Monthly Archives: May 2015

Bullettin 29 ta’ Mejju 2015

IT-TRINITÀ QADDISA

X’Rikkezza ta’ Ħajja

Min jista’ jagħarfek u jifhmek Mulej? Tant int kbir li ebda moħħ ta’ bniedem ma jasal għal dan. Imn’Alla għedtilna xi ħaġa b’fomm Ibnek li kixfilna ftit mir-rikkezza tal-ħajja tiegħek. Quddiem il-ħajja ġewwenija tiegħek Mulej, jien niskot u nadura, naċċetta ċ-ċokon anzi x-xejn ta’ moħħi, numilja ruħi u nifraħ bil-kobor tiegħek.

Quddiem imġibtek magħna Mulej, ma nistax ma nimteliex b’sens ta’ gratitudni għal tant ġenerożita’, tant abbundanza, tant imħabba.

Nirringrazzjak Missier Qaddis għad-dinja kbira u sabiħa li ħlaqt għalina b’tant immaġinazzjoni, tant varjeta’, tant forom ta’ oġġetti u ta’ ħajjiet.

Nirringrazzjak Iben waħdieni tal-Missier il-mibgħut fostna li sirt xejn għalina, li sirt f’kollox bħalna barra d-dnub, li ma qgħadtx iżżommha ta’ Alla li kont, imma sa bkejt fuq il-mewt ta’ ħabibek, sa sofrejt l-għatx u l-ġuħ, sa nżilt taħslilna riġlejna.  U mitt kif twelidt: fit-tbatija, barra l-belt, fost il-ftit. Infaħħrek għall-Isem li hu fuq kull Isem, mogħti lilek mill-Missier għall-ubbidjenza tiegħek.

Nirringrazzjak Spirtu Qaddis, Mulej, li tagħti l-ħajja, għall-enerġija li tgħaddilna fis-Sagramenti, fl-ilħna profetiċi, fil-qdusija li tqajjem fina u madwarna.

Glorja lilek, Trinita’ Qaddisa u hienja. Ammen.

NITĦEJJEW GĦALL-FESTA TA’ CORPUS

Nhar il-Ħadd 7 ta’ Ġunju, nagħmlu l-festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu – CORPUS. Nitħejjew għaliha permezz ta’ viżta lil Ġesù Sagramentat TA’ KULJUM. Il-Ħadd 7 ta’ Ġunju, ikollna l-adorazzjoni fil-Knisja Parrokkjali min-nofsinhar sal-5pm xhin tibda l-Quddiesa Konċelebrata. Wara jkollna l-purċissjoni li tmur għal Triq Ħamri, fejn tingħata l-Barka Sagramentali u tkompli għall-Knisja ta’ Sant’Antnin.

LAQGĦA TAL-KUNSILL PARROKKJALI

Il-laqgħa li jmiss ser tkun nhar l-Erbgħa li ġejja, 3 ta’ Ġunju fil-5.30pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.

FESTA TA’ SANT’ANTNIN

Il-Ħadd 31 ta’ Mejju 2015

Fis-6am, 7am, 11am   Quddies

8.30am Pontifikal Solenni mmexxi mill-Eċċ Tiegħu Mons Mario Grech Isqof ta’ Għawdex

5.45pm Għasar

6.15pm Quddiesa mill-Arċipriet

Fis-7.30pm Purċissjoni bl-Istatwa devota ta’ Sant’ Antnin immexxija mill-Arċipriet

Fl-10.00pm Dħul tal-purċissjoni u Ċelebrazzjoni Ewkaristika

Il-festa kollha tixxandar fuq Radju Lauretana.

Nawguraw il-festa t-tajba lil kulħadd.

IT-TIENI GABRA GĦALL-FESTA PARROKKJALI

Mal-bullettin tal-ġimgħa li għaddiet waslilkom l-envelop għat-tieni ġabra bieb bieb għall-festa ta’ Ommna Marija Lawretana ta’ din is-sena. Il-voluntiera tal-parroċċa qed jiġu d-dar tagħkom u jiġbru l-envelop. Offerta mill-qalb u ġeneruża tkun tgħin biex ikollna festa sabiħa. Grazzi bil-quddiem tal-ġenerożità tagħkom.

IMMORRU TA’ PINU

B’talba ta’ persuna ser immorru s-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu t-Tnejn l-1 ta’ Ġunju. Tluq mill-pjazza fit-8.30am. Trasport imħallas.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 31 ta’ Mejju ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm (l-aħħar reġistrazzjoni tista’ ssir sas-1:00pm).

L-EWWEL ĠIMGĦA U SIBT TAX-XAHAR

Il-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju, l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali wara l-quddiesa tad-9am. Is-Sibt 6 ta’ Ġunju fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm rużarju u wara quddiesa. Imbagħad l-Adorazzjoni tissokta sad-9.30pm.

GRAZZI

Issa li t-tagħlim tal-katekiżmu tat-tfal tagħna wasal biex jispiċċa għal din is-sena, inwasslu r-rikonoxximent tagħna lill-katekisti kollha li ta’ kull ġimgħa, għal aktar minn darba, iwasslu l-messaġġ ta’ Kristu liż-żgħar tagħna. Filwaqt li nirringrazzjawhom f’isem il-parroċċa u l-Knisja, nitolbu għalihom u għall-familji tagħhom u biex ikollna aktar persuni li jagħtu minn ħinhom għal din l-opra qaddisa.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA

Ser isir nofs ta’ nhar għan-nisa f’Lourdes Home Għ’Sielem nhar l-Erbgħa 3 ta’ Ġunju mid-9.00am sa nofsinhar.  Ikun hemm qrar, quddiesa minn Patri Christopher Farrugia ofm, kafe’ u tombla.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Il-Familja Xuereb joffru €20 b’suffraġju ta’ M’Assunta Cassar f’għeluq is-sentejn mill-mewt tagħha fit-2 ta’ Ġunju u għal Kelinu Cassar.

Bullettin 22 ta’ Mejju 2015

L-Għid il-Ħamsin

Iftħilna l-bieb beraħ!

Min m’għandux l-Ispirtu tiegħek Mulej, ma jistax ikun tiegħek. Int kont tafu sew, dan, Mulej, u spiss wegħedt l-Ispirtu tiegħek lill-ħbieb tiegħek – Spirtu li kellu jkun l-avukat difensur, Dak li jfakkarhom kull m’għedtilhom int.

Mingħajr l-Ispirtu tiegħek fina Mulej lanqas għandna ħila nsejħu ismek. Imma bih fina, inkunu nistgħu inwarrbu l-biża’ u l-bibien magħluqa niffaċċjaw il-massa bit-toqol tagħha nagħarfu l-lingwaġġi li għandna nużaw biex il-messaġġ jasal, biex nikkomunikaw ma’ kulħadd, biex ngħaqqdu ħafna kulturi f’fidi waħda.

Erġ’ibagħtu Mulej l-Ispirtu tiegħek fuqna nsara ta’ llum li qed inħossuna iżolati, emarġinati, mitlufa. Ħa nerġgħu nilmħu dawk l-ilsna tan-nar fuq rasna biex bid-dawl tal-Ispirtu tiegħek nikkonvinċu ruħna mill-validita’ tal-messaġġ, mill-attwalita’ ta’ kliemek, mis-siwi ta’ tagħlimek.

Ħa nerġgħu nħossu madwarna, Mulej, dak il-ħoss bħal ta’ riħ qawwi li mela d-dar tal-ewwel Pentekoste biex iqajjimna min-ngħas u mill-għeluq tagħna, mill-iżolament li ddawwarna bih.

Ibgħat mill-ġdid Mulej l-Ispirtu tiegħek; imbagħad iftħilna l-bieb beraħ biex noħorġu niltaqgħu mal-folol, mal-kulturi differenti,mad-dinja għatxana għalik.

Jekk nikkomunikaw sew il-messaġġ tiegħek, Mulej, anki n-nies ta’ llum jibqgħu mibluhin u mistagħġbin, basta nitkellmu skont ma jagħtina l-Ispirtu.

Spirtu s-Santu ejja fina!

VELJA DJOĊESANA TA’ PENTEKOSTE

Mons Isqof Mario Grech ser imexxi l-Quddiesa tal-Viġili ta’ Pentekoste fil-Parroċċa ta’ Sannat is-Sibt 23 ta’ Mejju fis-7.30pm. Kulħadd huwa mistieden biex jattendu u jieħu sehem.

QUDDIESA FAMILJI Il-quddiesa tal-Ħadd 24 ta’ Mejju tal-10am tkun immexxija mill-familji. Stedina lill-membri kollha tal-familji tagħna biex jattendu u jipparteċipaw.

IX-XAHAR TA’ MEJJU

NITOLBU TA’ SPISS IR-RUŻARJU

L-EWWEL TQARBINA

Il-Ħadd 24 ta’ Mejju ser issir il-funzjoni tal-Ewwel Tqarbina. Fl-4.30pm it-tfal li ser jirċievu l-Ewwel Tqarbina jinġabru quddiem il-Knisja l-Qadima ħalli fil-4.45pm jitilqu f’purċissjoni lejn il-Knisja Parrokkjali fejn fil-5pm tibda l-funzjoni. Nawguraw lil dawn it-tfal f’dan il-jum tant għażiż għalihom u nitolbu biex il-preżenza ta’ Ġesu’ Ewkaristija f’ħajjithom ma tonqos qatt. Bħala komunita’ parrokkjali mistiedna naqsmu l-ferħ ta’ dawn it-tfal billi nattendu għall-funzjoni.

Decon Attard, Dosithee Attard, Justin Azzopardi,

Nielias Azzopardi, Duane Bugeja, Lara Buttigieg,

Nathan Camilleri, Tristan Camilleri, James Gauci,

Ciabhan Grech, Lucas Grech,Marisa Edris Grech,

Zach Grech, Clifford Grima, Elena Grima,

Kirsty Ann Grima, Reneè Mercieca,

Kendra Valerie Morales, Kimberly Pace

Jennifer Sammut, Kate Ann Scicluna, Kyle Spiteri

Matthew Spiteri, Matteo Vella, Nathan Vella,

Franklin Xuereb, Liam Zammit, Cleaven Zerafa

Nifirħu magħhom u nitolbu għalihom.

RADJU LAURETANA  L-iskeda marbuta mal-festa ta’ Sant’ Antnin qed titqassam ma’ dan il-bullettin. Segwu l-programmi kollha fuq il-frekwenza 89.3FM u fuq l-internet www.radjulauretana.com.

GĦOTI TA’ DEMM Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 26 ta’ Mejju ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1pm sal-5pm.

IT-TIENI GABRA GĦALL-FESTA PARROKKJALI

Ma’ dan il-bullettin qed jaslilkom l-envelop għat-tieni ġabra bieb bieb għall-festa ta’ Ommna Marija Lawretana ta’ din is-sena. Il-voluntiera tal-parroċċa jgħaddu biex jiġbruhom fil-ġranet li ġejjin. Offerta mill-qalb u ġeneruża tkun tgħin biex ikollna festa sabiħa. Grazzi bil-quddiem.

GRAZZI Lil NN. €10 u NN – €50 għar-restawr tal-pissidi. €50 mill-bott ta’ Tony’s Bar.

Mill-bott ta’ Blue Anchor Bar €17.63.

FESTA TA’ SANT’ ANTNIN

Is-Sibt 23 ta’ Mejju jibdew il-festi ad unur dan il-qaddis fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani. Insegwu l-programm li wasslilkom l-ġimgħa li għaddiet u nattendu għall-funzjonijiet li ser isiru fil-Knisja u anke l-attivitajiet l-oħra marbuta mal-festa. Għall-benefiċċju tal-morda u l-anzjani Radju Lauretana jwassal b’mod dirett il-funzjonijiet kollha.

RUŻARJU FIT-TOROQ MATUL MEJJU

Il-Leġjunarji ta’ Marija jistednuk biex tingħaqad magħhom għat-talba tar-rużarju li qed jorganizzaw fit-toroq tagħna: it-Tlieta fil-5pm – Pjazza Tolfa, u  l-Ħamis fil-5pm fi Triq il-Qiegħan.

TA’ PINU – Nhar l-ERBGĦA LI ĠEJJA

TIFKIRA TAL-25 SENA MILL-MIĠJA TAL-PAPA ĠWANNI PAWLU II F’GĦAWDEX

U MERĦBA UFFIĊJALI LILL-ARĊISQOF TA’ MALTA MONS. CHARLES J. SCICLUNA

Nhar l-Erbgħa li ġejja, 27 ta’ Mejju, 2015,

Fil-4.30p.m. Tberik u Inawgurazzjoni tal-Musajċi l-ġodda mal-faċċata tas-Santwarju mill-Isqfijiet Mons. Mario Grech u Mons. Charles J. Scicluna.

fil-5.00p.m. Konċelebrazzjoni mmexxija mill-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna flimkien mal-Isqof Mario Grech u l-Kleru Għawdxi.

It-trasport mill-Pjazza tagħna ser ikun fl-4.30pm. (nhar l-Erbgħa li ġejja biss).

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Pawla Haber toffri €20 b’suffraġju ta’ Frenċu Haber f’għeluq it-23 sena mill-mewt tiegħu fl-24 ta’ Mejju 2015.
  • Loreta Azzopardi toffri €20 b’suffraġju ta’ żewġha Alfred Azzopardi f’għeluq il-ħames snin mill-mewt tiegħu fis-26 ta’ Mejju 2015.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 15 ta’ Mejju 2015

IT-TLUGĦ FIS-SEMA:

Lil Hinn mill-Qabar

Lanqas hemm fuq ma nsejtna Mulej, għax mort biex tħejjilna post ħdejk ħalli fejn ikun hemm int inkunu aħna wkoll. U sakemm nibqgħu hawn fid-dinja tibqa’ twettaq il-ħidma tagħna bl-għeġubijiet tiegħek ħalli mmorru fl-ambjenti kollha, fl-oqsma diversi, f’kull direzzjoni inxandru l-imħabba tiegħek lil kulħadd.

Mulej, int ma tridniex nintrabtu żżejjed mad-dinja, ma’ l-issa, ma’ dak li jgħaddi. M’għandniex hawn għamara li tibqa’. Tridna nerfgħu qlubna ‘l fuq għax aħna pajżani tas-sema pajjiżna mnejn nistennewk ġej mill-ġdid bħala s-Salvatur waħdieni tagħna.

Imma fi triqtna lejk Mulej, lanqas  tridna nitraskuraw id-dinja bl-iskuża li qed inħarsu lejn is-sema. Int bgħattna fid-dinja nxandru lill-ħolqien kollu, nistennewk sa ma terġa’ tiġi.

Għallimni Mulej napprezza s-sema bla ma niddisprezza d-dinja, naħdem l-eternita’ fiż-żmien, insebbaħ l-uman bid-divin. Bil-miġja tiegħek fid-dinja, Mulej, int kabbartilna d-dinjita’ tagħha.

Bit-tlugħ mill-ġdid tiegħek fi ħdan il-Missier, int wessajtilna l-viżjoni tagħna u wassaltha lil hinn mill-qabar, lil hinn mit-tmiem, lil hinn mill-uman.

Għinni naħdem għal dinja aħjar bla ma ninsa li l-aħjar hu ħdejk!

TALB GĦAL PERSUNI KKONSAGRATI

Dan ikun is-Sibt 16 ta’ Mejju, 2015 fil-Bażilika ta’ San Ġorġ mis-7pm sad-9pm. Trasport mill-Pjazza fis-6.30pm.

OFFERTI GĦALL-VITTMI TAT-TERREMOT FIN-NEPAL

Il-ġbir li ser isir fil-quddies tas-Sibt u l-Ħadd 16 u 17 ta’ Mejju, fil-parroċċa tagħna ser ikun għall-vittmi tat-terremot fin-Nepal.

IX-XAHAR TA’ MEJJU

             NITOLBU TA’ SPISS IR-RUŻARJU

Programm tal-Festa ta’ Santa Rita

Fil-Kappella tas-Sorijiet Agostinjani

It-Tlieta 19, l-Erbgħa 20 u l-Ħamis 21 ta’ Mejju

5.30pm     Rużarju u Kurunella

6.00pm     Quddiesa bl-omelija minn Patri Diegu Thewma OFM Kap u  Barka Sagramentali.

Il-Ġimgħa 22 ta’ Mejju

7.00am     Quddiesa bit-tifħir ta’ sbiħ il-jum bit-Te Deum immexxija mill-Arċipriet.

11.00am   Quddiesa bil-preżentazzjoni u t-tberik tat-tfal immexxija mill-Gwardjan Parti Joe Xerri OFM Conv.

5.30pm     Rużarju u Kurunella

6.00pm     Quddiesa mmexxija minn Mons Giovanni Bosco Gauci li jinseġ ukoll il-paniġierku. Barka Sagramentali u bews tar-relikwija.

RADJU LAURETANA

L-iskeda marbuta mal-festa ta’ Sant’ Antnin tibda l-Ħadd 24 ta’ Mejju. Mal-bullettin tal-ġimgħa d-dieħla titqassam l-iskeda.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 17 ta’ Mejju ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm (l-aħħar reġistrazzjoni tista’ ssir sas-1:00pm)

RUŻARJU FIT-TOROQ MATUL MEJJU

Il-Leġjunarji ta’ Marija jistednuk biex tingħaqad magħhom għat-talba tar-rużarju li qed jorganizzaw fit-toroq tagħna:

it-Tlieta fil-5pm – Pjazza Tolfa,

it-Tlieta fil-5.30pm – Triq Malta kantuniera ma’ Triq Kemmunett u  l-Ħamis fil-5pm fi Triq il-Qiegħan

LAQGĦA TAL-KUNSILL PARROKKJALI

Din tkun nhar l-Erbgħa li ġejja, 20 ta’ Mejju fil-5.00 pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ

Lil M’Assunta Galea li ttajret għal għandek nhar il-11 ta’ Mejju, 2015 fl-għomor ta’ 88 sena.

Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

L-URNA BIR-RELIKWIJI TA’ SAN ĠWANN BOSCO F’GĦAWDEX

Fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjonijiet li qed isiru din is-sena f’għeluq il-200 sena mit-Twelid tal-Patrun tat-Tfal u  ż-Żgħażagħ il-Ħadd 17 ta’ Mejju se tasal f’Għawdex l-Urna (Monument) ta’ San Ġwann Bosco bir-relikwiji tiegħu. Il-programm taż-Żjara f’Għawdex ta’ din l-Urna tqassam mal-bullettin tal-ġimgħa li għaddiet. Inħeġġukom tieħdu sehem, b’mod speċjali fil-Korteo li se jakkumpanja l-Urna fl-10.00am minn Triq ir-Repubblika (ir-Rabat) sal-Oratorju Don Bosco, kif ukoll fil-Quddiesa Solenni li se ssir Ta’ Pinu fil-5.00pm u li se tixxandar diretta fuq TVM 2.

FESTA TA’ SANT’ ANTNIN

Mal-bullettin qed jitqassam il-programm tal-festa ta’ Sant’ Antnin. Insegwu l-programm ġurnata b’ġurnata u fejn nistgħu nieħdu sehem fil-funzjonijiet kollha li ser isiru.

Il-Komunità Franġiskana tirringrazzja lil dawk kollha li taw l-offerta tagħhom fil-ġabra li saret bieb bieb għall-festa ta’ Sant’Antnin. Din kienet: Triq Sant’Antnin u toroq fil-Gudja €1415, il-bqija tar-raħal – €3267. Grazzi mill-qalb.

RESTAWR TA’ OĠĠETTI TAL-FIDDA

Min jixtieq ikollu sehem minn dan ix-xogħol, ikellem lill-Arċipriet. Il-pissidi l-lesti qegħdin fin-niċċa tal-Madonna ta’ Loreto. Għandna oħrajn li jrid isir xogħol fuqhom.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Il-familja Camilleri joffru €20 b’suffraġju ta’ Alfred Camilleri f’għeluq il-25 sena mill-mewt tiegħu u għal Carmela Scicluna f’għeluq il-31 sena mill-mewt tagħha.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 8 ta’ Mejju 2015

Is-SITT ĦADD TAL-GĦID

Aħna l-Ferħ Tiegħu!

Mulej, wasalt biex tmur mill-ġdid għand il-Missier, il-mira dejjiema tiegħek. Imma tidher li bqajt miġbud wisq lejna l-bnedmin. Int il-mibgħut speċjali tal-Missier fid-dinja biex tikxfilna mħabbtu lejna. Ma sejjaħtilniex qaddejja, avolja aħna qaddejja li ma niswew għal xejn. Sejjaħtilna ħbieb: għarraftna ħwejjeġ ta’ ġewwa. Int ħabbejtna qabel ħabbejnik aħna. Tixtieq li l-ferħ tagħna jsib il-milja tiegħu fik: U b’mod misterjuż trid issib il-ferħ tiegħek fina.

X’taralna Mulej, li jista’ jferrħek? X’għandna li ma qlajnihx mingħandek? X’aħna li m’għamiltux int? Sadattant kemm nixtieq nagħtik dan is-sodisfazzjon li nkun il-ferħ tiegħek, li mmur fejn tibgħatni, li nagħmel frott li jibqa’. Kemm nixtieq, biex inferrħek, li nibqa’ fl-imħabba tiegħek, li nħobb lil ħuti kollha huma min huma, jaħsbuha kif jaħsbuha.

Agħmilni nixbah lilek, Mulej. Int Alla li tħobb lil kulħadd bla ma tħares lejn l-uċuh. Int Alla li tibgħat ix-xita u ttella’ x-xemx bla diskriminazzjoni bejn il-bnedmin. Imn’alla ħallejthom f’idejk Mulej, għax kieku min jaf x’diżastru!

Erġa’ ibgħatna Mulej bi spirtu mġedded, b’imħabbtek f’qalbna, bil-qawwa tal-qawmien, ħalli nibnu soċjeta’ fejn is-solidarjeta’ tkun realta’ mhux għajta.

RUŻARJU FIT-TOROQ TUL MEJJU

Il-Leġjunarji ta’ Marija jistednuk biex tingħaqad magħhom fit-talba tar-rużarju li qed jorganizzaw fit-toroq tagħna. Pjazza Tolfa – it-Tlieta fil-5pm.

Triq Malta kantuniera ma’ Triq Kemmuna – it-Tlieta fil-5.30pm

Triq il-Qiegħan   – Il-Ħamis fil-5pm

EWRO COLLECTION

Fil-quddies ta’ dan il-weekend, il-ġabra fil-knisja tkun b’risq il-festa titulari tagħna. Inkunu ġenerużi. Fejn nistgħu nagħtu Ewro jew aktar. Grazzi ta’ kull għajnuna.

JUM L-OMM

Il-Ħadd 10 ta’ Mejju qed infakkru Jum l-Omm. Niftakru fl-ommijiet tagħna ħajjin u dawk li diġa’ daħlu fl-eternità. Iċ-ċimiterju bħal kull nhar ta’ Ħadd ikun miftuħ għal min ikun jixtieq jagħmel żjara.

SERATA JUM L-OMM

Infakkru li s-Sibt 9 ta’ Mejju, 2015 Iċ-Ċentru Parrokkjali tagħna ser itella’ serata fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm. Tibda fis-7.30pm. Biljetti (€3)  mill-bar taċ-Ċentru.  Ser tkun serata sabiħa u  varjata b’kant, mużika u żewġ plays sbieħ. Okkażjoni sabiħa għall-familji kollha.

QUDDIESA F’TA’ PINU  Il-Ministeru għal Għawdex b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju għall-Anzjani ser jorganizza quddiesa għall-anzjani kollha fl-okkazjoni ta’ Jum L-omm, il-Ħadd 10 ta’ Mejju fis-Santwarju ta’ Pinu fl-10am. Trasport mill-Pjazza fid-9.00am.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Dan ser ikun nhar is-Sibt 16 ta’ Mejju, 2015 fil-Bażilika ta’ San Ġorġ mis-7 sad-9pm. Trasport mill-Pjazza fis-6.30pm.

QUDDIESA ANIMATA MIŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Il-quddiesa tal-10am ta’ llum il-Ħadd 10 ta’ Mejju tkun animata miż-żgħażagħ. Inħeġġu liż-żgħażagħ u l-adoloxxenti biex jieħdu sehem attiv.

GRAZZI

Is-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl tixtieq tirringrazzja mill-qalb lill-poplu ta’ Għajnsielem għal ġenerożita’ kbira li urew mal-foqra tal-Peru’ fil-Kampanja Oħloq Tbissima. Kunu żguri li dawn in-nies ser jiftakru ħafna fikom fit-talb tagħhom. Grazzi.

L-ERBGĦAT TA’ SANTA MARIJA

Ikomplu l-Erbgħat bi preparazzjoni għall-festa ta’ Santa Marija. Il-parroċċa tagħna qed torganizza trasport għas-Santwarju Ta’ Pinu filgħodu u anke filgħaxija. Filgħodu l-karozza titlaq fl-4.30 am u filgħaxija fil- 4.50pm.

TOMBLA b’risq il-festa ta’ Sant’ Antnin il-Ġimgħa 15 ta’ Mejju fis-7.30pm fiċ-Ċentru Sant’ Antnin.

IX-XAHAR TA’ MEJJU

             NITOLBU TA’ SPISS IR-RUŻARJU

FESTA TA’ SAN ĠUŻEPP

Illum il-Ħadd 10 ta’ Mejju qed niċċelebraw il-festa ta’ San Ġużepp. Fil-5pm fil-Knisja jkollna l-Konċelebrazzjoni bil-prietka dwar il-qaddis minn Mons Ġużeppi Cauchi u bis-sehem tal-orkestra. Wara l-quddiesa toħroġ il-purċissjoni akkumpanjata mill-Banda San Ġużepp. Inħeġġu lill-fratelli biex jakkumpanjaw. Wara l-purċissjoni Ċelebrazzjoni Ewkaristika li tagħlaq bil-Barka Sagramentali.

Inħeġġu lill-Fratelli u lid-devoti kollha ta’ San Ġużepp biex jakkumpanjaw il-purċissjoni.

ĦAMISIJIET TA’ SANTA RITA

Ikomplu kull nhar ta’ Ħamis fil-kappella tas-Sorijiet Agostinjani. Fis-6.30pm rużarju, kurunella u barka sagramentali. Fis-7pm quddiesa li fiha jkun amministrat is-Sagrament tal-Griżma tal-Morda.

Din is-sena l-festa ta’ Santa Rita tkun iċċelebrata l-Ġimgħa 22 ta’ Mejju.

IMMORRU L-QALB TA’ ĠESÙ

Fl-okkażjoni tas-sena tar-reliġjużi, is-sorijiet Agostinjani tagħna ser ikunu l-mistiedna għall-quddiesa tal-Ġimgħat tal-Qalb ta’ Ġesù fil-Knisja tal-Fontana. Din il-quddiesa tkun fis-7pm u ser titmexxa mill-Arċipriet tagħna Dun Frankie Bajada. Min jixtieq jiġi, ikellem lis-sorijiet.

GĦAJNUNA

Familja li toqgħod f’Għajnsielem għandna bżonn pushchair. Jekk xi ħadd jista’ jgħin, ikellem lill-Arċipriet.

RESTAWR TA’ OĠĠETTI TAL-FIDDA

GRAZZI Familja minn Triq il-Ġnien €300. Min jixtieq ikollu sehem minn dan ix-xogħol, ikellem lill-Arċipriet. Il-pissidi l-lesti qegħdin fin-niċċa tal-Madonna ta’ Loreto. Għandna oħrajn li rridu nagħmlu wkoll xogħol fuqhom.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex nhar it-Tlieta 12 ta’ Mejju ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm (l-aħħar reġistrazzjoni tista’ ssir sal-5:00pm).