Monthly Archives: November 2014

Bullettin 28 ta’ Novembru 2014

JIBDA L-AVVENT: ERBAT IĦDUD QABEL IL-FESTA TAL-MILIED

NINBNEW F’TEMPJU QADDIS

L-Avvent huwa ż-żmien liturġiku mportanti fil-kalendarju tal-Knisja Kattolika li fih nippreparaw lilna nfusna biex inġeddu l-miġja ta’ Alla bħala bniedem; bħalna f’kollox minbarra fid-dnub. Huwa żmien li fih inħallu lil Alla jsaffina u nħejju spazju f’qalbna biex fih Alla jkompli jikber ġewwa fina.

Illum ser nibdew sena liturġika ġdida.  Sena oħra mal-Mulej.  Sena li hija wkoll mixja ma’ Ġesù Kristu. Hija sena li rridu nagħrfu ngħixuha minkejja li d-dgħufija u d-difetti tagħna ħafna drabi jorbtuna mal-art b’mod li ma nkunux nistgħu nagħmlu dak il-progress spiritwali mixtieq.  Din hija l-ġlieda li kuljum irridu nwettqu matul din is-sena liturġika.  Fil-bidu  tal-avvent irridu naraw kif dawn l-erba’ ġimgħat irridu ngħixuhom b’mod ta’ preparazzjoni sabiex tassew innaddfu qalbna ħalli jitwieled għal darba oħra dak Ġesu Bambin li jkun magħna kuljum fil-ħajja tagħna.    NINBNEW BIL-KELMA T’ALLA

Il-Mulej illum jurina kif għandna nagħmlu dan billi NIFTĦU GĦAJNEJNA U NISHRU.  Inkunu konxji tar-realtajiet li hawn madwarna kif ukoll inkunu konxji li waħedna ma nistgħu nagħmlu xejn.  Għalhekk hemm bżonn li jkollna djalogu kontinwu ma’ Alla permezz tat-talb.                             NINBNEW BIT-TALB

Kemm tassew bħala Nisrani rrid ngħix il-fidi tiegħi ninsab b’għajnejja miftuħa dwar dak li qed jiġri madwari?  Kemm qed nieħu kull deċiżjoni f’għaqda sħiħa ma’ Alla?  Kemm tassew qed ikun hemm mumenti fil-ħajja tiegħi li nkun nishar fit-talb?  Jew insib ħin għal kollox barra għad-djalogu tiegħi ma’ Dak li ħalaqni?  Kif se nimxi mal-Mulej matul din is-sena?  Kollox bil-qies?  Jiġifieri quddiesa tal-Ħadd għax bilfors, qrara għad-Duluri u daqshekk?  Kemm tassew qed nipprova nitkellem u ngħix li Alla huwa mħabba? NINBNEW QUDDIEM L-EWKARISTIJA U BIS-SEHEM FIL-QUDDIESA.

NIBDEW L-AVVENT FLIMKIEN

Il-Ħadd 29 ta’ Novembru fil-quddiesa tal-10am NIBDEW L-AVVENT FLIMKIEN: kulħadd, tfal u adoloxxenti, żgħażagħ, għarajjes, koppji, ġenituri u katekisti. Flimkien nibdew mal-Knisja nistennew lill-Mulej biex meta jiġi, joħroġna miegħu biex inxandruH bil-ħajja tagħna.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 30 ta’ Novembru ikun miftuħ  għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8am sas-1pm.

GRAZZI    Għall-Ġabra għall-Missjoni  fil-knisja u fl-envelopes kienet €3611. Grazzi mill-qalb.

CIMITERJU: Il-parroċċa tirringrazzja lil dawk kollha li taw l-offerta tagħhom għall-manutenzjoni taċ-ċimiterju. B’dawn il-flus il-parroċċa tkun tista’ tagħmel il-manutenzjoni kontinwa li għandna bżonn fiċ-ċimiterju. Bħalissa qed naħsbu wkoll biex ninstallaw sistema ta’ cameras ta’ sorveljanza. Inħeġġu lil dawk li għadhom ma għamlux l-offerta tagħhom biex jagħmlu dan fl-uffiċċju parrokkjali.

PONSJETTI U PJANTI ..B’RISQ IĊ-ĊENTRU PARROKKJALI

Matul din il-ġimgħa għandna għall-bejgħ ponsjetti tal-milied u pjanti għad-dar. Tistgħu tagħtu titwila matul il-ġimgħa filgħodu bejn id-9 u l-11am u filgħaxija bejn il-5 u s-6pm.

PELLEGRINAĠĠ f’LORETO

Is-Sibt 6 ta’ Diċembru grupp ta’ 63 persuna jmorru mal-Arċipriet Loreto biex jieħdu sehem fil-festa Liturġika tal-Madonna ta’ Loreto. Minbarra dan huma ser iżuru postijiet oħra – Ruma, Assisi, Ancona, San Marino, u Bologna: Iċ-Cimiterju Militari fejn hemm midfuna ħutna Għajnselmiżi. Mit-Tnejn 8 sal-Ħamis 11 ta’ Diċembru jkollna kollegamenti diretti mill-Italja fuq Radju Lauretana.

BOROŻ u GĦOTJIEN GĦAS-SIĠRA TAL-MILIED

Gibuhom fil-kaxxa fil-knisja ħdejn il-qniepen jew fiċ-Ċentru Parrokkjali.

L-EWWEL ĠIMGĦA TAX-XAHAR 5 ta’ Diċembru
Quddiesa għaż-żgħażagħ kollha fil-Knisja Arċpretali fit-8.30m …. Niltaqgħu!

BETHLEHEM f’GĦAJNSIELEM

Il-ftuħ tal-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Bethlehem f’Għajnsielem ser isir is-Sibt 6 ta’ Diċembru fis-6pm mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca. Qabel ser isir kunċert mill-Banda tagħna San Ġużepp. Kulħadd mistieden jattendi. L-inawgurazzjoni ser tixxandar dirett fuq TVM.

Mill-Kunsill Lokali: Il-Gimgħa 5 ta’ Diċembru l-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem ser jorganizza trasport għar-raħal tal-Għarb biex nakkumpanjaw it-tluq ta’ Marija u Gużeppi bil-ħmara għal Bethlehem f’Għajnsielem. Il-mixja ser tkun sar-Rabat fejn jinxtegħelu d-dwal tal-Milied fi Triq ir-Republika. Wara il-coach twassalna Għajnsielem. Tluq fis-5.45 pm mill-Pjazza. Kull min hu nteressat imur jinkiteb il-Kunsill sal-Ħamis 4 ta’ Diċembru.

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-Milied tibda t-Tnejn 8 ta’ Diċembru u tibqa’ sejra sal-Ħadd 4 ta’ Jannar 2015. L-iskeda titqassam mal-bullettin tal-Ħadd li ġej. Tinsewx il-frekwenza 89.3FM jew www.radjulauretana.com

L-EWWEL ĠABRA GĦALL-FESTA

Mal-Bullettin tal-Ħadd li ġej jitqassam l-envelope biex issir l-ewwel ġabra bieb bieb għall-festa tagħna Awwissu 2015. Inkunu ġenerużi bħal dejjem. Ngħinu kif u kemm nistgħu.

FESTA TAL-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI

It-Tnejn 8 ta’ Diċembru l-ħin tal-quddies ikun bħal tal-Ħadd. Dakinhar immorru l-Qala fejn nieħdu sehem fil- quddiesa fis-Santwarju tal-Kunċizzjoni. Tluq mill-pjazza fis-7.30am.

FESTA LITURĠIKA TAL-MADONNA TA’ LORETO

It-Tlieta 9 u l-Erbgħa 10 ta’ Diċembru bħala Komunita’ Parrokkjali niċċelebraw il-festa liturġika ta’ Ommna Marija Lawretana. Dettalji fil-bullettin li jmiss.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Matthew Grech joffri €10 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju tal-erwieħ mejtin. Mulej agħtihom il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 21 ta’ Novembru 2014

SOLENNITA’ TA’ KRISTU SULTAN TAL-ĦOLQIEN KOLLU … U TMINT IJIEM OĦRA NIBDEW L-AVVENT

Qegħdin fuq il-għatba ta’ sena liturġika oħra. F’dan it-tmiem il-ġimgħa nagħlqu s-sena liturġika bil-festa ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu.  Nistaqsu: nista’ ngħid li Kristu hu s-Sultan tiegħi? Fis-sens li tabilħaqq nimxi fuq dak li jgħidli u jitlob minni Hu? Il-ħajja tiegħi, kliemi, għemili – fejn jidher u fejn ma jidhirx – jixraq lil dan is-Sultan? Jew drajt nagħmel fattija? Mistoqsija li rridu nagħmluha kollha kemm aħna ħalli mbagħad mal-kant ta’ Ejja Fostna mill-Ħadd ta’ wara, nibdew tabilħaqq nistennew lil Kristu f’ħajjitna u “Ma’ Ommna Marija ninbnew f’Tempju qaddis fil-Mulej!”

Nhar il-Ħadd 29 ta’ Novembru fil-quddiesa tal-10am NIBDEW L-AVVENT FLIMKIEN: kulħadd, tfal u adoloxxenti, żgħażagħ, għarajjes, koppji, ġenituri u katekisti. Flimkien nibdew mal-Knisja nistennew lill-Mulej biex meta jiġi joħroġna miegħu biex inxandruH bil-ħajja tagħna.

NOTA FUQ IT-TIŻJIN TAL-MILIED: Naħsbu minn issa biex, it-tiżjin ma nagħmluhx kmieni żżejjed. Ma’ tmiem l-ewwel ġimgħa tal-Avvent biżżejjed… imbagħad inħalluh sal-festa tal-wasla tas-slaten maġi. Ma nitfux kollox mal-ewwel tas-sena.

BOROŻ u GĦOTJIEN GĦAS-SIĠRA TAL-MILIED ta’ quddiem il-Knisja. Kif rajtu diġa’ rmajna l-qafas ta’ din is-siġra. Dawk li ġabru l-boroż u l-għotjien huma mħeġġa jġibuhom jew il-knisja fil-kaxxa fejn il-qniepen jew iċ-Ċentru Parrokkjali biex nibdew naħdmuhom. Din is-sena s-siġra ser ikun fiha ‘il fuq minn 20elf dwal led. Kun parti minn din l-attrazzjoni nazzjonali inti wkoll. Ġib boroż tas-snacks u għotjien tal-plastic matt f’dawn il-ħmistax-il ġurnata li ġejjin.

FESTA KRISTU SULTAN – ĊELEBRAZZJONI DJOĊESANA

Fl-4.15pm Korteo, bis-sehem tas-saċerdoti u abbatini mill-parroċċi kollha, minn Pjazza Santu Wistin għal Pjazza San Franġisk

Fl-4.30pm Ċelebrazzjoni tal-Kelma ta’ Alla u Barka Sagramentali quddiem is-seminarju.

F’kaz ta’ maltemp iċ-ċelebrazzjoni ssir fil-Knisja Rotunda tax-Xewkija.

Ikollna trasport mill-pjazza fl-3.45pm.

Minħabba l-manifestazzjoni djoċesana li tibda fl-4.30pm minn Pjazza Santu Wistin ir-Rabat, għal-lum il-Ħadd il-quddiesa ta’ filgħaxija tkun fis-6.15pm.

QUDDIESA tal-FAMILJI

Il-quddiesa tal-10am tal-Ħadd 23 ta’ Novembru tkun animata mill-familji għall-familji. Inħeġġu lill-membri kollha tal-familja biex jieħdu sehem.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex nhar it-Tlieta 25 ta’ Novembru ser ikun disponibbli għal-għoti tad-demm mis-1pm sal-5pm.

LAQGĦA TĦEJJIJA PELLEGRINAĠĠ PARROKKJALI

Dawk kollha li ser jissieħbu fil-pellegrinaġġ parrokkjali għal Loreto bejn is-6 u l-11 ta’ Dicembru, 63 b’kollox, ser ikollhom laqgħa ta’ tħejjija, it-Tnejn li ġej 24 ta’ Novembru fil-5pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.

LAQGĦA GĦAL DAWK KOLLHA LI JAGĦTU S-SEHEM TAGĦHOM FIL-LITURĠIJA

Bħala parti mill-formazzjoni ta’ dawk li jagħtu s-sehem tagħhom fil-liturġija, ser issir laqgħa mportanti għalihom l-Erbgħa 26 ta’ Novembru, 2014 fiċ-Ċentru Pastorali Ragħaj it-Tajjeb ir-Rabat. Animaturi, letturi u kanturi huma mħeġġa jattendu.

LAQGĦA TAL-KUNSILL PARROKKJALI

Il-Laqgħa li jmiss tkun nhar il-Ġimgħa li ġejja 28 ta’ Novembru, 2014 fil-5pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.

PONSJETTI U PJANTI …B’RISQ IĊ-ĊENTRU PARROKKJALI

Matul din il-ġimgħa u ta’ wara ser ikollna għall-bejgħ ponsjetti tal-milied u pjanti għad-dar. Tistgħu tagħtu titwila matul il-ġimgħa filgħodu bejn id-9 u l-11 am u filgħaxija bejn il-5 u s-6pm.

THANKSGIVING PASTA NIGHT

Din ser tkun nhar is-Sibt 29 ta’ Novembru fiċ-Ċentru Parrokkjali. Okkażjoni sabiħa għall-familja kollha. Inkunu ngħinu l-attivitajiet taż-żgħażagħ tagħna u l-proġett tat-tisbiħ u ristrutturar taċ-Ċentru Parrokkjali. Biljetti mid-Dar Parrokkjali u mingħand l-isponsors.

FIĊ-ĊIMITERJU

Ikollna l-quddiesa f’nofsinhar nhar it-Tnejn u l-Erbgħa. Nhar il-Ġimgħa li ġejja, 28 ta’ Novembru  l-quddiesa tkun fis-7.30pm.

IL-PROĠETT TAS-SAGRISTIJI u L-ORGNI

Il-pjanti kollha tal-proġett tat-tkomplija tal-bini tas-sagristiji jinsabu għall-wiri fil-knisja. Dawn il-pjanti huma approvati mill-Mepa (Permess PA/00449/14). Bil-għajnuna tiegħek inkomplu nibnu u nlestu l-Knisja Parrokkjali tagħna.

Issieħeb ma’ ħafna oħrajn fl-iskema ta’ ġbir ta’ fondi għal dan il-proġett.

Dalwaqt inkunu nistgħu noħorġu wkoll id-disinni tal-orgni u tal-armatura tal-injam li ser iżżejjen il-kor u sservi ta’ tron mill-isbaħ għall-Madonna ta’ Loreto (il-Madonna s-sewda).

FUQ KOLLOX NIFTAKRU: L-IKBAR U L-AQWA PROĠETT HU li: Ma’ Ommna Marija ninbnew f’Tempju Qaddis fil-Mulej! – Smiegħ tal-Kelma t’Alla, Talb, Karità, tpattija għal ħtijietna!!!

IKLA TAL-MILIED

Il-Patrijiet Franġiskani qed jorganizzaw ikla tal-Milied il-Ġimgħa 19 ta’ Diċembru fil-Grand Hotel fis-7.30pm. Prezz €25 il-kbar u tfal taħt it-tnax-il sena 12-il Ewro. Biljetti mill-Knisja ta’ Sant’ Antnin jew ċemplu lil Lynette 79202172 sal-15 ta’ Diċembru.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

·     Rose u George Grech joffru €20 b’suffraġju ta’ ommhom Mary Grech f’għeluq is-sitt snin mill-mewt tagħha fil-21 ta’ Novembru.

·     Loreta Zerafa toffri €20 b’suffraġju ta’ Mikieli Debono f’għeluq is-sentejn mill-mewt tiegħu fis-26 ta’ Novembru.

Mulej agħtihom il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 14 ta’ Novembru 2014

Kmieni jew Tard! Kbar jew Żgħar! GĦAD NIDHRU QUDDIEMU!

L-aħbarijiet fil-ħajja ta’ kuljum, qed juruna li ħafna bnedmin qed jgħixu stil ta’ ħajja qishom m’huma se jmutu qatt. Qed jgħixu ħajja ta’ libertinaġġ, la jimpurtahom minnhom infushom, la mill-proxxmu u lanqas minn Alla li ħalaqhom.

Jessica, tfajla fuq ruħha, b’persuna sabiħa titlef ħajjitha b’xokk elettriku. Kellha 20 sena. Jimmy wiret lil nannuh kemxa flus. Miet b’attakk tal-qalb u ma setax isarraf dawn il-flus fil-bank tal-Ġenna. Joseph, kien igawdi fama tajba f’din id-dinja u sab li mhux l-istess fama tajba kellu mal-Mulej. Xi swielu?

Int u jien x’jiswielna jekk wara mewtna ma narawx u ma ngawdux il-ġmiel u l-hena ta’ Alla?

Kollox jispiċċa ta’ din id-dinja. Għal dawk li jemmnu fil-Mulej, il-ħajja ma tintemmx wara mewtna izda tinbidel; u mal-mewt tal-ġisem fuq din l-art, titħejja skont għemilna hawn, għamara għal dejjem fis-sema pajjizna. Għalhekk, flimkien mal-knisja ommna, inħeġġiġkom tiftakru fit-talb tagħkom f’dawk kollha ħutna, ġenituri, qraba u ħbieb u oħrajn li qabilna bdew il-lejl li fih ħadd ma jista’ jaħdem. Matul dan ix-xahar, aktar mis-soltu nitolbu għal dawk kollha li għexu l-fidi tal-magħmudija tagħhom, sabiex is-Sinjur Alla jagħtihom il-glorja tal-Ġenna.

L-erwieħ tal-purgatorju ma jistgħux jitolbu għalihom infushom u għalhekk qed jistennew it-talb tagħna għalihom. L-erwieħ tal-purgatorju huma fil-qalb t’Ommna Marija Santissma u tistenna li jmorru jgawdu magħha fil-glorja wara li jkunu ppurifikaw ruħhom.

EWRO COLLECTION  Il-ġabra waqt il-quddies kollu ta’ dan il-weekend tkun b’risq il-festa 2015. Ngħinu kif u kemm nistgħu. Fejn nistgħu nagħtu Ewro jew aktar. Grazzi ta’ kull għajnuna.

GĦOTI TA’ DEMM Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 16 ta’ Novembru ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sal-1:00pm.

TIFKIRA TA’ SANT’ANDRIJA

Illum il-Ħadd 16 ta’ Novembru fil-quddiesa ta’ filgħaxija nagħmlu t-tifkira ta’ Sant’ Andrija appostlu u martri. Il-quddiesa bil-prietka tal-okkażjoni tkun fil-5pm bħas-soltu.

RESTAWR TAL-KWADRU: Tajjeb ukoll li tagħtu titwila lill-kwadru ta’ Sant’Andrija fil-Knisja l-Qadima li għadu kemm reġa’ twaħħal f’postu wara xogħol estensiv ta’ restawr li sar fuqu minn Fr. Charles Vella u ffinanzjat mill-Isponsors ewlenin ta’ dan il-proġett il-Bank of Valletta plc.

NOFS TA’ NHAR    Ser isir nofs ta’ nhar għan-nisa kollha f’Lourdes Home l-Erbgħa 19 ta’ Novembru mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Charles Buttigieg, kafe’ u tombla.

SANTA ĊEĊILJA L-Erbgħa 19 ta’ Novembru l-Kumitat tal-Banda ser jorganizza quddiesa fil-kappella ta’ Santa Ċeċilja fis-6.30pm fl-okkazjoni tal-festa tal-qaddisa patruna tal-baned.

FIĊ-ĊIMITERJU

Ikollna l-quddiesa f’nofsinhar nhar it-Tnejn u l-Erbgħa. Nhar il-Ġimgħa li ġejja, 21 ta’ Novembru  l-quddiesa tkun fis-7.00pm. filgħaxija u tkun organizzata mis-soċji tal-Museum.

BETHLEHEM f’GĦAJNSIELEM

Ser issir laqgħa għal dawk li jixtiequ jieħdu sehem f’din l-edizzjoni ta’ Bethlehem f’Għajnsielem bħala atturi, ushers u helpers: il-Ħamis 20 ta’ Novembru fis-7.30pm fil-Kazin tal-Banda. Sejħa tmur ukoll għal dawk il-ġenituri li għandhom trabi biex jieħdu sehem f’din l-esperjenza unika. Tistgħu tikkuntatjaw lil JoAnne Debrincat fuq 99479612.

CHRISTMAS BAZAAR

Fiċ-Ċentru Sant’ Antnin is-Sibt 22 u 29 ta’ Novembru mill-4pm sas-7.30pm u l-Ħadd 23 u 30 ta’ Novembru mis-7.30am sa 12pm u mill-4pm sas-7.30pm.

RADJU LAURETANA

Qed isiru l-aħħar preparamenti għall-iskeda tal-Milied li tibda t-Tnejn 8 ta’ Diċembru. Grazzi lil dawk kollha li jgħinu biex ir-radju jkun jista’ jkompli jsemma’ leħnu.

IL-PROĠETT TAS-SAGRISTIJI u L-ORGNI

Fil-Knisja ħriġna għall-wiri l-pjanti kollha tal-proġett tat-tkomplija tal-bini tas-sagristiji. Dawn il-pjanti huma approvati mill-Mepa (Permess PA/00449/14)

MIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI

FAMILY MOVIE NIGHT Fuq talba ġenerali ta’ ħafna ġenituri ser nerġgħu nagħmlu serata oħra barra dawk ippuntati – Il-Ħadd 16 ta’ Novembru fis-5.45pm.

THANKSGIVING PASTA NIGHT Is-Sibt 29 ta’ Novembru fis-7pm.Biljetti mid-Dar u ċ-Ċentru Parrokkjali.

SERATA tal-MILIED It-Tnejn 29 ta’ Diċembru.

IKLA PARROKKJALI tal-MILIED It-Tlieta 30 ta’ Diċembru fil-Hotel Calypso

IKLA SAN MARTIN Nhar is-Sibt 22 ta’ Novembru fis-7pm ser issir l-ikla ta’ San Martin b’risq is-Seminarju. Il-biljetti (€15 il-kbar u €8 it-tfal) jinkisbu mingħand L-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju jew mis-seminarju stess (21556479). Inkunu qed ngħinu fil-formazzjoni tas-seminaristi tagħna.

FESTA KRISTU SULTAN Il-Ħadd li ġej 23 ta’ Novembru hija s-Sollennita’ ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu. Minħabba l-manifestazzjoni djoċesana li tibda fl-4.30 minn Pjazza Santu Wistin ir-Rabat, għal nhar il-Ħadd li ġej biss il-quddiesa ta’ filgħaxija tkun fis-6.15p.m.  Aktar dettalji fil-bullettin li jmiss.

LAQGĦA GĦAT-TFAL KOLLHA TA’ Yrs 4 u 5 fiċ-Ċentru Pastorali Ragħaj it-Tajjeb nhar il-Ġimgħa fl-4.30pm.

LAQGĦA GĦALL-KOPPJI FL-EWWEL SENA TAŻ-ŻWIEĠ

Stedina speċjali lill-koppji kollha li żżewġu f’din l-aħħar sena (bejn wieħed u ieħor) – Laqgħa nteressanti għalihom fl-Istitut tal-Familja Ġwanni Pawlu II (ta’ Kana) ir-Rabat: Il-Ġimgħa 21 ta’ Novembru, 2014 fis-7.30pm.

ü  Il-formazzjoni spiritwali, umana u kulturali fil-familji tagħna tiswa mitqlu deheb!!!

IL-PROĠETT TAZ-ZUNTIER

Grazzi tal-kummenti u s-suġġerimenti tagħkom. Issa ser isiru l-permessi meħtieġa ħalli x-xogħol jibda kemm jista’ jkun malajr. Il-proġett ser isir fuq diversi fażijiet u ser jinkludi wkoll il-ġnien li hemm  wara l-Knisja kif ukoll il-ġnub – fejn Radjulauretana u l-post tat-tombla – u t-taraġ tal-Knisja.

Bullettin 7 ta’ Novembru 2014

NOVEMBRU – ZMIEN TA’ RIFLESSJONI

Fostna l-Maltin u l-Għawdxin aħna nirreferu għax-xahar ta’ Novembru bħala x-xahar tal-mejtin milli x-xahar tal-qaddisin kollha. Li nafu li hu zgur hu li l-qaddisin kollha mietu. U aħna, illum jew għada rridu nħallu din id-dinja wkoll. Izda tajjeb li nistaqsu lilna nfusna wkoll: Jien kemm jien lest jew lesta għall-ħajja l-oħra? Kemm jien ippreparat, ippreparata?
Id-dinja sekularizzata moderna ma tantx tfakkarna fil-mewt u fil-ġudizzju. Ħafna jaħsbu li se jmorru l-ġenna dritt. Tgħid se tmut qabel il-waqt jekk taħseb ta’ spiss fuq il-mewt? Ħadd ma ħarab il-mewt għax ma ħasibx fiha. L-aktar ta’ siwi hu li taħseb ukoll x’jiġri wara l-mewt. Taħseb fuq il-ġudizzju ta’ għemilek u fuq eternità ta’ hena jew tbatija. Kemm tkun għaqli jew għaqlija jekk tgħix dik il-ħajja li hija meħtiega biex tkun dejjem lest għal dak il-mument li fih isejjaħlek Alla l-Imbierek.

Kompli kun għaqli u għix kull mument ta’ ħajtek bħalma tixtieq tgħix l-aħħar mument ta’ ħajtek għax kif iwissina Ġesù Kristu, “Iben il-bniedem jiġi f’dik is-siegħa li ma tistennewx.”

Xi wħud jgħixu, jaħsbu li ma jmutu qatt, għalhekk jgħixu ħajja indifferenti, ilsiera ta’ dak li toffri d-dinja, ’il-boghod mis-sagramenti, mill-Knisja, minn Alla, jgħixu fi bruda spiritwali. Dawn ħutna fi Kristu wkoll; niftakru u nitolbu għall-fejqan spiritwali tagħhom. U nitolbu ta’ spiss għal ħutna li jinsabu fil-purgatorju. Ejjew nagħmlu l-isforzi kollha tagħna biex naħarbu mid-dnub, u ngħixu ħajja tajba, ħajja fl-imħabba ta’ Ġesu’ u ta’ Ommu Marija.

NISHRU U NITOLBU – NERSQU AKTAR TA’ SPISS LEJN IS-SAGRAMENTI…

QRAR u L-QUDDIESA ANKE MATUL IL-ĠIMGĦA

MATUL NOVEMBRU fiċ-Ċimiterju – Fiċ-Ċimiterju l-quddies matul Novembru jkun:

It-Tnejn u l-Erbgħa f’nofsinhar. Imbagħad nhar ta’ Ġimgħa l-quddiesa tkun filgħaxija u tkun organizzata mid-diversi għaqdiet reliġjużi u lokali tar-raħal:

·                    Il-Ġimgħa 14 ta’ Novembru (mill-Banda) fis-7.30pm.

·                    Il-Ġimgħa 21 ta’ Novembru (mill-Museum) fis-7.00pm.

·                    Il-Ġimgħa 28 ta’ Novembru (mill-Klabb tal-Futbol) fis-7.30pm.

Kuljum ikollna l-pellegrinaġġ bir-rużarju fis-7pm. Inzuru ċ-ċimiterju, nirriflettu u nitolbu.

IS-SORIJIET TAL-KARITA’ FOSTNA

Matul il-quddies ta’ dan il-weekend ser ikollna magħna lis-Sorijiet tal-Karita’ – Little Sisters of the Poor.  Dawn is-sorijiet qed iwettqu ħidma tant utli ma’ min jeħtieġ. Inkunu ġeneruzi u rikonoxxenti lejn ix-xogħol li jagħmlu dawn is-sorijiet. Ngħinuhom bl-għotjiet tagħna wara l-quddies.

SAN ĠILJAN

Illum il-Ħadd 9 ta’ Novembru fil-quddiesa ta’ filgħaxija nagħmlu t-tifkira ta’ San Ġiljan martri. Il-quddiesa tkun fil-5pm bħas-soltu.

TIFKIRA TAL-VITTMI TAL-GWERRA

Il-Ħadd 9 ta’ Novembru waqt il-quddiesa tal-10am niftakru f’ħutna li ħallewna waqt il-gwerra. Wara l-quddiesa, jitpoġġew il-fjuri fuq il-monument tal-gwerra. Din l-attività qed issir b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali.

QUDDIESA TA’ KULJUM

Matul dan ix-xahar ta’ Novembru sewwa kieku nersqu aktar ta’ spiss lejn l-Ewkaristija u nitolbu għal ħutna l-mejtin.  INĦEĠĠU TANT ĠENITURI BIEX IKUNU HUMA MINN TAL-EWWEL LI JAGĦTU EŻEMPJU LIL ULIEDHOM. Prosit lill-qasam tal-Museum tas-Subien li adattaw il-ħinijiet tat-tagħlim u l-logħob biex l-istudenti jkunu jistgħu jmorru għall-quddiesa ta’ filgħaxija.

XOGĦOL FIĊ-ĊIMITERJU

Dawn l-aħħar ġimgħat għamilna xi xogħol fiċ-ċimiterju biex nibdlu xi pavimentar ħalli nibdew insolvu ftit mill-problema tal-ilma li jżomm fejn l-oqbra. Dan ix-xogħol ġie jiswa ftit inqas minn €2000. Inħeġġukom biex tagħtu xi offerta għal dawn l-ispejjeż.

Infakkru lil dawk li għandhom l-oqbra fiċ-ċimiterju u għadhom ma tawx l-offerta tagħhom għal din is-sena u s-sena li għaddiet għall-manutenżjoni taċ-ċimiterju biex jagħmlu dan fl-uffiċċju parrokkjali.

INTENZJONIJIET QUDDIES FIL-KNISJA PARROKKJALI

Min jixtieq jordna intenzjonijiet għall-quddies tal-ħin fil-Knisja Parrokkjali għax-xhur Jannar, Frar, Marzu, 2015 jista’ jagħmel dan fl-Uffiċċju Parrokkjali minn din il-ġimgħa.

GRAZZI

Loreta Zerafa toffri €10 lill-Madonna.

MATUL NOVEMBRU

  • 16 ta’ Novembru    Tifkira ta’ Sant’ Andrija
  • 23 ta’ Novembru    Sollennita’ ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien Kollu – Jum il-Karità
  • 29 ta’ Novembru    THANKSGIVING PASTA BUFFET fiċ-Ċentru Parrokkjali – Inawgurazzjoni tal-Bar wara r-ristrutturazzjoni.
  • 30 ta’ Novembru    L-Ewwel Ħadd tal-Avvent. Family Movie Night fiċ-Ċentru Parrokkjali.

IL-PROĠETT TAZ-ZUNTIER

Dan huwa l-aħħar ċans biex, min jixtieq iwassal xi suġġerimenti fl-Uffiċċju Parrokkjali sat-12 ta’ Novembru, 2014. Tistgħu taraw il-pjanta ħdejn il-qniepen li għandna fil-knisja. Il-pass li jmiss hu li jsiru l-applikazzjonijiet neċessarji u kif dawn jiġu approvati, jibda x-xogħol minnufih. Grazzi tal-kummenti u s-suġġerimenti tagħkom li diġa wassaltu.