Monthly Archives: July 2015

Bullettin 31 ta’ Lulju 2015

It-18-il Ħadd ta’ Matul Is-Sena

Jiġġerrew wara l-loqom

Mulej, spiss isiru konferenzi mondjali fuq il-popolazzjoni dejjem tikber, il-problema tal-ġuħ, ikel bis-sens. U ma tlumniex Mulej għax hawn wisq ħela, hawn wisq imġewħin, hawn wisq mard kaġunat mill-ikel. Hawn wisq ġnus jgħixu fil-lussu u miljuni jiġġerrew wara l-loqom meta jsibuhom. Hawn wisq pajjiżi magħluqin fl-egoiżmu tagħhom, mifnijin bi problemi tal-għana, jisfruttaw artijiet bla saħħa. U dan, Mulej, int żgur ma tridux. Int ħlaqt id-dinja għall-użu ta’ kulħadd, ħlaqt ġid biżżejjed biex jgħix kulħadd, trid solidarjeta’ bil-fatti bejn kulħadd. Imma ħadd, Mulej, fil-konferenzi ma jolqot il-musmar fuq rasu. Is-soluzzjoni tinsab għandek, il-ħobż li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja.

Min jiġi għandek ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fik ma jkun qatt fil-bżonn. Fejn tidħol int Mulej, jidħlu l-ġenerożita’, il-ftuħ għall-oħrajn, il-ħsieb f’xulxin.

Kieku d-dinja tieħu tagħlimek bis-serjeta’, kieku m’hawnx gwerer, m’hawnx emarġinati, m’hawnx tant faqar li sar spettaklu.

Neżżagħna Mulej mill-bniedem il-qadim, mill-bluha tal-moħħ. Ġeddidna fl-ispirtu u fil-fehma ħalli niskopru mill-ġdid lilek u jkollna l-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja f’dinja li tant għandha bżonnha.

L-EWWEL SIBT TAX-XAHAR

Is-Sibt 1 ta’ Awwissu. L-adorazzjoni fil-knisja l-qadima tkun mit-8.30am sa nofsinhar. Fl-4.00pm ikollna l-quddiesa. Ma jkunx hemm adorazzjoni wara.

L-EWWEL ĠIMGĦA TAX-XAHAR

Il-Ġimgħa 7 ta’ Awwissu l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Arċipretali wara l-quddiesa tad-9am.

IMPORTANTI: Minħabba x-xogħol tal-armar tal-knisja l-qadima għall-festa, is-Sibt 8 ta’ Awwissu ma jkunx hemm adorazzjoni f’din il-Knisja.

FESTA 2015

IT-TIELET ĠABRA BIEB BIEB GĦALL-FESTA

Grazzi lill-voluntiera li ġabru l-envelopes.

Grazzi lilkom tal-għotjiet tagħkom b’risq il-festa.

Il-ġabra laħqet €3020. Min ma kienx id-dar waqt il-ġabra jista’ jitfa’ l-offerta tiegħu fil-letter box tad-Dar Parrokkjali jew fil-ferta waqt il-quddies.

HI-TEA TOMBLA B’RISQ IL-FESTA

Nhar is-Sibt 8 ta’ Awwissu , 2015 mis-7.30pm ‘il quddiem fiċ-Ċentru Parrokkjali. Inħeġġukom tattendu. Tkunu tgħinu l-festa tagħna.

EWRO COLLECTION

Fil-quddies kollu ta’ dan il-weekend il-ġabra fil-knisja tkun b’risq il-festa titulari li issa tinsab wara l-bieb. Inkunu ġenerużi bħal dejjem. Fejn nistgħu nagħtu Ewro jew aktar. Grazzi ta’ kull għajnuna.

OFFERTA BUKKETTI TAL-FJURI

Dawk li jixtiequ joffru bukkett fjuri (€20) għall-festa fil-knisja parrokkjali jistgħu jibdew minn din il-ġimgħa stess fl-uffiċċju parrokkjali.

GĦAJNSIELEMFEST 2015

Kull min jixtieq jieħu sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ GħajnsielemFest imur il-Kunsill Lokali għal aktar dettalji. Dan ser isir il-Ħamis 20 ta’ Awwissu.

IS-SIBTIJIET TAL-MADONNA

Ikomplu s-Sibtijiet bi tħejjija għall-festa billi:

  • Ngħidu r-rużarju fil-familji tagħna.
  • Nieħdu sehem fil-quddiesa tas-Sibt filgħaxija
  • Inxerrdu d-devozzjoni lejn Ommna Marija Lawretana speċjalment bit-talba tal-Angelus.

MILL-KAŻIN TAL-BANDA

Tombla Il-Banda San Ġużepp ser torganizza tombla nhar is-Sibt l-1 t’Awwissu 2015. Il-post ser ikun taħt il-każin tal-Banda u tibda fis-7.30pm. Tkunu tgħinu lill-Banda  tagħna.

Ħarġa għall-festa ta’ Ħal Lija nhar l-Erbgha 5 t’Awwissu. Inżuru l-festa tas-Salvatur Ħal Lija. Tluq mal-vapur tal-4.30 pm. Prezz €5. Bookings kellmu lil Pawlu Azzopardi jew xi membru tal-kumitat.

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-festa ta’ Radju Lauretana tibda t-Tnejn 3 ta’ Awwissu fis-6am. Tinsewx iddawru l-frekwenza tar-radju tagħhom fuq 89.3FM u ssegwu l-programmi kollha kif ukoll tipparteċipaw permezz tat-telefon 21 566965 u SMS 79 566965. Radju Lauretana jxandar dirett ukoll fuq l-internet www.radjulauretana.com.

L-iskeda stampata ser titqassam aktar tard il-ġimgħa d-dieħla minħabba l-ammont ta’ xogħol li hemm fl-istamperija bħalissa.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex nhar it-Tlieta 4 t’Awwissu  ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm  (l-aħħar reġistrazzjoni sal-5:00pm).

GRAZZI: lil Loreta Magro – Offerta lill-Madonna €140.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Loreta Magro toffri €20 għall-bullettin b’suffraġju ta’ Marija Galea f’għeluq is-7 snin mill-mewt tagħha fit-3 ta’ Awwissu u Belin Magro f’għeluq l-14-il sena u Frans Magro f’għeluq is-26 sena mill-mewt tagħhom u għall-familja kollha.

Mulej agħtihom il-mistrieħ ta’ dejjem.

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali    21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965

http://www.radjulauretana.com/parish

 

Bullettin 17 ta’ Lulju 2015

Is-16-il Ħadd Matul is-Sena Ragħajja bħar-Ragħaj

“Mela jien għassa ta’ ħija?” kienet, Mulej, waħda mill-ewwel domandi li saritlek fil-bidu. Għassies mikri le. Imma responsabbli iva. Ma jistax ma jimpurtanix. Ma nistax naħbi rasi fir-ramel biex ma nkunx naf. Fuq l-eżempju qawwi tiegħek jeħtieġ nieħdu kura ta’ xulxin anki b’sagrifiċċju.

Ebda ragħaj mhu bħalek Mulej. Int tiġbor in-ngħaġ mit-tixrid, treġġagħhom lejn il-mergħat tagħhom, tqiegħed fuqhom rgħajja oħra biex jieħdu ħsiebhom bħalek, iħarsuhom mill-biża’ u mit-twerwir, jaraw li ħadd minnhom ma jintilef. Int tqarreb in-ngħaġ lejk u lejn xulxin, bis-saħħa ta’ demmek, bis-sagrifiċċju ta’ ġismek, bis-salib li bih qridt il-mibegħda. Int tieħu ħsieb ukoll Mulej, ir-rgħajja li tibgħat f’ismek u tridhom kultant jiġu miegħek, f’post imwarrab biex jistrieħu ftit. Ħu ħsieb Mulej ir-rgħajja tagħna biex jibqgħu jishru sal-aħħar u ma jħallux ngħaġ jinqerdu u jixxerdu.

Għinhom meta jgħajjew bil-ġej u sejjer ta’ ħafna, meta lanqas żmien jieklu ma jħallulhom, meta jkollhom jitilfu anki l-mistrieħ tagħhom bħalma ġara lilek meta ridthom jistrieħu. Għin in-ngħaġ tiegħek, Mulej, biex meta jilmħu lilek u lir-rgħajja tiegħek, jagħrfuhom u jiġru warajhom.

Ikollok ħniena minna, ngħaġ u rgħajja. Int ir-Ragħaj uniku, tagħna lkoll kemm aħna.

ADORAZZJONI FIL-KNISJA L-QADIMA

Min-nhar it-Tnejn 20 ta’ Lulju sa wara l-festa parokkjali, l-adorazzjoni fil-knisja l-Qadima ser tibda tkun mit-8.30am u tagħlaq bil-barka sagramentali f’nofsinhar.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Dan ser ikun f’Marsalforn nhar is-Sibt 25 ta’ Lulju mis-7.30pm sa 9.30pm. Trasport mill-pjazza bħas-soltu.

GRAZZI Ewro Collection għax-xahar ta’ Lulju €466.75.

Għat-tkomplija tal-bini tal-knisja: NN Triq Mġarr – €100, NN Triq Cordina €100, NN €100.

FESTA 2015

IT-TIELET ĠABRA BIEB BIEB

Ma’ dan il-bullettin qed jaslilkom l-envelop għat-tielet ġabra bieb bieb għall-festa ta’ din is-sena. Il-voluntiera tal-parroċċa ser jiġu jiġbru dan l-envelop matul din il-ġimgħa. Il-festa trid ħafna spejjeż li dejjem qed jikbru. Nagħtu mill-qalb, b’responsabiltà u b’ħeġġa ħalli jkollna festa sabiħa. Ma ntellfux bil-kliem lil min jagħti u jgħin mill-qalb. Nuru kemm verament għandna għal qalbna lil Ommna Marija Lawretana.

Ngħinu fl-attivitajiet ta’ fundraising li torganizza l-parroċċa għall-festa

IS-SIBTIJIET TAL-MADONNA

Ikomplu s-Sibtijiet bi tħejjija għall-festa billi:

  • – Ngħidu r-rużarju fil-familji tagħna.
  • – Nieħdu sehem fil-quddiesa tas-Sibt filgħaxija
  • – Inxerrdu d-devozzjoni lejn Ommna Marija Lawretana speċjalment bit-talba tal-Angelus.

KORS ADOZZJONIJIET

Agenzija Tama ser tagħmel kors għal min jixtieq jaddotta l-ulied. Il-kors ser isir f’Settembru u ser issir laqgħa nhar it-18 ta’ Settembru fis-6pm fil-bini tal-Electrofix ġewwa Ħal Qormi. Il-kors jikkonsisti f’seba’ sezzjonijiet . Dawn ikunu kull nhar ta’ Ġimgħa bejn is-6pm u t-8pm.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients nhar it-Tlieta 21 ta’ Lulju  ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm  (l-aħħar reġistrazzjoni sal-5:00pm).

NIGHTFUN GAMES

Kull nhar ta’ TNEJN fit-8.30pm.

Logħob ferm sabiħ għat-tfal u l-adoloxxenti tagħna organizzat miż-żgħażagħ tagħna.

IL-QNIEPEN ISEJĦU

20 minuta qabel kull quddiesa, il-qanpiena ssejħilna biex tfakkarna fl-impenn tagħna li niċċelebraw il-quddiesa. Ma nħalluhiex iddoqq għal xejn. Ommijiet u missirijiet ejjew intom u ġibu lil uliedkom magħkom il-knisja b’mod speċjali nhar ta’ Ħadd u anke matul il-ġimgħa. Kemm hu sabiħ li tara ġenituri jagħtu dak l-eżempju tajjeb lil uliedhom u jeħduhom magħhom il-knisja. Il-fidi tagħna ngħadduha bl-eżempji tajba fil-familji tagħna.

Gozo Visual&Performing Arts School

Applikazzjonijiet tal-korsijiet tad-drama, arti, mużika u dance, offruti fil-Gozo Visual and Performing Arts School Xewkija għas-sena skolastika 2015/16 se jkunu miftuħa bejn il-15 ta’ Lulju u s-7 t’Awwissu 2015. Wieħed jista’ japplika online minn fuq is-sit www.lifelonglearning.gov.mt jew mill-uffiċċju tal-iskola fi Triq tal-Ħamrija, ix-Xewkija bejn it-8.00am u 12.00 (nofsinhar).

LAQGĦA KUNSILL PARROKKJALI

Il-laqgħa li jmiss ser tkun nhar il-Ġimgħa li ġejja 24 ta’ Lulju fil-5.30pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Il-familja Ciantar toffri €20 b’suffraġju ta’ Salvu Ciantar f’għeluq is-seba’ snin mill-mewt tiegħu fl-24 ta’ Lulju, 2015.
  • Adelina Zerafa toffri €20 b’suffraġju ta’ Loreto Zerafa f’għeluq is-7snin mill-mewt tiegħu fil-21 ta’ Lulju.

Mulej agħtihom il-mistrieħ ta’ dejjem.

MATUL IS-SAJF SIB ĦIN GĦALL-MULEJ… Ersaq għall-Quddiesa, Itlob mal-familja, it-talba tar-rużarju

Bullettin 10 ta’ Lulju 2015

Il-15-il Ħadd Matul is-Sena Fiduċja u Fedeltà

Mulej, aħna tant tqal biex nafdaw fik, u int tafdana b’għajnejk magħluqa. Mhux għax ma tafx kemm ma niswew xejn imma għax taf li id f’id miegħek naslu. Mulej, kemm nixtieq ngħix b’fedelta’ il-fiduċja li turi fija. Kemm nixtieq inħossni tassew il-mibgħut tiegħek, ma’ ħuti fid-dinja. Kemm nixtieq inkun għat-tifħir tal-glorja tiegħek billi nxandar l-indiema, infejjaq mill-ispirti mniġġsa, inwassal is-salvazzjoni tiegħek lil ħuti. Mulej, tħallinix ningħalaq fija nnifsi, tħallinix nitgħabba b’għodda mhux meħtieġa, tħallinix infittex il-kumdita’ tiegħi. Hemm wisq xi jsir, hemm wisq fejn immur, hemm wisq ħsad biex ninħela fix-xejn, biex naħli ż-żmien, biex nirrifjuta sehmi.

Aħfirli Mulej ix-xeħħa tiegħi, l-għażż tiegħi, l-iskużi tiegħi. Ibgħatni llum Mulej, basta tagħtini l-għajnuna tiegħek. Mingħajrek ma nista’ nagħmel xejn. Fik li ssaħħaħni jien nista’ kollox. Is-saħħa tiegħi la hi fil-ħobż, la hi fil-ħorġa, lanqas fil-flus. Imma fik biss. Int biss, Mulej, il-ħatar tiegħi, il-wens tiegħi, il-ħlas tiegħi.

EWRO COLLECTION

Fil-quddies ta’ dan il-weekend, il-ġabra tkun b’risq il-festa li ser niċċelebraw ix-xahar id-dieħel. Inkunu ġenerużi bħal dejjem. Fejn nistgħu nagħtu Ewro jew aktar.

KTIEB ĠDID u TA’ TAGĦLIM

Ktieb ġdid bil-Malti dwar Santa Gianna Beretta Molla għall-prezz ta’ €5. Tistgħu takkwistawh mingħand id-diriġenti tal-Azzjoni Kattolika.

ĦARĠA TRADE FAIR

Il-Kunsill Lokali ser jorganizza ħarġa għat-Trade Fair f’Montekristo. Dettalji mill-Kunsill Lokali.

FESTA 2015

IS-SIBTIJIET TAL-MADONNA

Ikomplu s-Sibtijiet bi tħejjija għall-festa. Nitħejjew billi:

  • Ngħidu r-rużarju fil-familji tagħna.
  • Nieħdu sehem fil-quddiesa tas-Sibt filgħaxija
  • Inxerrdu d-devozzjoni lejn Ommna Marija Lawretana speċjalment bit-talba tal-Angelus.

GRADWATI   

Dawk li ggradwaw din is-sena u jixtiequ li nawgurawlhom fuq ir-rivista Għajnsielem jikkuntattjawna l-Uffiċċju parrokkjali u jibagħtulna ritratt fuq l-indirizz elettroniku: dunfrankiebajada@yahoo.com.

NIGHTFUN GAMES

Kull nhar ta’ TNEJN fit-8.30pm. Logħob ferm sabiħ għat-tfal u l-adoloxxenti tagħna organizzat miż-żgħażagħ tagħna.

FESTA TAL-MADONNA TAL-KARMNU

Nhar il-Ħamis 16 ta’ Lulju niċċelebraw il-Festa tal-Madonna tal-Karmnu. Dakinhar taħbat ukoll l-aħħar dehra tal-Madonna ġewwa Lourdes. Ikollna quddiesa ħdejn in-niċċa tal-Madonna tal-Karmnu fi Triq l-Imġarr fit-7.45pm u oħra quddiem in-niċċa fi Triq il-Ħamri fit-8pm.

GRAZZI

NN għas-sagristiji €100.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Giacinta Buttigieg toffri €20 b’suffraġju ta’ żewġha Nazzareno Buttigieg f’għeluq it-3 snin mill-mewt tiegħu fit-13 ta’ Lulju.

IX-XOGĦOL FUQ L-ARLOĠĠI

Ix-xogħol li għandu jsir fuq l-arloġġi tal-kampnar huwa kollu ordnat u għandna d-deposits imħallsa. Fil-proċess tax-xogħol ġie deċiż li jsir bejt tal-konkos fil-kampnar biex jieħu post il-bejt tat-travi u l-injam li diġa hemm ħalli jservi ta’ art għall-kamra tal-arloġġi. Dan jinvolvi li jintalab permess mill-Mepa. U biex napplikaw għal dan il-permess, ġejna mitlubin biex nippreżentaw il-pjanti diġitali tal-faċċata tal-knisja, xi ħaġa li ma kellniex u li qegħdin fil-proċess biex nagħmluhom. Kif malli jkollna l-permessi f’idejna, inkunu nistgħu nipproċedu biex jitlesta u jinġieb ix-xogħol minn barra u jiġu nstallati l-4 faċċati tal-arloġġi.

Minn qalbna nirringrazzjaw lill-benefatturi kollha li kienu kkontribwew għal dan il-proġett u lil dawk kollha li qed jgħinu biex ix-xogħol isir sewwa. Hija x-xewqa tagħna li kollox ikun lest sa tmiem din is-sena biss hemm ħafna fatturi li jista’ jkollhom effett.

Dil-ġimgħa kellna fostna żewġ tekniċi mill-Funderija Cornille-Havard biex jagħmlu l-preparamenti għall-fażi finali ta’ dan il-proġett.

ATTENZJONI

Hija xi ħaġa sabiħa tara tant nies miġbura fil-Misraħ tal-Knisja matul is-serati sajfin tagħna. Anke t-tfal jilagħbu jagħtu ħajja lil dan il-post. Niġbdu l-attenzjoni ta’ kulħadd biex inżommu l-indafa u nużaw il-laned tal-iskart provduti. It-tfal kemm jista’ jkun ma joqogħdux mal-bibien tal-knisja u jżommu wkoll l-ambjent nadif.

PERMESSI. Ftit ilu, il-Mepa approvat il-pjanti l-ġodda għall-proġett tat-tisbieħ ta’ dan iz-zuntier li l-parroċċa qegħda tippjana li tibda wara li tgħaddi l-festa ta’ din is-sena.

MATUL IS-SAJF SIB ĦIN GĦALL-MULEJ… Ersaq għall-Quddiesa

 

Bullettin 3 ta’ Lulju 2015

L-14-il Ħadd ta’ Matul is-Sena Mastrudaxxa Profeta

Mulej, qisek tafna sew! Sejjaħtilna ta’ ras iebsa, ta’ qalb iebsa, ta’ wiċċ sfieq, nies li nirvellaw kontra tiegħek, li nitfixklu minħabba fik, li ma nżommukx fil-ġieh li jixraqlek. Kollu tort tagħna Mulej, u tas-suppervja tagħna li ma tħalliniex nintebħu li fostna, f’darna, f’pajjiżna, hemm profeta, hemm int, liebes libsa fqira u komuni ta’ mastrudaxxa, imma profeta li tgħallem b’għerf, li b’idejk isiru għeġubijiet kbar, li twaqqaf id-dinja mġarrfa.

Għinni Mulej ma nintefaħx bija nnifsi, bis-saħħa ta’ jdejja, bid-dehen ta’ moħħi. Agħtini xewka li tniggiżni, li żżomni f’posti, quddiemek. Biżżejjed għalija l-grazzja tiegħek, Mulej. Għajnejja dejjem fik inżommhom sa ma tħenn għalija u tikkonvinċini mil-limitazzjonijiet tiegħi. Għinni nilmħek Mulej, tgħallimni bil-grazzja ta’ kuljum, biċ-ċirkustanzi ordinarji tal-ħajja, bil-persuni li tlaqqagħni magħhom.

Qiegħed idejk fuqi, Mulej. Fejjaqni. Tistagħġibx bin-nuqqas ta’ fidi tiegħi: s’hemm nasal waħdi. Ħa niftakar b’dak li hu dgħajjef fija biex tistrieħ fuqi l-qawwa tiegħek li twaqqafni mill-ġdid fuq riġlejja.

SAGRAMENT TAL-GRIŻMA TAL-ISQOF

Illum il-Ħadd 5 ta’ Lulju fil-5pm ser ikollna magħna lill-Isqof Mario Grech biex jamministra s-sagrament tal-Konfermazzjoni lil ħdax adoloxxent mill-parroċċa tagħna. Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex jinżel b’qawwa fuq dawn il-membri adulti tal-knisja ħalli fil-ħajja tagħhom ikunu xhieda awtentiċi ta’ Ġesu’ Kristu. Nattendu lkoll għal din iċ-ċelebrazzjoni.

KTIEB ĠDID u TA’ TAGĦLIM

Ktieb ġdid bil-Malti dwar Santa Gianna Beretta Molla għall-prezz ta’ €5 biss. Tistgħu takkwistawh mingħand id-diriġenti tal-Azzjoni Kattolika.

FESTA 2015 ĠABRA GĦAN-NAR

Il-membri tal-Għaqda Piroteknika 10 ta’ Diċembru qed jiġbru l-envelopes għan-nar ta’ din is-sena. Kulħadd jgħin mill-aħjar li jista’.

GĦOTI TAD-DEMM FL-OKKAŻJONI TAL-FESTA

Il-grupp taż-żgħażagħ tal-parroċċa qed jieħu l-inizzjattiva biex għall-okkażjoni tal-festa titulari tagħna jħeġġeġ għall-għoti tad-demm nhar il-Ħadd 18 ta’ Awwissu, 2015. Aktar dettalji ‘l quddiem.

NIGHTFUN GAMES

Kull nhar ta’ TNEJN.

NIBDEW nhar it-Tnejn 6 ta’ Lulju fit-8.30pm

Logħob ferm sabiħ għat-tfal u l-adoloxxenti tagħna organizzat miż-żgħażagħ tagħna. Applikazzjonijiet u dettalji mill-Uffiċċju Parrokkjali.

KAMPANJA AMBJENT MORALMENT NADIF

L-Azzjoni Kattolika tistieden lil kulħadd għal-laqgħa ta’ talb fil-Kampanja favur Ambjent Moralment Nadif u b’Saħħtu t-Tlieta 7 ta’ Lulju fis-Santwarju tal-Kunċizzjoni l-Qala. Fis-6.30pm Adorazzjoni u fis-7pm Quddiesa. Trasport provdut fis-6pm mill-pjazza u l-karozza tgħaddi wkoll minn Triq Sant’ Antnin.

IS-SIBTIJIET TAL-MADONNA

Ikomplu s-Sibtijiet bi tħejjija għall-festa. Nitħejjew billi:

  • Ngħidu r-rużarju fil-familji tagħna.
  • Nieħdu sehem fil-quddiesa tas-Sibt filgħaxija
  • Inxerrdu d-devozzjoni lejn Ommna Marija Lawretana speċjalment bit-talba tal-Angelus.

GĦOTI TA’ DEMM

L-għoti tad-demm jista’ jsir fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex nhar it-Tlieta 7 ta’ Lulju mis-1:00pm sal-5:00pm  (l-aħħar reġistrazzjoni sal-5:00pm).

IS-SAJFRISPETT fi lbiesna… fid-dar t’Alla u kullimkien.

SEJĦA …

    BIEX NITOLBU GĦAS-SINODU

Mill-ġdid ġejna msejħin biex ningħaqdu fit-talb mas-Santwarju Lawretan ġewwa Loreto għas-suċċess tas-Sinodu Ordinarju tal-Isqfijiet li ser isir ġewwa Ruma f’Ottubru li ġej. L-Arċisqof Giovanni Tonucci bagħat ittra lill-parroċċa tagħna li fiha talabna biex noffru t-talb tagħna għal dan il-għan.

  • Noffru l-adorazzjoni li nagħmlu fil-knisja l-qadima għal din l-intenzjoni.
  • Ngħidu t-talba lill-Familja ta’ Nazaret li għandna f’idejna mis-sena l-oħra.
  • Noffru r-rużarju għall-familji tagħna u għas-Sinodu.

GRADWATI   

Dawk li ggradwaw din is-sena u jixtiequ li nawgurawlhom fuq ir-rivista Għajnsielem jikkuntattjawna l-Uffiċċju parrokkjali u jibagħtulna ritratt fuq l-indirizz elettroniku: dunfrankiebajada@yahoo.com.

KOR VIRGO

Provi kull nhar ta’ Ġimgħa bejn il-5 u 6 pm fiċ-Ċentru Parrokjali

GRAZZI

Lil Gorġa Galea li tat €200 għat-tkomplija tal-bini tal-knisja b’suffraġju ta’ missierha Toni Galea f’għeluq il-25 sena mill-mewt tiegħu.

Offerti fil-bott tal-każin PN – €29.95.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Loreta Azzopardi u l-familja joffru €20 għall-bullettin b’suffraġju ta’ Lorenzo Xuereb fl-anniversarju tal-mewt tiegħu fis-6 ta’ Lulju.