Monthly Archives: January 2015

Bullettin 31 ta’ Jannar 2015

Il-Preżentazzjoni tal-Mulej

Il-Bibbja tlaqqagħna ma’ diversi nies li għamlu ħajjithom jistennew: Abraham, Sara, Żakkarija. Imma dawn,meta ħadu l-aħbar li x-xewqa tagħhom kienet ser tiġi mitmuma, ħasbuha darbtejn biex jemmnu. Ma nitkażawx bihom! Kemm jiġri lilna wkoll li nsibuha diffiċli nemmnu li fl-aħħar għad tasal is-salvazzjoni.

Fil-Vanġelu tal-Gandlora niltaqgħu ma’ żewġ anzjani, Xmun u Anna li t-tnejn għaddew ħajjithom jistennew l-faraġ u l-ħelsien. Għalfejn ma qatgħux qalbhom? Għax kienu jemmnu li Dak li wiegħed iżomm kelmtu. Ma kienx ser jidħak bihom.

Xmun huwa dak li kapaċi jara iktar ‘il bogħod minn dak li kienu jtuh l-għajnejn ta’ ġismu. Xmun jara tarbija, imma fiha jara s-salvazzjoni ta’ Israel. Xmun huwa wkoll bniedem realistiku. Jaf li s-salvazzjoni ma tiġix jekk mhux bi tbatija, tant li jipprepara lil Marija għal dan. Xmun jaf ukoll, li anke l-Messija kien ser ikollu jħabbat wiċċu ma’ nies li ma jifhmuHx: “Ikun sinjal li jmeruh”. U l-istess Anna, ma kinitx titwarrab mit-tempju tistenna. Kemm għandhom x’jgħallmuna dawn iż-żewġ anzjani, x’fedeltà!

J’Alla aħna wkoll inkunu nies li nibqgħu nittamaw anke kontra kull tama. Kemm kultant jiġrilna li naslu naqtgħu qalbna, u nsiru pessimisti quddiem is-sitwazzjonijiet tal-ħajja? Imma jiġrilna dan għax ninsew li l-grazzja tieħu ż-żmien tagħha, li l-qdusija mhix f’erbat ijiem. Ejjew ma nċedux għall-pessimiżmu. Ejjew ma ngergrux. Il-Komunità ta’ Ġesù ilha elfejn sena għaddejja fost qtiegħ il-qalb u mumenti ta’ kuraġġ, imma baqgħet tittama, u għax temmen li Sidha rebaħ il-mewt kompliet għaddejja anke fl-eqqel persekuzzjonijiet, fl-eqqel djufija.

U int? U jien? Ser nibqgħu nistennew, jew ser naqtgħu qalbna? Ċerti li Alla huwa magħna? Ċerti li xejn mhu ser jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? “Jekk Alla hu magħna, min jista’ jkun kontra tagħna?”

It-Tnejn 2 ta’ Frar: il-festa tal-Gandlora niltaqgħu fil-Knisja Arċipretali għall-quddiesa tas-6 pm. Ikollna t-tberik tax-xama, simbolu ta’ Kristu, id-dawl tad-dinja.

TIĠIJIET MATUL 2015

Dawk kollha li għandhom booking ta’ tiġijiet f’xi knisja f’Għajnsielem biex jikkonfermaw id-data mal-Uffiċċju Parrokkjali… anke billi ċċemplu.

L-ISTRINA tal-MADONNA

Insostnu l-proġett il-kbir tat-tkomplija tal-bini tal-Knisja.

Il-Ġimgħa d-dieħla ssir il-ġabra għall-Knisja msejħa L-Istrina tal-Madonna. Hija ġabra li fiha ta’ kull sena nuru kemm tassew għandna għal qalbna t-tempju maestuż li jżejjen ir-raħal tagħna u li fih aħna niltaqgħu bħala familja Lawretana.

Kulħadd jaf kemm proġett ta’ bini jiġi jiswa flus, aktar u aktar meta jkun xogħol ta’ lavur u kobor bħalma hija t-tkomplija tal-bini fuq in-naħa ta’ wara tal-Knisja tagħna. GĦALHEKK inħeġġu lil kulħadd biex inkunu ġenerużi kemm nistgħu. Ma’ dan il-bullettin qed jaslilkom l-envelop biex tkunu tistgħu tagħmlu l-offerta tagħkom meta jiġu jiġbruh il-voluntiera tal-parroċċa fil-jiem li ġejjin.

KULĦADD JAGĦTI KEMM JISTA’ OFFERTA SABIĦA

LAQGĦA GĦALL-VOLUNTIERA

Wara l-quddiesa tas-6pm tat-Tnejn 2 ta’ Frar, ser issir laqgħa qasira imma mportanti ħafna għall-voluntiera kollha li jagħmlu l-ġbir bieb bieb. Din tkun fil-Knisja stess.

DRIVE MILL-AZZJONI KATTOLIKA

L-Azzjoni Kattolika f’għajnsielem ser tkun torganizza stedina miftuħa ħalli aktar persuni jħossu l-bżonn li jkomplu jiffurmaw ruħhom fil-fidi u l-ħidma nisranija. Matul din il-ġimgħa, bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa, filgħodu membri tal-Azzjoni Kattolika ser ikunu jżuru d-djar fiż-żoni tal-Gudja, Kaxxa, Cordina u t-Torri.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

It-talb għall-qdusija tal-persuni kkonsagrati jkun is-Sibt 24 ta’ Jannar fil-Knisja Parrokkjali tal-Qala mis-6pm sat-8pm. Trasport mill-pjazza fil-5.30pm.

L-ISTANDARD

Illum il-Ħadd l-1 ta’ Frar il-programm L-Istandard li jixxandar fuq Net TV fil-11.45am ser ikun kollu ddedikat għall-Banda San Ġużepp. Titilfuhx.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex nhar it-Tlieta 3 ta’ Frar ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm (l-aħħar reġistrazzjoni tista’ ssir sal-5pm).

ĦARĠA MALTA

Infakkru fil-ħarġa għal Malta nhar it-Tlieta 3 ta’ Frar. Inżuru s-sorijiet tal-Klawsura ta’ Sant Ursula l-Belt Valletta, ikollna ħin għax-xiri, immorru tas-Sliema u nżuru wkoll lis-sorijiet Klarissi ta’ San Ġiljan. Ix-xarabank titlaq fis-7.30am minn ħdejn Lauretana Pharmacy, tinżel il-pjazza u nibqgħu sejrin Malta. Biljetti (€8) mingħand Maria Xuereb ta’ Triq Imġarr u Rose ta’ Ideal Store ta’ Pjazza Indipendenza.

IMMORRU SANTA MARTA

B’talba ta’ persuna ser immorru l-kappella ta’ Santa Marta t-Tlieta 3 ta’ Frar fejn ikollna quddiesa. Tluq mill-pjazza fit-8.30am. Trasport huwa mħallas.

ĦAMISIJIET TA’ SANTA RITA

Il-Ħamis 5 ta’ Frar huwa t-tieni Ħamis ta’ Santa Rita. Fil-kappella tas-Sorijiet Agostinjani fil-5.30pm rużarju, kurunella u barka sagramentali. Wara quddiesa bil-ħsieb fuq il-qaddisa.

L-EWWEL ĠIMGĦA u SIBT TAX-XAHAR

Il-Ġimgħa 6 ta’ Frar l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali u tibda wara l-quddiesa tad-9am. Is-Sibt 7 ta’ Frar fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm rużarju u wara quddiesa. L-Adorazzjoni Ewkaristika tkompli wara l-quddiesa sal-ħin tad-9pm.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

· Loreto Debattista joffri €20 b’suffraġju ta’ ommu Rita Debattista f’għeluq is-sentejn mill-mewt tagħha fis-26 ta’ Jannar.

· Katrina Sammut u l-familja joffru €30 b’suffraġju ta’ Franġisku Sammut f’għeluq it-12-il sena mill-mewt tiegħu fl-1 ta’ Frar.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 24 ta’ Jannar 2015

JUM IĊ-ĊENTRU PARROKKJALI

IL-ĦADD 25 ta’ Jannar, huwa Jum iċ-Ċentru Parrokkjali fid-Djoċesi tagħna. F’dan l-aħħar ħadd ta’ Jannar, qrib tal-festa ta’ San Ġwann Bosco li taħbat fil-31 ta’ Jannar, infakkru dik il-ħidma kollha li ssir fiċ-Ċentri Parrokkjali tagħna – ħidma ma’ tant kategoriji ta’ persuni u ħidma tant varjata għall-ġid tal-komunità parrokkjali.

Il-parroċċa tagħna tista’ tiftaħar b’Ċentru Parrokkjali mill-isbaħ u mill-aktar attrezzat għal tant laqgħat varji li jsiru fih. F’dan il-jum huwa ferm xieraq li niftakru f’dawk kollha li ħadmu u stinkaw biex illum għandna dan il-post li fih issir ħafna ħidma pastorali. Nitolbu għal dawk kollha li ħadmu u għadhom jaħdmu biex iċ-ċentru tagħna jkun ħaj u attiv u dejjem aġġornat skont il-ħtiġijiet pastorali. Niftakru wkoll f’tant benefatturi, ħajjin u mejtin.

Il-Ħadd 25 ta’ Jannar, ikollna dan dawn l-attivitajiet fiċ-Ċentru:

9.30am          Quddiesa għat-tfal li serjagħmlu l-Ewwel Tqarbina u l-ġenituri tagħhom. Wara jkun hemm kafé u te.

5.00pm         Iċ-Centru jkun miftuħ biex kulħadd jista’ jara x-xogħol li sar dan l-aħħar biex ikun attrezzat aktar.

6.00pm         Family Movie Night fis-sala tat-teatru.

ĦAMISIJIET TA’ SANTA RITA

Il-Ħamis 29 ta’ Jannar ser jibdew il-Ħamisijiet ta’ Santa Rita għand is-Sorijiet Agostinjani. Fil-5.30pm rużarju, kurunella u barka sagramentali. Wara quddiesa bil-ħsieb fuq il-qaddisa.

RADJU LAURETANA Laqgħa għall-voluntiera kollha t-Tnejn 9 ta’ Frar fiċ-Ċentru Parrokkjali fis-7pm biex nitkellmu dwar l-iskeda li għaddiet u dik li ġejja, tal-Għid. Wara, nieħdu xi ħaġa tajba flimkien.

QUDDIESA GĦALL-FAMILJI Il-Ħadd 25 ta’ Jannar, il-quddiesa tal-10am tkun animata mill-familji għall-familji.

LAQGĦA GĦALL-ĠENITURI: fil-Museum tas-Subien nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Jannar 2015 fis-7.00pm fuq is-Suġġett importanti: X’inhuma l-Valuri u l-importanza tagħhom f’ħajjitna.

Ġimgħa tal-Azzjoni Kattolika

Programm:

Il-ĦADD 25 ta’ JANNAR
8.00am Ftuħ tal-Ġimgħa bil-quddiesa, bis-sehem tal-membri tal-Azzjoni Kattolika rġiel u nisa fil-Knisja Parrokkjali.

It-TNEJN 26 ta’ JANNAR
Quddiesa għand is-sorijiet tal-Klarissi r-Rabat u wara adorazzjoni quddiem Ġesu’ Sagramentat. Trasport mill-pjazza fit-8.30am.

It-TLIETA 27 ta’ JANNAR
Irtir għand is-Sorijiet Agostinjani Għajnsielem mid-9.00am sas-2.00pm. Fit-8.30am ikun hemm il-qrar, fid-9.00am jibdew il-konferenzi u fil-11.30am quddiesa. Waqfa għall-ikel f’nofsinhar. Ħlas għall-ikel €10.00. Min ser joqgħod għall-ikel iċempel lil Antonia Xerri 21553470. Mis-1.00pm sas-2.00pm Adorazzjoni u Barka Sagramentali. Ser imexxi l-irtir l-Arċipriet tal-Għarb Fr Joseph Sultana.

L-ERBGĦA 28 ta’ JANNAR
Ġurnata ddedikata għal xogħol volontarju u żjarat lill-morda u lill-anzjani fir-raħal tagħna u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Il-ĦAMIS 29 ta’ JANNAR
L-Azzjoni Kattolika ta’ Għawdex ser torganizza attivita’ soċjali fid-Dar Ċentrali li tinkludi tombla għal kulħadd. Trasport mill-pjazza fit-8.30am. Il-karozza tgħaddi qabel minn Triq Sant’ Antnin.

Il-ĠIMGĦA 30 ta’ JANNAR
Fit-3.30pm Adorazzjoni quddiem Ġesu’ Sagramentat li fiha jsir it-tesserament tal-membri, rużarju u barka sagramentali mmexxija minn Fr Joe Cardona. Fl-4.30pm ikun hemm quddiesa għar-ruħ il-membri mejtin. Mistiedna l-familjari.

Kulħadd huwa mistieden għal dawn l-attivitajiet. Ikun imfaħħar Ġesù Kristu.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

It-talb għall-qdusija tal-persuni kkonsagrati jkun is-Sibt 24 ta’ Jannar fil-Knisja Parrokkjali tal-Qala mis-6pm sat-8pm. Trasport mill-pjazza fil-5.30pm.

GRAZZI  NN Garden St: Offerta Madonna €100,

Għas-sagristiji NN €250, Mariella Vella €20.

Ġabra Art Imqaddsa fil-Knisja Parrokkjali €744.95.

MILL-ISKOLA PRIMARJA

Il-kap tal-Iskola Primarja t’Għajnsielem tavża lill-ġenituri tat-tfal li jagħlqu t-tliet snin sal-aħħar t’April 2015, li qed jintlaqgħu l-applikazzjonijiet għall-Kinder 1.  Min hu nteressat jibgħat it-tfal tiegħu f’din il-klassi li tibda fl-ewwel ta’ Frar 2015 huwa mitlub biex jiġi l-iskola u jġib miegħu l-karta tal-identità tal-ġenituri flimkien mal-ktieb tat-tilqim.

ĦARĠA MALTA

Nhar it-Tlieta 3 ta’ Frar ser nagħmlu ħarġa għal Malta. Ser inżuru s-sorijiet tal-Klawsura ta’ Sant Ursula l-Belt Valletta u wara jkollna ħin għax-xiri. Immorru tas-Sliema u nagħmlu żjara wkoll lis-sorijiet Klarissi ta’ San Ġiljan. Immorru mal-vapur tat-8.15am. Ix-xarabank titlaq fis-7.30am minn ħdejn Lauretana Pharmacy, tinżel il-pjazza u nibqgħu sejrin Malta. Ħlas €8. Biljetti mingħand Maria Xuereb ta’ Triq Imġarr u Rose ta’ Ideal Store ta’ Pjazza Indipendenza. Importanti li ma tħallux għall-aħħar.

ILQA’ FI ĦDANEK

Mulej Sid il-Ħajja rebbieħ fuq id-dnub u l-mewt sieħeb miegħek fil-Ħajja ta’ Dejjem lill-qaddej tiegħek Pawlu Attard li sejjaħtlu fi ħdanek nhar it-18 ta’ Jannar 2015 fl-għomor ta’ 91 sena.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

· Ġeswalda Galea u l-familja joffru €20 b’suffraġju ta’ Carmelo Galea f’għeluq it-18-il sena mill-mewt tiegħu fis-16 ta’ Jannar.

· Tonina Azzopardi toffri €20 b’suffraġju ta’ Loreto Azzopardi f’għeluq is-seba’ snin mill-mewt tiegħu fil-25 ta’ Jannar.

· Theresa u Toni Grech joffru €20 b’suffraġju ta’ binhom Peter Paul Grech f’għeluq it-tnax-il sena mill-mewt tiegħu fil-25 ta’ Jannar.

· Carmen Scicluna toffri $50 b’suffraġju tal-għażiż żewġha Anthony Scicluna f’għeluq it-23 sena mill-mewt tiegħu nhar il-25 ta’ Jannar.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 17 ta’ Jannar 2015

L-GĦAQDA …FOST L-INSARA

Illum il-Ħadd 18 ta’ Jannar qed nagħtu bidu għall-ġimgħa ta’ talb għall-għaqda fost l-insara. Naqraw x’jgħidilna l-Papa Franġisku dwar dan:

“Il-firdiet bejnietna, imma anki l-firdiet bejn il-komunitajiet: Insara Evanġeliċi, Insara Ortodossi, Insara Kattoliċi, imma għaliex aħna mifrudin? Hemm bżonn infittxu li nġibu l-għaqda.  Nirrakkontalkom din: il-lum, qabel ħriġt mid-dar, qattajt erbgħin minuta, bejn wieħed u ieħor, nofs siegħa, ma’ Pastor Evanġeliku u tlabna flimkien, u fittixna l-għaqda.  Imma jeħtieġ nitolbu bejnietna l-Kattoliċi u anki mal-Insara l-oħra, nitolbu biex il-Mulej jagħtina d-don tal-għaqda, l-għaqda bejnietna.  Imma kif niksbu din l-għaqda bejn l-Insara jekk l-ewwel m’aħniex kapaċi nsibuha bejnietna l-Kattoliċi?  Li nsibuha fil-familja?  Kemm familji miġġielda u mifruda bejniethom!  Fittxu l-għaqda, l-għaqda li tibni l-Knisja.  L-għaqda tiġi minn Ġesù Kristu.  Hu jibagħtilna l-Ispirtu s-Santu biex iġibilna l-għaqda.

Għeżież ħuti, nitolbuh lil Alla: Għinna nkunu membri tal-Ġisem tal-Knisja dejjem magħquda b’mod profond ma’ Kristu; għinna biex ma nġiegħlux il-Ġisem tal-Knisja jbati bil-kunflitti tagħna, il-firdiet ta’ bejnietna, l-egoiżmi tagħna; għinna nkunu membri ħajja magħquda ma’ xulxin permezz ta’ qawwa waħda, dik ta’ l-imħabba, li l-Ispirtu s-Santu jsawwab fil-qlub tagħna (ara Rum 5:5).”

IL-PAPA FRANĠISKU UDJENZA ĠENERALI Pjazza San Pietru – L-Erbgħa 19 ta’ Ġunju 2013

“Agħtini nixrob!”           (Ġwanni 4:7) – Tema magħżula għal din is-sena

Konferenza dwar il-Familja

Il-Kummissjoni Familja ser torganizza konferenza interessanti dwar ir-relazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied adolexxenti bis-suġġett: Tindaħallix! Kif nifhem lil uliedi adolexxenti.

Inħeġġu lill-ġenituri kollha, speċjalment dawk li għandhom ulied adoloxxenti biex jattendu. Il-kelliem ser ikun Fr. Joseph Farrugia, psikologu b’esperjenza ta’ counselling mal-familji, Direttur tal-Gozo Family Counselling Centre u lecturer fl-Universita ta’ Malta. Il-Konferenza ser issir nhar is-Sibt 24 ta’ Jannar, fis-Sala Villa Fiorita (Marsalforn) u tibda fil-5.30pm. Dħul b’xejn. Ikun hemm min jieħu ħsieb it-tfal

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 20 ta’ Jannar ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1pm sal-5pm.

IMMORRU TA’ PINU

Fuq talba ta’ persuna ser immorru s-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu l-Erbgħa 21 ta’ Jannar fejn ikollna quddiesa. Tluq mill-pjazza fit-8.30am. Trasport imħallas.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

It-talb għall-qdusija tal-persuni kkonsagrati jkun is-Sibt 24 ta’ Jannar fil-Knisja Parrokkjali tal-Qala mis-6pm sat-8pm. Trasport mill-pjazza fil-5.30pm.

GRAZZI: NN Offerta għall-Madonna €50.

INTENZJONIJIET TA’ QUDDIES FIL-KNISJA PARROKKJALI

Min jixtieq jordna intenzjonijiet ta’ quddies tal-ħin fil-Knisja Parrokkjali għax-xhur ta’ April, Mejju, Ġunju, 2015, jista’ jagħmel dan f-uffiċċju parrokkjali nhar ta’ Tlieta jew il-Ħamis.

Id-9 ANNIVERSARJU

Il-Ħamis 22 ta’ Jannar,  festa ta’ San Pabliju,  infakkru d-disa’ anniversarju mill-Konsagrazzjoni tal-ET Mons Mario Grech Isqof ta’ Għawdex. Ser issir quddiesa f’Ta’ Pinu s-Sibt 17 ta’ Jannar fis-6.30 bħala radd il-ħajr. Fiha wkoll insellmu lill-E.T. Mons Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona fit-tmiem l-episkopat tiegħu.

MATUL JANNAR

25 ta’ Jannar – JUM IĊ-ĊENTRU PARROKKJALI: OPEN DAY

Filgħaxija: fis-6pm FAMILY MOVIE NIGHT

25 – 30 Jannar – ĠIMGĦA TAL-AZZJONI KATTOLIKA. Il-programm jitqassam mal-bullettin tal-Ħadd li ġej.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA

Nhar l-Erbgħa 21 ta’ Jannar f’Lourdes Home mid-9am sa nofsinhar. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr. Charles Buttigieg kafe u tombla.

RADJU LAURETANA

Ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni marbuta mal-wasla tas-Slaten Maġi f’Bethlehem f’Għajnsielem huma Josienne Scicluna, Doris Camilleri, Loretta Vella u Carmen Magro. Nifirħulhom.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Il-familja Spiteri toffri €20 għall-ispejjeż tal-Bullettin b’suffraġju ta’ oħthom Tonina Spiteri f’għeluq l-14-il sena mill-mewt tagħha fit-22 ta’ Jannar.
  • Ġuża Ciangura toffri €20 b’suffraġju ta’ ommha Mananni Ciangura f’għeluq is-sitt sena mill-mewt tagħha fit-22 ta’ Jannar u għal ruħ missierha Mikiel u oħtha Marija Azzopardi.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 10 ta’ Jannar 2015

IL-MAGĦMUDIJA TAL-MULEJ

Hemm hu fil-kju mal-midinbin! Hu li kellu n-natura ta’ Alla ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, imma ċċekken.. Tal-għaġeb dan Alla tagħna! Wara preżentazzjoni solenni minn Ġwanni l-Battista, hu jiġi mistur, ħadd ma jinduna bih, wara kulħadd, tal-aħħar u jinżel biex jitgħammed. Kif ma jurix lilu nnifsu? Kulħadd qed jistennieh u hu jasal l-aħħar mingħajr ħoss.

U anke jekk Ġwanni jipprova jimpedilu li jitgħammed, Ġesu’ jinsisti: Jeħtieġ nagħmlu dak li hu sewwa! Imma x’ser jitgħammed jagħmel jekk hu bla dnub? Għas-sempliċi raġuni li ġie biex iġibek bħalu. Hu li hu bla dnub joqgħod fil-kju warajk biex inti ma tistħix, biex ma tħossokx waħdek, Alla tiegħek miegħek. Jinżel daqshekk fil-baxx għalik biex inti togħla ‘l fuq.

Kien jaf ukoll li inti ma tista’ qatt waħdek tinħeles minn dak li qed iżommok skjav, tippretendi iva li tinħeles imma arak terġa’ l-istess. Qablek, bħalek, kienu ħafna li pruvaw.

ILMA: Hu niżel fl-ilma u ‘l dak l-ilma qaddsu, l-ilma li tgħammidt bih u qaddsek għal dejjem bl-Ispirtu s-Santu. Dakinhar inti ftit li xejn kont taf imma forsi illum tintebaħ li sa minn kmieni tfawwart bil-grazzji. Dakinhar, u forsi xi ftit ritratti jagħtu xhieda, ħaduk il-Knisja u għalik xi ħadd stqarr li jemmen f’Alla u ċaħad lid-dnub u lit-tlellix kollu tiegħu, għalik ċaħad lil Satana nnifsu u xi ħadd ieħor tefagħlek l-ilma fuq rasek.

ISEM: U sejħulek b’ismek. Dakinhar għall-ewwel darba f’ħajtek ġejt imsejjaħ bl-isem li ġġib illum! L-ewwel darba li sejħulek b’ismek għamluh biex tinkiteb fil-lista tal-qaddisin. Dakinhar li sejħulek l-ewwel darba b’ismek tawk garanzija li inti ta’ Alla, irrilevanti x’kellu jkun il-futur tiegħek, irrilevanti x’kellek tgħid, x’kellek tagħmel. Dakinhar ismek semgħuh l-anġli u l-bnedmin. Forsi ħadd ma kien jaf eżatt x’kien qed jiġri lanqas min ressqek lejn il-fonti, imma Alla kien jaf!

MISSJONI: Dakinhar iva, tawk garanzija li inti ta’ Alla, li inti ibnu imma tawk ukoll missjoni, impenn personali li jekk trid tista’ tagħmlu tiegħek u tgħixu, jekk trid tista’ tħallih fil-kexxun ta’ ħajtek. Dakinhar dilkuk biż-żejt tal-Griżma, biex jikkonsagrawk lill-Mulej.

LIBSA BAJDA: Tawk ukoll il-libsa l-bajda simbolu tal-ħajja l-ġdida li irċevejt fi Kristu. Libsa li għandek il-missjoni żżommha bajda kemm jista’ jkun. Ovvjament ma jirnexxilekx dejjem, imma terġa’ takkwista l-bjuda tagħha kull darba li tistqarr dnubietek quddiemu, u Hu jagħtik il-maħfra.

XEMGĦA: Xi ħadd xegħel ix-xemgħa l-bajda għalik, simbolu li int irċevejt dawl ġdid mingħand Kristu ħaj. Dak id-dawl tiegħek kellu jibqa’ jixgħel quddiem il-bnedmin biex int ukoll tkun dawl, appostlu, xhieda ta’ dak li Alla għamel miegħek.

WIDNEJK U FOMMOK: Imbagħad tawk, permezz ta’ sinjal tas-salib fuq fommok u widnejk, il-kapaċita’ li tisma l-Kelma ta’ Alla u tistqarrha b’fommok. Dak li kellek tisma’ matul l-istorja ta’ ħajtek hu li Alla jħobbok u ġejt mistieden biex bil-kliem u bl-għemil tistqarr li Alla ħelsek, li Alla salvak, li inti l-Iben il-maħbub ta’ Alla u li fik isib il-għaxqa tiegħu.

Dan kollu ingħatalek b’xejn. Issa f’idejk, issa m’għadekx tarbija, tista’ tiddeċiedi llum li tkun dawl għal min jiltaqa’ miegħek, li tkun vuċi ta’ mħabba għal min għandu bżonn imħabbtek.

ISMA…EMMEN…GĦIX…

Tista’ tiddeċiedi li tisma’ lil Alla jsejjaħlek b’ismek, tista’ tisma l-Kelma tiegħu, tista’ fl-aħħar temmen li Alla mhux kontrik, li ma jridlekx deni, li int għalih tiswa’. Illum tista’ tinduna li dik il-magħmudija ma kinitx għalxejn. Mhix impożizzjoni imma rigal.Alla jħobbok. Ersaq lejh u jekk tħoss li dik il-libsa, xi ftit jew wisq tilfet xi ftit mill-bjuda tagħha, ersaq, isma’, ilqa’ l-grazzja u l-ħniena tiegħu, li bħal dejjem jingħatawlek b’xejn!

EWRO COLLECTION

Il-ġabra waqt il-quddies kollu ta’ dan il-weekend tkun b’risq il-festa titulari tagħna. Ngħinu mill-aħjar li nistgħu. Jekk nistgħu nagħtu Ewro jew aktar.

KALENDARJU PARROKKJALI

Jekk xi ħadd jixtieq aktar kopji tal-kalendarju tal-parroċċa jmur l-Uffiċċju Parrokkjali.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 11 ta’ Jannar ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8am sas-1pm.

NIFIRĦU minn qalbna lil Pawlu Azzopardi li ġie mogħti l-Ġieħ Għajnsielem 2014.

MATUL JANNAR

18-25 ta’ Jannar TALB GĦAQDA FOST L-INSARA

25 ta’ Jannar JUM IĊ-ĊENTRU PARROKKJALI: – OPEN DAY

25 – 30 Jannar GIMGĦA TAL-AZZJONI KATTOLIKA

MIS-SEMINARJU MINURI U MILL-ISKOLA SEKONDARJA TAL-KONSERVATORJU TAL-ISQOF

Nixtiequ navżaw lill-ġenituri/kustodji tal-Istudenti kollha, bniet u subien, ta’ Year 6 iIli jattendu fl-iskejjel Primarji kemm tal-Knisja kif ukoll tal-Gvern f’Għawdex, li r-reġistrazzjoni ta’ wliedhom għad-Dħul fl-Ewwel Klassi tas-Seminarju Minuri u tal-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof se ssir it-Tnejn 26 u t-Tlieta 27 ta’ Jannar mid-9am sal-11.30am. Id-dħul fl-Ewwel Klassi tas-Seminarju Minuri u tal-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof isir skont il-kriterji stabbiliti u f’konformita mal-liġi. Il-polza sabiex jimtlew il-postijiet vaganti li jkun għad fadal ser tittella’ l-Ġimgħa 17 t’April fid-9.30am fis-Sala tal-Azzjoni Kattolika, fi Triq Arturo Mercieca r-Rabat. L-applikazzjonijiet għat-tfal subien jimtlew fis-Seminarju Minuri waqt li għat-tfal bniet jimtlew fl-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof. Min japplika mitlub jieħu miegħu: ċertifikat oriġinali tat-twelid tat-tifel/tifla, żewġ ritratti riċenti tal-passaport tiegħu/tagħha, u fil-każ ta’ student bl-L.S.A. iċ-ċertifikat tal-Psikologu u ċ-ċertifikat tal-istatementing Board. Tkun mitluba wkoll il-Karta tal-Identita’ tal-ġenituri. It-tfal iridu jkunu mwielda bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2004. Isir ħlas ta’ €14 mal-applikazzjoni.

IMMORRU TA’ PINU

B’talba ta’ persuna ser immorru s-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu l-Erbgħa 14 ta’ Jannar fejn ikollna quddiesa. Tluq mill-pjazza fit-8.30am. Trasport huwa mħallas.

RADJU LAURETANA Kellna rispons qawwi għall-kompetizzjoni marbuta mal-wasla tas-Slaten Maġi fil-grotta tal-Bambin ġewwa Bethelehm f’Għajnsielem. Ir-rebbieħa jitħabbru l-ġimgħa d-dieħla. Grazzi lill-isponsors li taw il-vouchers.

GRAZZI: Offerta Knisja NN €50,

NN Aust$50 għall-Orgni Triq Fawwara

Offerta lill-Madonna: Loreta Zerafa €20

Loreto u Loreta Galea: €200 għas-sagristiji.