Monthly Archives: March 2015

Bullettin 27 ta’ Marzu 2015

IL-ĠIMGĦA MQADDSA

ĦADD IL-PALM:

Ma Baqax Wisq

Anki tisimgħu jinqara, tgħejja, Mulej, il-Passju: Aħseb u ara ssofrih!

Ġa bdiet tissawwar madwarna l-atmosfera tal-Ġimgħa Mqaddsa:

Avolja llum tilfet ħafna mill-ġabra qaddisa ta’ dari.

Daħħalni Mulej fl-ispirtu li jixraq lil dal-jiem qaddisa, dal-jiem misterjużi, dal-jiem li jimlewni bit-tama, iċekknuli l-egoiżmu tiegħi, ikabbruli qalbi u moħħi.

Għallimni Mulej nagħraf ngħix is-salib u l-glorja, in-niket u l-ferħ, l-iebes u l-komdu bla ma nisker fit-tgawdija bla ma niddispra fid-dwejjaq.

Ħadd il-Palm jgħaddi, u l-Għid mhux ‘il bogħod.

SAGRAMENT TAL-QRAR

NITĦEJJEW GĦALL-FESTI TAL-GĦID BI QRARA TAJBA

NHAR L-ERBGĦA 1 ta’ APRIL:

IKOLLNA L-QRAR FIL-KNISJA PARROKKJALI MILL-5pm ‘il quddiem. Wara l-quddiesa tas-6pm jkollna talb u meditazzjonjiet quddiem Ġesù Kurċifiss u l-qrar ikompli sat-8pm.

Il-Ħamis ikollna l-qrar mill-5pm sal-ħin tal-Funzjoni fis-6.30pm.

Il-Ġimgħa L-Kbira jkollna l-qrar mid-9.00 sa nofsinhar.

RADJU LAURETANA

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-KOMUNIKAZZJONI SOĊJALI TAD-DJOĊESI  T’GĦAWDEX

Bħala miżura prudenzjali in vista tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali r-Radjijiet tal-Komunità tal-Parroċċi fejn ser isiru l-elezzjonijiet lokali qed jissospendu l- iskeda tal-programmi. Huwa permess biss li jixxandar  talb u ċelebrazzjonijiet liturġiċi. Dan il-provediment  jidħol fis-seħħ is-Sibt 21 ta’ Marzu 2015 u jibqa’ jgħodd sat-12 t’April 2015.

Matul din il-ġimgħa Radju Lauretana jxandar il-funzjonijiet reliġjużi mill-knisja tagħna. Imbagħad ixandar ukoll il-Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut nhar Ħamis ix-Xirka filgħodu mill-Katidral ta’ Għawdex, is-7 Viżti f’Ħamis ix-Xirka filgħaxija, il-Via Sagra tal-Papa diretta minn Ruma nhar il-Ġimgħa l-Kbira filgħaxija u s-Siegħa tal-Omm mis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu nhar Sibt il-Għid filgħodu.

PROGRAMM

ĦADD IL-PALM

Il-Ħadd 29 ta’ Marzu huwa Ħadd il-Palm. Ninġabru lkoll fid-9.30am quddiem il-Knisja l-Qadima għall-funzjoni ta’ Ħadd il-Palm. Inħeġġu lit-tfal jilbsu ta’ tfal Lhud. Ikollna l-liturġija tal-Kelma, it-tberik tal-friegħi tal-Palm u ż-Żebbuġ u nimxu lejn il-Knisja Parrokkjali fejn ikollna l-Konċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm animata bil-kant mill-Kor Lauretana. Il-funzjoni kollha tixxandar dirett fuq Radju Lauretana u Radju Marija.

ĦAMIS IX-XIRKA

Il-Quddiesa taż-Żjut fil-Katidral ta’ Għawdex fid-9am. Tixxandar dirett fuq Radju Lauretana.

Il-funzjoni filgħaxija fil-knisja tibda fis-6.30pm.

Is-Seba’ Viżti għal kulħadd fil-knisja jkunu fit-8pm

Is-Seba’ Viżti għaż-Żgħażagħ: tluq minn ħdejn iċ-Ċentru Parrokkjali fid-9pm.

IL-ĠIMGĦA L-KBIRA

Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum fil-knisja fit-8am.

Il-funzjoni tas-salib fit-3pm.

SIBT IL-GĦID

IL-VEJLA L-KBIRA TAL-GĦID IL-KBIR

Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum fil-knisja fit-8am.

Is-Siegħa tal-Omm fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu fid-9am. Tixxandar dirett fuq Radju Lauretana.

Fit-8pm IL-VELJA L-KBIRA TAL-GĦID IL-KBIR

DIN HIJA L-QOFOL TAL-FESTI TAL-GĦID!

Nagħmlu l-impenn tagħna biex nattendu ħalli ngħixu flimkien il-ferħ tal-Irxoxt ta’ Kristu.

ĦIN TAS-SAJF

Għalkemm fi tmiem il-ġimgħa jibda l-ħin tas-Sajf, għal din il-ġimgħa l-ħin tal-quddies jibqa’ l-istess. Il-ħin tal-quddies tas-Sajf jibda l-għada tal-Għid it-Tnejn 6 ta’ April 2015.

GĦOTI TA’ DEMM Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 29 ta’ Marzu ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:30am sas-1:30pm (l-aħħar reġistrazzjoni tista’ ssir sas-1pm).

IMMORRU TA’ PINU Nhar l-Erbgħa 1 ta’ April. Ikollna l-quddiesa. Tluq fit-8.30am mill-pjazza. Trasport imħallas.

mill-Għaqda Drammatika Għajnsielem

ĦADD IL-PASSJONI – VIA SAGRA ĦAJJA

Il-Ħadd 29 ta’ Marzu nieħdu sehem fil-Via Sagra Ħajja mtella’ mill-Għaqda Drammatika Għajnsielem. Tibda fil-5pm minn Ta’ Passi.  Minħabba f’hekk il-quddiesa ta’ filgħaxija fil-Knisja Parrokkjali għal dan il-Ħadd biss tkun fl-4pm u MHUX fil-5pm.

Iċ-Ċenaklu: L-Għaqda Drammatika Għajnsielem ser ittella’ wkoll Iċ-Ċenaklu f’Ta’ Passi nhar Ħamis ix-Xirka mit-8.30pm sal-11.30pm u l-Ġimgħa l-Kbira mid-9am sa 12pm.

ĦARĠA MALTA

L-Għaqda Ħbieb tal-Presepju – Sezzjoni Għajnsielem ser torganizza ħarġa f’Malta t-Tnejn 30 ta’ Marzu 2015. Inżuru l-Wirjiet tal-Ġimgħa Imqaddsa. Tluq mal-vapur tal-3.45pm. Prezz €10. Minn hu interessat li jiġi jċempel fuq 99471741 jew 99493806.

WARD U WERAQ GĦAll-ALTAR TAR-REPOŻIZZJONI

Bħal kull sena, għandna bzonn weraq tal-belladonna u ward abjad biex biho inżejnu l-altar tar-repożizzjoni. Il-weraq tistgħu ġġibuh it-Tnejn filwaqt li l-ward nhar l-Erbgħa li ġejja.

ILQA’ FI ĦDANEK

Missier Qaddis wassal għall-ħajja ta’ dejjem lir-ruħ għażiża ta’ dawn ħutna li int sejjaħt għal għandek mill-Komunità Parrokkjali tagħna:

-Loreto Grech, nhar it-18 ta’ Marzu ta’ 76 sena;

-Georgina Farrugia li fil-21 ta’ Marzu fl-eta’ ta’ 50 sena u

-Maria Ciantar nhar il-21 ta’ Marzu fl-eta’ ta’ 87 sena.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Lorenza Scicluna toffri €20 b’suffraġju tal-għeżież ġenituri tagħha Ġużepp u Paula Sultana fl-anniversarju tal-mewt tagħhom fit-3 u l-11 ta’ April rispettivament, kif ukoll ta’ ħutha Loreto u Carmelo Sultana.       

Il-familja Grech toffri €20 b’suffraġju ta’ missierhom Pawlu f’għeluq it-3 snin mill-mewt tiegħu fix-xahar ta’ Marzu.

Carmel u Phyllis Portelli joffru €20 b’suffraġju ta’ Michael Portelli f’għeluq it-38 sena minn meta mar jiltaqa’mal-Ħallieq nhar it-30 ta’Marzu.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 20 ta’ Marzu 2015

FIR-RANDAN …NINBNEW …u NINBIDLU

IL-ĦAMES ĦADD TAR-RANDAN

Is-Siegħa Tiegħi

Dalwaqt Mulej tintrefa’ mill-art: ftit ġranet oħra. Dalwaqt taqa’ fl-art, bħal ħabba tal-qamħ u tmut u tagħmel ħafna frott. Dalwaqt jerġa’ jigglorifikak il-Missier darba għal dejjem. Dalwaqt tkeċċi l-prinċep tad-dinja u tiġbed il-bnedmin kollha lejk.

Siegħa mqaddsa. Is-siegħa tiegħek. Is-siegħa li ġejt apposta għaliha. Siegħa siegħa ta’ fidwa li tiswa eternità.

Il-ġid ma jsirx bix-xejn Mulej, imma bi prezz… int ħallastu b’demmek.

Oħloq fija o Alla qalb ġdida, qalb ġeneruża, qalb altruwista. Għinni waqt il-biżgħat tiegħi, waqt il-qtiegħ il-qalb, waqt l-insuċċessi. Meta nħossni mħawwad u ma nafx x’naqbad ngħid, għinni nitolbok is-salvazzjoni tiegħek, Mulej, u nkompli fi triqti, warajk, miegħek. Urini kif nobgħod ħajti waqt li nibqa’ nħobbha, kif nitlef ħajti biex insibha sħiħa, kif inkun lest nindifen biex inqum fis-siegħa li tagħżel int għalija.

MILL-ISTITUT TAL-FAMILJA SAN ĠWANNI PAWLU II.

Infakkru li din il-gimgħa, mit-Tnejn 23 ta’ Marzu sal-Ħamis 26 ta’ Marzu, Mons. Isqof Mario Grech ser ikun qed iwassal l-eserċizzi għall-persuni separati u persuni f’relazzjoni barra ż-żwieġ.  L-esreciċizzi ser ikunu qed jinżammu fl-Istitut tal-Familja Papa Ġwanni Pawlu II, Triq Fortunato Mizzi, r-Rabat, fit-8.00pm.

RADJU LAURETANA L-iskeda tal-Għid 2015 tkompli permezz ta’ programmi u xandiriet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa. Segwuna fuq 89.3FM u www.radjulauretana.com

IS-SIEGĦA TAD-DULURI

NHAR IL-ĠIMGĦA 27 ta’ Marzu fit-3pm fil-Knisja Parrokkjali. Talb u Rużarju tas-Seba’ Duluri tal-Madonna.

KARITÀ F’JUM ID-DULURI

L-Offerti kollha li jingħataw fil-kaxxa ta’ quddiem id-Duluri fil-ġurnata tas-27 ta’ Marzu jmorru għall-karità li tagħmel il-parroċċa. Inkunu ngħinu tant sitwazzjonijiet ta’ bżonn li għandna fostna.

JUM ID-DULURI

Il-Ġimgħa 27 ta’ Marzu huwa jum għażiż għalina li nemmnu. Huwa Jum id-Duluri. Dakinhar l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali u tibda wara l-quddiesa tad-9am.

5pm quddiesa.

6pm tibda ħierġa l-purċissjoni akkumpanjata minn persunaġġi u l-Banda San Ġużepp. Nimxu wara l-istatwa ta’ Ommna Marija Addolorata fi spirtu ta’ talb. Nixegħlu l-galleriji u nżejnu t-twieqi tagħna bi xbihat tad-Duluri u l-Kurċifiss. Il-purċissjoni tgħaddi minn Triq J.F. Chambray, Magħdija, Gleneagles, Għajnsielem, Pjazza Madonna ta’ Loreto għal Pjazza Indipendenza, Pjazza tad-Dehra, Fawwara u Knisja.

Kif il-purċissjoni tidħol fil-knisja jkollna quddiesa oħra.

ĦADD IL-PALM

Il-Ħadd 29 ta’ Marzu huwa Ħadd il-Palm. Ninġabru lkoll fid-9.30am quddiem il-Knisja l-Qadima għall-funzjoni ta’ Ħadd il-Palm. Inħeġġu lit-tfal jilbsu ta’ tfal Lhud. Ikollna l-liturġija tal-Kelma, it-tberik tal-friegħi tal-Palm u ż-Żebbuġ u nimxu lejn il-Knisja Parrokkjali fejn ikollna l-Konċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm animata bil-kant mill-Kor Lauretana u ż-żgħażagħ tal-parroċċa. Il-funzjoni kollha tixxandar dirett fuq Radju Lauretana u Radju Marija.

LAQGĦA GĦAL-LETTURI

Dawk kollha li jagħtu jew li jixtiequ jibdew jagħtu s-sehem tagħhom bħala letturi fil-knisja parrokkjali tagħna huma msejħa għal laqgħa apposta nhar l-erbgħa li ġejja 25 ta’ Marzu dritt wara l-quddiesa ta’ filgħaxija fil-knisja stess.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Dan ser ikun is-Sibt 21 ta’ Marzu fil-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl in-Nadur u jibda fis-6.30pm. Trasport mill-Pjazza fis-6pm.

IT-TOMBLA

Min-nhar il-Ħadd 15 ta’ Marzu, it-tombla li kienet issir taħt il-knisja parrokkjali bdiet issir fiċ-Ċentru Parrokkjali fejn hemm faċilitajiet aħjar u ambjent isbaħ. Inkunu ngħinu l-parroċċa u l-festa tagħna

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 22 ta’ Marzu ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:30am sas-1:30pm (l-aħħar reġistrazzjoni tista’ ssir sas-1pm).

MILL-GĦAQDA DRAMMATIKA GĦAJNSIELEM –

  • Sejħa għal atturi biex jilbsu ta’ suldati Rumani u Lhud biex jieħdu sehem fir-rappreżentazzjoni f`Ta Passi u Fort Chambrai fil-Ġimgħa Mqaddsa.
  • Għandna bżonn purtieri jew lożor qodma biex inżejnu ċ-ċenaklu ħaj li ser jerġa’ jsir f`Ta Passi. Il-purtieri u lożor qodma tistgħu tħalluhom Radju Lauretana.

SEMINAR EDUKATTIV

Nhar it -Tnejn 30 ta’ Marzu 2015, ser jiġi mtella’ seminar edukattiv fis-sala tal-Ministeru għal Għawdex fis-6pm. Is-suġġett li ser jiġi diskuss huwa Il-Kanċer tal-Musrana.  Il-pubbliku huwa mistieden jattendi.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA

Ser isir nofs ta’ nhar għan-nisa f’Lourdes Home l-Erbgħa 25 ta’ Marzu mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Joe Xerri, kafè u tombla.

ILQA’ FI ĦDANEK

Ilqa’ Missier Etern fi ħdanek lil Speranza Attard mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li mietet fit-12 ta’ Marzu 2015 fl-għomor ta’ 81 sena.

Missier Etern ilqa’ fi ħdanek lil Loreto Grech mill-Komunità Parrokkjali tagħna li għadda għal ħajja ta’ dejjem fis-17 ta’ Marzu 2015 fl-għomor ta’ 76 sena.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Marvit Saliba toffri €20 b’suffraġju ta’ Maria Buttigieg f’għeluq it-18-il sena mill-mewt tagħha fil-21 ta’ Marzu.
  • Antonia Spiteri toffri €20 b’suffraġju ta’ Andrew Zerafa u Loreta Spiteri.

  Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

NIFTAKRU F’ĦUTNA L-INSARA PPERSEGWITATI U NGĦINU BIĊ-ĊAĦDIET, IT-TALB U L-KARITÀ TAGĦNA!

Bullettin 14 ta’ Marzu 2015

FIR-RANDAN…NINBNEW …u NINBIDLU

IR-RABA’ ĦADD TAR-RANDAN

Tħobbu Wisq!!!

Int tħobbu wisq il-bniedem, Mulej! Jaħrab minnek u tiġri warajh, joffendik u titħassru, jinjorak u tibgħatlu iżjed messaġġi. Tikkastigah u taħfirlu, teżiljah u tilliberah, tikkonfondih u ssabbru. L-aħħar kelma hi dejjem favurih. Tassew int Alla għani fil-ħniena. Int tant ħabbejtha lid-dinja, li tajtha lil ħadd inqas minn Ibnek il-Waħdieni. U bgħattu biex bih hija ssalva.

Xi bluha dik il-bniedem Mulej li jħobb id-dlam aktar mid-dawl! Kif ma jitgħallem qatt mit-tiġrif tat-Tempju, mill-waqgħa tas-swar, mill-ħruq tal-palazzi? Kif ma jixgħofx mill-qerda ta’ kull mhu prezzjuż mit-tkaxkir fl-eżilju? Għaliex bil-fors irid jitbiegħed minnek biex jersaq lejk? Għaliex irid iduq l-imrar tal-konfużjoni biex jibda jixxennaq għal żernieq ġdid?

Intrefa mill-ġdid quddiemna Mulej, għax ħbejnik, ġennibnik, injorajnik. Ħu postok fin-nofs, fejn jixraqlek, fl-għoli. Iġbed l-attenzjoni tagħna. Ikkonvinċina minn imħabbtek. Tħallinix nobgħod id-dawl biex nibqa’ komdu u moħbi fi ħżuniti, imma ressaqni lejn id-dawl biex ma nistħix nagħmel is-sewwa.

Ibqa’ ħobbu ħafna Mulej lill-bniedem: mhux għax jixraqlu imma għax dgħajjef wisq.

EŻERĊIZZI SPIRITWALI – Fil-Parroċċa tagħna

ĊENTRU PARROKKJALI

  • Inkomplu din il-ġimgħa bit-tielet u l-aħħar kors
  • Is-sejħa hija għall-MIŻŻEWĠIN KOLLHA.
  • Sejħa speċjali lill-koppji żgħażagħ
  • Mit-Tnejn 16 sal-Ġimgħa 20 ta’ Marzu fis-7.30pm fis-sala taċ-Ċentru Parrokkjali
  • Iwassal il-kelma Dun Noel Saliba
  • Ejjew nagħmlu impenn qawwi dan ir-Randan, inħallu kollox u nagħtu aktar spazju għas-smigħ tal-Kelma
  • Ikun hemm min jieħu ħsieb it-tfal

OBOLO TA’ SAN PIETRU

Il-ġbir kollu matul il-quddies ta’ dan il-weekend imur kollu għall-Papa ħalli mbagħad dawn il-flus jingħataw lil min ikollu l-aktar bżonn. Inkunu ġenerużi dan ir-Randan ma’ min jeħtieġ l-għajnuna tagħna.

FESTA SAN ĠUŻEPP

Il-Ħamis 19 ta’ Marzu hija l-festa ta’ San Ġużepp. Il-quddies ikun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd.

Filgħodu mmorru l-Qala fit-8.30 mill-Pjazza għall-quddiesa tad-9am fil-Knisja Parrokkjali tal-Qala.

ĦARĠA MALTA  fid-19 ta’ Marzu. Biljetti mill-Knisja ta’ Sant’ Antnin, Ideal Store jew ċemplu 79202172.

OĦLOQ TBISSIMA RANDAN 2015

Tkompli l-kampanja ta’ karità għal dan ir-Randan b’risq il-foqra tal-Perù. Tista’ tgħin billi tieħu kaxxa mis-sagristija u tpoġġi fiha xi ikel mil-lista indikata fil-fuljett li hemm mal-kaxxa. Tista’ tgħin ukoll b’donazzjoni.

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-Għid tibda l-Ħamis 19 ta’ Marzu festa ta’ San Ġużepp. Mal-bullettin qed taslilkom l-iskeda sħiħa ta’ programmi li ser jixxandru. Tinsewx il-frekwenza ta’ 89.3FM. Ir-radju jinstema’ wkoll fuq l-internet fuq is-sit www.radjulauretana.com

IS-SIEGĦA TAD-DULURI

KULL NHAR TA’ ĠIMGĦA MATUL IR-RANDAN.

Fit-3.00pm fil-Knisja l-Qadima. Talb u Rużarju tas-Seba’ Duluri tal-Madonna.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Dan ser ikun nhar is-Sibt 21 ta’ Marzu fil-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl in-Nadur u jibda fis-6.30pm. Trasport mill-Pjazza fis-6.00pm.

INAWGURAZZJONI BELVEDERE

Il-Kunsill Lokali jistieden lil kulħadd għall-inawgurazzjoni tal-Belvedere ta’ Triq Ħamri l-Ħadd 22 ta’ Marzu fis-12.45pm.

IMMORRU TA’ PINU

B’talba ta’ persuna se mmorru Ta’ Pinu nhar it-Tlieta 17 ta’ Marzu fejn ikollna quddiesa. Tluq mill-pjazza fit-8.30a.m.

FOND BINI KNISJA

Ejjew inkomplu nsostnu u ngħinu l-proġett tat-tkomplija tal-bini tal-Knisja Parrokkjali.

Grazzi: NN €600 S’issa fil-fond għandna €16,963.

L-ARLOĠĠ TAL-KNISJA PARROKKJALI

Issa nistgħu ngħidu li x-xogħol kollu huwa ordnat. Il-Proġett tal-arloġġ jinvolvi diversi ordnijiet separati li jridu jitlaqqgħu kollha flimkien: il-magni, in-numri, l-erba’ uċuħ (fl-irħam u l-ħġieġ), il-kamra ġol-kampnar. Għalkemm ma jidhirx minn barra, ix-xogħol fuq l-arloġġi għaddej ġmielu. Id-disinni l-ġodda issa ġew approvati wkoll mill-Kummissjoni Arti Sagra tad-Djoċesi. Jonqosna il-permessi meħtieġa biex nistgħu nagħmlu bejt tal-konkos fil-kampnar.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex nhar it-Tlieta 17 ta’ Marzu ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm (l-aħħar reġistrazzjoni – sal-5pm).

APPELL GĦALL-GĦAJNUNA –

Mill-Għaqda Drammatika Għajnsielem

  • Għandna bżonn atturi biex jilbsu ta’ suldati Rumani u Lhud. Hemm wisa’ għal 21 persuna biex jieħdu sehem fir-rappreżentazzjoni li se ntellgħu f`Ta Passi u Fort Chambrai fil-Ġimgħa Mqaddsa.
  • Għandna bżonn xi purtieri jew lożor qodma biex inżejnu ċ-ċenaklu ħaj li ser jerġa’ jsir f`Ta Passi. Il-purtieri u lożor qodma tistgħu tħalluhom Radju Lauretana jew teħduhom Ta’ Passi nhar ta’ Sibt.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Erminia Xuereb u l-familja joffru €20 b’suffraġju ta’ Emanuel Xuereb f’għeluq it-12-il sena mill-mewt tiegħu fid-19 ta’ Marzu.

   Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

LETTURI: Sejħa għalik biex tieħu sehem dirett fil-liturġija. Ikkuntattja l-uffiċċju parrokkjali.

 

 

Bullettin 7 ta’ Marzu 2015

FIR-RANDAN …NINBNEW …u NINBIDLU

IT-TIELET ĦADD TAR-RANDAN

Mulej, int taf lil kulħadd, tassew. Int taf x’hemm fil-bniedem. Int taf x’mgħadx hemm fil-bniedem għax żvojta wisq lilu nnifsu minn dak li żrajt fih int fil-bidu.

Sewwa tagħmel Mulej, ma tafdax: fl-interess tagħna. Il-gwaj hu li aħna sirna nafdaw wisq fina nfusna: aħna li mtlejna bil-vojt, aħna li kibritilna rasna fil-konfront tiegħek; aħna li tħawwadna fl-intelliġenza tagħna.

Veru każ Mulej, li qed nesperimentawh: il-bluha tiegħek hi iktar għarfa mill-ġenji, id-dgħufija tiegħek hi iktar b’saħħitha mill-ġganti. Int biss għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem u ta’ ħajja bis-sens fuq din l-art.

Int tgħid u tasal, tagħti sinjal u twettqu, tara fil-fond u fil-bogħod. Int Alla ta’ min joqgħod fuqek, ta’ min jafdak, ta’ min jisimgħek u jisma’ minnek.

Int tferraħ il-qalb u tagħti l-ħajja. Minnek irrid nisma’. Mhux veru Mulej li min jisma’ minnek jitlef il-liberta’, li min jgħix kelmtek jitlef il-gost tal-ħajja. Int kont u għadek Alla li dejjem trid toħroġ il-bniedem minn dan il-jasar. Min jeqred il-fiduċja tal-bniedem fik ikun qed jirrendih ilsir, konfuż, illuż u fqir. Ħaffifli Mulej il-kuxjenza tqila tiegħi. Illiberani mill-gaġeġ li bnejt madwari, li jaqtgħuni minnek, li jisfiguraw kelmtek f’għajnejja.

Le, Mulej, ma rridx ikolli allat oħra quddiemi ħliefek – Alla veru, Alla Ħaj!

EŻERĊIZZI SPIRITWALI – Fil-Parroċċa tagħna

Knisja Sant’Antnin

  • Inkomplu din il-ġimgħa bit-tieni kors.
  • Is-sejħa hija għal kulħadd
  • mit-Tnejn 9 sal-Ġimgħa 13 ta’ Marzu wara l-quddiesa ta’ filgħaxija fil-Knisja ta’ Sant’ Antnin
  • Iwassal il-kelma Dun Noel Saliba.
  • Ejjew nagħmlu impenn qawwi dan ir-Randan, inħallu kollox u nagħtu aktar spazju għas-smigħ tal-Kelma

EWRO COLLECTION

Fil-quddies ta’ dan il-weekend il-ġabra tkun b’risq il-festa tagħna. Inkunu ġenerużi bħal dejjem. Fejn nistgħu nagħtu Ewro jew aktar. Grazzi ħafna.

QUDDIESA ŻGĦAŻAGĦ

Il-quddiesa tal-10am illum il-Ħadd 8 ta’ Marzu tkun animata miż-żgħażagħ.

ĦARĠA FESTA SAN ĠUŻEPP

Ser issir ħarġa għall-Festa ta’ San Ġużepp ir-Rabat Malta l-Ħamis 19 ta’ Marzu. Il-karozza titlaq minn quddiem iċ-Ċentru Sant’ Antnin f’12pm, tgħaddi mill-pjazza u teħodna għall-vapur tas-12.45pm. Lura mal-vapur tad-9.20pm. Ħlas €10 (jinkludi vapur u trasport). Biljetti mis-sagristija tal-Knisja ta’ Sant’Antnin, mill-Ideal Store jew ċemplu 79202172. Tħallux għall-aħħar għax il-postijiet huma limitati.

OĦLOQ TBISSIMA RANDAN 2015

Għal sena oħra l-Parroċċa tagħna qed tgħin lill-Patrijiet tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl jgħinu lin-nies foqra tal-Peru. Int tista’ tgħin billi tieħu kaxxa mis-sagristija u tpoġġi fiha xi ikel mil-lista indikata fil-fuljett li hemm mal-kaxxa. Tista’ tgħin ukoll b’donazzjoni.

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-Għid tibda l-Ħamis 19 ta’ Marzu festa ta’ San Ġużepp. Mal-bullettin tal-ġimgħa d-dieħla titqassam l-iskeda ta’ programmi.

SEJĦA GĦAL-LETTURI

Hemm ħafna persuni li jistgħu jagħtu s-sehem tagħhom bħala letturi fil-knisja tagħna. Il-Parroċċa għalhekk qed tagħmillek sejħa biex int ukoll tagħti s-sehem tiegħek. Ikkuntattja l-Uffiċċju Parrokkjali jew sms fuq 79710784 u ħalli ismek u kuntatt tiegħek.

EŻERĊIZZI TAR-RANDAN GĦALL-GĦARAJJES

Fl-Istitut tal-Familja Ġwanni Pawlu II

Mit-Tnejn 9 sal-Ġimgħa 13 ta’ Marzu, 2015

Fit-8.00 pm.

IS-SIEGĦA TAD-DULURI KULL NHAR TA’ ĠIMGĦA MATUL IR-RANDAN.

Fit-3pm fil-Knisja l-Qadima. Talb u Rużarju tas-Seba’ Duluri tal-Madonna.

IL-ĦAMISIJIET TA’ SANTA RITA

Ikomplu l-Ħamis 12 ta’ Marzu fil-kappella tas-Sorijiet Agostinjani. Fil-5.30pm rużarju, kurunella u barka sagramentali. Fis-6pm quddiesa bil-priedka.

FOND BINI KNISJA

Inkomplu nsostnu u ngħinu l-proġett tat-tkomplija tal-bini tal-Knisja Parrokkjali. Grazzi: NN Triq Ħamri €100, NN €20. S’issa fil-fond għandna €16,363… Grazzi ta’ kull offerta.

FAMILY MOVIE NIGHT … SPEĊJALI Il-ĦADD 8 ta’ MARZU 6.00pm.

FIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI B’film għall-kbar u ieħor għat-tfal… b’messaġġ għal dan iż-żmien tar-randan

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 8 ta’ Marzu ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm (l-aħħar reġistrazzjoni tista’ ssir sas-1pm).

GRAZZI

  • Ġabra għall-Knisja waqt l-eżerċizzi €416
  • Ġabra għas-Seminarju waqt l-eżerċizzi €594

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Il-familja Xuereb toffri €20 b’suffraġju ta’ Kelinu Xuereb f’għeluq il-ħames sena mill-mewt tiegħu fl-4 ta’ Marzu 2015.
  • Il-Familja Ciantar toffri €20 b’suffraġju ta’ Ġużepp Ciantar f’għeluq is-27 sena mill-mewt tiegħu fit-8 ta’ Marzu 2015.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.