Monthly Archives: December 2014

Bullettin 3 ta’ Jannar 2015

L-EPIFANIJA TAL-MULEJ

Jekk nidħlu ftit fir-rakkont tal-wasla tas-Slaten Maġi f’Betlem, jirnexxielna żgur mhux forsi niskopru xi ħaġa għal ħajjitna. Aħna nemmnu li l-Kelma t’Alla hi ħajja u qawwija. L-evanġelista ma riedx jgħidilna biss x’ġara madwar elfejn sena ilu, imma min hu Ġesu’. Il-kelma epifanija tfisser wirja. Fil-ġrajja tal-Maġi għandna wirja ta’ Ġesu. L-evanġelista jrid ukoll jurina x’mudelli għandna nsegwu u x’atteġġjamenti għandna nieħdu fil-konfront ta’ Ġesù. Fir-rakkont insibu tliet tipi ta’ persunaġġi u tliet tipi ta’ mġieba. Insibu lill-Maġi, lil Erodi u lill-Qassisin.

Erodi. Biex ma jitlifx il-poter qered it-trabi kollha subien minn sentejn ‘l isfel. Il-Vanġelu jgħidilna li Erodi ħassu ttrattat mill-Maġi ta’ tifel u kellhom raġun għax propju ta’ tifel ġab ruħu. Erodi beża’ li dan it-tfajjel ta’ Betlem ser jeħodlu postu. Ma kienx kapaċi jikkalkula li sakemm dak it-tifel jikber hu kellu jkun ilu taħt it-trab! Infatti miet ftit wara. Malli sema’ li twieled Sultan tħawwad. Erodi jirrapreżenta lil min jitfixkel minħabba Ġesu’, min jaħseb li Ġesu’ jrid jeħodlu xi ħaġa. Iva Ġesù lil Erodi ried jeħodlu xi ħaġa, l-eġoiżmu tiegħu. Erodi huwa dak il-miskin li jaħseb li ser jieħu kollox miegħu, li l-poter, il-flus u l-fama huma għal dejjem.

Il-kittieba u l-qassisin il-kbar. Dawn kienu nies tassew intelliġenti. Kienu jafuha sewwa l-Bibbja u lil Erodi weġbuh tajjeb. Kienu jafu fejn kellu jitwieled il-Messija. Jibagħtu lill-oħrajn ħa jiltaqgħu miegħu, imma huma ma jmorrux. Anke bħal dawn insibu ħafna illum u fosthom nistgħu nkunu jien u int. Nafu kif naslu għand Ġesu’, nafu t-triq imma ma niċċaqalqux. Jista’ jkun għax nibżgħu, jista’ jkun għax il-Vanġelu nħossuh tqil wisq, jista’ jkun għax inħossuna tant tajbin li m’għandniex bżonn ta’ Messija. Jista’ jkun ukoll li nħossuna tant ħżiena li ma nażżardawx nersqu lejh. Nippreferu noqogħdu komdi kif aħna, u ma niftħux qalbna għal Alla, li kapaċi jtina kollox.

Il-Maġi. Dawn ma nsibuhomx jitkellmu, it-triq ma jafuhiex eżatt. imma, telqu kollox u mxew f’post fejn ma kinux jafu, qalb nies li għalihom kienu barranin. Il-Maġi huma nies li fil-ħajja kapaċi jiddeċiedu. Huma dawk li l-kalkolu ma jwaqqafhomx, li l-biża’ ma tipparalizzahomx. Huma dawk li lesti jħallsu prezz imma jafu x’jiġifieri tirriskja għal Ġesu’. Jafu x’jiġifieri jkollok ix-xorti li tgħid jien iltqajt miegħu u ħajti nbidlet. Kont nemmen li mhux kapaċi naħfer, u ħfirt. Kont miġnun wara l-flus u l-wirt, imma ltqajt ma’ Ġesu’ u ċedejt u erġajt għaqqadt familja. Kont bniedem li ħadd ma’ seta’ jkellimni, sibt lil Ġesu’ u nbdilt. Kont skjav ta’ elf ħaġa, illum qed ninħeles. Iva aħna lkoll kapaċi nkunu bħall-Maġi. Wara li naraw u niltaqgħu ma’ Ġesu’ mmorru lura lejn artna minn triq oħra. Għand Erodi ma nerġgħux immorru u f’artna ngħidu lil kulħadd x’rajna, xi smajna u x’għamel Alla magħna!

FESTA TAS-SANT’INFANZJA

Nhar it-Tlieta li ġejja, 6 ta’ Jannar, 2015, nagħlqu l-vaganzi tal-Milied billi niltaqgħu flimkien: tfal, katekisti, ġenituri u ġemgħa biex niċċelebraw it-tfulija ta’ Ġesù magħrufa bħala s-Santa Nfanzja fil-quddiesa tas-6.00pm. Nagħmlu offerta għat-tfal tal-Missjoni.

GRAZZI

Kelma ta’ radd il-ħajr lil tant voluntiera li taw is-sehem siewi tagħhom biex stajna ngħixu mumenti tant sbieħ f’dawn il-ġranet għeżież tal-Milied. Mingħajr din l-għajnuna, żgur li ma jkunx possibli li l-parroċċa torganizza dan kollu.

GABRA BIEB BIEB GĦALL-FESTA – €2307.

OFFERTA GĦALL-ISTRINA 2014 MILL-PARROĊĊA – €1381

TERĠA’ TIBDA L-ISKOLA

L-Erbgħa 7 ta’ Jannar it-tfal u l-istudenti tagħna jerġgħu jirritornaw lura l-iskola. Ġenituri ħeġġu lil uliedkom għat-tagħlim tal-katekiżmu u biex dawk li jattendu l-iskola primarja tar-raħal tagħna jibdew il-ġurnata bil-quddiesa tat-7.45am. Ikollna wkoll il-lezzjonijiet tal-Katekiżmu għat-tfal u l-istudenti filgħaxija. Ma nfallux għal xejn. It-tagħlim nisrani għandu jieħu prijorita’ fil-ħajja ta’ uliedna u f’ħajjitna wkoll.

IS-SIĠRA TAL-KARITÀ TKOMPLI

L-aħħar sejħa għal min jixtieq jgħin f’din l-opra ta’ karita’. Grazzi lil kull min ta l-kontribut tiegħu b’risq persuni fil-bżonn.

MIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI
GRAZZI MILL-QALB

Lil dawk kollha li għenu u ħadu sehem u anke lil dawk li attendew għas-serata sabiħa li ttellgħet nhar it-Tnejn 29 ta’ Diċembru.

IKOMPLI L-PROĠETT TA’ RISTRUTTURAR

Bħalissa għadna għaddejjin bl-aħħar fażi ta’ xogħol biex insebbħu u nirranġaw iċ-Ċentru Parrokkjali biex ikun jista’ jilqa’ fih aktar laqgħat ta’ kategoriji differenti.

Inħeġġukom tieħdu sehem fl-attivitajiet li jiġu organizzati fiċ-ċentru u nkunu ta’ support u kuraġġ għal min jorganizza.

RADJU LAURETANA

L-aħħar ġurnata tal-iskeda tkun il-Ħadd 4 ta’ Jannar meta Radju Lauretana jagħti xandira kontinwa u diretta tal-Maġi mill-Mellieħa sa Għajnsielem. Ser ikollna wkoll kompetizzjoni ħelwa għas-semmiegħa. Jekk il-Bambin irid nerġgħu niltaqgħu fid-19 ta’ Marzu għall-iskeda tal-Għid. GRAZZI kbira lill-voluntiera kollha u lilkom ilkoll tal-appoġġ u s-sostenn.

L-ADORAZZJONI FIL-KNISJA L-QADIMA

Inħeġġu aktar persuni ħalli flimkien, inkomplu nagħtu l-adorazzjoni li jixraq lil Ġesù Ewkaristija biex ikollna l-ħinijiet kollha mimlija. Ġesù Ewkaristija huwa l-ħajja tagħna u s-saħħa tal-Familji tagħna.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Rita Link toffri €20 għall-ispejjeż ta’ dan il-bullettin b’suffraġju ta’ Hans Joachim Link (John) f’għeluq it-tielet anniversarju mill-mewt tiegħu fit-2  ta’ Jannar u għal Loreta Saliba fit-tieni anniversarju fl-20 ta’ Frar. Mulej, agħtihom il-mistrieħ ta’ dejjem.

 

Bullettin 26 ta’ Diċembru 2014

IS-SENA L-ĠDIDA 2015

Bil-għajnuna tal-Mulej ser nibdew Sena Ġdida. Min jaf x’se toffri din is-sena? Tgħid se tkun sena aħjar minn dik ta’ qabilha?

Mistoqsijiet simili faċli jiġu f’moħħna.  Madankollu, ħarsitna għandha tkun fuq dak li Hu l-Veru Dawl, Ġesu’ Kristu.  Il-ħajja hi taħlita ta’ esperjenzi kemm sbieħ u kemm inqas sbieħ.  Minkejja dan, jekk wieħed f’kull ċirkostanza ta’ ħajtu jitfa’ ħarstu fuq Ġesù, il-piż tal-ħajja ikun eħfef.  Ngħidu dan mill-esperjenzi diversi f’ħajjitna.  Quddiem l-għawġ, minkejja t-tbatija, xorta fina ħassejna l-paċi għax ħallejna post għal dak li vera jaf iħobb – Ġesù.

Minn qalbna nawguraw lil kull persuna esperjenza intima ma’ Ġesù l-Feddej biex inħalluh JIBNINA HU U JSAĦĦAĦNA FIL-ĦAJJA TAGĦNA.  Jiġri li nippruvaw insibu ħin għal kollox u forsi, ninsewh xi  ftit lill-Mulej!  Tajjeb inżommu ċertu bilanċ f’ħajjitna!!!  Imma kif tista’ takkwista l-ferħ ta’ veru?  Kif tagħti ħinek lill-Mulej?

B’fiduċja sħiħa, nemmnu li l-ħajja tagħna tieħu xejra ferm pożittiva jekk nipparteċipaw fil-quddiesa kuljum u mqar nagħmlu ftit ħin ta’ adorazzjoni.  Ħajjitna tieħu aktar sens jekk nieħdu sehem fit-talba tar-rużarju u, għaliex le, naraw ukoll x’tgħid il-kelma t’Alla, il-Bibbja.  Nawguraw li nippruvaw dan. M’hemm xejn x’nitilfu!

Għalina l-insara, il-ftuħ tas-sena, l-1 ta’ Jannar, hu wieħed  sabiħ meta niftakru fis-Sollennità ta’ Marija, Omm Alla.  Mill-eternità, Alla għażel lill-Verġni ta’ Nażaret biex tkun l-Omm ta’ Ibnu.  Hija saret it-‘Theotokos’, Omm Alla. Marija hija l-omm spiritwali tagħna.

Nemmnu li jekk inżommu dan kollu quddiemna, ikollna sena mill-isbaħ minkejja l-għawġ li jista’ jinqala’.  Wara kollox la l-Mulej magħna min jista’ jkun kontra tagħna?  Għalhekk f’kull ċirkostanza li għad tiġi fuqna fl-2015, qalbna tista’ tkun tkun tabilħaqq mimlija ferħ għax “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi xejn ma jonqosni!”

B’dan il-ħsieb f’moħħna, nawguraw is-Sena t-Tajba lil Kulħadd!

IL-KWARANTURI MQADDSA

It-Tlieta 30 ta’ Diċembru:
Permezz tal-quddiesa tad-9am nagħtu bidu għall-jiem tal-Kwaranturi Mqaddsa. L-Adorazzjoni Ewkaristika dawn il-ġranet tkun fil-Knisja Parrokkjali. Insibu ħin għal ma’ Ġesu’ Ħaj fl-Ewkaristija.

L-Erbgħa 31 ta’ Diċembru
huwa l-aħħar jum tas-sena. L-Adorazzjoni Ewkaristika tibda wara l-quddiesa tad-9am.

6.30pm rużarju u fis-7pm Konċelebrazzjoni Solenni tal-aħħar tas-sena bil-Kant tat-Te Deum.

8pm jibda lejl ta’ talb li jwassal sal-ħin tal-11pm fejn ikollna l-aħħar quddiesa tas-sena. Wara mmorru lkoll iċ-Ċentru Parrokjali biex flimkien nistennew il-bidu tas-Sena l-Ġdida 2015.

Il-Ħamis l-1 ta’ Jannar 2015:
Il-quddies ikun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd. L-Adorazzjoni Ewkaristika tibda wara l-quddiesa tal-10am.

Fl-4pm (u mhux fil-5pm) ikollna Konċelebrazzjoni  Solenni mmexxija mill-Arċipriet u animata bil-kant mill-orkestra. Wara l-quddiesa toħroġ il-purċissjoni bis-Santissimu Sagrament. Nattendu lkoll bi ħġarna, kbar u żgħar. Il-fratelli mistiedna jakkumpanjaw il-purċissjoni. Tajjeb li nżejnu t-twieqi u l-galleriji tagħna minn fejn ser jgħaddi Ġesu’ Ħaj fl-Ewkaristija. Hekk kif il-purċissjoni tidħol lura fil-knisja jkollna Ċelebrazzjoni Ewkaristika.

IS-SIĠRA TAL-KARITÀ TKOMPLI

Nieħdu karta mis-siġra, naraw liema oġġett ikun hemm miktub u nġibuh taħt l-istess siġra. Dak kollu li jinġabar jingħata lill-familji fil-bżonn u tfal li qegħdin fid-Djar tat-Tfal. M’hemmx għalfejn li l-oġġetti jkunu mgeżwra f’karta tal-Milied. Solidarjeta’ ma’ min hu tant fil-bżonn.

MIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI

SERATA TAL-MILIED

Din tkun fiċ-Ċentru Parrokkjali t-Tnejn 29 ta’ Diċembru Is-Serata tibda fis-7pm. Ser ikollna kant, żfin u farsa kollha daħk imtella’ miż-żgħażagħ tagħna. Biljetti miċ-Ċentru u l-Uffiċċju Parrokkjali.

IKLA PARROKKJALI tal-MILIED

It-Tlieta 30 ta’ Diċembru fil-Hotel Calypso, Marsalforn fis-7.30pm. Biljetti mill-Uffiċċju Parrokkjali. Prezz €25. Tfal sa form 1 – €12. Ikla buffet. Trasport provdut b’xejn mill-Pjazza fis-7pm. Aħsbu għall-biljetti.

L-EWWEL ĠIMGĦA U SIBT TAX-XAHAR

Il-Ġimgħa 2 ta’ Jannar l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali u tibda wara l-quddiesa tad-9am. Is-Sibt 3 ta’ Jannar l-Adorazzjoni tkun fil-Knisja l-Qadima. Fit-3.30pm rużarju u quddiesa. Wara l-quddiesa, l-Adorazzjoni Ewkaristika tkompli sad-9pm.

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-Milied tkompli bil-kbir. Ibqgħu segwuna. Il-Ġimgħa 2 ta’ Jannar ser ikollna kollegamenti diretti u esklussivi minn Cologne l-Ġermanja matul il-ġurnata kollha fejn ser nassistu għat-tluq tas-Slaten Maġi mill-Ġermanja għal Malta. Il-Ħadd 4 ta’ Jannar insegwu l-wasla tagħhom mill-Mellieħa għal Ta’ Passi.

GĦOTI TA’ DEMM  Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex li l-Ħadd 28 ta’ Diċembru ser ikun miftuħ għall-għoti tad-demm: 8am – 1pm.

ĠBIR TA’ ĦĠIEĠ

Il-Kunsill Lokali jixtieq javża li f’Jannar 2015 il-ġbir tal-ħġieġ bieb bieb ser iseħħ il-Ġimgha 2 ta’ Jannar minħabba li l-Ħamis jaħbat l-ewwel tas-sena.

FESTIN tal-Milied:  Tfal tal-Katekiżmu Yrs 1-3:

It-Tlieta 30 ta’ Diċembru fit-3.30pm fiċ-Ċentru.

SOLIDARJETÀ MAD-DAR TAL-PROVVIDENZA

·  Din id-dar, tant għal qalb il-Knisja f’Malta u Għawdex, qed tistedinna nkunu ġenerużi magħha.

·  IL-ĠBIR KOLLU LI JSIR FIL-QUDDIES TA’ NHAR L-1 TA’ JANNAR IKUN GĦAL DIN L-OPRA KBIRA U QADDISA.

L-Arċipriet flimkien mas-Saċerdoti

u l-Kunsill Parrokkjali, jawguraw lil kulħadd

Sena Ġdida

mimlija Saħħa, Paċi u Barka

li jaf jagħti biss Kristu l-Mulej!

Bullettin 19 ta’ Diċembru 2014

U L-IBEN T’ALLA SAR BNIEDEM U GĦAMMAR FOSTNA

Fl-Ewwel Ittra tiegħu, San Ġwann jgħidilna li Alla huwa mħabba (1 Ġw 4, 8.16) u jkompli jgħidilna li din l-imħabba ma kinitx murija lilna bi kliem fieragħ iżda b’mod mill-aktar konkret, li nistgħu mmissuh b’idejna.

“B’dan dehret l-imħabba ta’ Alla fina, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja, biex ngħixu bih. U hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna ‘l Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna” (1 Ġw 4, 9-10).

U Ġesù nnifsu jgħid lil Nikodemu: “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.” (Ġw 3, 16).

Ġesù Kristu huwa l-Kelma t’Alla li fil-milja taż-żminijiet saret laħam u għammret fostna. Ġesù Kristu huwa l-Kelma tal-imħabba t’Alla għall-bniedem. Mhix kelma vojta, mhux sempliċi ħoss imma kelma li nistgħu mhux biss nisimgħuha iżda, wkoll, saħansitra nistgħu mmissuha u nħarsu lejha.

Inħallu mela lil din il-Kelma, jiġifieri Kristu nnifsu li twieled għalina, tibnina u ssaħħaħna fil-ħajja kollha tagħna. L-għaqda tagħna ma’ Kristu ssaħħaħna fl-għaqda tagħna ma’ xulxin, fl-imħabba tagħna fil-familji tagħna, fir-relazzjonijiet tagħna ma’ xulxin bħala ċittadini tal-Ewropa, ta’ Malta, ta’ Għajnsielem, tat-triq fejn noqogħdu. Kemm tkun aħjar l-imġieba tagħna meta hi mdawla, immexxija u mħarsa mill-Kelma ta’ Alla – minn Kristu, li sar bniedem għalina.

Dan hu l-awgurju sinċier għalikom għeżież! Tkunu mberkin

Dun Frankie Bajada

Arċipriet

IN-NOVENA TKOMPLI

In-Novena tal-Milied tkompli sat-Tlieta 23 ta’ Diċembru. Inkomplu nattendu għall-quddiesa tan-novena kbar u żgħar ħalli nitħejjew spiritwalment għall-festa l-kbira tal-Milied.

L-Erbgħa 24 ta’ Diċembru – Lejlet il-Milied

11.30pm Talb tas-Salmi fil-Knisja. Wara jkollna l-priedka tradizzjonali tat-tifel minn Shaun Portelli. Imbagħad ikollna għanjiet tal-Milied. F’12am Niċċelebraw l-Ewkaristija tal-Lejl tal-Milied. Janima l-quddiesa bil-kant il-Kor Lauretana. Il-funzjoni tixxandar fuq Radju Lauretana u Radju Marija.

Il-Ħamis 25 ta’ Diċembru – Jum il-Milied

Il-ħin tal-quddies ikun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd.

TĦEJJIJA SPIRITWALI għall-Milied tfisser ukoll qrara u tqarbina. Ser ikollna konfessuri disponibbli għall-qrar f’dawn il-ġranet u ħinijiet:

IT-TLIETA 23 ta’ Diċembru mill-5.30pm ‘il quddiem.

L-ERBGĦA 24 ta’ Diċembru: 8.30 – 9.30am u 5 – 7pm.

IS-SIĠRA TAL-KARITÀ

Bħal kull sena fil-Knisja mas-siġra l-kbira tal-Milied ikollna ħafna karti kkuluriti. Ħudu waħda, araw liema oġġett ikun hemm miktub u ġibuh taħt l-istess siġra. Dak kollu li jinġabar jingħata lill-familji fil-bżonn u tfal li qegħdin fid-Djar tat-Tfal. M’hemmx għalfejn li l-oġġetti jkunu mgeżwra f’karta tal-Milied.

MIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI

SERATA TAL-MILIED

Dawk li jixtiequ jieħdu sehem fis-serata tal-Milied fiċ-Ċentru Parrokkjali It-Tnejn 29 ta’ Diċembru jimlew il-formla meħtieġa. Is-Serata tibda fis-7pm.Biljetti miċ-Ċentru u l-Uffiċċju Parrokkjali.

IKLA PARROKKJALI tal-MILIED

It-Tlieta 30 ta’ Diċembru fil-Hotel Calypso, Marsalforn fis-7.30pm. Biljetti mill-Uffiċċju Parrokkjali. Prezz €25. Tfal sa form 1 – €12. Ikla buffet. Ikel abbundanti. Inbid u ilma inkluż. Ikollna l-kafe’ għal kulħadd ukoll. Trasport provdut b’xejn mill-Pjazza fis-7pm.

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-Milied tkompli b’aktar xandiriet u programmi speċjali. Mal-bullettin qed tirċievu t-tieni u l-aħħar parti tal-iskeda. Komplu segwuna.

L-EWWEL ĠABRA GĦALL-FESTA

Grazzi tal-offerta tiegħek. Komplu wasslu l-envelopes permezz tal-voluntiera, fil-knisja jew id-dar parrokkjali.

GĦOTI TA’ DEMM  Iċ-Ċirklu taż-Żgħażagħ, fi Triq it- 28 ta’ April, Ix-Xagħra l-Ħadd 21 ta’ Diċembru ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm: 8:00am-1:00pm.

Parties tal-Milied:

Museum Bniet: It-tnejn 22 ta’ Diċembru fl-4.3pm

Katekiżmu Yrs 1-3: It-Tlieta 30 ta’ Diċembru fit-3.30pm

Għajnsielem FC ser jorganizza l-ikla tal-Milied is-Sibt 27 ta’ Diċembru 2014 fil-Grand Hotel.  Għall-biljetti ċemplu  99712226 jew 99880879. Tħallux għall-aħħar. Inkomplu ngħinu wkoll fil-proġett tal-grawnd. L-ispejjeż huma kbar imma bl-għajnuna ta’ kulħadd naslu. Kellem lil xi membru tal-Kumitat.

WARA L-BIBIEN TAL-ISTITUT u rakkonti oħra ta’ Francis Sultana, ktieb ġdid bi 42 storja. Għall-bejgħ minn Radju Lauretana –  €10. Grazzi lil dawk li diġa’ akkwistaw kopja.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ lil Geraldu Spiteri li ttajjar għal għandek nhar id-9 ta’ Diċembru, 2014 fl-età ta’ 76 sena. Mulej agħtih il-mistrieħ ta’ dejjem.

L-Arċipriet

flimkien mas-Saċerdoti

u l-Kunsill Parrokkjali, jawguraw lil kulħadd

Milied Qaddis

mimli bil-ferħ ġenwin ta’ Kristu l-Iben t’Alla

Imwieled għalina.

 

Bullettin 5 ta’ Diċembru 2014

It-Tlieta 9 ta’ Diċembru – Lejlet il-Festa

6.00pm    Quddiesa

6.30pm    Purċissjoni bl-Istatwa tal-Madonna s-Sewda fil-Knisja. Jiġi rreċitat ir-rużarju. Tieħu sehem il-Banda San Ġużepp u ż-żgħażagħ tal-Għaqda tal-Armar. Tinxtegħel ukoll il-ħuġġieġa Lawretana fuq iz-zuntier.

9.00pm    Festa della Venuta della Santa Casa

Insegwu flimkien f’xandira diretta u esklussiva l-velja ta’ talb minn Loreto fuq Radju Lauretana. Din is-sena wkoll Radju Marija jingħaqad ma’ Radju Lauretana għal din ix-xandira speċjali. Ikollna l-kummentarju bil-Malti u għall-ewwel darba kollegamenti diretti mal-pellegrini Għajnselmiżi li jkunu f’Loreto jieħdu sehem fil-velja.

L-Erbgħa 10 ta’ DIĊEMBRU Festa Liturġika ta’ Sidtna Marija ta’ Loreto

9.00 am   Quddiesa bis-sehem sħiħ tat-tfal tal-iskola Primarja tagħna – Kulleġġ ta’ Għawdex Anton Cassar.

5.30 pm   Rużarju f’xandira diretta u esklussiva fuq Radju Lauretana minn ġewwa d-Dar tal-Madonna f’Loreto, liema rużarju jinstema’ wkoll fil-knisja. Għall-ewwel darba fl-istorja minn Loreto jirreċitaw ir-rużarju l-Arċipriet flimkien mal-pellegrini Għajnselmiżi.

6.00 pm   Konċelebrazzjoni Solenni ta’ Jum il-Festa mmexxija mill-Vigarju Mons. Arċidjaknu Giovanni Bosco Gauci. Tieħu sehem l-orkestra taħt id-direzzjoni ta’ Maestro Frankie Debono. Wara l-quddiesa jkollna Ċelebrazzjoni Ewkaristika. Ir-rużarju u l-quddiesa jixxandru wkoll fuq Radju Marija.

INQADDSU DIN IL-ĠURNATA GĦAŻIŻA BIL-QRAR U T-TQARBIN, BIS-SMIEGĦ TAL-KELMA T’ALLA U BIL-KARITÀ

GRAZZI LIL ALLA U LIL OMMNA MARIJA LAWRETANA

Fl-okkażjoni tat-tmien anniversarju minn meta bdejt il-ħidma pastorali tiegħi bħala arċipriet ta’ din il-parroċċa, nixtieq inrodd ħajr lil Alla u lil Ommna Marija Lawretana tas-saħħa li kontinwament jagħtuni biex inkun nista’ naqdi dmiri sewwa.

Grazzi mill-qalb lil kulħadd tas-sehem li kollha nagħtu biex il-parroċċa għażiża tagħna tibqa’ miexja ‘l quddiem fl-imħabba tagħha lejn Alla, lejn Ġesù Kristu u l-Knisja tiegħu u lejn il-proxxmu speċjalment min hu fil-bżonn imsaħħin mill-qawwa tal-Ispirtu Qaddis t’Alla.

Inkomplu naħdmu flimkien ħalli verament ninbnew f’familja kbira li tgħix bil-ferħ il-fidi nisranija tagħha.

Dun Frankie Bajada

Arċipriet

ADORAZZJONI FIL-KNISJA L-QADIMA

Is-Sibt 6 ta’ Diċembru l-adorazzjoni tagħlaq qabel il-quddiesa tal-4pm.

It-Tnejn 8 ta’ Diċembru ma jkunx hemm adorazzjoni.

Is-Sibt 13 ta’ Diċembru l-adorazzjoni tkun mit-8.30am sad-9.00pm bi tħejjija għall-Milied.

FESTA TAL-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI

It-Tnejn 8 ta’ Diċembru l-ħin tal-quddies ikun bħal tal-Ħadd. Immorru l-Qala fejn nieħdu sehem fil- quddiesa fis-Santwarju tal-Kunċizzjoni. Tluq mill-pjazza fis-7.30am.

PELLEGRINAĠĠ f’LORETO

Mit-Tnejn 8 sal-Ħamis 11 ta’ Diċembru jkollna kollegamenti diretti mill-Italja fuq Radju Lauretana mal-grupp ta’ Għajnselmiżi li jkunu l-Italja. Il-Grupp ser iżur Ruma, Assisi, Loreto, u jmur ukoll fiċ-ċimiterju militari tal-gwerra ġewwa Bologna fejn hemm midfuna vittmi tal-gwera Għajnselmiżi.

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-Milied tibda t-Tnejn 8 ta’ Diċembru u tibqa’ sejra sal-Ħadd 4 ta’ Jannar 2015. L-iskeda qed titqassam mal-bullettin. Segwu l-programmi kollha fuq il-frekwenza 89.3FM jew  permezz tal-internet www.radjulauretana.com.

BOROŻ u GĦOTJIEN GĦAS-SIĠRA TAL-MILIED

Inkomplu nġibuhom fil-kaxxa fil-knisja ħdejn il-qniepen jew fiċ-Ċentru Parrokkjali.

Is-Siġra tiġi nawgurata u tinxtegħel fl-ewwel ġurnata tan-novena tal-Bambin: it-Tnejn 15 ta’ Diċembru dritt wara l-quddiesa tan-novena għall-ħabta tas-7pm.

L-EWWEL ĠABRA GĦALL-FESTA

Mal-Bullettin tal-Ħadd qed jitqassam l-envelope biex issir l-ewwel ġabra bieb bieb għall-festa tagħna Awwissu 2015. Inkunu ġenerużi bħal dejjem. Ngħinu kif u kemm nistgħu. Il-voluntiera tal-parroċċa jgħaddu jiġbru l-envelope matul il-ġimgħa.

SERATA TAL-MILIED 

Dawk li jixtiequ jieħdu sehem fis-serata tal-Milied fiċ-Ċentru Parrokkjali jimlew il-formla meħtieġa sat-18 ta’ Diċembru, 2014.

WARA L-BIBIEN TAL-ISTITUT u rakkonti oħra

Dan huwa l-isem tal-ktieb il-ġdid li għadu kemm ħareġ Francis Sultana, ktieb ta’ 280 paġna, ktieb li jiġbor fih 42 storja li Francis kien kiteb apposta għas-semmiegħa ta’ Radju Lauretana u li kien qrahom hu stess. Huma rakkonti tassew sbieħ. Il-ktieb jinsab għall-bejgħ minn Radju Lauretana għall-prezz ta’ €10.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex nhar it-Tlieta 9 ta’ Diċembru ser ikun disponibbli għad-għoti tad-demm mis-1pm sal-5pm.

MINN GĦAJNSIELEM F.C.

Is-Sibt 27 ta’ Dicembru 2014 ser issir l-ikla tal-Milied fil-Grand Hotel.  Għal aktar informazzjoni u biljetti ċemplu  99712226 jew 99880879.