Monthly Archives: June 2015

Bullettin 19 ta’ Ġunju 2015

ĠUNJU

Ix-Xahar tal-Qalb ta’ ĠESU’

Sal-Aħħar Qatra

Kemm għandna bżonn, Mulej, illum  inħossuk qrib tagħna, jimpurtak minna, dejjem lest tfarraġna! Int il-Mulej li tgħallimna nimxu, terfagħna f’dirgħajk, tiġbidna lejk b’rabtiet ħelwin, tmil lejna u titmagħna. Kif jista’ jkun twarrabna u terħina? Kif jista’ jkun iġġibna fix-xejn? Kif tista’ ma trażżanx il-korla mħeġġa tiegħek għalina meta nonqsuk fid-dgħufija tagħna?

Int Mulej, timliena bil-ferħ u bis-salvazzjoni, bil-maħfra u bil-komprensjoni, bi-qawwa u bil-konsolazzjoni. Int tiftħilna t-teżori bla qies ta’ mħabbtek f’qalbek midruba bi dnubietna. Fik insibu l-ħila nersqu b’fiduċja lejn il-Missier. Fil-wisa’ u t-tul, l-għoli u l-fond ta’ mħabbtek aħna nsiru l-veru għerf. Imma boloh li aħna, Mulej, xorta ninfdulek ġenbek bil-lanez tal-indifferenza, tal-ingratitudni, tal-oppożizzjoni tagħna u int tibqa’ tħobbna qisu qatt ma kien xejn: sal-aħħar qatra ta’ demm u ilma.

Ikkonvertina, Mulej, minn din l-imġiba bla sens tagħna. Wara l-esperjenza li għandna tiegħek ta’ mħabba li rajna b’għajnejna u messejna b’idejna, agħmilna xhieda ta’ min jorbot fuqha tal-verità ta’ mħabbtek għalina, tal-ħajr u tal-qima tagħna lejk. Agħtina qalb ġdida li tħobb lilek bis-serjetà li tistħoqqlok u lill-proxxmu kif ħabbejtna int.

QALB TA’ ĠESU’ JIENA NAFDA FIK

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex li nhar it-Tlieta 23 ta’ Ġunju ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1:00pm sas-5:00pm (l-aħħar reġistrazzjoni ssir sal-5:00pm).

GRAZZI lill-familji Grech u Żammit għall-għotja ta’ €1000 għall-proġett tal-orgni b’suffraġju tal-għażiż tagħhom Ġanni Grech.

Lill-Voluntiera kollha li jgħinu fit-tombla li ssir kull nhar ta’ Ħadd fiċ-Ċentru Parrokkjali u lil dawk li jattendu.

MASSIMO BUTTIGIEG fl-Ordinazzjoni Djakonali

Is-Sibt 20 ta’ Ġunju, waqt Konċelebrazzjoni mmexxija mill-E.T. Mons Isqof Mario Grech fil-Kattidral tagħna ta’ Għawdex, ser issir l-Ordinazzjoni ta’ tliet Djakni ġodda – Joseph Attard (mill-parroċċa taż-Żebbuġ), Massimo Buttigieg (mill-parroċċa tal-Kattidral) u Mario Curmi (mill-parroċċa tax-Xagħra).

Tajjeb li nakkumpanjaw lil dawn iż-żgħażagħ ġenerużi mal-Mulej permezz tat-talb tagħna. Min jista’, tkun ħaġa sabiħa nattendu għal din l-ordinazjoni li tibda fis-6.00pm fil-Kattidral.

Massimo Buttigieg bħalissa qed jagħmel l-esperjenza pastorali fil-parroċċa tagħna u bl-għajnuna t’Alla jkun magħna wkoll is-sena d-dieħla.

Nifirħu magħhom, mas-seminarju tagħna, mal-familji tagħhom u NITOLBU ĦAFNA għalihom ħalli jkomplu jkunu ġenerużi ma’ Kristu u mal-Knisja tiegħu.

Id-Djakonat, fil-mixja lejn is-Saċerdozju, huwa l-aħħar tarġa qabel l-ordinazzjoni saċerdotali.

Id-Djaknu, iwassal il-Kelma t’Alla bl-evanġelju u l-predikazzjoni, l-Ewkaristija fit-tqarbin u jgħin fil-qadi ta’ dawn iż-żewġ ministeri kbar fil-Knisja.

NITOLBU ĦAFNA LILL-MULEJ

U lil Ommna Marija

GĦAL AKTAR VOKAZZJONIJIET SAĊERDOTALI

Il-Ħadd 21 ta’ Ġunju, id-djaknu l-ġdid jiġi ppreżentat quddiem il-komunità parrokkjali tagħna fil-quddiesa tat-8 a.m.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI nhar is-sibt 27 ta’ Ġunju, 2015 fil-Knisja ta’ San Lawrenz mis-7 sad-9 pm. Trasport mill-Pjazza fis-6.30pm.

MIĊ-ĊENTRU PARROKKJALI

Miż-Żgħażagħ tagħna: CARWASH

Nhar l-Imnarja, 29 ta’ Ġunju, 2015 mit-8am sa nofsinhar fuq iz-zuntier tal-knisja parrokkjali.

NIGHTFUN GAMES

Reġgħet waslet edizzjoni oħra ta’ dan il-logħob ferm sabiħ għat-tfal u l-adoloxxenti tagħna organizzat miż-żgħażagħ tagħna. Applikazzjonijiet u dettalji mill-Uffiċċju Parrokkjali.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ

Sieħeb Mulej fil-Liturġija tas-Sema lis-saċerdot Dun Karm Cassar mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li daħal fl-eternita’ nhar it-12 ta’ Ġunju 2015 fl-għomor ta’ 93 sena.

Dun Karm kien saċerdot eżemplari u twajjeb. Ħadem u stinka f’diversi oqsma permezz ta’ bosta mezzi. Ma niżbaljawx jekk ngħidu li l-qasam li tant kien għal qalb Dun Karm kien dak tal-vokazzjonijiet. Nitolbu aktar u nagħmlu xi sagrifiċċju biex ikollna aktar vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi fil-parroċċa tagħna.

Mulej, agħtih il-mistrieħ ta’ dejjem.

FIL-KNISJA TA’ LOURDES

Matul l-Erbgħat tal-Madonna, qed ikun hemm quddiesa fis-6pm

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Il-familja Grech u Zammit joffru €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Ġanni Grech f’għeluq is-sentejn mill-mewt tiegħu fis-26 ta’ Ġunju.

Mulej, agħtih il-mistrieħ ta’ dejjem.

HEMM DIVERSI MODI U OKKAŻJONIJIET LI FIHOM TISTA’ TGĦIN LILL-KNISJA FIL-MISSJONI  TAGĦHA. AĦSEB FTIT KIF TISTA’ TKUN PARTI MINN DIN IL-ĦIDMA KBIRA.

Bullettin 12 ta’ Ġunju 2015

IT-TIENI ĦADD MATUL IS-SENA

NISTAQSI U NIMXI

Mulej agħmel li ma nieqaf qatt nistaqsi, nimxi fi triqti lejk. Għallimni nibqa’ nistaqsi ħajti kollha: Għalfejn sejjaħtli? Xi trid sew minni fiċ-ċirkustanzi preżenti? X’qed tippretendi minni? Meta tinħbieli xi ftit agħmel li nibqa’ nistaqsik: Fejn tgħammar, Mulej? Fejn nista’ nerġa’ nsibek u nħossok? Noqgħod ftit miegħek? U niskopri li int m’għandekx fejn tmidd rasek, m’għandekx għamara fissa, dejjem miexi kif rak Ġwanni llum. U int tridni Mulej dejjem nistaqsi u nfittex, nilħmek u nimxi.

Trid tarani miexi warajk bħalma rajt iż-żewġ dixxipli ta’ Ġwanni. Tridni niġi u nara. Tridni mmur infittex lil ħija biex irressqu lejk, biex nersqu lejk flimkien. Miegħek Mulej m’hemmx waqfien, m’hemmx irqad, m’hemmx vaganzi. Mixja kontinwa. Min iqiegħed idejh fuq il-moħriet u jħares lura mhux tajjeb għal miegħek.

Żommni miexi Mulej, basta warajk. Inkellna naħli żmien u enerġija nissogra li niżbalja d-direzzjoni. Fakkarni nistaqsi minn żmien għall-ieħor fejn qiegħed sew int: biex nimxi biss fid-direzzjoni tiegħek, biex inħajjar oħrajn jersqu lejk, biex nagħraf sew għalfejn qed issejjaħli.

EWRO COLLECTION

Il-ġbir li jsir waqt il-quddies kollu ta’ dan il-weekend ikun b’risq il-festa titulari tagħna. Ngħinu mill-qalb. Fejn nistgħu nagħtu Ewro jew aktar. Grazzi tal-ġenerożita’ tagħkom.

MIXJA TĦEJJIJA GĦAŻ-ŻWIEĠ NISRANI…

LAQGĦA GĦALL-ĠENITURI

Bħala parti mill-mixja għall-ħajja taż-żwieġ li torganizza l-parroċċa flimkien mal-Kummissjoni Djoċesana għall-Familja, ser issir laqgħa apposta għall-ġenituri tal-għarajjes li qed jitħejjew biex jidħlu għaż-żwieġ nisrani. Din ser tkun fiċ-Ċentru Parrokkjali l-Ġimgħa li ġejja 19 ta’ Ġunju fit-8.00pm. Inħeġġu lil dawn il-ġenituri biex jattendu.

DUN KARM CASSAR IMUR JILTAQA’ MAL-MULEJ

Il-Ġimgħa 12 ta’ Ġunju, Festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, Dun Karm Cassar, ittajjar għal ħajja ġdida fi ħdan il-Mulej li lilu serva bħala saċerdot tal-Knisja tiegħu.

Il-Funeral tiegħu ser ikun nhar it-Tlieta li ġejja 16 ta’ Ġunju b’dan il-programm:

2.30pm: Ikun espost fil-Knisja l-Qadima.

4.30pm: Talb tas-Salmi fil-Knisja l-Qadima.

4.45pm: Korteo għall-Knisja Parrokkjali

5.00pm: Quddiesa Kkonċelebrata mmexxija mill-E.T. Mons Isqof Mario Grech.

Radju Lauretana, b’permess speċjali, nhar it-Tlieta 16 ta’ Ġunju ser ikun ixandar minn filgħodu sal-ħin tal-funeral.

TĦEJJIJA GĦALL-GRIŻMA TAL-ISQOF

Bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-Griżma tal-Isqof li ser issir nhar il-Ħadd 5 ta’ Lulju, 2015 fil-5pm, ser ikollna dawn il-laqgħat ta’ tħejjija.

  • Il-Ħamis 18 ta’ Ġunju – fl-4.30pm: Laqgħa għall-istudenti tal-Griżma kollha flimkien fiċ-Ċentru Parrokkjali. Fil-5.00pm Laqgħa għall-ġenituri u l-parrini fiċ-Ċentru wkoll. Wara l-laqgħa jingħataw l-ilbiesi li jintużaw fiċ-ċerimonja.
  • Is-Sibt 27 ta’ Ġunju: Nofs ta’ nhar ta’ tħejjija spiritwali għall-Griżma. Nibdew fit-8.30am.

FIL-KNISJA TA’ LOURDES

Matul l-Erbgħat tal-Madonna, ser ikun hemm quddiesa fis-6pm.

MILL-AZZJONI KATTOLIKA FERGĦA NISA

Il-laqgħat tal-Azzjoni Kattolika fergħa nisa Għajnsielem issa waqfu għas-sajf.  Matul dawn ix-xhur din il-fergħa xorta tkompli tiltaqa’ għall-adorazzjoni tal-ewwel ġimgħa tax-xahar wara l-quddiesa tad-9 am fil-Knisja Parrokkjali.

ĠURNATA EWKARISTIKA FL-ISKOLA PRIMARJA

Nhar il-Ġimgħa li ġejja, 19 ta’ Ġunju ser tkun ġurnata sabiħa għat-tfal li jattendu l-Iskola Primarja Kulleġġ ta’ Għawdex Anton Cassar fir-raħal tagħna. Wara l-quddiesa fil-bidu tal-ġurnata skolastika, it-tfal ser ikollhom l-adorazzjoni fl-iskola stess. Il-ġurnata tagħlaq bil-barka sagramentali li għaliha huma mistiedna wkoll il-ġenituri. Wara mbagħad ikunu jistgħu jiġbru t-tfal.

Il-ġenituri jsegwu l-avviżi li jingħatawlhom mill-iskola matul din il-ġimgħa.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 14 ta’ Ġunju ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm (l-aħħar reġistrazzjoni tista’ ssir sas-1:00pm).

KORSIJIET INTERESSANTI U UTLI

Fl-ewwel ġimgħatejn ta’ Lulju, permezz tal-korsijiet offruti mill-Iskola ta’ Formazzjoni għall-Familja, il-Kummissjoni Djoċesana Familja (Għawdex) qed toffri okkażjoni oħra ta’ tagħlim bil-għan li nkomplu nsaħħu l-familji tagħna. Mal-bullettin ta’ ġimgħatejn ilu kienet waslitilkom formula tal-applikazzjoni għat-tliet korsijiet li ser ikunu qed jiġu offruti bejn id-29 ta’ Ġunju u l-11 ta’ Lulju: Kors A: Kif nikbru bħala koppja u kif inġibu ruħna ma’ wliedna?  Kors B: X’ifisser iż-żwieġ sagrament u l-Liġi dwar iż-żwieġ.  Kors C:  Kif inkun naf aktar lili nnifsi u kif immexxi grupp?

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ

Lil Carmela Galea li inti sejjaħtilha għal għandek minn ħdan il-kommunità parrokkjali tagħna nhar il-25 ta’ Mejju, 2015.

Mulej, agħtiha l-mistrieħ ta’ dejjem.

 

 

Bullettin 5 ta’ Ġunju 2015

IL-ĠISEM U D-DEMM TA’ KRISTU

Baqa’ jagħtina

Mulej int Alla li dejjem tagħti. Fuq kollox tant ħabbejtna li tajtna lill-istess Ibnek, il-maħbub tiegħek, u miegħu tajtna kollox. Nirringrazzjawk Missier għal dan Ibnek li tana sal-aħħar qatra, tana lilu nnifsu bla riservi, bla preġudizzji, bla distinzjonijiet.

Ibnek, Mulej, tana lilu nnifsu sa mill-ewwel dehra fqira tiegħu fostna: ma żamm xejn għalih, ma ppretenda xejn mingħandna, ma fittex ebda ħlas. Kull mument tiegħu fostna kien għotja ta’ fejqan, ta’ tagħlim, ta’ kuraġġ. U meta wasal biex iħallina ntemmulu ħajtu fostna, hu ħabbna għall-aħħar, Mulej, u baqa’ jagħtina: ried jibqa’ jagħtina lilu nnifsu għal dejjem bħas-soltu, bla ebda forma spettakolari, bl-umilta’ li bil-kemm titwemmen, f’intimita’ ma’ min ma jixraqlux tant attenzjoni, tant delikatezza.

Grazzi Mulej tal-għotja ġeneruża li tajtna f’Ibnek. Agħmel li kif int tajtna lilu u hu tana lilu nnifsu, aħna wkoll ningħataw bla xeħħa, bla skużi, bla egoiżmu, għalik, għall-bnedmin kollha.

Mulej, agħmilna nsara tal-Ewkaristija, fil-qima u fl-attitudni.

IMMORRU TA’ PINU

B’talba ta’ persuna ser immorru s-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu t-Tnejn l-8 ta’ Ġunju. Tluq mill-pjazza fit-8.30am. Trasport imħallas.

RADJU LAURETANA

L-iskeda ta’ Radju Lauretana marbuta mal-festa ta’ Sant’ Antnin tiġi fi tmiemha l-Ħadd 7 ta’ Ġunju. Jekk il-Bambin irid nerġgħu niltaqgħu t-Tnejn 3 ta’ Awwissu għall-iskeda tal-festa.

FESTA TA’ CORPUS

Illum il-Ħadd 7 ta’ Ġunju qed nagħmlu l-festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, CORPUS. L-Adorazzjoni Ewkaristika fil-Knisja Parrokkjali tkun min-nofsinhar sal-5pm.

Fil-5pm tibda l-Quddiesa Konċelebrata.

Wara jkollna l-purċissjoni li tmur għal Triq Ħamri, fejn tingħata l-Barka Sagramentali u tkompli għall-Knisja ta’ Sant’Antnin fejn ikollna Ċelebrazzjoni Ewkaristika. Inħeġġu lill-fratelli biex jakkumpanjaw il-purċissjoni. Ir-residenti mnejn tgħaddi l-purċissjoni huma mħeġġa jżejnu l-galleriji tagħhom u jtellgħu l-bnadar fuq il-bjut. Radju Lauretana jagħti xandira diretta tal-quddiesa mill-knisja, il-purċissjoni u ċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika mill-Knisja ta’ Sant’ Antnin.

GRAZZI MILL-QALB

Għall-Proġett tas-Sagristiji: NN €500, NN €200, NN €100.

Għar-Restawr tal-Pissidi: Mario Mifsud €40.

Ġabra għall-vittmi tat-terremot fin-Nepal: €1220.

IT-TIENI GABRA GĦALL-FESTA

Minn qalbna nirringrazzjaw lil dawk li taw l-offerta tagħhom għall-festa fil-ġabra li saret bieb bieb matul dawn il-ġranet. Il-ġabra kienet ta’ €2613.Grazzi mill-qalb. Grazzi wkoll lill-voluntiera li ħarġu jiġbru.

DĦUL FIL-KINDERGARTEN

Il-Kap tal-Iskola Primarja t’Għajnsielem tixtieq tavza lil dawk il-ġenituri li għandhom uliedhom li se jagħlqu tliet snin sal-31 ta’ Diċembru 2015 biex jirreġistraw lit-tfal tagħhom ħalli jibdew jattendu l-Kindergarten minn Ottubru 2015. Dawk li għandhom tfal li ser jagħlqu tliet snin sal-aħħar ta’ April 2016 jisgtħu jiġu jirreġistrawhom għal mad-dħul ta’ Frar. Ir-reġistrazzjoni ssir fl-iskola stess kmieni kemm jista’ jkun.

FESTA TAL-QALB TA’ ĠESÙ

Il-Ġimgħa 12 ta’ Ġunju hija l-festa tal-Qalb ta’ Ġesu’. L-Adorazzjoni tkun fil-Knisja Parrokkjali wara l-quddiesa tad-9am.

Filgħaxija fis-7pm Quddiesa kantanta u wara purċissjoni żgħira madwar il-pjazza u wara tingħata l-barka sagramentali fil-knisja.

Fl-għeluq tas-sena pastorali, meta ħafna mil-laqgħat ta’ formazzjoni jieqfu, nistiednu

  • lill-membri tal-Għaqdiet
  • lit-tfal tal-katekiżmu u lill-ġenituri kollha
  • lill-adoloxxenti u ż-żgħażagħ

biex jattendu għal din il-funzjoni.

Fiha nirringrazzjaw ‘l Alla  għal sena oħra ta’ tagħlim u ħidma għat-tixrid tal-Bxara t-Tajba.

LAQGĦA ĠENERALI ANNWALI

Il-Kumitat t’Għajnsielem Football Club jixtieq javza li l-Ħadd 7 ta’ Ġunju 2015 ser issir il-Laqgħa Ġenerali Annwali għall-istaġun 2014-2015.  Din ser issir ġewwa l-każin stess fil-10.45am.  Il-membri u l-plejers huma mħeġġin jattendu.  Il-kumitat jixtieq ukoll jirringrazzja pubblikament lil kull individwu li għen b’kull mod lill-klabb tar-raħal tagħna matul dan l-istaġun li ser jispiċċa propjament waqt din il-laqgħa. Grazzi mill-qalb.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Loreta Vella toffri €20 b’suffraġju ta’ ommha Liza Vella f’għeluq il-21 sena mill-mewt tagħha fil-11 ta’ Ġunju u għal Rita Vella.

Josephine Buttiġieġ u Francesca Vella joffru €20 b’suffraġju ta’ missierhom Toni Vella f’għeluq it-30 sena mill-mewt tiegħu fis-6 ta’ Ġunju.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.