IS-SEMINARJU TAGĦNA JFAKKAR

Il-148 anniversarju mit-twaqqif tiegħu nhar it-Tlieta 4 ta’ Novembru. Nirringrazzjaw lill-Mulej Alla għal tant grazzji li sawwab fuqna matul dawn is-snin kollha permezz ta’ tant saċerdoti li ħadu l-formazzjoni tagħhom f’dan il-post tant għażiż għad-djoċesi tagħna.

Il-Ħamis li ġej 6 ta’ Novembru jmiss it-Tieni Ħamis ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet. Ġesù  Ewkaristija jkun espost mis-6.30am sal-10.00pm. fil-kappella tas-Seminarju.

QUDDIESA GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ …fl-EWWEL ĠIMGĦA TAX-XAHAR.

Nhar il-Ġimgħa li ġejja, il-grupp taż-żgħażagħ tal-parroċċa ser jorganizza l-quddiesa tal-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar fil-knisja parrokkjali fit-8.30pm. Is-sejħa tagħna tmur għand iż-żgħażagħ kollha minn 16-il sena ‘l fuq, fi ħdan il-gruppi u l-għaqdiet kollha tar-raħal. Taħt il-ħarsien ta’ Ommna Marija Lawretana, in-naħa ta’ wara tal-artal ningħaqdu għal din iċ-ċelebrazzjoni sabiħa.

Fis-7.30pm ikun hemm il-qrar apposta għaż-żgħażagħ.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 2 ta’ Novembru ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-8:00am sas-1:00pm.

ĦARĠA MALTA

It-Tlieta 4 ta’ Novembru ser norganizzaw ħarġa għal Malta. Nitilqu mal-vapur tas-7.30am u lura ma’ tal-4.30pm. Inzur l-kappella ta’ Wied Għammieq fejn ikollna l-quddiesa, il-Monti l-Birgu, il-Belt u l-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali.

Biljetti mid-Dar Parrokkjali sat-Tnejn 3 ta’ Novembru f’12pm.

GRAZZI

Il-Membri tal-Museum tas-Subien Għajnsielem jixtiequ jirringrazzjaw li dawk kollha li taw l-offerta tagħhom b’risq l-istess Museum. Il-ġabra laħqet is-somma ta’ €1440.

Għas-Sagristiji N.N. €100 u N.N. €500.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Karmena Xuereb toffri €20 għall-ispejjez tal-Bullettin b’suffraġju ta’ oħtha Loreta f’għeluq l-ewwel sena mill-mewt tagħha nhar it-8 ta’ Novembru.

Carmela Ciantar toffri €20 għall-ispejjez tal-Bullettin b’suffraġju ta’ ħuha Loretu Buttiġieġ f’għeluq is-seba’ snin mill-mewt tiegħu fl-4 ta’ Novembru.

Mulej agħtihom il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 24 ta’ Ottubru 2014

“ Nilqgħu l-Ħarsa t’Imħabba” Mark 10:21

ASSEMBLEA TAL-AZZJONI KATTOLIKA

Is-Sibt 25 ta’ Ottubru fil-Knisja Parrokkjali tagħna

5pm          Rużarju Meditat b’powerpoint fuq kull misteru. Nitolbu     għall-familja bi ħsibijiet ta’ Santa Ġanna Beretta Molla.

6pm          Konċelebrazzjoni mmexxija mill-Isqof Mario Grech flimkien mal-Assistenti Ekkleżjastiċi tal-Azzjoni Kattolika ta’ Għawdex.

JIBDA NOVEMBRU

Ix-xahar ta’ Ottubru qed jasal fi tmiemu wkoll u nhar is-Sibt li ġej jibda Novembru. Is-Sibt l-1 ta’ Novembru hija s-Solennita’ tal-Qaddisin kollha. Il-qaddisin huma dawk kollha li wara li għexu ħajja kif jixtieq il-Mulej, issa qegħdin igawduh fil-Ġenna. Aħna lkoll imsejħin biex inkunu qaddisin. U dan billi nagħmlu d-dmirijiet tagħna ta’ kuljum u li f’dak kollu li aħna, ngħidu u nagħmlu nuru l-imħabba ta’ Alla li hemm fina u li din trid tingħata lil oħrajn.

Il-Ħadd 2 ta’ Novembru niftakru fil-mejtin kollha, dawk li digà qed daħlu fl-eternità. Il-ħin tal-quddies ikun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd. Filgħaxija mbagħad, il-quddiesa tkun fl-4.30pm. Wara l-quddiesa fil-knisja, immorru ċ-ċimiterju fejn fil-5.30pm ikollna quddiesa solenni u jitbierku l-oqbra. Nagħmlu talb bħala komunità parrokkjali għal ħutna kollha li ħallewna.

Infakkru li ċ-ċimiterju huwa post ta’ ġabra, riflessjoni u talb.

ĦIN TAX-XITWA

Il-Ħadd 26 ta’ Ottubru naqilbu għall-ħin tax-xitwa. Il-ħin tal-quddies fil-Knisja Parrokkjali jibqa’ kollu l-istess.

IL-ĦADD 26 ta’ OTTUBRU – IL-QUDDIESA TAL-10 tkun animanta mill-familji għall-familji.

MATUL NOVEMBRU fiċ-Ċimiterju

Kif konna avżajna fil-bullettin, din is-sena, billi għandna diffikultà fin-numru ta’ saċerdoti li jistgħu jiċċelebraw il-quddies, ser ikollna tibdil rigward il-quddies fiċ-Ċimiterju.

Fiċ-Ċimiterju l-quddies matul Novembru ser ikun hekk:

It-Tnejn u l-Erbgħa f’nofsinhar. Imbagħad nhar ta’ Ġimgħa l-quddiesa tkun filgħaxija u tkun organizzata mid-diversi għaqdiet reliġjużi u lokali tar-raħal:

·       Il-Ġimgħa 7 ta’ Novembru tkun fil-5 pm u tkun organizzata mill-Azzjoni Kattolika.

·       Il-Ġimgħa 14 ta’ Novembru (mill-Banda) fis-7.30pm.

·       Il-Ġimgħa 21 ta’ Novembru (mill-Museum) fis-7.30pm.

·       Il-Ġimgħa 28 ta’ Novembru (mill-Klabb tal-Futbol) fis-7.30pm.

Kuljum ikollna l-pellegrinaġġ bir-rużarju fis-7pm.

L-EWWEL SIBT TAX-XAHAR

Is-Sibt l-1 ta’ Novembru fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm rużarju u quddiesa. Wara l-quddiesa, l-Adorazzjoni Ewkaristika tkompli sad-9pm.

MOVIE NIGHT GĦALL-FAMILJA KOLLHA

Infakkru li ż-żgħażagħ tal-parroċċa tagħna qegħdin jerġgħu jibdew is-sensiela ta’ films għall-familja. L-ewwel serata tkun il-Ħadd 26 ta’ Ottubru fis-6.00pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.

KOR VIRGO

Il-provi tal-Kor Virgo qed ikunu kull nhar ta’ Ġimgħa fl-4.00pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.

KORS BINI PRESEPJU

L-Għaqda Ħbieb tal-Presepju Għawdex – Sezzjoni Għajnsielem ser torganizza kors presepistiku dwar bini tal-presepju f’forma minjatura. Il-kors ser jinżamm fil-Kunsill Lokali Għajnsielem nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa 30 u 31 t’Ottubru 2014 u jibda fil-5.30pm. Dawk li jixtiequ jattendu jistgħu jiġbru applikazzjoni mill-Uffiċċju tal-Kunsill waqt il-ħinijiet li jkun miftuħ.

IL-PROĠETT TAZ-ZUNTIER

Il-proġett tat-tisbiħ taz-zuntier ta’ quddiem il-Knisja Parrokkjali li l-parroċċa qegħda twettaq miexi sew ‘il quddiem. Bl-għajnuna t’Alla, din il-ġimgħa nkunu nistgħu nippreżentaw il-pjanta bid-disinn u d-dettalji li l-Perit Godwin Sultana qed iħejji fuq il-proposti tal-parroċċa. Din il-pjanta, flimkien ma’ disinji oħrajn, ser tkun esposta fil-knisja biex, min ikun jixtieq, ikun jista’ jwassal xi suġġerimenti fl-Uffiċċju Parrokkjali sad-9 ta’ Novembru, 2014.

LAQGĦA ADOPTIVE PARENTS

Il-Kummissjoni Djoċesana Familja tixtieq tistieden lill-adoptive parents kollha għal-laqgħa ta’ formazzjoni għalihom bis-suġġett: X’nagħmlu bl-emozzjonijiet?  Il-laqgħa ser tinżamm nhar il-Ġimgħa, 31 ta’ Ottubru, fis-7.00pm fl-Istitut tal-familja Ġwanni Pawlu II (Kana), ir-Rabat u ser timexxa minn Dun Anton Teuma, saċerdot b’diversi snin ta’ esperjenza ta’ counselling mal-familji. Ikun hemm min jieħu ħsieb it-tfal.

NIFIRĦU

Minn qalbna nifirħu lil Dun Samuel Grech, li din il-ġimgħa kiseb il-Liċenzjat fit-Teoloġija bi speċjalizazzjoni Marjoloġika mill-Facolta Pontificia Teologica MARIANUM ta’ Ruma. It-teżi tiegħu kienet dwar il-Madonna Ta’ Pinu, bl-isem Il Santuario della Madonna Ta’ Pinu a Gozo (Malta). Storia e culto dal 1800 ai nostri giorni. Dan il-liċenzjat kisbu bir-riżultat ta’ Summa cum Laude, jiġifieri l-aħjar grad possibli. Il-Madonna tkompli tħarsek Dun Samuel u inti aħdem biex tikber l-Imħabba lejn din Ommna. PROSIT DUN SAMUEL!

BOROZ U GĦOTJIEN GĦALL-CHRISTMAS TREE

Inħeġġukom tkomplu tiġbru l-boroż tas-snacks u l-għotjien tal-plastic għall-christmas tree li ser intellgħu quddiem il-knisja parrokkjali. Ser ikollna kaxxi apposta fil-ħwienet u l-każini fejn tistgħu tħallu dawn l-affarijiet.

Bullettin 17 ta’ Ottubru 2014

Il-ĠURNATA MISSJUNARJA

Ilum għad hawn ħafna nies li ma jafux lil Ġesù Kristu. Għalhekk tibqa’ ta’ urġenza kbira l-missjoni lill-ġnus, li fiha l-membri kollha tal-Knisja huma msejħa biex jieħdu sehem, għax il-Knisja hija min-natura tagħha missjunarja. Il-Ġurnata Missjunarja hi mument speċjali li bih il-fidili tad-diversi kontinenti jimpenjaw ruħhom bit-talb u ġesti konkreti ta’ solidarjetà biex jgħinu lill-knejjes fl-artijiet tal-missjoni. Hija ċelebrazzjoni ta’ grazzja u ta’ ferħ. Ta’ grazzja għaliex l-Ispirtu s-Santu, mibgħut mill-Missier, joffri għerf u s-saħħa lil dawk li huma xbieha tiegħu. Ferħ, għaliex Ġesù Kristu, mibgħut sabiex jevanġelizza d-dinja, jgħinna u jakkumpanjana fil-ħidma missjunarja tagħna. Propju fuq il-ferħ ta’ Ġesù u tad-dixxipli missjunarji, nixtieq noffri ikona biblika, li nsibu fil-Vanġelu ta’ Luqa (cfr 10, 21-23).

F’ħafna nħawi qegħdin jonqsu l-vokazzjonijiet għas-saċerdozju u l-ħajja konsagrata. Spiss dan ġej min-nuqqas ta’ ħajja appostolika u ta’ entużjażmu fil-komunità. Il-ferħ tal-Vanġelu jiġi mil-laqgħa ma’ Kristu u mill-qsim tal-ġid mal-foqra. Għalhekk ninkuraġġixxi lill-komunitajiet parrokkjali, l-għaqdiet u l-gruppi biex jgħixu ħajja ta’ aħwa, mibnija fuq l-imħabba għal Ġesù u attenta għall-bżonnijiet ta’ dawk l-aktar fil-bżonn.

Siltiet mill-Messaġġ tal-Papa Frangisku għall-Ġurnata Missjunarja 2014.

L-envelopes tal-missjoni li tqassmu mal-Bullettin tal-ġimgħa li għaddiet jinġabru din il-ġimgħa.

NILQGĦU FOSTNA lis-Seminarista Massimo Buttiġieġ li ser ikun fil-parroċċa tagħna għall-esperjenza pastorali f’dawn is-sentejn li ġejjin. Aħna nakkumpanjawh bit-talb u l-appoġġ tagħna fil-mixja tiegħu lejn is-saċerdozju.

Għawdex: 150 Sena Djoċesi (1864-2014) -Wirja kommemorattiva fis-Sala tal-Ministeru għal Għawdex

Biex jibqa’ mfakkar b’ġieħ il-mija u ħamsin anniversarju mit-twaqqif tad-Djoċesi ta’ Għawdex mill-Beatu Papa Piju IX, bħalissa fis-Sala tal-Wirjiet tal-Ministeru għal Għawdex, fi Pjazza San Franġisk, il-Belt Victoria, tinsab miftuħa wirja storika u kommemorattiva bit-tema Għawdex: 150 Sena Djoċesi (1864-2014).  Dan b’inizjattiva tal-Kummissjoni Arti Sagra fi ħdan il-Kurja ta’ l-Isqof f’Għawdex f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex. Il-wirja, li d-dħul għaliha huwa b’xejn, sa tibqa’ miftuħa sat-Tlieta 11 ta’ Novembru 2014, u l-pubbliku jista’ jżurha mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8.00am u l-4.30pm. Kulħadd imħeġġeġ iżur din il-wirja.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 19 t’Ottubru ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm: 8.00am-1.00pm.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA

Ser isir nofs ta’ nhar għan-nisa kollha f’Lourdes Home l-Erbgħa 22 ta’ Ottubru mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Joe Xerri, kafe’ u tombla.

ASSEMBLEA TAL-AZZJONI KATTOLIKA Is-Sibt 25 ta’ Ottubru: Fil-Knisja Parrokkjali tagħna

Programm tal-Assemblea:

5pm    Rużarju Meditat b’powerpoint fuq kull misteru. Nitolbu għall-familja bi ħsibijiet ta’ Santa Ġanna Beretta Molla.

6pm    Konċelebrazzjoni mmexxija mill-Isqof Mario Grech flimkien mal-Assistenti Ekkleżjastiċi.

Il-membri kollha tal-Azzjoni Kattolika huma mitluba biex jattendu u jistiednu u jġibu oħrajn magħhom. Motto tas-Sena Soċjali:

“ Nilqgħu l-Ħarsa t’Imħabba” Mark 10:21

ABBATINI

Dawk it-tfal u adoloxxenti subien li jixtiequ jkunu parti mis-servizz tal-artal jistgħu jinkitbu għand l-Arċipriet biex jibdew il-preparazzjoni tagħhom.

GRAZZI lil

· NN. Offerta fil-Letterbox Dar Parrokkjali għall-Madonna ta’ Loreto €50.

· Offerta Sagristiji: S. Galea €100.

· Ġużeppi Vassallo ta’ New York li ta s-somma sabiħa ta’ $Us5220 għal-lampier biex hekk issa dan ġie mħallas kollu. Grazzi mill-qalb.

IMMORRU TA’ PINU

B’talba ta’ persuna ser immorru s-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu l-Erbgħa 22 ta’ Ottubru fejn ikollna quddiesa. Tluq mill-pjazza fit-8.30am. Trasport imħallas. Il-karozza tgħaddi wkoll minn Triq Sant’ Antnin.

MOVIE NIGHT GĦALL-FAMILJA KOLLHA

Iż-żgħażagħ tal-parroċċa qed jerġgħu jibdew is-sensiela ta’ films għall-familja. L-ewwel serata ser tkun nhar il-Ħadd 26 ta’ Ottubru fis-6.00 pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.

KOR VIRGO

Il-provi tal-Kor Virgo ser jerġgħu jibdew kull nhar ta’ Ġimgħa fl-4.00pm fiċ-Ċentru Parrokkjali. L-ewwel prova ser tkun nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Ottubru.

CHRISTMAS TREE QUDDIEM IL-KNISJA PARROKKJALI

Din is-sena wkoll se ntellgħu s-siġra tal-Milied b’materjal riċiklat. Did-darba ser ikollna bżonn boroż tas-snacks li jkunu lewn il-fidda minn ġewwa kif ukoll għotjien tal-bottijiet – tondi u tal-plastic. Inħeġġukom tiġbru dawn l-affarijiet u ġġibuhom fiċ-Ċentru Parrokkjali, l-Uffiċċju Parrokkjali u għand Tony’s Bar tal-Pjazza.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

§ Ġorġa Galea tagħti €30 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Carmena u Toni Galea f’għeluq l-24 sena mill-mewt tiegħu.

§ Carmena u Joan Xuereb joffru €20 għall-bullettin b’suffraġju ta’ Ġużepp Xuereb f’għeluq id-9 snin mill-mewt tiegħu fil-21 ta’ Ottubru.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

 

Bullettin 10 ta’ Ottubru 2014

SINODU TAL-ISQFIJIET FUQ IL-FAMILJA

L-isfidi pastorali tal-familja fil-kuntest tal-Evanġelizzazzjoni 5 –19 TA’ OTTUBRU 2014

Is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-familja qed ikompli jiltaqa’ fil-Vatikan matul din il-ġimgħa. Inkomplu nitolbu biex l-Ispirtu s-Santu jitfa’ l-għerf tiegħu fuq il-Papa u l-Isqfijiet halli d-diskussjoni u d-decizjonijiet li jittieħdu jkunu għall-ġid tal-knisja u tal-bniedem. Ngħidu kuljum it-talba lill-Familja Mqaddsa għas-Sinodu

LAQGĦAT GĦALL-GĦARAJJES Is-Sibt 11 ta’ Ottubru jmiss it-Tieni laqgħa għall-għarajjes u dawk li qed iħejju għall-ħajja taż-żwieġ u l-familja. Dawk li qegħdin fit-tieni sena u għadhom ma reġgħux bdew jieħdu ħsieb. Oħrajn li jixtiequ jibdew din il-mixja mportanti jistgħu jiġu wkoll. Din il-formazzjoni hija ħafna mportanti biex min jixtieq jidħol għall-ħajja tal-familja jipprepara ruħu sew u kif suppost. Diġa smajna kemm is-Sinodu tal-Isqfijiet li qed jiltaqa’ f’Ruma saħaq fuq l-importanza ta’ dawn il-laqgħat.

IR-RUŻARJU FIL-BERAĦ Kull nhar ta’ Tlieta fl-4.30pm fi Pjazza Tolfa u kull nhar ta’ Erbgħa fl-4.30pm fi Triq il-Qigħan.

N.B. Ma’ dan il-bullettin qed jaslulkom l-envelopes għall-ġabra tal-Missjoni.

QUDDIES GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ ILLUM IL-ĦADD 12 TA’ OTTUBRU, il-quddiesa tal-10a.m. tkun animata miż-żgħażagħ tal-parroċċa. Nistiednu ż-żgħażagħ u l-adoloxxenti biex jieħdu sehem attiv f’din il-quddiesa.

BAKESALE Wara l-quddies kollu ta’ dan il-Ħadd, iż-żgħażagħ qegħdin jorganizzaw ‘Bakesale’ b’risq l-attivitajiet taż-żgħażagħ. Ninkuraġġuhom billi nixtru xi ħaġa tajba.

KULL L-EWWEL ĠIMGĦA TAX-XAHAR Biex tabilħaqq inkomplu ninbnew ma’ Ommna Marija f’Tempju Qaddis fil-Mulej, il-grupp taż-żgħażagħ tagħna qed jippjana li tibda ssir QUDDIESA APPOSTA GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ KOLLHA TA’ GĦAJNSIELEM – Dawk li qegħdin f’xi għaqda p.e. fil-Banda, Football, Armar, Nar, Għarajjes, u tant oħrajn … iż-żgħażagħ kollha – FL-EWWEL ĠIMGĦA TAX-XAHAR FIT-8.30pm. Tkun fil-Knisja Parrokkjali taħt id-dell tal-Maddonna ta’ Loreto (is-Sewda). Mill-ħin tas-6.30pm sal-ħin tal-quddiesa l-Knisja tibqa’ miftuħa għall-qrar.

EWRO COLLECTION Matul il-quddies ta’ dan il-weekend il-gabra tkun b’risq il-festa 2015. Ngħinu mill-ahjar. Fejn nistgħu nagħtu Ewro jew aktar. Grazzi tal-għajnuna.

KATEKIŻMU GĦALL-ADOLOXXENTI KOLLHA Minn Form 3 sa Form 5 Nhar ta’ Ġimgħa. Nibdew nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Ottubru fis-7.30pm fiċ-Ċentru Parrokkjali. Form 2 Bniet: Fil-Qasam tal-Museum tal-Bniet – Nhar ta’ Ħamis fil-5pm. Isiru wkoll il-laqgħat għas-subien fil-Qasam tal-Museum tas-Subien.

GRAZZI NN €50 għas-sagristiji b’radd il-ħajr lill-Madonna.

QUDDIES FIĊ-ĊIMITERJU Ix-xahar ta’ Novembru magħna. Matul dan ix-xahar niftakru aktar mis-soltu fl-għeżież tagħna mejtin billi nżuru ċ-Ċimiterju u nieħdu sehem aktar fil-quddiesa. Din is-sena, billi għandna diffikultà fin-numru ta’ saċerdoti li jistgħu jiċċelebraw il-quddies, wara konsultazzjoni fil-Kunsill Parrokkjali, ser ikollna tibdil rigward il-quddies fiċ-Ċimiterju. Fiċ-Ċimiterju l-quddies matul Novembru ser ikun hekk: It-Tnejn u l-Erbgħa f’nofsinhar, Nhar ta’ Ġimgħa l-quddiesa tkun filgħaxija u tkun organizzata mid-diversi għaqdiet reliġjużi u lokali tar-raħal: Il-Ġimgħa 7 ta’ Novembru tkun fil-5 pm u tkun organizzata mill-Azzjoni Kattolika; u l-Ġimgħat 14 ta’ Novembru (mill-Banda), 21 ta’ Novembru (Mill-Museum) u 28 ta’ Novembru (mill-Klabb tal-Futbol) u tkun fis-7.30pm. Kuljum ikollna l-pellegrinaġġ bir-rużarju fis-7pm. Nhar it-2 ta’ Novembru, il-Ħadd ikollna l-Pellegrinaġġ Parrokkjali mill-Knisja Parrokkjali għaċ-Ċimiterju fil-5.30pm u jkollna quddiesa solenni kif naslu. Dakinhar il-quddiesa ta’ filgħaxija fil-Knisja Parrokjali tkun fl-4.30pm.

KORSIJIET UNIVERSITÀ TIELET ETÀ L-Uffiċċju tal-Anzjani fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex javża lill-anzjani li l-korsijiet tal-Università tat-Tielet Eta’ ser jibdew il-Gimgħa 24 ta’ Ottubru fic-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani Għajnsielem. L-applikazzjonijiet u nformazzjoni jistgħu jinkisbu mill-Uffiċċju tal-Anzjani fi Pjazza San Frangisk, Victoria jew mill-Kunsill Lokali.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI Dan ser isir nhar is-Sibt 18 ta’ Ottubru fil-Knisja Parrokkjali tal-Għasri mis-6.30pm sat-8.30pm. Ikollna trasport mill-pjazza fis-6pm.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN Lorenza Scicluna toffri €20 b’suffragju tar-ruh għaziza ta’ binha Frankie Scicluna f’għeluq id-disa’ anniversarju tal-mewt tiegħu fl-14 ta’ Ottubru kif ukoll ta’ binha Joe u żewġha Carmelo Scicluna. Mulej, agħtihom il-mistrieħ ta’ dejjem.

 

Bullettin 3 ta’ Ottubru 2014

SINODU TAL-ISQFIJIET FUQ IL-FAMILJA
L-isfidi pastorali tal-familja fil-kuntest tal-Evanġelizzazzjoni
5 –19 TA’ OTTUBRU 2014
Il-Papa Franġisku talab lill-Knisja Kattolika biex isir talb speċjali f’dan iż-żmien li fih qed isir is-Sinodu tal-Isqfijiet fuq il-Familja fil-Vatikan. Tajjeb ngħidu t-Talba lill-Familja Mqaddsa maħruġa mill-Papa Franġisku għal dan il-għan, u anke ir-Rużarju, kif qalulna l-Isqfijiet tagħna. Ejjew nitolbu quddiem Ġesu’ Ewkaristija u waqt iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi fil-ġranet qabel u waqt li jkun isir is-sinodu ħalli jsir ħafna ġid spiritwali. L-Isqof Mario Grech qed jieħu sehem f’dan is-Sinodu tant importanti.
Dan ser ikun mument qawwi għall-Knisja kollha u għaldaqstant kull Nisrani hu msejjaħ biex jissieħeb u jagħti sehmu. Peress li fuq kollox din il-laqgħa tal-Isqfijiet ser tkun mument qawwi ta’ talb, il-Papa Franġisku qed iħeġġeġ biex l-Insara tad-dinja kollha jingħaqdu qalb waħda u ruħ waħda fit-talb bi tħejjija għal dan is-Sinodu. Ilkoll għandna nitolbu lill-Ispirtu s-Santu ħalli jdawwal il-qlub tar-ragħajja tal-Knisja sabiex il-Vanġelu tal-Familja jerġa’ jinstema’ bħala ‘bxara tajba’ għall-bnedmin kollha fi żminijiet fejn il-familja tinsab għaddejja minn bosta diffikultajiet.
(Mill-Istqarrija tal-Konferenza Episkopali Maltija – 12/09/2014)

LAQGĦAT TAL-KOMUNITA’ EWKARISTIKA
Il-laqgħat tal-komunità ewkaristika ser jibdew is-Sibt 11 ta’ Ottubru u t-Tlieta 14 ta’ Ottubru.

LAQGĦA KUNSILL PARROKKJALI
Nhar l-Erbgħa 8 ta’ Ottubru fil-5pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.

FESTA TAL-MADONNA TAR-RUŻARJU
Il-Ħadd 5 ta’ Ottubru niċċelebraw il-festa tal-Madonna tar-Rużarju. Fl-4.30pm nirreċitaw ir-rużarju quddiem Ġesu’ Ewkaristija u fil-5pm quddiesa kantata. Kif tintemm il-quddiesa jkollna l-purċissjoni bl-istatwa tal-Madonna. Inħeġġu lill-fratelli biex jakkumpanjaw. Wara l-purċissjoni, ikollna l-Barka Sagramentali fil-knisja.

IR-RUŻARJU FIL-BERAĦ
Infakkru li matul dan ix-xahar ta’ Ottubru l-membri tal-Leġjun ta’ Marija qed jirreċitaw it-talba tar-rużarju fil-beraħ: kull nhar ta’ Tlieta fl-4.30pm fi Pjazza Tolfa u kull nhar ta’ Erbgħa fl-4.30pm fi Triq il-Qigħan.

PELLEGRINAĠĠ PARROKKJALI – LORETO
Dan il-pellegrinaġġ ser ikun mis-6 sal-11 ta’ Diċembru. Dan huwa l-aħħar ċans għal min jixtieq jingħaqad magħna għax issa postijiet fadal vera ftit. Mur l-Uffiċċju Parrokkjali għal aktar dettalji.

PIZZA U TOMBLA
Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Franġisk, ser issir pizza u tombla fiċ-Ċentru Sant’ Antnin il-Ġimgħa 10 ta’ Ottubru fis-6pm. Prezz €5. Biljetti jinxtraw mingħand Lynette Cassar (79202172), Ideal Store jew mis-sagristija tal-Knisja ta’ Sant’ Antnin sal-Ħamis 9 ta’ Ottubru.

ATTIVITA’ GĦALL-ANZJANI fl-okkażjoni tal-15-il sena mill-ftuħ taċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum f’Għajnsielem. L-attivita’ tkun fis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesu’ fid-9am il-Ġimgħa 10 ta’ Ottubru. Biljetti (€1.50) mid-Day Centre f’Għajnsielem. Ikollna trasport b’xejn mill-Pjazza fit-8am.

OFFERTA
Veronica Buttigieg toffri €100 għas-sagristiji b’suffraġju ta’ żewġha Frenċu Buttigieg f’għeluq it-8 snin mill-mewt tiegħu fl-1 ta’ Ottubru.

GĦOTI TA’ DEMM
Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 5 t’Ottubru ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8am sas-1pm.

KATEKIŻMU
QUDDIESA TAL-FTUĦ TAS-SENA KATEKETIKA
Mistiedna t-tfal kollha minn Year 1 sa Form 1 flimkien mal-katekisti u l-ġenituri kollha:
It-TNEJN 6 ta’ Ottubru fl-4.30pm fil-Knisja Parrokkjali.

GĦALL-ADOLOXXENTI: Nhar ta’ Ġimgħa. Nibdew nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Ottbru.

STEDINA MIS-SEMINARJU
Ma’ dan il-bullettin qed taslilkom stedina li fiha ssibu l-ġranet li fihom matul din is-sena ser ikun hemm l-adorazzjoni fis-seminarju għall-vokazzjonijiet. Tistgħu żżommuha u tmexxu magħha.

BDEW IL-LAQGĦAT GĦALL-GĦARAJJES
Nhar is-Sibt 28 ta’ Settembru kellna l-ewwel laqgħa tat-tħejjija għall-ħajja tal-familja. Għandna numru sabiħ ta’ madwar 20 koppja. Jekk hemm oħrajn li jixtiequ jkomplu jew jibdew dawn il-laqgħat, jistgħu jiġu għal-laqgħa li jmiss li ser tkun is-Sibt 11 ta’ Ottubru fis-7.30pm fiċ-Ċentru Parrokkjali u jimlew il-formola hemmhekk stess.

ILQA’ FI ĦDANEK
Ilqa’ fi ħdanek o Ħanin Ġesu’ lir-ruħ għażiża ta’ Anthony Bugeja mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li għoġbok issejjaħlu għal għandek fid-29 ta’ Settembru fl-eta’ ta’ 78 sena.
Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

GĦAJNUNA FIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI
Biex nillestu ċ-Ċentru ħalli jkun jista’ jilqa’ fih it-tfal għad-duttrina, it-Tnejn u t-Tlieta 6 u 7 ta’ Ottubru ser nagħmlu t-tindif tal-kmamar. Min ikun jista’ jgħinna tistgħu tiġu: it-Tnejn mit-8.30am sa nofsinhar u mit-3pm sal-4. It-Tlieta mit-8.30 sa nofsinhar.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN
Frencu Xuereb joffri €20 b’suffraġju ta’ martu Stella Xuereb f’għeluq l-ewwel sena mill-mewt tagħha fit-8 ta’ Ottubru.
Mulej, agħtiha l-mistrieħ ta’ dejjem.