Bullettin 7 ta’ Novembru 2014

NOVEMBRU – ZMIEN TA’ RIFLESSJONI

Fostna l-Maltin u l-Għawdxin aħna nirreferu għax-xahar ta’ Novembru bħala x-xahar tal-mejtin milli x-xahar tal-qaddisin kollha. Li nafu li hu zgur hu li l-qaddisin kollha mietu. U aħna, illum jew għada rridu nħallu din id-dinja wkoll. Izda tajjeb li nistaqsu lilna nfusna wkoll: Jien kemm jien lest jew lesta għall-ħajja l-oħra? Kemm jien ippreparat, ippreparata?
Id-dinja sekularizzata moderna ma tantx tfakkarna fil-mewt u fil-ġudizzju. Ħafna jaħsbu li se jmorru l-ġenna dritt. Tgħid se tmut qabel il-waqt jekk taħseb ta’ spiss fuq il-mewt? Ħadd ma ħarab il-mewt għax ma ħasibx fiha. L-aktar ta’ siwi hu li taħseb ukoll x’jiġri wara l-mewt. Taħseb fuq il-ġudizzju ta’ għemilek u fuq eternità ta’ hena jew tbatija. Kemm tkun għaqli jew għaqlija jekk tgħix dik il-ħajja li hija meħtiega biex tkun dejjem lest għal dak il-mument li fih isejjaħlek Alla l-Imbierek.

Kompli kun għaqli u għix kull mument ta’ ħajtek bħalma tixtieq tgħix l-aħħar mument ta’ ħajtek għax kif iwissina Ġesù Kristu, “Iben il-bniedem jiġi f’dik is-siegħa li ma tistennewx.”

Xi wħud jgħixu, jaħsbu li ma jmutu qatt, għalhekk jgħixu ħajja indifferenti, ilsiera ta’ dak li toffri d-dinja, ’il-boghod mis-sagramenti, mill-Knisja, minn Alla, jgħixu fi bruda spiritwali. Dawn ħutna fi Kristu wkoll; niftakru u nitolbu għall-fejqan spiritwali tagħhom. U nitolbu ta’ spiss għal ħutna li jinsabu fil-purgatorju. Ejjew nagħmlu l-isforzi kollha tagħna biex naħarbu mid-dnub, u ngħixu ħajja tajba, ħajja fl-imħabba ta’ Ġesu’ u ta’ Ommu Marija.

NISHRU U NITOLBU – NERSQU AKTAR TA’ SPISS LEJN IS-SAGRAMENTI…

QRAR u L-QUDDIESA ANKE MATUL IL-ĠIMGĦA

MATUL NOVEMBRU fiċ-Ċimiterju – Fiċ-Ċimiterju l-quddies matul Novembru jkun:

It-Tnejn u l-Erbgħa f’nofsinhar. Imbagħad nhar ta’ Ġimgħa l-quddiesa tkun filgħaxija u tkun organizzata mid-diversi għaqdiet reliġjużi u lokali tar-raħal:

·                    Il-Ġimgħa 14 ta’ Novembru (mill-Banda) fis-7.30pm.

·                    Il-Ġimgħa 21 ta’ Novembru (mill-Museum) fis-7.00pm.

·                    Il-Ġimgħa 28 ta’ Novembru (mill-Klabb tal-Futbol) fis-7.30pm.

Kuljum ikollna l-pellegrinaġġ bir-rużarju fis-7pm. Inzuru ċ-ċimiterju, nirriflettu u nitolbu.

IS-SORIJIET TAL-KARITA’ FOSTNA

Matul il-quddies ta’ dan il-weekend ser ikollna magħna lis-Sorijiet tal-Karita’ – Little Sisters of the Poor.  Dawn is-sorijiet qed iwettqu ħidma tant utli ma’ min jeħtieġ. Inkunu ġeneruzi u rikonoxxenti lejn ix-xogħol li jagħmlu dawn is-sorijiet. Ngħinuhom bl-għotjiet tagħna wara l-quddies.

SAN ĠILJAN

Illum il-Ħadd 9 ta’ Novembru fil-quddiesa ta’ filgħaxija nagħmlu t-tifkira ta’ San Ġiljan martri. Il-quddiesa tkun fil-5pm bħas-soltu.

TIFKIRA TAL-VITTMI TAL-GWERRA

Il-Ħadd 9 ta’ Novembru waqt il-quddiesa tal-10am niftakru f’ħutna li ħallewna waqt il-gwerra. Wara l-quddiesa, jitpoġġew il-fjuri fuq il-monument tal-gwerra. Din l-attività qed issir b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali.

QUDDIESA TA’ KULJUM

Matul dan ix-xahar ta’ Novembru sewwa kieku nersqu aktar ta’ spiss lejn l-Ewkaristija u nitolbu għal ħutna l-mejtin.  INĦEĠĠU TANT ĠENITURI BIEX IKUNU HUMA MINN TAL-EWWEL LI JAGĦTU EŻEMPJU LIL ULIEDHOM. Prosit lill-qasam tal-Museum tas-Subien li adattaw il-ħinijiet tat-tagħlim u l-logħob biex l-istudenti jkunu jistgħu jmorru għall-quddiesa ta’ filgħaxija.

XOGĦOL FIĊ-ĊIMITERJU

Dawn l-aħħar ġimgħat għamilna xi xogħol fiċ-ċimiterju biex nibdlu xi pavimentar ħalli nibdew insolvu ftit mill-problema tal-ilma li jżomm fejn l-oqbra. Dan ix-xogħol ġie jiswa ftit inqas minn €2000. Inħeġġukom biex tagħtu xi offerta għal dawn l-ispejjeż.

Infakkru lil dawk li għandhom l-oqbra fiċ-ċimiterju u għadhom ma tawx l-offerta tagħhom għal din is-sena u s-sena li għaddiet għall-manutenżjoni taċ-ċimiterju biex jagħmlu dan fl-uffiċċju parrokkjali.

INTENZJONIJIET QUDDIES FIL-KNISJA PARROKKJALI

Min jixtieq jordna intenzjonijiet għall-quddies tal-ħin fil-Knisja Parrokkjali għax-xhur Jannar, Frar, Marzu, 2015 jista’ jagħmel dan fl-Uffiċċju Parrokkjali minn din il-ġimgħa.

GRAZZI

Loreta Zerafa toffri €10 lill-Madonna.

MATUL NOVEMBRU

  • 16 ta’ Novembru    Tifkira ta’ Sant’ Andrija
  • 23 ta’ Novembru    Sollennita’ ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien Kollu – Jum il-Karità
  • 29 ta’ Novembru    THANKSGIVING PASTA BUFFET fiċ-Ċentru Parrokkjali – Inawgurazzjoni tal-Bar wara r-ristrutturazzjoni.
  • 30 ta’ Novembru    L-Ewwel Ħadd tal-Avvent. Family Movie Night fiċ-Ċentru Parrokkjali.

IL-PROĠETT TAZ-ZUNTIER

Dan huwa l-aħħar ċans biex, min jixtieq iwassal xi suġġerimenti fl-Uffiċċju Parrokkjali sat-12 ta’ Novembru, 2014. Tistgħu taraw il-pjanta ħdejn il-qniepen li għandna fil-knisja. Il-pass li jmiss hu li jsiru l-applikazzjonijiet neċessarji u kif dawn jiġu approvati, jibda x-xogħol minnufih. Grazzi tal-kummenti u s-suġġerimenti tagħkom li diġa wassaltu.