Monthly Archives: August 2015

Bullettin 28 ta’ Awwissu 2015

FESTA BIS-SENS!

Il-festa fiha ħafna aspetti diversi. Iżda kollha jinġabru taħt ħaġa waħda: aħna qed nagħmlu festa lill-Madonna, qed niċċelebraw  il-ħajja  ta’   Marija   fid-dar ċkejkna u fqajra ta’ Nazaret biex minnha nisiltu gwida għal ħajjitna.

Dan hu l-iskop tal-festa: insiru nixbhu dejjem aktar lil Marija biex nersqu iżjed lejn Ġesu’. Il-festa huwa mument ta’ ferħ. Ħafna familji jingħaqdu flimkien għal din l-okkażjoni, emigranti jirritornaw għal ftit ġranet f’art twelidhom biex jgħixu l-jiem tal-festa mal-għeżież tagħhom, oħrajn jogħxew fuq l-aspett kulturali u tradizzjonali tal-festa Maltija. Dawn huma kollha affarijiet sbieħ. Iżda nemmen li f’dak kollu li nagħmlu waqt il-festa għandu jkun imżejjen minn sens ta’ qies u bilanċ. Li nieħu pjaċir huwa tajjeb, li nieħu pjaċir u ndejjaq lil ħaddieħor mhix ħaġa tajba. Li nieħu grokk jew tnejn hu tajjeb, li nixrob sakemm nisker u ma nibqax nara art mhix ħaġa ta’ ġieh. Li nżanżan ilbies għall-festa hija ħaġa flokha, li nilbes kif ġie ġie u ma nagħmilx differenza bejn id-Dar ta’ Alla u barra hija ħaġa li ma tixraqx. Irridu nkunu kapaċi nagħmlu l-għażliet it-tajba.

Naħseb li tajjeb ukoll li f’dan il-mument partikulari fl-istorja, nieqfu ftit u naħsbu fuq ħutna nsara li qed ibatu tant ħruxijiet u persekuzzjonijiet f’pajjiżi madwar il-globu minħabba t-twemmin tagħhom. Ħafna drabi dawn qed jiġu maqtula b’mod brutali, inuman. Għat-twemmin tagħhom lesti li jmutu. Tajjeb li anke matul il-ġranet tal-festa niftakru f’dawn ħutna. Nitolbu kontinwament għalihom u għall-mexxejja spiritwali tagħhom biex il-Mulej iqawwihom bl-Ispirtu Qaddis u jgħinhom f’mumenti tant tqal, diffiċli u tal-biża’. Nistaqsi, kieku aħna qegħdin fis-sitwazzjoni tagħhom, x’nagħmlu? Indabbru rasna, niċħdu l-fidi, inwarrbu ‘l hemm minnufih jew inkunu lesti għal kollox basta nibqgħu sħaħ fil-fidi tagħna? It-tweġiba mhix faċli. Li hu żgur hu li lkoll għandna bżonn nissaħħu iżjed fil-fidi tagħna, fidi mibnija fuq il-konvinzjoni mhux it-tradizzjonijiet, fidi mibnija fuq il-blat mhux fuq it-tafal jew ir-ramel, fidi li ċċaqlaq, li ddawwal, li tbiddel, li tagħmilna bnedmin dejjem ġodda.

Marija, il-mara tal-fidi, kebbes f’qalbna l-fjamma tal-fidi biex bħalek interrqu wara Ġesu’ tul ħajjitna kollha.

(Mill-Editorjal tar-Rivista Għajnsielem Awwissu 2015)

FESTA

KNISJA-QRARA – TQARBINA – IMĠIEBA TAJBA – FERĦ ĠENWIN

Il-FESTA T-TAJBA

L-Arċipriet, is-saċerdoti flimkien mal-Kunsill Parrokkjali u l-Kumitat tal-Festa jawguraw lill-Għajnselmiżi kollha festa sabiħa filwaqt li naħsbu f’talbna f’dawk kollha li din is-sena ma jistgħux igawdu l-festa magħna, bħal ma huma l-morda, l-anzjani u min għaddej minn mumenti ta’ luttu jew diffikulta’ u fuq kollox ħutna l-insara ppersegwitati.

Ommna Marija Lauretana tħarisna lkoll.

PROGRAMM FESTA 2015

  • Nieħdu sehem fil-quddiesa pontifikali tal-Ħadd tal-festa filgħodu fid-9am. Filgħaxija waqt il-purċissjoni nimxu wara l-istatwa tal-Verġni Mbierka ta’ Loreto u nirreċitaw ir-rużarju.
  • It-Tlieta l-1 ta’ Settembru nipparteċipaw fil-quddiesa ta’ radd il-ħajr fil-Knisja fis-7pm u wara nassistu għad-dħul tal-istatwa lura fin-niċċa tagħha.

ORDINAZZJONI EPISKOPALI Tal-E.T. Mons. George Bugeja ofm

Isqof Koadjutur tal-Vigarjat Appostoliku ta’ Tripli, Libja,

Isqof Titulari ta’ San Leone.

Il-Ġimgħa 4 ta’ Settembru fis-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu fis-6.30pm

Ser jiġi organizzat trasport għas-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu minn ħdejn il-Knisja ta’ Sant’ Antnin fl-4.30pm. Il-karozza tgħaddi mill-pjazza. Ibbukkjaw fil-Knisja ta’ Sant’ Antnin.

~  VIVA OMMNA MARIJA LAWRETANA ~

L-EWWEL ĠIMGĦA u SIBT TAX-XAHAR

Il-Ġimgħa 4 ta’ Settembru, l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali wara l-quddiesa tad-9am.  Is-Sibt 5 ta’ Settembru fil-Knisja l-Qadima jkollna r-rużarju fit-3.30pm u quddiesa.

Ir-RIVISTA GĦAJNSIELEM

Dawk kollha li jixtiequ aktar kopji tar-Rivista Għajnsielem jistgħu jagħmlu dan billi jmorru d-Dar Parrokkjali.

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-festa ta’ Radju Lauretana tasal fi tmiemha t-Tlieta l-1 ta’ Settembru. Grazzi lil tant voluntiera li ħadmu bla waqfien biex għal darba oħrta tawna skeda ta’ programmi mill-aqwa. Grazzi kbira lil kulħadd tal-appoġġ u tas-sostenn, speċjalment fil-kampanja li qed nagħmlu biex jinġabru fondi għat-tiswija tas-soqfa tal-istudios. Grazzi mill-Qalb.

GĦOTI TA’ DEMM

Is-sessjoni ta’ għoti ta’ demm li jmiss li ssir fid-Dipartiment tal-Outpatients, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ser tkun it-Tlieta 1 ta’ Settembru mis-1:00pm sal-5:00pm.

JUM TA’ TALB GĦALL-ĦOLQIEN

Il-Papa Frangisku ddikjara l-1 ta’ Settembru bħala Jum Dinji ta’ Talb għall-Ħarsien tal-Ħolqien. Minbarra d-dimensjoni ambjentali, din il-festa għandha wkoll element ekumeniku li jgħaqqadna ma’ nies ta’ knejjes u reliġjonijiet oħra.

GRAZZI mill-qalb

Ġabra waqt il-ħruġ tal-vara min-niċċa €2070

Offerta lill-Madonna Rose Meilak-€500, Familja Lucy Galea Aus$200.

Mill-Bott ta’ Blue Anchor Bar €12.50.

GĦAS-SAGRISTIJI

Offerta ta’ €1000 mill-Grupp tat-Tombla mogħtija lill-Arċipriet għas-Sagristiji. Grazzi mill-qalb lill-grupp kollu tat-tombla.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Ġuża Zerafa toffri €20 b’suffraġju ta’ missierha Angelo Spiteri f’għeluq l-14-il sena mill-mewt tiegħu.
  • Ismelia Sciberras toffri €20 b’suffraġju tal-erwieħ tal-Familji Sciberras u Scicluna.

Agħtihom  O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 21 ta’ Awwissu 2015

IL-21 ĦADD TA’ MATUL IS-SENA

Avventurużi

Ma baqax x’nippruvaw, illum, Mulej! Sirna kuraġġjużi, avventurużi, nirriskjaw. Basta mhux fejn tidħol int. Fejn tidħol int sirna preġudikati, suspettużi, indifferenti. Diffiċli nduqu u naraw, Mulej, b’dal-mod. Irriduk tagħtina widen u tismagħna malli nduru lejk f’xi bżonn kbir, f’xi saram, f’xi taħwida tagħna. Imma lilek malajr nitilquk, ma nibqgħux warajk. Ma nissaportux infittxu, nistaqsu, nesperimentaw. Kliemek malajr niddikjarawh iebes, malajr ma nisimgħuhx, malajr ninjorawh.

Imma mhux kulħadd, Mulej. U forsi qed jerġgħu jiżdiedu dawk li jintebħu li m’hawnx ħlief għandek fejn immorru bis-sens, li int biss tagħti ħajja vera, li lilek biss ta’ min jaqdi. Int biss tista’ toħroġna minn dar il-jasar, tagħmel quddiemna ħwejjeġ kbar, tħarisna matul it-triq. Esperjenzi oħra mingħajrek Mulej, kmieni jew tard, huma destinati li jfallu, li jħalluna nofs triq, li jiddiżappuntawna, anki jekk jibdew b’iżjed ħoss, b’numri akbar, b’iktar daqq ta’ trombi.

L-aħħar kelma hi tiegħek, Mulej: u mn’Alla! Kompli kellimna…imqar iebes, Mulej.

PROGRAMM FESTA 2015

Inkomplu nsegwu l-programm tal-festa u nieħdu sehem.

It-Tnejn Jum ir-Reliġjużi… Ikollna lill-Isqof Elett p.George Buġeja ofm.

It-Tlieta Quddiesa għaż-Żgħażagħ u l-Kunċert tal-Banda.

L-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa huma t-tlitt ijiem tat-Tridu.

Fis-6.15pm ikollna r-rużarju, fis-6.30pm għasar kantat u kurunella

Fis-7pm il-quddiesa.

L-Erbgħa 26 ta’ Awwissu jkollna l-Lejla Marjana fuq iz-zuntier tal-knisja fid-9pm.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Is-Sibt 22 ta’ Awwissu fil-knisja parrokkjali ta’ Kerċem. Trasport mill-pjazza fis-6.30pm.

Ir-RIVISTA GĦAJNSIELEM

Ir-Rivista Għajnsielem qed  titqassam lil kull familja mal-bullettin. Kull għotja hija ferm apprezzata minħabba l-ispejjeż kbar tal-istampar.

FESTA

KNISJA-QRARA – TQARBINA – IMĠIEBA TAJBA – FERĦ ĠENWIN

FESTA 2015

ĦRUĠ TAL-VARA MIN-NIĊĊA…IT-TNEJN

It-Tnejn 24 ta’ Awwissu jkollna l-ħruġ tal-istatwa min-niċċa fl-9.45pm. Ninġabru lkoll fil-knisja. Dak il-ħin ssir l-aħħar ġabra kbira b’risq il-festa tagħna ta’ din is-sena. Ngħinu kif u kemm nistgħu. Grazzi ta’ kull offerta.

PALM U WERAQ GĦALL-KNISJA – ġibuhom il-knisja parrokkjali fil-ġimgħa tal-festa.

SEJĦA LILL-FAMILJI U L-EMIGRANTI

Għall-quddiesa apposta għalihom nhar il-Ħadd 23 ta’ Awwissu fl-10.00am.

GRAZZI – Ir-4 ġabra bieb bieb €3044 u $Us15

MILL-KAŻIN TAL-BANDA

Tistgħu takkwistaw kopja tal-Ktieb tal-Festa li tippubblika l-Banda San Ġużepp mill-Bar tal-Każin permezz ta’ donazzjoni ta’ €2 jew aktar. Din is-sena, il-ktieb mhux se jitqassam bieb bieb mar-raħal.

Kulħadd misteden għall-Programm Mużikali tal-Banda San Ġużepp li se jsir quddiem il-każin nhar it-Tlieta, 25 t’Awwisu fid-9.00pm.

WIRJA tal-Mudell tal-Vara fil-Knisja magħmul minn Frankie Buttiġieġ fid-Dar Parrokkjali matul il-ġimgħa tal-festa mit-8.30pm sal-11pm.

GĦOTI TA’ DEMM dan jista’ jsir fid-Dipartiment tal-Outpatients il-Ħadd 23 t’Awwissu mit-8:00am sas-1:00pm  (l-aħħar reġistrazzjoni sas-1:00pm).

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-festa ta’ Radju Lauretana tkompli. Komplu segwuna speċjalment issa li wasalna għall-qofol tal-festa Lawretana ta’ din is-sena.

Inkomplu ngħinu biex jitranġa s-saqaf tal-istudios ta’ Radju Lauretana.

Għotjiet mir-reklami u donazzjonijiet €953.

Fadal jinġabru €4,047.

Grazzi mill-Qalb.

~  VIVA OMMNA MARIJA LAWRETANA ~

MANIFESTAZZJONI MARJANA favur Ambjent Moralment Nadif

Id-Djoċesi tagħna ser terġa’ torganizza Manifestazzjoni Marjana t-Tlieta 25 ta’ Awwissu f’Marsalforn.  Fis-7.30pm in-nies tinġabar fi Triq il-Wied. Ikun hemm siġġijiet għal kulħadd. Jingħad ir-rużarju u dritt wara konċelebrazzjoni mmexxija mill-Isqof ta’ Għawdex fejn jagħti l-messaġġ tal-okkażjoni.

GRAZZI mill-qalb

Offerta Sagristiji: NN Triq Cordina -€200.

Mill-Bott ta’ Ideal Store €200.

RITRATTI GRIŻMA – Dawk li jixtiequ jordnaw ir-ritratti tal-Griżma tistgħu tmorru l-Uffiċċju Parrokkjali.

RITRATTI TQARBINA – Ċemplu 21556270

MIXJA TA’ TĦEJJIJA

Fl-aħħar weekend ta’ Settembru jerġgħu jibdew il-laqgħat tal-Mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ u għall-ħajja tal-familja.

Inħeġġu lill-għarajjes u namrati f’relazzjoni stabbli biex jattendu għal dawn il-laqgħat anke jekk għadhom ma ddeċidewx id-data taż-żwieġ tagħhom.  Infakkru li dawk li jixtiequ jiżżewgu fil-Knisja jeħtiġilhom itemmu dawn is-sentejn ta’ formazzjoni qabel ma’ jiċċelebraw is-sagrament taż-Żwieġ.

L-applikazzjonijiet jistgħu jinġabru mingħand il-kappillan/arċipriet.  Infakkru lil dawk il-koppji li ġa għamlu l-ewwel sena ta’ laqgħat biex jieħdu ħsieb japplikaw għat-tieni sena. Għal dawk l-għarajjes li jistudjaw jew jaħdmu Malta u ma jistgħux jattendu għal-laqgħat fil-parroċċa ser jinżammu laqgħat f’Malta.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Il-familja Grima toffri  €50 għall-ispejjeż tal-Bullettin b’suffraġju tal-għażiża tagħhom Phyllis Grima f’għeluq l-ewwel sena mill-mewt tagħha nhar il-31 ta’ Awwissu.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 14 ta’ Awwissu 2015

L-20 Ħadd ta’ Matul is-Sena – Għotja Sħiħa

Mulej, tassew tħobbna b’mod li jixraq lilek, b’mod assolut, bla ebda riserva. F’kull mument ta’ ħajtek, tajtna lilek innifsek. Tajtna ħinek, saħħtek, sal-fama tiegħek. Tajtna lilek innifsek, kollok kemm int, ġisem u demm, tad-demm u l-laħam. Mulej li tħoss, li tħobb, ħaj u veru, mimli ħajja, tagħti l-ħajja. Int tassew il-Mulej li tqatta’ u tiekol minnek: ħelu ma’ kulħadd, disponibbli, ġeneruż sal-bluha tas-salib, sal-aħħar qatra ta’ demmek, sal-maħfra ta’ min qerdek.

Mulej, għallimni nkun għaref, nimtela’ bl-Ispirtu, irroddlok ħajr dejjiemi. Veru jixraq li ngħannilek salmi, innijiet, għana spiritwali. Sewwa u xieraq tassew, Mulej, li rroddlok dejjem ħajr għal kollox l-aktar għal din l-għotja sħiħa tiegħek innifsek: ġenerożita’ ta’ infinita’, għal xeħħa bla sens. Ħa ngħix bik, Mulej! Ħa nikber fik. Ħa ninbidel f’qalb ġeneruża, qalb rikonoxxenti. Qalb ħelwa u umli.

Fik u bik Mulej togħla fina l-kwalita’ tal-ħajja.

PROGRAMM FESTA 2015

Ma’ dan il-bullettin qegħdin tirċievu l-programm tal-festa ta’ din is-sena. Tajjeb li nieħdu sehem fil-funzjonijiet kollha tal-knisja kif ukoll fl-attivitajiet li jsiru marbuta mal-festa.

EJJEW NAGĦMLU FESTA SABIĦA LI TAGĦTI ĠIEĦ LIL OMMNA MARIJA LAWRETANA U ĠIEĦ LIR-RAĦAL TAGĦNA F’DAK KOLLU LI NAGĦMLU.

 PROGRAMMFESTA2015

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Nhar is-Sibt 22 ta’ Awwissu fil-knisja parrokkjali ta’ Kerċem. Trasport mill-pjazza fis-6.30pm.

Ir-RIVISTA GĦAJNSIELEM

Ir-Rivista Għajnsielem dalwaqt tkun ippubblikata u titqassam lil kull familja mal-bullettin bla ħlas. Madankollu kull għotja hija ferm apprezzata minħabba l-ispejjeż kbar tal-istampar.

FESTA 2015

L-AĦĦAR ĠABRA BIEB BIEB GĦALL-FESTA

L-envelopes li tqassmu l-ġimgħa li għaddiet qegħdin jinġabru mill-voluntiera tal-parroċċa. Grazzi tal-għotjiet ġenerużi tagħkom. Ngħinu mill-aħjar li nistgħu ħalli nkopru l-ispejjeż kbar li tirrekjiedi festa kbira bħal tagħna. Il-Madonna ta’ Loreto tbierek il-ġenerożita’ tagħkom.

PALM U WERAQ GĦALL-KNISJA – ġibuhom il-knisja parrokkjali fil-ġimgħa tal-festa.

GĦOTI TA’ DEMM 18 ta’ Awwissu 1-5pm

Tixtieq tagħmel differenza f’dan iż-żmien ta’ festa? Inti mistieden sabiex tagħti d-demm nhar it-Tlieta li ġejja flimkien maż-żgħażagħ tal-parroċċa tagħna fid-dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Ser ikun hemm ukoll trasport għal dawk li jixtiequ.

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-festa qed tkompli. Grazzi talli qegħdin issegwu l-programmi.

INTI TISTA TGĦIN!

Ilu jinħass il-bżonn li jitranġa s-saqaf tal-istudios tar-radju. Dan minħabba li meta qed tagħmel xita qawwija, l-ilma qed jidħol mis-saqaf u qed jagħmel ħsara kbira lill-apparat li jiswa eluf ta’ ewro. Dan qed jikkawża ukoll l-umdita’ li hija ħażina ħafna għall-apparat, inkluż il-computers. Għal dan il-għan ġie deċiż li jitranġa s-saqaf tal-istudios permezz ta’ kisja b’materjal li huwa tajjeb ħafna biex jimblokka l-ilma billi jkompli dieħel u jagħeml aktar ħsara. Huwa stmat li bejn materjal u xogħol, l-ispiża tilħaq madwar il-€5,000. Għalkemm din hija ċifra kbira mhux ħażin, iżda dan ix-xogħol huwa essenzjali li jsir biex ma jkollniex aktar ħsara. Kull min jixtieq jgħin, jista’ jagħti d-donazzjoni tiegħu fid-Dar Parrokkjali, fir-Radju, lill-Arċipriet jew lil xi membru tar-radju. Grazzi ħafna.

GRAZZI mill-qalb

Għas-sagristiji: NN €100, NN €100.

IS-SIBTIJIET TAL-MADONNA

Ikomplu s-Sibtijiet bi tħejjija għall-festa billi:

  • Ngħidu r-rużarju fil-familji tagħna.
  • Nieħdu sehem fil-quddiesa tas-Sibt filgħaxija
  • Inxerrdu d-devozzjoni lejn Ommna Marija Lawretana speċjalment bit-talba tal-Angelus.

MILL-ISKOLA PRIMARJA – SKOLA SAJF

Ser issir Bake Sale b’risq il-Community Chest Fund nhar it-Tlieta li ġejja 18 ta’ Awwissu, 2015 bejn id-9.30 u l-11.00 am fis-sala tal-iskola.

ILQA’ FI ĦDANEK

  • Ilqa’ fi ħdanek O Mulej ir-ruħ ta’ Rita Grech mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li ħalliet dan il-wied tad-dmugħ fis-7 ta’ Awwissu 2015 fl-għomor ta’ 79 sena.
  • Ilqa’ Missier Qaddis fi ħdanek lil Loreta Xuereb mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li għaddiet għall-ħajja eterna fid-9 ta’ Awwissu 2015 fl-eta’ ta’ 90 sena.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Lorenza Scicluna toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ binha Joe fl-għaxar anniversarju mill-mewt tiegħu fil-festa ta’ Santa Marija kif ukoll b’suffraġju ta’ binha Frankie u żewġha Carmelo Scicluna.

Sally Borg toffri €20 għall-ispejjeż tal-Bullettin b’suffraġju ta’ żewġha Mario Borg f’għeluq is-sentejn mill-mewt tiegħu fid-19 ta’ Awwissu.

Erminia Xuereb toffri €20 b’suffraġju ta’ ħuha Carmelo Cauchi u f’għeluq il-31 sena mill-mewt tiegħu.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali                    21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965

http://www.radjulauretana.com/parish

Bullettin 7 ta’ Awwissu 2015

Id-19-il Ħadd ta’ Matul Is-Sena L-Ewwel Post

Mulej, ma naħsibx li kont kuntent meta kulħadd kien ikun madwarek għax l-oħrajn kienu hemm ukoll. Imma ma nimmaġinakx kuntent illum meta bosta jżommu bogħod minnek sempliċiment għax sħabhom hekk jagħmlu. Kemm hawn preġudizzji kontrik, Mulej. Kemm biżgħat minnek! Kemm distanzi! U x’qed nitilfu!

Għax b’dal-mod, Mulej, m’hemmx ċans induqu u naraw kemm int tajjeb int. M’hemmx ċans nifilħu għall-mixja li baqagħlna. M’hemmx ċans niskopru l-ħobż ħaj li tagħti inti li hu ġismek għall-ħajja tad-dinja. U d-dinja tibqa’ tfittex il-ħajja fejn hemm il-mewt, fejn hemm il-ġieh, fejn hemm id-dlam.

Mulej, tħallinix innikket iżjed l-Ispirtu Qaddis. Tħalliniex ingergru iżjed bejnietna taparsi b’interess reliġjuż bla ma nfittxu li nilqgħu lilek fina tassew.

Missier iġbidna mill-ġdid lejn Dak li bgħatt int mis-sema, il-Ħobż li jagħti l-ħajja, il-ħajja vera tad-dinja.

Mulej, irrid nisma’ minnek. Irrid inqum u niekol u hekk inkun nista’ nibqa’ miexi fit-triq li twassalni għandek. Irrid niekol il-Ħobż tal-Ħajja li hu rahan tal-Ħajja ta’ dejjem. Tħallinix nitlef dal-veru Ħobż bl-iskuża faċli tal-ħobżna ta’ kuljum. Għandi ħafna x’nagħmel, Mulej, imma int tieħu l-ewwel post.

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-festa tkompli. Mal-bullettin qed titqassam l-iskeda stampata f’kull dar. Komplu segwu l-programmi kollha. Min ikun irid jagħmel xi avvizi ta’ mewt jew anniversarji ta’ mewt, jista’ jagħmel dan billi jċempel ir-radju. Dan huwa servizz bla ħlas.

GRAZZI mill-qalb:

Ewro Collection Awwissu: €593.29.

Għall-bini tas-sagristiji:

Salvina Mercieca Aus$300, Theresa Vassallo Aus$300.

Offerta lill-Madonna għall-knisja: Mr&Mrs Marlene Rapa €400.

FESTA 2015

L-AĦĦAR ĠABRA BIEB BIEB GĦALL-FESTA

Ma’ dan il-bullettin qed jaslilkom l-envelope għar-raba’ u l-aħħar ġabra bieb bieb għall-festa ta’ din is-sena li issa tinsab tassew fil-qrib. Inkunu ġenerużi ħalli jkollna festa kbira, sabiħa u dinjituża bħal dejjem. Grazzi ta’ kull għajnuna.

RENDIKONT FESTA 2014

Ma’ dan il-bullettin qed jaslilkom ukoll ir-rendikont tad-dħul u l-ħruġ li għamlet il-parroċċa għall-festa tas-sena li għaddiet. Filwaqt li napprezzaw kull ħidma u inizzjattivi għall-festa, il-parroċċa qed tagħmel minn kollox biex iżżomm limitu bilanċjat fl-ispejjeż.

BUKKETTI WARD

Inkomplu nfakkru li dawk kollha li jixtiequ joffru bukkett ward għall-festa, jistgħu joffru €20. Morru d-Dar Parrokkjali.

GĦOTI TA’ DEMM

Bħala parti mill-karità li ssir fl-okkażjoni tal-festa tagħna, b’inizzjattiva taż-żgħażagħ tal-parroċċa qed tiġi organizzata kampanja ta’ għoti tad-demm nhar it-Tlieta 18 ta’ Awwissu fid-Dipartiment tal-Outpatients, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Aktar dettalji mal-bullettin li jmiss.

HI-TEA TOMBLA B’RISQ IL-FESTA

Nhar is-Sibt 8 ta’ Awwissu , 2015 mis-7.30pm ‘il quddiem fiċ-Ċentru Parrokkjali. Inħeġġukom tattendu. Tkunu tgħinu l-festa tagħna.

FESTA SANTA KLARA

Ħarġa għall-Festa ta’ Santa Klara għand il-Klarissi ta’ San Ġiljan. Quddiesa mmmexxija minn Mons. George Bugeja OFM Isqof Koadjutur ta’ Tripli. It-Tlieta 11 ta’ Awwissu. Niltaqgħu ħdejn iċ-Ċentru ta’ Sant’ Antnin fl-3.45pm. Il-karozza tgħaddi mill-pjazza u naqbdu l-vapur tal-4.30pm. Ħlas ta’ €8 li jinkludi t-trasport u l-vapur. Importanti li ġġibu magħkom il-Karta tal-Identita’. Bookings mis-Sagristija tal-Knisja ta’ Sant’ Antnin, Ideal Store jew ċemplu fuq 79202172.

KONSAGRAZZJONI KNISJA PARROKKJALI IS-26 ANNIVERSARJU

Nhar il-Ħamis li ġej, 13 ta’ Awwissu jaħbat is-26 annivesarju mill-Konsagrazzjoni tal-Knisja Parrokkjali tagħna.  Huwa jum verament għażiż għall-parroċċa tagħna: il-jum tal-konsagrazzjoni tat-tempju li fih nagħtu qima lil Alla u ningħaqdu bħala poplu nisrani taħt il-protezzjoni ta’Ommna Marija Lawretana. Ikollna dan il-Programm:

6.15pm Rużarju.

6.30pm Kant tat-Talba tal-Għasar.

7.00pm Quddiesa kkonċelebrata bl-inċensazzjoni tas-slaleb madwar il-knisja.

FESTA TA’ SANTA MARIJA

Nhar is-Sibt 15 ta’ Awwissu hija s-Sollennita’ ta’ Tlugħ is-Sema ta’ Marija. Il-quddies ikun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd. Il-Ġimgħa 14 ta’ Awwissu tinżamm il-Velja ta’ Talb quddiem is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu. Tibda fit-8pm. Ikollna trasport għall-velja fis-7.15pm. Il-Velja tixxandar dirett fuq Radju Lauretana.

LIBRERIJA PUBBLIKA

Il-Kunsill Lokali jixtieq javża li l-librerija pubblika bdiet tinfetaħ ukoll is Sibt bejn id-9:30am u l-11:30am.

IS-SIBTIJIET TAL-MADONNA

Ikomplu s-Sibtijiet bi tħejjija għall-festa billi:

  • Ngħidu r-rużarju fil-familji tagħna.
  • Nieħdu sehem fil-quddiesa tas-Sibt filgħaxija
  • Inxerrdu d-devozzjoni lejn Ommna Marija Lawretana speċjalment bit-talba tal-Angelus.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Il-Familja Galea joffru €20 għall-bullettin b’suffraġju tal-erwieħ ta’ Toni u Loreta Galea.

Il-Familja Grech toffri €20 b’suffraġju ta’ Loreto Grech f’għeluq is-sentejn mill-mewt tiegħu fil-11 ta’ Awwissu.

Agħtihom O Mulej il-Mistrieħ ta’ dejjem.