Monthly Archives: February 2015

Bullettin 28 ta’ Frar 2015

FIR-RANDAN…NINBNEW…u NINBIDLU

IT-TIENI ĦADD TAR-RANDAN

Kważi m’għandekx paċenzja tistenna l-Għid, Mulej. Ġa qed iddewwaqna l-glorja, is-sbuħija, il-premju. Għax int għalhekk ħlaqtna, Mulej: biex ingawdu, biex nifirħu, biex nitpaxxew bid-dehra meraviljuża tiegħek.

U wara t-taħwid li ġibna b’idejna u l-ħażen li ddawwarna bih, int għad tbiddlilna l-ġisem imsejken tagħna fis-sura tal-ġisem glorjuż ta’ Ibnek. Sadattant jeħtieġ li nerfgħu salibna, Mulej, li nitilgħu l-għolja tas-sagrifiċċju, li nissagrifikaw l-egoiżmu tagħna. Sa ma naslu fuq it-Tabor tagħna, jeħtieġ nitilgħu l-Kalvarju ma’ Ibnek: basta tweżinna int, tara safejn naslu, tagħmlilna forċina meta ngħajjew.

Int taf x’insarrfu, Mulej. Għalhekk wegħedtna li ma tgħabbiniex iżjed milli nifilħu. Għalhekk tesiġi mingħandna prezz relattiv ħafna. Taf twaqqafna meta naslu fit-tarf għax taf il-limiti tagħna.

Ma’ Ibnek imxejt mod ieħor, Mulej: ma ħfirtlux, ħallejtu jasal sal-mewt…sal-mewt tas-salib, għalija, ibnek midneb, indifferenti, ingrat. Wassalni nagħlaq għajnejja u nisma’ lilu li jkellemni bis-skiet, bil-fatti, bil-provi. Jekk nimxi r-Randan ma’ Ibnek, Mulej, miegħu nasal sal-Qawmien. Għad baqa’ ħafna…imma miegħu nasal.

EŻERĊIZZI SPIRITWALI

  • Nibdew din il-ġimgħa bl-ewwel kors.
  • Is-sejħa hija għal kulħadd.
  • Ninġabru lkoll fil-Knisja Parrokkjali
  • mit-Tnejn 2 sal-Ġimgħa 6 ta’ Marzu wara l-quddiesa ta’ filgħaxija, fis-6.30pm.
  • Iwassal il-kelma l-arċipriet tal-Qala Dun Nazju Borg.
  • Ejjew nagħmlu impenn qawwi dan ir-Randan, inħallu kollox u nagħtu aktar spazju għas-smigħ tal-Kelma.
  • Infakkru wkoll li t-Tlieta jkollna l-ġabra għall-knisja filwaqt li l-Ħamis issir il-ġabra għas-seminarju tad-Djoċesi tagħna.

IS-SIEGĦA TAD-DULURI

KULL NHAR TA’ ĠIMGĦA MATUL IR-RANDAN.

Fit-3.00pm fil-Knisja l-Qadima. Talb u Rużarju tas-Seba’ Duluri tal-Madonna.

IL-ĦAMISIJIET TA’ SANTA RITA

Ikomplu l-Ħamis 5 ta’ Marzu fil-kappella tas-Sorijiet Agostinjani. Fil-5.30pm rużarju, kurunella u barka sagramentali. Fis-6pm quddiesa bil-priedka.

FOND BINI KNISJA

Inkomplu nsostnu u ngħinu l-proġett tat-tkomplija tal-bini tal-Knisja Parrokkjali. Grazzi: NN €20, NN Triq Ħamri €100. Familja Triq il-Ġnien: €500. Aktar għotjiet Strina tal-Madonna: €120.  S’issa fil-fond għandna €16,243… Grazzi ta’ kull offerta.

FAMILY MOVIE NIGHT … SPEĊJALI

Il-ĦADD 8 ta’ MARZU 6.00pm. FIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI

B’film għall-kbar u ieħor għat-tfal…b’messaġġ għal dan iż-żmien tar-randan

IMMORRU TA’ PINU

B’talba ta’ persuna ser immorru s-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu l-Ħamis 5 ta’ Marzu fejn ikollna quddiesa. Nitilqu mill-pjazza fit-8.30am. Trasport huwa mħallas.

TOMBLA

Ser issir tombla nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Marzu fiċ-Ċentru Sant’ Antnin. Tibda fis-7.30pm.

ILQA’ FI ĦDANEK

Mulej Missier Qaddis ilqa’ fi ħdanek ir-ruħ għażiża ta’ Dumink Sammut mill-Komunità Parrokkjali tagħna li miet fil-20 ta’ Frar 2015 fl-eta’ ta’ 78 sena.

Fil-Ħniena Divina tiegħek Mulej nafdaw ir-ruħ għażiża ta’ Maria Zammit mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li mietet fil-21 ta’ Frar 2015 fl-eta’ ta’ 72 sena.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

GRAZZI MILL-QALB…

  • Lill-Voluntiera kollha li jqassmu l-bullettin ta’ kull ġimgħa biex jasal fi djarna.
  • Lill-Voluntiera tal-parroċċa li jiġbru l-envelopes bieb bieb fil-ġbir li nagħmlu.
  • Lill-Voluntiera li jieħdu ħsieb ix-xogħol kollu u t-tindif tal-knejjes tagħna, taċ-Ċentru Parrokkjali, taċ-Ċimiterju u tad-Dar u l-Uffiċċju Parrokkjali.
  • Lill-Voluntiera kollha li jieħdu ħsieb il-fund raising.

IL-MULEJ IĦARISKOM U JBIEREK LILL-FAMILJI KOLLHA TAGĦKOM.

U INT…? Titħajjar tibda tgħin?

Itlob lill-Mulej jgħinek tgħin!Knisja Ħajja tibda hekk!

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 3 ta’ Marzu ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1pm sal-5pm.

KOR VIRGO 

Il-provi jerġgħu jibdew: Nhar ta’ Ġimgħa fl-4.00pm fiċ-Ċentru Parrokkjali… mill-Ġimgħa 6 ta’ Marzu.

L-EWWEL ĠIMGĦA U SIBT TAX-XAHAR

Il-Ġimgħa 6 ta’ Marzu l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali u tibda wara l-quddiesa tad-9am. Is-Sibt 7 ta’ Marzu fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm rużarju u quddiesa. Wara l-quddiesa tkompli l-Adorazzjoni sad-9pm.

LAQGĦA KUNSILL PARROKKJALI

Billi l-laqgħa li kellha ssir il-ġimgħa li għaddiet ma saritx minħabba l-funeral, din ser issir nhar l-Erbgħa li ġejja 4 ta’ Marzu, 2015 fil-5pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Il-familja Xuereb toffri €20 b’suffraġju ta’ Karmnu Xuereb f’għeluq il-ħames sena mill-mewt tiegħu fl-4 ta’ Marzu 2015.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 21 ta’ Frar 2015

FIR-RANDAN …NINBNEW…u NINBIDLU

NINBNEW  bil-Kelma ta’ Alla

GĦALHEKK SEJĦA SPEĊJALI GĦALL-EŻERĊIZZI:

  • GĦAL KULĦADD FIL-KNISJA PARROKKJALI mit-2 sas-7 ta’ Marzu
  • GĦAL KULĦADD FIL-KNISJA TA’ SANT’ANTNIN mill-10 sal-14 ta’ Marzu
  • GĦALL-KOPPJI MIŻŻEWĠA FIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI mis-16 sal-21 ta’ Marzu

NINBIDLU

Bis-sehem sħiħ fiċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa.

·       Smiegħ tal-Kelma ta’ Alla

·       Kant    –   Talb   –   Skiet

Bl-Adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija.

O Mulej, miegħek dejjem aħna għandna x’niggwadanjaw, x’niksbu, x’naqilgħu!!! Int dejjem lest li tagħti l-imħabba, ħniena, maħfra. U anki meta biex tiddritalna triqatna, tgħaddina mill-morsa ta’ xi esperjenza iebsa, kważi jiddispjaċik li qed tweġġagħna, tagħfasna, tħabbatna. Dan kollu, Mulej biex tressaqna lejk, tagħtina l-ħajja, tibnina u tibdilna billi ssaffilna l-kuxjenza tagħna .

Għan dan kont lest li tħallas prezz: tiġġarrab mix-xitan, tingħata l-mewt, tiġi trattat inġustament. Basta aħna nindmu u nemmnu fl-Aħbar it-Tajba. Għinni, Mulej, ngħix daż-żmien qaddis tar-Randan f’riflessjoni matura dwar il-ġenerożita’ tiegħek, it-telqa tiegħi, il-ħtieġa ta’ bidla radikali.

Għinni nifhem l-għana tas-sejħa tiegħi, il-paċenzja li biha fdejtni, ix-xejn li fih tbaxxejt għalija. Kif nista’ ma nikkonvertix lejk Mulej, ma nilgħabx fuqek il-karti kollha tiegħi meta int l-unika arka tas-salvazzjoni tiegħi, l-uniku ilma li tnaddafni tassew?

Għinni ninbidel tassew, Mulej. Għinni nagħmel il-parti żgħira tiegħi fil-Patt ta’ bejnietna. Jiena nemmen: imma kabbarli l-fidi u għinni naqsamha mal-oħrajn.

SEJĦA SPEĊJALI dan ir-Randan

Matul dan ir-randan il-Parroċċa tagħna qed tagħmillek xi sejħat biex tieħu sehem akbar fil-ħajja tagħha.

L-EWWEL SEJĦA: SEHEM  fil-Liturġija:

  • Letturi, Animaturi, Kanturi, Ushers.
  • Aħseb ftit fuq x’sehem tista’ tagħti!

IS-SIEGĦA TAD-DULURI

KULL NHAR TA’ ĠIMGĦA MATUL IR-RANDAN.

Fit-3.00pm fil-Knisja l-Qadima. Talb u Rużarju tas-Seba’ Duluri tal-Madonna.

IL-ĦAMISIJIET TA’ SANTA RITA

Ikomplu l-Ħamis 26 ta’ Frar fil-kappella tas-Sorijiet Agostinjani. Fil-5.30pm rużarju, kurunella u barka sagramentali. Fis-6pm quddiesa bil-priedka.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Nhar is-Sibt 28 ta’ Frar mis-6.30 sat-8.30pm fil-Knisja Parrokkjali tax-Xagħra. Trasport fis-6pm mill-Pjazza.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 22 ta’ Frar ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm (l-aħħar reġistrazzjoni tista’ ssir sas-1pm).

ILQA’ FI ĦDANEK

Ilqa’ fi ħdanek O Mulej ir-ruħ ta’ Loreto Galea mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li ħalla dan il-wied ta’ dmugħ fil-15 ta’ Frar 2015 fl-għomor ta’ 89 sena.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

QUDDIESA FAMILJI

Il-Ħadd 22 ta’ Frar il-quddiesa tal-10am tkun animata mill-familji għall-familji.

FAMILY MOVIE NIGHT

Il-ĦADD 22 ta’ FRAR 6.00pm FIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI

IR-RANDAN: MIXJA TA’ KONVERŻJONI MA’ KRISTU LEJN IL-QAWMIEN

L-ISTRINA tal-MADONNA

Is-Somma miġbura hija €4693

GRAZZI mill-qalb…

Grazzi wkoll lil NN Triq Ħamri €100, NN Triq Mġarr €300. B’hekk issa fil-fond bini tal-Knisja għandna €15,503.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA

Ser isir nofs ta’ nhar għan-nisa kollha f’Lourdes Home l-Erbgħa 25 ta’ Frar mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Joe Xerri, kafe’ u tombla.

LAQGĦA KUNSILL PARROKKJALI

Nhar l-Erbgħa li ġajja 25 ta’ Frar fil-5pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Eugenia Buttigieg toffri €20 b’suffraġju ta’ ommha Carmela Xuereb f’għeluq is-16-il sena mill-mewt tagħha fid-19 ta’ Frar u għal ruħ Lorenzo Xuereb.
  • Helen Sultana toffri €20 b’suffraġju ta’ Ġorġa Sultana f’għeluq is-sentejn mill-mewt tagħha nhar is-26 ta’ Frar.
  • Loreta Azzopardi u l-familja joffru €20 b’suffraġju ta’ Carmela Xuereb f’għeluq is-16-il sena mill-mewt tagħha fid-19 ta’ Frar u għal ruħ Mary Rose Xuereb fl-anniversarju fis-27 ta’ Frar.
  • Carmena Ciantar toffri €20 b’suffraġju ta’ ommha Loreta Buttigieg f’għeluq it-42 sena mill-mewt tagħha nhar l-24 ta’ Frar.
  • Il-Familja Meilak joffru €20 b’suffraġju ta’ Wenzu Meilak f’għeluq l-għaxar snin mill-mewt tiegħu nhar is-26 ta’ Frar.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 14 ta’ Frar 2015

NIBDEW IR-RANDAN

L-Erbgħa 18 ta’ Frar huwa l-ewwel jum tar-Randan. Ir-Randan Imqaddes huwa żmien t’erbgħin jum li fil-Liturġija tal-Knisja jħejjina għall-akbar festa tagħna l-Insara: l-Għid il-Kbir, il-qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, ir-Randan kien iż-żmien li fih il-katekumeni, jiġifieri dawk li jkunu se jitgħammdu, kienu jħejju ruħhom bit-tagħlim, bit-talb u bil-penitenza biex ikunu jistgħu jirċievu l-magħmudija fil-lejl tal-Għid il-Kbir.

Fiż-żmien tar-Randan il-liturġija tistedinna biex inġeddu u nsaħħu l-konverżjoni ta’ qalbna lejn Alla, u hekk, inħejju lilna nfusna biex fil-lejl tal-Għid nerġgħu nġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija tagħna.

Ir-Randan huwa żmien ta’ tiġdid spiritwali. Il-Knisja ssawwab fuqna l-irmied. Dan għandna nilqgħuh bħala sinjal ta’ konverżjoni. Nibdew mixja li fiha niskopru mill-ġdid il-grazzja ta’ ħajja ġdida li konna rċivejna fil-Magħmudija. Għalhekk f’dil-mixja tar-Randan għandna nistinkaw biex nidħlu aktar profondament fil-moħħ ta’ Kristu u nitħarrġu fil-ħajja tiegħu.

Il-Vanġelu ta’ nhar l-Erbgħa jfakkarna li f’dil-ħidma jgħinna s-sawm, għax  fiċ-ċaħda tal-ġisem nagħtu spazju fina lil Ġesù. Barra minn hekk, is-sawm mhux biss jgħinna nħossu aktar il-bżonn ta’ Alla, imma wkoll il-bżonn li nagħmlu karità u nsiru benefatturi fl-imħabba ta’ bejnietna. Is-sawm u l- karità jiksbu s-sens Nisrani tagħhom fit-talb, jiġifieri fir-relazzjoni ta’ mħabba ma’ Ġesù permezz tal-Kelma t’Alla li nisimgħu u nimmeditaw.

F’dan iż-żmien tar-Randan, ejjew ngħixu u niċċelebraw l-Ewkaristija b’dawn id-dispożizzjonijiet:

  • Nissieħbu ma’ Ġesù fil-mixja tiegħu fid-deżert, biex kif huwa rebaħ il-qawwiet tal-ħażen bit-talb u l-penitenza, hekk aħna wkoll nirbħu t-tentazzjonijiet tal-ħażen li magħhom niltaqgħu f’ħajjitna. Huwa żmien li nindmu u nikkonvertu dejjem aktar mill-ħażen tagħna.
  • Nitilqu l-ħażen biex induru lejn Alla, f’ubbiddjenza ta’ wlied, u lejn ħutna f’imħabba li taf tgħin u taqdi. Huwa żmien li fih noffru lilna nfusna ma’ Kristu f’sagrifiċċju ta’ mħabba lejn Alla u lejn xulxin.
  • Ngħixu d-dmirijiet tal-ħajja ġdida li rċivejna fil-magħmudia. Bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, ngħixu l-ħajja ta’ Kristu Rxoxt, għall-glorja tal-Missier.

RAS IR-RANDAN

L-Erbgħa 18 ta’ Frar hemm l-obbligu tas-sawm u l-astinenza. Waqt il-quddies kollu s-saċerdot isawwab l-irmied fuq rasna u jistedinna biex nindmu u nemmnu fil-Bxara t-Tajba.

Filgħodu fid-9.00am it-tfal tal-iskola primarja ta’ Għajnsielem jinġabru fil-Knisja Parrokkjali għall-quddiesa. Nistiednu wkoll il-ġenituri li jkunu jistgħu biex jingħaqdu magħna.

IS-SIEGĦA TAD-DULURI KULL NHAR TA’ ĠIMGĦA FIR-RANDAN

Fit-3.00pm fil-Knisja l-Qadima. Talb u Rużarju tas-Seba’ Duluri tal-Madonna.

EŻERĊIZZI SPIRITWALI

Żmien ir-Randan jagħtina l-opportunità li nisimgħu aktar dak li Alla għandu x’jgħidilna. Il-parroċċa ser toffri tliet korsijiet ta’ eżerċizzi. Dettalji ta’ dawn il-korsijiet nagħtuhom fil-bullettin tal-ġimgħa d-dieħla.

DEHRIET TA’ LOURDES

Ikomplu d-dehriet tal-Madonna. FIL-ĠRANET TAD-DEHRIET IL-QUDDIES FIL-KNISJA TA’ LOURDES IKUN HEKK: 5.15am u 9am (nhar ta’ Ħadd 8.30am), 1pm, 3.30pm u 5pm.

GĦOTI TA’ DEMM Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex nhar it-Tlieta 17 ta’ Frar ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

ILQA’ FI ĦDANEK O Ħanin Ġesù lir-ruħ għażiża ta’ Mary Rose Cutajar mill-komunita’ parrokkjali tagħna li mietet fl-4 ta’ Frar fl-eta’ ta’ 65 sena.

Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

IR-RANDAN: ŻMIEN LI FIH NINBNEW BIL-KELMA TA’ ALLA, BIS-SAGRIFIĊĊJI U BIL-KARITÀ

IL-VOLONTARJAT: forma ta’ karità. Aħseb x’tista tagħmel dan ir-randan. Mal-bullettin li jmiss il-parroċċa ser tagħmillek sejħa speċjali.

L-ISTRINA tal-MADONNA

GRAZZI…€4583 miġbura bieb bieb għall-proġett tat-tkomplija tal-bini tal-Knisja Parrokkjali.

B’hekk issa fil-fond għandna €14,993.

GRAZZI wkoll lil Emanuel Spiteri għall-għotja ta’ €100 u lil  N.N. għal offerta ta’ €100 lill-Madonna b’radd il-ħajr għal grazzja maqlugħa.

Ix-XOGĦOL FUQ IS-SAGRISTIJI

  • Għandna l-permessi kollha tal-Mepa
  • Qed isir xogħol fuq l-ordni tal-ġebel li hemm bżonn peress li jrid ikun ġebel maqtugħ apposta skond l-qies.
  • Qed jiġu finalizzati l-proċeduri mal-Mepa u mal-Kurja biex ikun jista’ jibda x-xogħol.
  • Ix-xogħol jiġi ordnat kif nilħqu s-somma ta’ €50,000 miġbura.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • L-aħwa Mercieca joffru €20 b’suffraġju ta’ Patri Ferdinando Mercieca u għal ruħ Joseph u Alice Mercieca.
  • Lorenza Scicluna toffri €20 b’suffraġju tal-għażiż żewġha Carmelo Scicluna f’għeluq is-sitt sena mill-mewt tiegħu nhar it-18 ta’ Frar kif ukoll għal ruħ iż-żewġ uliedha Joe u Frankie.
  • Il-Familja Zerafa toffri €20 b’suffraġju tal-għeżież ġenituri tagħhom Maria u Ġanni Zerafa f’għeluq it-13-il sena mill-mewt tagħhom.
  • Rose Bugeja toffri €20 b’suffraġju ta’ missierha Grezzju Bugeja f’għeluq il-35 sena mill-mewt tiegħu fl-14 ta’ Frar
  • Maria Attard toffri €20 b’suffraġju tal-għażiż żewġha Salvu Attard f’għeluq it-3 snin mill-mewt tiegħu fl-20 ta’ Frar.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 7 ta’ Frar 2015

FIDI MĠEDDA
It-Tlieta  10 ta’ Frar

Solennità tan- Nawfraġju  ta’  Missierna San Pawl

Kulħadd iħossu ftit imkabbar meta fil-qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli nisimgħu tissemma lil Malta tagħna. Iżda hemm bżonn inkunu mkabbrin aktar meta din il-fidi li ġabilna Missierna San Pawl  nibżgħu għaliha, inkabbruha u nagħtu xhieda tagħha. Nhar l-10 ta’ Frar, għal darba oħra, qed infakkru dan l-avveniment kbir tal-fidi tagħna… ma nitilfuhx u nġeddu l-fidi tagħna fil-Mulej.

Din id-diżgrazzja li għadda minnha San Pawl inbidlet fi grazzja kbira għalina l-Maltin, sinjal ċar ta’ kemm anki f’ħajjitna, iI-Mulej idawwar kollox għall-ġid tagħna. Alla tassew ħabbna li minn żmien kmieni daqshekk fl-istorja sejħilna għal din ix-xorti li nħaddnu l-Fidi Nisranija, li nagħrfu lil Ġesù Kristu bħala l-uniku Salvatur tagħna. Propju ħames snin ilu, il-Papa Emeritu Benedittu XVI kien feraħ magħna u kien għamlilna kuraġġ sabiex ngħożżu l-Fidi li ġabilna San Pawl.

Tgħid illum għadna ngħożżuha? Naħseb li qalbna tingħafas meta niltaqgħu jew nisimgħu li xi wħud minna tbiegħdu mill-Fidi, mill-Knisja u mit-tagħlim tagħha, u saħansitra minn Ġesù. Min iħobb verament lil Ġesù u lill-Knisja tiegħu ma jistax jibqa’ frisk bħal ħassa, indifferenti u ma jinkwetax quddiem sitwazzjoni serja bħal din. Jeħtieġ nitolbu bis-sħiħ ilkoll kemm aħna l-ewwelnett għalina nfusna biex insaħħu l-Fidi tagħna personali, u għal dawk qrib tagħna u anke ‘l bogħod illi tilfu l-ġmiel ta’ din il-Fidi li ġabilna San Pawl b’tant imħabba u fervent. Ejjew nimpenjaw ruħna bis-serjetà biex flimkien ngħixu l-valuri tal-Evanġelju, għax nemmnu bis-sħiħ illi l-valuri Nsara huma l-aħjar pedament għal soċjeta’ b’saħħitha. Neżaminaw ruħna bis-sinċerità u naraw kemm qegħdin ngħixu u nistqarru din il-Fidi kemm fil-ħajja privata, pubblika, soċjali u anki dik familjari. Kemm qed taqbel l-imġiba tagħna mal-Fidi li ngħidu li nistqarru?

San Pawl Missierna saħħaħna fil-Fidi!

Il-quddies nhar it-Tlieta 10 ta’ Frar ikun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd: 6, 8, 10am u fil-5pm. Hemm l-obbligu tas-smigħ tal-quddies.

Mons Isqof Mario Grech ser imexxi pontifikal solenni fil-Knisja tal-Munxar fit-8.30am.

DEHRIET TAL-MADONNA ĠEWWA LOURDES

L-Erbgħa 11 ta’ Frar hija t-tifkira tal-ewwel dehra tal-Madonna f’Lourdes. Fil-parroċċa tagħna dawn id-dehriet jitfakkru fil-kappella tagħha. Ikun ferm sabiħ jekk matul il-ġranet tad-dehriet inżuru dan is-santwarju, ninviżtaw lill-Madonna u nitolbu għall-familji tagħna, għall-morda u għall-paċi fid-dinja.

FIL-ĠRANET TAD-DEHRIET IL-QUDDIES FIL-KNISJA TA’ LOURDES IKUN HEKK: 5.15 u 9am (nhar ta’ Ħadd 8.30am), 1, 3.30 u 5pm. Ma’ dan il-bullettin qed jitqassam il-Programm tad-dehriet fil-Kappella tal-Madonna ta’ Lourdes

EWRO COLLECTION

Fil-quddies ta’ dan il-weekend il-ġabra li ssir tkun b’risq il-festa Awwissu 2015. Inkunu ġenerużi. Fejn nistgħu nagħtu Ewro jew aktar.

RADJU LAURETANA

Infakkru fil-laqgħa għall-voluntiera kollha t-Tnejn 9 ta’ Frar fiċ-Ċentru Parrokkjali fis-7pm biex nitkellmu dwar l-iskeda li għaddiet u dik li ġejja, tal-Għid. Wara, nieħdu xi ħaġa tajba flimkien.

TIĠIJIET MATUL 2015

Infakkru li dawk kollha li għandhom booking ta’ tiġijiet f’xi knisja f’Għajnsielem biex jikkonfermaw id-data mal-Uffiċċju Parrokkjali… anke billi ċċemplu.

IL-LAQGĦA LI JMISS TA’ TĦEJJIJA GĦAŻ-ŻWIEĠ TKUN NHAR IS-SIBT 14 ta’ Frar fis-7.30pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 8 ta’ Frar ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8am sas-1pm.

QUDDIESA GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Il-Ħadd 8 ta’ Frar, il-quddiesa tal-10am tkun animata miż-żgħażagħ tagħna. Inħeġġu liż-żgħażagħ u l-adoloxxenti biex jieħdu sehem attiv.

L-ISTRINA tal-MADONNA Tkompli

Insostnu l-fond tal-proġett il-kbir tat-tkomplija tal-bini tal-Knisja. S’issa għandna €10,210 miġbura.

Din il-ġimgħa qed tkompli ssir il-ġabra bieb bieb għall-Knisja msejħa L-Istrina tal-Madonna. Din is-sena l-flus miġbura ser imorru biex jitkompla l-bini tal-knisja monumentali tagħna. Huwa stmat li għall-ewwel fażi tal-bini fuq in-naħa tax-xellug tal-knisja neħtieġu bejn wieħed u ieħor €50 elf. Fil-fond apposta għandna madwar għaxar t’elef. Meta jkollna l-flus meħtieġa, inkunu nistgħu nibdew ix-xogħol. Inħeġġu lil kulħadd biex inkunu ġenerużi kemm nistgħu. Il-voluntiera tal-parroċċa qed iħabbtulek il-bieb. Jekk tixtieq tagħti xi offerta kbira, tista’ ssib lill-arċipriet jew lil xi saċerdot tal-parroċċa. Grazzi ta’ kull offerta.

IMMORRU TA’ PINU

B’talba ta’ persuna ser immorru Ta’ Pinu l-Ħamis 12 ta’ Frar fejn ikollna quddiesa. Tluq mill-pjazza fit-8.30am. Trasport huwa mħallas.

ĦAMISIJIET TA’ SANTA RITA

Il-Ħamis 12 ta’ Frar huwa t-tielet Ħamis ta’ Santa Rita. Fil-kappella tas-Sorijiet Agostinjani fil-5.30pm rużarju, kurunella u barka sagramentali. Wara quddiesa bil-ħsieb fuq il-qaddisa.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

·   Tonina Azzopardi toffri €20 b’suffraġju ta’ Dolora Azzopardi f’għeluq is-sitt sena mill-mewt tagħha fil-11 ta’ Frar.

·   Ġorġa Galea toffri €20 b’suffraġju ta’ ommha Rosa Galea f’għeluq id-29 sena mill-mewt tagħha nhar it-13 ta’ Frar.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.