Bullettin 28 ta’ Novembru 2014

JIBDA L-AVVENT: ERBAT IĦDUD QABEL IL-FESTA TAL-MILIED

NINBNEW F’TEMPJU QADDIS

L-Avvent huwa ż-żmien liturġiku mportanti fil-kalendarju tal-Knisja Kattolika li fih nippreparaw lilna nfusna biex inġeddu l-miġja ta’ Alla bħala bniedem; bħalna f’kollox minbarra fid-dnub. Huwa żmien li fih inħallu lil Alla jsaffina u nħejju spazju f’qalbna biex fih Alla jkompli jikber ġewwa fina.

Illum ser nibdew sena liturġika ġdida.  Sena oħra mal-Mulej.  Sena li hija wkoll mixja ma’ Ġesù Kristu. Hija sena li rridu nagħrfu ngħixuha minkejja li d-dgħufija u d-difetti tagħna ħafna drabi jorbtuna mal-art b’mod li ma nkunux nistgħu nagħmlu dak il-progress spiritwali mixtieq.  Din hija l-ġlieda li kuljum irridu nwettqu matul din is-sena liturġika.  Fil-bidu  tal-avvent irridu naraw kif dawn l-erba’ ġimgħat irridu ngħixuhom b’mod ta’ preparazzjoni sabiex tassew innaddfu qalbna ħalli jitwieled għal darba oħra dak Ġesu Bambin li jkun magħna kuljum fil-ħajja tagħna.    NINBNEW BIL-KELMA T’ALLA

Il-Mulej illum jurina kif għandna nagħmlu dan billi NIFTĦU GĦAJNEJNA U NISHRU.  Inkunu konxji tar-realtajiet li hawn madwarna kif ukoll inkunu konxji li waħedna ma nistgħu nagħmlu xejn.  Għalhekk hemm bżonn li jkollna djalogu kontinwu ma’ Alla permezz tat-talb.                             NINBNEW BIT-TALB

Kemm tassew bħala Nisrani rrid ngħix il-fidi tiegħi ninsab b’għajnejja miftuħa dwar dak li qed jiġri madwari?  Kemm qed nieħu kull deċiżjoni f’għaqda sħiħa ma’ Alla?  Kemm tassew qed ikun hemm mumenti fil-ħajja tiegħi li nkun nishar fit-talb?  Jew insib ħin għal kollox barra għad-djalogu tiegħi ma’ Dak li ħalaqni?  Kif se nimxi mal-Mulej matul din is-sena?  Kollox bil-qies?  Jiġifieri quddiesa tal-Ħadd għax bilfors, qrara għad-Duluri u daqshekk?  Kemm tassew qed nipprova nitkellem u ngħix li Alla huwa mħabba? NINBNEW QUDDIEM L-EWKARISTIJA U BIS-SEHEM FIL-QUDDIESA.

NIBDEW L-AVVENT FLIMKIEN

Il-Ħadd 29 ta’ Novembru fil-quddiesa tal-10am NIBDEW L-AVVENT FLIMKIEN: kulħadd, tfal u adoloxxenti, żgħażagħ, għarajjes, koppji, ġenituri u katekisti. Flimkien nibdew mal-Knisja nistennew lill-Mulej biex meta jiġi, joħroġna miegħu biex inxandruH bil-ħajja tagħna.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 30 ta’ Novembru ikun miftuħ  għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8am sas-1pm.

GRAZZI    Għall-Ġabra għall-Missjoni  fil-knisja u fl-envelopes kienet €3611. Grazzi mill-qalb.

CIMITERJU: Il-parroċċa tirringrazzja lil dawk kollha li taw l-offerta tagħhom għall-manutenzjoni taċ-ċimiterju. B’dawn il-flus il-parroċċa tkun tista’ tagħmel il-manutenzjoni kontinwa li għandna bżonn fiċ-ċimiterju. Bħalissa qed naħsbu wkoll biex ninstallaw sistema ta’ cameras ta’ sorveljanza. Inħeġġu lil dawk li għadhom ma għamlux l-offerta tagħhom biex jagħmlu dan fl-uffiċċju parrokkjali.

PONSJETTI U PJANTI ..B’RISQ IĊ-ĊENTRU PARROKKJALI

Matul din il-ġimgħa għandna għall-bejgħ ponsjetti tal-milied u pjanti għad-dar. Tistgħu tagħtu titwila matul il-ġimgħa filgħodu bejn id-9 u l-11am u filgħaxija bejn il-5 u s-6pm.

PELLEGRINAĠĠ f’LORETO

Is-Sibt 6 ta’ Diċembru grupp ta’ 63 persuna jmorru mal-Arċipriet Loreto biex jieħdu sehem fil-festa Liturġika tal-Madonna ta’ Loreto. Minbarra dan huma ser iżuru postijiet oħra – Ruma, Assisi, Ancona, San Marino, u Bologna: Iċ-Cimiterju Militari fejn hemm midfuna ħutna Għajnselmiżi. Mit-Tnejn 8 sal-Ħamis 11 ta’ Diċembru jkollna kollegamenti diretti mill-Italja fuq Radju Lauretana.

BOROŻ u GĦOTJIEN GĦAS-SIĠRA TAL-MILIED

Gibuhom fil-kaxxa fil-knisja ħdejn il-qniepen jew fiċ-Ċentru Parrokkjali.

L-EWWEL ĠIMGĦA TAX-XAHAR 5 ta’ Diċembru
Quddiesa għaż-żgħażagħ kollha fil-Knisja Arċpretali fit-8.30m …. Niltaqgħu!

BETHLEHEM f’GĦAJNSIELEM

Il-ftuħ tal-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Bethlehem f’Għajnsielem ser isir is-Sibt 6 ta’ Diċembru fis-6pm mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca. Qabel ser isir kunċert mill-Banda tagħna San Ġużepp. Kulħadd mistieden jattendi. L-inawgurazzjoni ser tixxandar dirett fuq TVM.

Mill-Kunsill Lokali: Il-Gimgħa 5 ta’ Diċembru l-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem ser jorganizza trasport għar-raħal tal-Għarb biex nakkumpanjaw it-tluq ta’ Marija u Gużeppi bil-ħmara għal Bethlehem f’Għajnsielem. Il-mixja ser tkun sar-Rabat fejn jinxtegħelu d-dwal tal-Milied fi Triq ir-Republika. Wara il-coach twassalna Għajnsielem. Tluq fis-5.45 pm mill-Pjazza. Kull min hu nteressat imur jinkiteb il-Kunsill sal-Ħamis 4 ta’ Diċembru.

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-Milied tibda t-Tnejn 8 ta’ Diċembru u tibqa’ sejra sal-Ħadd 4 ta’ Jannar 2015. L-iskeda titqassam mal-bullettin tal-Ħadd li ġej. Tinsewx il-frekwenza 89.3FM jew www.radjulauretana.com

L-EWWEL ĠABRA GĦALL-FESTA

Mal-Bullettin tal-Ħadd li ġej jitqassam l-envelope biex issir l-ewwel ġabra bieb bieb għall-festa tagħna Awwissu 2015. Inkunu ġenerużi bħal dejjem. Ngħinu kif u kemm nistgħu.

FESTA TAL-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI

It-Tnejn 8 ta’ Diċembru l-ħin tal-quddies ikun bħal tal-Ħadd. Dakinhar immorru l-Qala fejn nieħdu sehem fil- quddiesa fis-Santwarju tal-Kunċizzjoni. Tluq mill-pjazza fis-7.30am.

FESTA LITURĠIKA TAL-MADONNA TA’ LORETO

It-Tlieta 9 u l-Erbgħa 10 ta’ Diċembru bħala Komunita’ Parrokkjali niċċelebraw il-festa liturġika ta’ Ommna Marija Lawretana. Dettalji fil-bullettin li jmiss.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Matthew Grech joffri €10 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju tal-erwieħ mejtin. Mulej agħtihom il-mistrieħ ta’ dejjem.