Monthly Archives: April 2015

Bullettin l-1 ta’ Mejju 2015

IL-ĦAMES ĦADD TAL-GĦID

Ħafna Frott

Int ma ridtx tagħmel kollox waħdek, Mulej. Ħallejtilna ħafna spazju għall-ħidma tagħna, għall-inizjattiva tagħna, għall-kreattivita’ tagħna.

Basta ma naqdfux għal rasna. Basta nżommu l-fil tiegħek. Inkella nagħżqu fl-ilma, nibnu kastelli fuq ir-ramel, niġru wara d-duħħan.

Għinni Mulej inkun fergħa ħajja fid-dielja li int int biex hekk nagħmel il-ħafna frott li qed tistenna minni b’insistenza, bi dritt. Saffini Mulej, naddafni, biex nagħmel frott iżjed, bnin, fi żmienu. Tarminix barra. Tħallinix ninxef. Mingħajrek ma nista’ nagħmel xejn tassew siewi anki jekk nidher attiv, ħabrieki, żelanti. Mingħajr kliemek f’ħajti Mulej nissogra li nkun aġent li ma nemminx fil-prodott li nirreklama.

Ibdilni Mulej bħalma bdilt lil Sawlu, biex insir u nidher tassew dixxiplu. Għinni nitkellem f’ismek, b’ħila kbira, mhux tant bil-kliem u l-kitba daqskemm bil-konvinzjoni ta’ għemili, bil-ġenwinita’ ta’ ħajti, bil-maturita’ ta’ mġibti, b’kuxjenza li ma ċċanfarnix.

Żommni Mulej marbut miegħek u l-frott ma jonqosx.

L-ERBGĦAT TA’ SANTA MARIJA

L-Erbgħat bi preparazzjoni għall-festa ta’ Santa Marija jibdew l-Erbgħa 6 ta’ Mejju. Bħal kull sena l-parroċċa tagħna ser torganizza trasport għas-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu kemm filgħodu u anke filgħaxija. Filgħodu l-karozza titlaq fl-4.30 am u filgħaxija fil- 4.50pm. Araw il-programm tal-Erbgħat fin-noticeboards tal-Knisja u d-Dar Parrokkjali.

IX-XAHAR TA’ MEJJU

NAQBDU F’IDEJNA L-KURUNA

             …U NITOLBU TA’ SPISS IR-RUŻARJU

speċjalment fil-FAMILJI TAGĦNA

SAN ĠORG PRECA – PELLEGRINAĠĠ DJOĊESAN 

Il-Ġimgħa 8 ta’ Mejju ser jiġi organizzat pellegrinaġġ djoċesan għall-Kappella tal-Midalja Mirakoluża l-Blata l-Bajda fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġorġ Preca. Inżuru l-qabar ta’ San Ġorġ Preca u jkun hemm quddiesa mmexxiha minn Mons Isqof Mario Grech fis-6.30pm. Għal min ikun jixtieq, ikollna ftit ħin ngħaddu sal-Librerija Preca. Tluq mal-vapur tal-4.30pm u lura mal-vapur tad-9.30pm. Biljetti mill-qasam tal-Museum jew mid-Dar Parrokkjali.

JUM DINJI TA’ TALB

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ta’ talb min-Nisa Kattoliċi ser issir laqgħa ta’ talb fid-Dar Ċentrali tal-Azzjoni Kattolika r-Rabat nhar it-Tlieta 5 ta’ Mejju mid-9am sal-10.30am. Preżenti ser ikun hemm l-Isqof t’Għawdex Mons. Mario Grech fejn jippresiedi konċelebrazzjoni. In-nisa kollha u anke reliġjużi nisa huma mistiedna għal din il-laqgħa ta’ talb mal-Isqof. Trasport provdut fit-8.30am mill-pjazza u qabel minn Triq Sant’ Antnin.

Dħul ta’ studenti fl-iskejjel primarji tal-Knisja f’Ghawdex

Se joħorġu applikazzjonijiet biex jimtlew postijiet vakanti għal studenti fil-klassijiet minn Kinder 2 sa Year 6 (minbarra Year 3) fl-iskejjel primarji tal-Knisja għas-sena skolastika 2015 – 2016. L-applikazzjoni jistgħu jinġabru mill-Kurja tal-Isqof mit-Tnejn 4 ta’ Mejju sal-Ġimgħa 8 ta’ Mejju (minbarra l-Ħamis), bejn id-9.00am u nofsinhar. L-applikazzjonijiet jagħlqu l-Ġimgħa 8 ta’ Mejju. Fuq l-applikazzjoni jkun hemm id-dettalji f’liema skejjel hemm postijiet vojta biex jiġu ammessi studenti.

QUDDIESA TA’ RADD IL-ĦAJR

Bħala bidu tat-tmien legislazzjoni tiegħu, il-Kunsill Lokali Għajnsielem għandu pjaċir jistieden lill-poplu kollu ta’ Għajnsielem għall-quddiesa ta’ radd il-ħajr li ser issir fil-Knisja tagħna l-Ħadd 3 ta’ Mejju fl-10am.

GĦOTI TA’ DEMM

L-għoti tad-demm jista’ jsir fid-Dipartiment tal-Outpatients tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex il-Ħadd 3 ta’ Mejju mit-8am sas-1pm (l-aħħar reġistrazzjoni tista’ ssir sas-1:00pm).

ĠABRA GĦALL-FESTA TA’ SANT’ANTNIN

Ma’ dan il-bullettin qed jaslilkom l-envelop għall-ġabra b’risq il-festa ta’ Sant’Antnin.  Din ser issir din il-ġimgħa: It-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ħamis filgħodu u filgħaxija. Inkunu ġenerużi bħal dejjem.

Din is-sena l-festa ta’ Sant’Antnin ser tkun iċċelebrata l-Ħadd 31 ta’ Mejju.

SERATA TA’ JUM L-OMM

Is-Sibt 9 ta’ Mejju, 2015 Iċ-Ċentru Parrokkjali tagħna ser itella’ serata fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm. Tibda fis-7.30pm. Biljetti tad-dħul (€2)  mill-bar taċ-Ċentru.  Ser tkun serata sabiħa u  varjata b’kant, mużika u play sabiħa. Okkażjoni sabiħa għall-familji kollha.

FIERA TAL-KOTBA:

Mill-Ħadd 3 sas-Sibt 9 ta’ Mejju fiċ-Ċentru Parrokkjali b’kotba sbieħ għat-tfal u kbar. Ħinijiet: Il-Ħadd mis-1 sa 5pm, mit-Tnejn sas-Sibt: 8.30am sa 2.30pm u 4-6pm.

Ser ikollna wkoll bejgħ ta’ pjanti fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm.

RESTAWR TA’ OĠĠETTI TAL-FIDDA

Grazzi lil familja li tat €100 għar-restawr tal-pissidi. Min jixtieq ikollu sehem minn dan ix-xogħol, ikellem lill-Arċipriet. Il-pissidi tistgħu tarawhom fin-niċċa tal-Madonna ta’ Loreto.

MATUL MEJJU

Il-Ħadd 10 ta’ Mejju – Festa ta’ San Ġużepp.

Il-Ħadd 24 ta’ Mejju – L-Ewwel Tqarbina.

Il-Ħadd 31 ta’ Mejju – Festa ta’ Sant’Antnin.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Miriam Buttigieg toffri €20 b’suffraġju tal-mejtin tal-familja tagħha.
  • Fredu Ciangura joffri €20 b’suffraġju ta’ missieru Mikieli li fl-4 ta’ Mejju jagħlaq 4 snin mejjet u għal oħtu Marija Azzopardi li fis-7 ta’ Mejju tagħlaq 4 snin mejta.

Mulej agħtihom il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 24 ta’ April 2015

IR-RABA’ ĦADD TAL-GĦID

SEJĦA

TWEĠIBA

Tismagħna nitkellmu u taqra kitbietna taħsibna lkoll salvaturi tal-patrija, Mulej. Nafu nitkellmu fuq kollox, niktbu fuq kull suġġett, lesti b’soluzzjoni għal kull sitwazzjoni. Irridu soċjetà perfetta, istituzzjonijiet mexjin fuq ir-rubini, strutturi impekkabbli. Basta x-xogħol jagħmluh l-oħrajn. Basta l-prezz iħallsu ħaddieħor. Basta jien nibqa’ kritiku komdu, paxxut, nissuġġerixxi biss.

Int m’għamiltx hekk, Mulej. Int tkellimt, veru. Int issuġġerejt. Int fassalt ideali u ħolm. Imma bdejt int. Imxejt quddiem. Erfajt salibek u għedt lill-oħrajn jimxu warajk.

U bħal Ragħaj tassew tajjeb tajt ħajtek f’kull sens għan-ngħaġ tiegħek: tajt ħinek kollu, tajt saħħtek kollha, tajt sal-fama tiegħek. Ma tkellimtx biss fuq ir-radju. Ma dehertx biss fuq it-televixin. Ma kontx biss kontributur regolari fil-ġurnali. Ma kontx mikri. Ma rtirajtx quddiem il-lupu. Ma ħrabtx u ħallejt in-ngħaġ maħtufa u mxerrda.

Agħtina ftit ieħor Mulej minn dawn ir-rgħajja. Id-dinja teħtieġhom ferm iżjed mill-paroli li jridu jinkitbu bil-fors biex jimtlew il-ħafna spazji li ħloqna għalihom.

Tħalliniex inwarrbuk Mulej, bħalma għamlu l-bennejja lill-ġebla li mbagħad saret il-ġebla li fuqha jinbena kollox.

Mingħajrek fqar wisq, Mulej.

NIBDEW IX-XAHAR TA’ MEJJU

NAQBDU F’IDEJNA L-KURUNA

             …U NGĦIDU TA’ SPISS IR-RUŻARJU.

BIR-RUŻARJU, MISSIRIJIETNA:

         Taw xhieda b’ħajjithom tal-fidi tagħhom kontra kull għadu.

         Żammew il-familji magħquda minkejja l-faqar u l-emigrazzjoni.

         Għamlu opri kbar li għadhom jissemmew.

U AĦNA???

 EJJEW NITOLBU GĦAL VOKAZZJONIJIET QADDISA

                                    GĦALL-FAMILJI TAGĦNA.

                                    GĦALL-KONVERŻJONI TAGĦNA

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

It-talb għall-persuni kkonsagrati għal dan ix-xahar ser isir nhar is-Sibt 25 ta’ April, 2015 fil-knisja parrokkjali taż-Żebbuġ fis-7pm. Trasport mill-Pjazza bħas-soltu.

GĦOTI TA’ DEMM                 Il-Ħadd 26 t’April fl-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Il-ħin għall-għoti tad-demm ikun mit-8am sas-1pm.

IMMORRU TA’ PINU B’talba ta’ persuna nhar l-Erbgħa 29 ta’ April fejn ikollna quddiesa fid-9.00am. Tluq mill-Pjazza fit-8.30am. Trasport imħallas.

QUDDIESA B’SUFFRAĠJU

L-Għaqda Mużikali San Ġużepp ser tagħmel quddiesa ċ-ċimiterju nhar l-1 ta’ Mejju b’suffraġju għal ruħ il-bandisti, membri u benefatturi mejtin. Il-quddiesa tibda f’12pm. Kulħadd mistieden jattendi.

TOMBLA b’risq il-Festa Sant’Antnin 2015 – nhar il-Ġimgħa 1 ta’ Mejju fiċ-Ċentru Sant’Antnin fis-7.30pm.

RESTAWR TA’ OĠĠETTI TAL-FIDDA

Minn qalbna nirringrazzjaw lil dawk li, matul din il-ġimgħa taw l-offerta  tagħhom għar-restawr tal-oġġetti tal-fidda li jintużaw għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Familja Galea, Pjazza Madonna ta’ Loreto – €400  għas-salib tal-kleru; NN €50, NN Triq Bengħażi €100 u NN €100 għaż- żewġ pissidi. Min jixtieq ikollu sehem minn dan ix-xogħol, ikellem lill-Arċipriet. Il-pissidi tistgħu tarawhom fin-niċċa tal-Madonna ta’ Loreto.

INTENZJONIJIET- QUDDIES FIL-KNISJA PARROKKJALI

Min jixtieq jikteb l-intenzjonijiet tal-quddies tal-ħin fil-Knisja Parrokkjali għax-xhur Lulju, Awwissu u Settembru 2015, jista’ jagħmel dan fl-Uffiċċju Parrokkjali t-Tlieta u l-Ħamis bejn id-9am u 12pm.

QUDDIESA GĦALL-FAMILJI

Il-quddiesa tal-10am tal-Ħadd 26 ta’ April tkun animata mill-familji għall-familji. Familji poġġu l-quddiesa fiċ-ċentru tal-ħajja nisranija tagħkom.

L-EWWEL ĠIMGĦA U SIBT TAX-XAHAR

Il-Ġimgħa l-1 ta’ Mejju tkun l-ewwel ġimgħa tax-xahar. L-adorazzjoni tkun fil-Knisja Parrokkjali. Is-Sibt 2 ta’ Mejju jkun l-ewwel sibt tax-xahar. Ikollna l-quddiesa fl-4pm fil-Knisja l-Qadima u l-adorazzjoni tkompli sa 9pm.

MIC-CENTRU PARROKKJALI

FAMILY MOVIE NIGHT

IL-ĦADD 26 ta’ April fis-6.00pm fis-Sala taċ-Ċentru.

SERATA TA’ JUM L-OMM

Infakkru li għal sena oħra, iċ-Ċentru Parrokkjali tagħna ser itella’ serata fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm is-Sibt 9 ta’ Mejju, 2015. Min jixtieq jieħu sehem jikkuntattja l-Uffiċċju Parrokkjali 21554615 jew lil Pauline Buttigieg fuq 21561030.

FIERA TAL-KOTBA: Mill-Ħadd 3 sas-Sibt 9 ta’ Mejju fiċ-Ċentru Parrokkjali b’kotba sbieħ għat-tfal u kbar. Ħinijiet: Il-Ħadd mis-1 sa 5pm, mit-Tnejn sas-Sibt: 8.30am sa 2.30pm u 4-6pm.

GRAZZI Ewro Collection April €448.70. NN għas-Sagristiji €100. Grazzi mill-qalb.

WARA T-TBERIK TAL-FAMILJI TAGĦNA

Issa li t-Tberik tal-Familji tagħna wasal fi tmiemu, inroddu ħajr lill-Mulej għal din il-grazzja li tana mill-ġdid din is-sena u minn qalbna nirringrazzjaw lill-familji kollha li laqgħuna għandhom u fetħulna l-bibien ta’ djarhom biex stajna niltaqgħu, nitkellmu u nitolbu flimkien. Il-Parroċċa u l-Komunità Franġiskana nirringrazzjawkom ta’ kollox.

ILQA’ FI ĦDANEK

Ilqa’ fi ħdanek Mulej ir-ruħ għażiża ta’ Loreto Bartolo mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li mar jiltaqa’ mal-Ħallieq fil-21 ta’ April 2015 fl-eta’ ta’ 86 sena.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Carmena Ciantar toffri €20 b’suffraġju ta’ missierha Angelo Buttiġieġ  f’għeluq il-15-il sena mill-mewt tiegħu fit-28 ta’ April.

Mulej agħtih l-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 17 ta’ April 2015

Hemm mistoqsija fil-qalb ta’ ħafna: Għaliex Ġublew tal-Ħniena l-lum?

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Hemm mistoqsija fil-qalb ta’ ħafna: Għaliex Ġublew tal-Ħniena l-lum?  Sempliċement għax il-Knisja, f’dan il-waqt ta’ bidliet kbar epokali, hi msejħa toffri b’iżjed saħħa s-sinjali tal-preżenza ta’ Alla u ta’ kemm hu qrib tagħna.  Dan m’hux iż-żmien tad-distrazzjoni, imma għall-kuntrarju, hu ż-żmien li nibqgħu nishru u nsiru aktar kapaċi naraw x’inhu l-essenzjal.  Hu ż-żmien għall-Knisja biex terġa’ ssib is-sens tal-missjoni li l-Mulej fdalha f’idejha dak in-nhar tal-Għid: li tkun sinjal u strument tal-ħniena tal-Missier (ara Ġw 20:21-23).  U għalhekk is-Sena Mqaddsa jeħtieġ iżżomm ħajja fina x-xewqa li nagħrfu d-diversi sinjali tal-ħlewwa li Alla joffri lid-dinja kollha u fuq kollox lil dawk li qed ibatu, jinsabu waħidhom u abbandunati, u anki bla tama li jiġu maħfura jew li jħossuhom maħbuba mill-Missier.  Sena Mqaddsa biex inħossu qawwi fina l-ferħ li rġajna ġejna misjuba minn Ġesù, li bħal Ragħaj Tajjeb ġie biex ifittixna għax konna ntlifna.  Ġublew biex inħossu s-sħana ta’ mħabbtu meta jerfagħna fuq spallejh u jeħodna lura fid-dar tal-Missier.  Sena li fiha nħallu lill-Mulej Ġesù jmissilna qalbna u jibdilna bil-ħniena tiegħu, biex insiru aħna wkoll xhieda tal-ħniena.  Għalhekk dan il-Ġublew: għax dan hu ż-żmien tal-ħniena.  Hu ż-żmien it-tajjeb biex indewwu l-ġrieħi, biex ma negħjew qatt niltaqgħu ma’ dawk li qed jistennew li jaraw u jmissu b’idejhom is-sinjali ta’ kemm Alla jinsab qrib, biex noffru lil kulħadd, lil kulħadd, it-triq tal-maħfra u tar-rikonċiljazzjoni.

L-Omm tal-Ħniena Divina tiftħilna għajnejna, biex nifhmu l-impenn li għalih ġejna msejħa; u tiksbilna l-grazzja li ngħixu dan il-Ġublew tal-Ħniena b’xhieda fidila u għammiela.

XIRKA TAL-ISEM IMQADDES T’ALLA –

GĦELUQ TAL-KUNGRESS DJOĊESAN Il-Ħadd 19 ta’ April ġewwa l-Għasri.

Fil-5pm korteo bl-istatwa ta’ Ġesu’ r-Ragħaj it-Tajjeb. Programm fil-Knisja Parrokkjali. Messaġġ mill-ET Mons Isqof Mario Grech. Purċissjoni bis-SS Sagrament fil-Knisja, att ta’ riparazzjoni u Barka Sagramentali.

TBERIK TAL-FAMILJI TAGĦNA

Matul din il-ġimgħa jkompli t-Tberik tal-Familji tagħna. Kemm hu sabiħ li sa fejn hu possibli waqt il-ħin tat-tberik fid-dar ikun hemm il-membri kollha tal-familja. Il-programm għal din il-ġimgħa huwa hekk:

It-Tnejn 20 ta’ April  –  FILGĦAXIJA

Triq Borġ Għarib (mill-Familja Grech) għal Triq  Barumbara għal  Triq Latini

It-Tlieta 21 ta’ April – FILGĦAXIJA

Triq Ħamri minn Frankie Debono

L-Erbgħa 22 ta’ April – FILGĦAXIJA

a)Triq il-Ġnien mill-familja Xuereb sal-Familja Sammut

b)Triq Kemmuna u Triq Gudja

Il-Ħamis 23 ta’  April – FILGĦAXIJA

Triq Għajnsielem (Min-naħa ta’ Triq Mġarr)

Il-Ġimgħa  24 ta’ April – FILGĦAXIJA

Triq Ġużeppi Cali   (min-naħa ta’ Triq Bengħażi), Triq Gawwi, 26 ta’ Jannar u Triq Dun Franġisk Mizzi

Is-Sibt  25 ta’ April – FILGĦODU

Triq Bengħażi – Mill-familja Haber sal-Familja Sciberras

IL-ĠABRA GĦAL DAR ARKA kienet €645.

Grazzi mill-qalb.

GĦOTI TA’ DEMM    Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 19 t’April ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8am sas-1pm (l-aħħar reġistrazzjoni tista’ ssir sas-1pm).

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA

Nhar l-Erbgħa 22 ta’ April f’Lourdes Home mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Mons Ewkaristiku Sultana, kafè u tombla.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

It-talb għall-persuni kkonsagrati għal dan ix-xahar ser isir nhar is-Sibt 25 ta’ April, 2015 fil-knisja parrokkjali taż-Żebbuġ fis-7pm. Trasport mill-Pjazza bħas-soltu.

EWRO COLLECTION

Matul il-quddies kollu ta’ dan il-weekend il-ġbir kollu li jsir fil-knisja jkun b’risq il-festa tagħna. Inkunu ġenerużi. Fejn nistgħu nagħtu Ewro jew aktar.

ILQA’ FI ĦDANEK Missier Ħanin lil Joseph Galea mill-Komunità Parrokkjali tagħna li għadda għall-ħajja eterna fl-10 ta’ April 2015 fl-eta’ ta’ 84 sena.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Il-Kan. FR JOE CARDONA FL-AMERIKA

Fil-ġranet li ġejjin, il-Kan. Joe Cardona ser ikun ġewwa l-Amerika fuq żjara personali. Ser jieħu l-okkażjoni biex jiltaqa’ wkoll mal-emigranti tagħna ġewwa New York. Għalhekk ser iqaddes quddiesa apposta għall-emigranti tagħna f’Immaculate Conception Church, 414, East 14th Street New York City nhar il-Ħadd 26 ta’ April, 2015 fis-1.00pm. Tkun ħaġa sabiħa tavżaw lill-emigranti tagħna ġewwa New York b’din il-quddiesa u tħeġġuhom jiltaqgħu ma’ Fr. Joe.

RESTAWR TA’ OĠĠETTI TAL-FIDDA

Bħalissa, il-parroċċa qed tieħu ħsieb tirrestawra l-oġġetti tal-fidda li jintużaw għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Dan l-aħħar sar xogħol ta’ restawr u silver/gold plating fuq: salib tal-kleru (€400) u żewġ pissidi(€380 u €450). Min jixtieq ikollu sehem minn dan ix-xogħol u jkun jixtieq jagħti xi offerta, ikellem lill-Arċipriet. Il-pissidi tistgħu tarawhom fin-niċċa tal-Ecce Homo. Is-salib jintuża fil-quddies kantat.

MIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI

SERATA TA’ JUM L-OMM

Għal sena oħra, iċ-Ċentru Parrokkjali tagħna ser itella’ s-serata fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm. Din ser tkun nhar is-Sibt 9 ta’Ġunju, 2015. Min jixtieq jieħu sehem jikkuntattja l-Uffiċċju Parrokkjali 21554615 jew lil Pauline Buttigieg fuq 21561030.

FIERA TAL-KOTBA: Mil-1 sad-9 ta’ Mejju fiċ-Ċentru Parrokkjali b’kotba sbieħ għat-tfal u kbar.

IS-SEMINARJU JIRRINGRAZZJA

Lil dawk kollha li taw is-sehem tagħhom fil-ġbir waqt l-eżerċizzi fil-parroċċa tagħna. Is-somma miġbura laqħet €969.17. Grazzi mill-qalb

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Josephine Cordina toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ oħtha Maria Zammit.

Mulej agħtiha l-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 10 ta’ April 2015

BIEX NIRBĦU D-DINJA

Mulej, int ma ridtx tqum waħdek. Miegħek kienu mietu wkoll it-tamiet tal-Appostli, il-fidi fihom infushom, is-sens ta’ komunita’. U dan kollu erġajt irxoxtajtulhom immedjatament dak il-Ħadd filgħaxija, mal-ħaġra t-tajn. Ftaħtilhom il-bibien magħluqa, tajjartilhom il-biża’, tajthom il-paċi u l-Ispirtu tiegħek. Ħfirtilhom u bgħatthom jaħfru. Fejjaqthom bħala grupp u bħala individwi. U bnejthom f’komunita’: għamilthom qalb waħda u ruħ waħda b’tali mod li kollox kien jitqassam skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed. U kulħadd kien iġibhom ħafna.

U żgur Mulej li kulħadd kien iġibhom ħafna! Dan hu l-uniku mezz biex nirbħu d-dinja: li nħalluk tqum fina, li nħalluk tqajjimna, li nħalluk tidher u tinħass fina. Id-dinja għandha bżonn urġenti tal-preżenza ħajja tiegħek fina li nemmnu fik.

Int malajr taħfer Mulej, malajr tinsa, malajr terġa’ ssir ħabib tagħna. U ma tiġix lura b’idek f’idek. Tiġi b’dak li jagħtina l-ħajja tassew, bil-paċi u l-maħfra, bl-Ispirtu Mulej li jagħti l-ħajja.

Bħall-appostli Mulej irrid nagħti xhieda biex nirbaħ id-dinja: imma kabbarli l-fidi, neħħili l-biża’, għaqqadni ma’ ħuti f’komunita’ ta’ mħabba.

FESTA TAL-ĦNIENA DIVINA

Il-Ħadd 12 ta’ April hija l-festa tal-Ħniena Divina, festa li tkun iċċelebrata tmint ijiem fuq l-Għid. Fil-knisja tagħna jkollna s-siegħa tal-Ħniena Divina mill-4pm sal-5pm. Fil-5pm imbagħad ikollna l-quddiesa.

ĠUBLEW TAL-ĦNIENA

Is-Sibt 11 ta’ April, il-Papa Franġisku iwassal il-bolla li biha jħabbar il-Ġublew tal-Ħniena li ser jiftaħ nhar it-8 ta’ Diċembru, 2015 u jagħlaq nhar l-20 ta’ Novembru, 2016, Festa ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien Kollu. Il-ftuħ ta’ dan il-ġublew jaħbat mal-50 anniversarju mill-għeluq tal-Konċilju Vatikan II nhar it-8 ta’ Diċembru, 1965. Għalhekk ser ikun stedina lill-Knisja kollha biex tkompli twettaq l-opra mibdija permezz ta’ dan il-Konċilju.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex nhar it-Tlieta 14 t’April ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1pm sal-5pm (l-aħħar reġistrazzjoni tista’ ssir sal-5pm).

NGĦINU LIL DAR ARKA

Il-ġbir fil-quddies kollu tas-Sibt filgħaxija u tal-Ħadd 11 u 12 ta’ April ser ikun għal Dar Arka.

TBERIK TAL-FAMILJI TAGĦNA

Matul din il-ġimgħa jkompli t-Tberik tal-Familji tagħna. Segwu l-programm li bgħatnielkom. Grazzi talli tilqgħu lis-saċerdot ġewwa darkom.

TOMBLA

Ser issir tombla fiċ-Ċentru Sant’ Antnin il-Ħamis 16 ta’ April b’risq il-festa tal-qaddis. Nibdew fis-7.30pm.

KOR INGLIŻ FOSTNA

Nhar it-Tlieta li ġejja, 14 ta’ April, 2015, ser ikollna fosta kor Ingliz – Gresham’s Prep School Choir biex jagħti kunċert ta’ kant reliġjuż fil-knisja tagħna. Dan il-kunċert qed jittella’ mill-JP2 Foundation ad unur ta’ San Ġwanni Pawlu II fl-okkażjoni tal-10 anniversarju mill-mewt tiegħu.

XIRKA TAL-ISEM MQADDES T’ALLA

It-52 KUNGRESS Matul din il-ġimgħa jkunu jsiru diversi laqgħat ta’ tagħlim fid-Djoċesi tagħna fl-okkażjoni tal-Kungress tax-Xirka tal-Isem Mqaddes t’Alla. L-għeluq tal-Kungress ser ikun nhar il-Ħadd 19 ta’ April fil-5pm fil-Parroċċa tal-Għasri.

ĠABRA GĦALL-ARMAR TAL-FESTA

Mal-bullettin tal-ġimgħa li għaddiet waslilkom l-envelop biex tkunu tistgħu tagħtu l-offerta tagħkom lill-Għaqda tal-Armar. Dawn l-offerti tistgħu twassluhom jew lil xi membru tal-Għaqda tal-Armar jew titfgħuhom fil-letterbox tad-dar parrokkjali jew tal-maħżen tal-tal-armar.

ADORAZZJONI FIL-KNISJA L-QADIMA

Inħeġġukom għat-talb quddiem Ġesù Ewkaristija fil-Knisja l-qadima speċjalment bejn nofsinhar u s-2pm.

GRAZZI

Nixtiequ ngħidu grazzi kbira lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għenu biex bħala komunita’ parrokkjali stajna ngħixu b’mod sabiħ il-ġranet tar-Randan, tal-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir.

Grazzi u prosit lil dawk il-ħafna qlub ġenerużi li għenu fil-kampanja Oħloq Tbissima.

Il-ġabra għas-saċerdoti nhar Ħamis ix-Xirka kienet  €1228.

L-offerta għal Puttinu Cares li saret fil-quddiesa tat-twelid għas-sema taċ-ċkejkna Leah li saret nhar it-Tnejn 30 ta’ Marzu kienet €3500.

Grazzi lil NN Triq Mġarr: €100 għall-bini tas-sagristiji.

ĦIN TAL-QUDDIES

Infakkru li l-ħin tal-quddiesa ta’ filgħaxija mit-Tnejn sas-Sibt qed tkun fis-7pm.

ILQA’ FI ĦDANEK

Ilqa’ fi ħdanek Mulej ir-ruħ għażiża ta’ Ġużeppa Vella mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li mietet fl-1 ta’ April 2015 fl-eta’ ta’ 82 sena.

Ilqa’ fi ħdanek Mulej ir-ruħ għażiża ta’ Franġiska Attard mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li mietet nhar it-8 ta’ April 2015 fl-eta’ ta’ 90 sena.

Agħtihom  O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Marija Vella toffri €20 b’suffraġju ta’ żewġha Michael f’għeluq l-ewwel anniversarju mill-mewt tiegħu nhar it-12 ta’ April 2014.

Tonina Azzopardi toffri €20 b’suffraġju ta’ Toni Azzopardi f’għeluq l-20 sena mill-mewt tiegħu fil-11 ta’ April.

Mulej agħtihom il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 3 ta’ April 2015

L-GĦID IL-KBIR

Nagħmlu Festa!

Ebda festa tagħna Mulej ma tagħmel sens jekk mhux fl-isfond uniku ta’ din il-Festa. Għalhekk bir-raġun ngħollu tifħirna lejk, Sid il-Ħajja rebbieħ, l-Irxoxt.

Dan hu l-jum li għamilt int, Mulej: Ħa nifirħu u ħa nithennew fik.

Min ħaseb li l-qabar hu l-għamara tiegħek għal dejjem, mar żball ħafna, Mulej. Quddiemek elf sena huma bħal teptipa tal-għajn, aħseb u ara tlitt ijiem qosra. Ebda ġebla mhi kbira ħafna għalik. Ebda faxex ma jxekkluk tassew. Ebda għassiesa ma jistgħu jżommuk mejjet. Int ikbar minnhom ilkoll, Mulej. Int ikbar mill-bnedmin ta’ kull żmien li setgħu ħasbu li sikktuk, li qatluk, li difnuk darb’ għal dejjem. Mulej, bħalissa tidher imsikket, maqtul, midfun. Hawn diversi li huma kuntenti li sparixxejt, li ġejt imwarrab, li m’għadekx tiddomina.

Erġ’għamel waħda minn tiegħek, Mulej! Erġa’ tajjar il-faxex, il-ġebel kbir, l-għassiesa ta’ mewtek. Idher bħala s-Sultan rebbieħ u ibqa’ magħna biex qatt iżjed ma jasal biex jispiċċa l-jum. Ibqa’ magħna u erġa’ ibda kellimna fit-triq ħalli nħossu qalbna mħeġġa ġewwa fina. Din hi l-aqwa festa tagħna. Dan jagħtina kuraġġ fin-niket tagħna, qawmien mill-waqgħat tagħna, tama fil-ħajja ta’dejjem.

NAWGURAW L-GĦID IT-TAJJEB LIL KULĦADD

KRISTU QAM TASSEW!! Hallelujah! Hallelujah! QAM KIF KIEN QAL!! Hallelujah! Hallelujah!

Naħsbu f’ħutna l-Insara ppersegwitati u nitolbu għalihom. Għal Kristu għadhom ixerrdu demmhom anke llum.

SIBT IL-GĦID

Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum fil-knisja fit-8am.

Is-Siegħa tal-Omm fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu fid-9am. Dirett fuq Radju Lauretana.

8pm        IL-VELJA L-KBIRA TAL-GĦID. DIN HIJA L-QOFOL TAL-FESTI TAL-GĦID!

Nagħmlu l-impenn tagħna biex nattendu ħalli ngħixu flimkien il-ferħ tal-Irxoxt ta’ Kristu. Nistiednu lill-familji kollha b’mod speċjali dawk li għandhom ulliedhom għall-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof, liż-żgħażagħ, lil dawk li qed jippreparaw għall-ħajja taż-żwieġ.

L-GĦID HUWA L-IKBAR FESTA TAL-KNISJA

MIS-SEMINARJU TAL-QALB TA’ ĠESÙ

Din is-sena l-Ewwel Ħamis ta’ April kien ħamis ix-Xirka. Minħabba f’hekk il-Jum Adorazzjoni fil-Kappella tas-Seminarju ma sarx. Minnflok, din il-ġurnata talb għall-vokazzjonijiet u għarfien dejjem aktar sħiħ tal-Qaddej ta’ Alla, Dun Mikiel Attard, ħa ssir nhar il-Ħamis 9 ta’ April, b’dan il-programm:•6.30am Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum u Quddiesa mas-seminaristi. Wara tibda l-adorazzjoni.

  • 12.00pm Talb ta’ Nofs il-Jum.
  • 7.00pm Siegħa adorazzjoni animata mis-seminaristi, bit-talb tal-Għasar.
  • 9.45pm Talba t’Għeluq iil-Jum u Barka Sagramentali.

TBERIK TAL-FAMILJI TAGĦNA

Nhar it-Tnejn 6 ta’ April jibda t-Tberik tal-Familji tagħna. Segwu l-programm li bgħatnielkom mal-bullettin il-ġimgħa li għaddiet.

GRAZZI lil N.N. Triq Bengħażi €100, u lil Toni u Stella Attard ta’ Triq Cordina €200 għall-bini tas-sagristiji.

ILQA’ FI ĦDANEK Lil Leah Xuereb li twieldet għall-ħajja ta’ dejjem nhar is-Sibt 28 ta’ Marzu 2015 fl-età ta’ sitt snin

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 5 t’April (Ħadd il-Għid) ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:30am sas-1:30pm (l-aħħar reġistrazzjoni tista’ ssir sas-1pm).

MILL-KLABB TAL-FUTBOL

Il-kumitat t’Għajnsielem FC jixtieq javża li ser issir ikla l-Ġimgħa 10 t’April mis-7.30pm ‘l quddiem.  Għal aktar dettalji u biljetti kellmu lil xi membru tal-kumitat jew ċemplu fuq 99880879.

Il-Ħadd 12 t’April ser tiġi organizzata ġurnata attivitajiet fejn ser nibdew quddiesa fl-10am ġol-Knisja Arċipretali, wara ser issir l-inawgurazzjoni tal-monument quddiem il-każin u fis-2pm ser tintlagħab l-aħħar logħba tal-kampjonat ġewwa l-Gozo Stadium fejn wara ssir il-preżentazzjoni tat-tazza tar-rebħ tal-kampjonat tat-tieni Diviżjoni. Inħeġġu lil kulħadd biex jieħu sehem.

MINN QALBNA NIFIRĦU U NAWGURAW LIT-TEAM TAGĦNA GĦAR-REBĦ TAL-KAMPJONAT TAT-TIENI DIVIŻJONI U L-PROMOZZJONI GĦALL-EWWEL DIVIŻJONI

DĦUL FL-ISKOLA PRIMARJA TA’ GĦAJNSIELEM

Il-ġenituri li jixtiequ jirreġistraw lit-tfal tagħhom fil-Kinder 1 jistgħu jagħmlu dan sas-17 t’April 2015.  It-tfal iridu jkunu għalqu 3 snin sal-aħħar ta’ Diċembru, 2015. Il-ġenituri mitluba jġibu magħhom il-karta tal-identità taż-żewġ ġenituri u jiġu jimlew il-formola apposta.

RADJU LAURETANA

L-iskeda ridotta tal-Għid ta’ Radju Lauretana tiġi fit-tmiem tagħha l-Ħadd 5 ta’ April. L-iskeda li jmiss li hija marbuta mal-festa ta’ Sant’ Antnin tibda l-Ħadd 24 ta’ Mejju.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Josephine Attard toffri €20 b’suffraġju ta’ ommha Ġorġa Attard f’għeluq it-22 sena mill-mewt tagħha fl-10 ta’ April.

Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.