Monthly Archives: September 2015

Bullettin 25 ta’ Settembru 2015

Is-26 Ħadd ta’ Matul is-Sena

Monopolju

Kieku nistgħu Mulej, norbtulek idejk, nindaħlulek f’kollox, ngħidulek kif tmexxi. Kieku nistgħu indaħħluk fi skemi, nobbligawk kif timxi, nimbuttawk tħalli f’idejna. Jekk tħallina, Mulej, nindikawlek fuq min ittella’ x-xemx u tibgħat ix-xita, lil min tagħti l-grazzji u l-kastigi tiegħek, lil min iddaħħal il-ġenna u ‘l min titfa’ l-infern. F’għajnejna Mulej, aħna biss għandna dritt għall-privileġġi tiegħek, it-tajjeb hu monopolju tagħna, bina biss tista’ twettaq ħwejjeġ kbar, tħabbar, tfejjaq, ixxerred l-Ispirtu tiegħek. Imn’alla Mulej irriservajt l-aħħar ġudizzji għalik, żammejt it-tqassim tal-kariżmi f’idejk, taf tara t-tajjeb li hemm f’kulħadd. Mulej, għallimni napprezza kull mhu pożittiv, jagħmlu min jagħmlu, ġej mnejn hu ġej. Għallimni nara fik it-tjubija tiegħek, l-għerf tiegħek, il-ġustizzja tiegħek. Għallimni naħdem id f’id ma’ kull min għandu d-doni tiegħek, ma’ kull min jaħdem għall-ġid tal-bniedem.

Għinni Mulej negħleb il-preġudizzji, l-esklużiviżmu, l-għeluq reliġjuż. Int tħobbna lkoll, Mulej, u fuqna lkoll ixxerred xrar mit-tjubija tiegħek. B’iktar rieda tajba ressaqna Mulej lejn xulxin fik, biex nemmnu li flimkien nistgħu nwettqu meravilji.

QUDDIESA FAMILJI

Il-quddiesa tal-Ħadd 27 ta’ Settembru tkun animata mill-familji għall-familji. Inħeġġu lill-membri kollha tal-familji tagħna biex jattendu u jipparteċipaw.

LAQGĦAT AZZJONI KATTOLIKA

Il-laqgħat tal-Azzjoni Kattolika (Nisa) ser jerġgħu jibdew il-Ħamis l-1 ta’ Ottubru wara l-quddiesa tat-7.45am fiċ-Ċentru Parrokkjali. Inħeġġu lill-membri biex jattendu u anke nies ġodda biex jibdew jattendu.

Il-laqgħat tal-Azzjoni Kattolika tal-irġiel jibdew it-Tnejn 5 ta’ Ottubru, wara l-quddiesa ta’ filgħaxija fis-6.45pm.

MITT SENA FOSTNA – IL-MUSEUM TAL-BNIET

1915-1 ta’ Ottubru – 2015.

KATEKIŻMU TAT-TFAL

Komplu iktbu lit-tfal tagħkom li ser jibdew l-ewwel sena tad-duttrina (Year 1 fl-iskola) u għall-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof matul din il-ġimgħa. Fil-bullettin tal-ġimgħa d-dieħla nagħtukom dettalji tal-ħinijiet u l-postijiet tat-tagħlim.  Ikollna wkoll laqgħat għall-ġenituri li wliedhom ser ikunu minn Year 1 sa Year 3 biex nagħtukom informazzjoni qabel nibdew id-duttrina.

BIDU FLIMKIEN

Bħala bidu tal-katekiżmu taż-żgħar ser ikollna dawn il-laqgħat għall-ġenituri fiċ-Ċentru Parrokkjali

Year 1 : Il-Ħamis 1 ta’ Ottubru fl-4.30pm.

Year 2 : Il-Ħamis 1 ta’ Ottubru fil-5.15pm.

Year 3(tat-Tqarbina): il-Ġimgħa 2 ta’ Ottubru fil-5pm.

QUDDIESA TAL-BIDU

Din tkun il-Ħadd 4 ta’ Ottubru fil-Knisja Parrokkjali fil-5pm. Tkun ukoll il-Festa tal-Madonna tar-Rużarju. Fiha jingħata l-mandat lill-Katekisti.

Nistiednu lit-tfal u l-istudenti kollha mill-Year 1 sa Form 2, katekisti, membri tal-Museum u l-ġenituri biex ninġabru flimkien għal din il-quddiesa u nitolbu flimkien lil Ommna Marija tar-Rużarju. Wara jkollna l-purċissjoni tar-Rużarju.

GĦOTI TA’ DEMM

Is-sessjoni ta’ għoti li jmiss li ssir fid-Dipartiment tal-Outpatients, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ser tkun it-Tlieta 29  ta’ Settembru mis-1:00pm sal-5:00pm.

IMMORRU TA’ PINU

B’talba ta’ persuna ser immorru s-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu l-Erbgħa 30 ta’ Settembru. Tluq mill-pjazza fit-8.30am. Ikollna quddiesa.

L-EWWEL ĠIMGĦA U SIBT TAX-XAHAR

Il-Ġimgħa 2 ta’ Ottubru l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali wara l-quddiesa tad-9am. Is-Sibt 3 ta’ Ottubru fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm ikollna r-rużarju u wara quddiesa.

L-ADORAZZJONI FIL-KNISJA L-QADIMA

Matul din il-ġimgħa tkompli tkun mit-8.30am sa nofsinhar. IMBAGĦAD mis-SIBT  3 ta’ Ottubru tibda tkun il-ġurnata kollha. Minn dakinhar ukoll kull nhar ta’ Sibt sal-aħħar sibt ta’ Ottubru l-adorazzjoni tibqa’ sejra sad-9.00pm.

RADJU LAURETANA

Ix-xogħol fuq is-soqfa tal-istudios tagħna issa huwa lest. Ingħataw kemm-il kisja b’materjal apposta. Grazzi: l-aħwa Galea ta’ Pjazza Madonna ta’ Loreto li taw €200. Inkomplu ngħinu ħalli niġbru l-fondi meħtieġa biex ix-xogħol ikun jista’ jitħallas.

Fadal jinġabru €2,312.

TIBDA L-ISKOLA

Nhar it-Tnejn 28 ta’ Settembru terġa’ tibda s-sena skolastika. Bħala bidu ta’ din is-sena, it-tfal kollha tal-iskola flimkien mal-għalliema tagħhom ser ikunu l-knisja tagħna għall-quddiesa ta’ 9am. Il-ġenituri tat-tfal kollha huma mistiedna jingħaqdu magħna f’din il-quddiesa.

QUDDIESA TA’ FILGĦAXIJA

Mit-Tnejn 28 ta’ Settembru l-quddiesa ta’ filgħaxija tkun fis-6pm.

GRAZZI

Għas-sagristiji: Michael Spiteri €100, NN €120, NN Us$1000.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Carmela Rapa toffri €20 b’suffraġju ta’ żewġha Carmel Rapa f’għeluq il-5 sena mill-mewt tiegħu fit-28 ta’ Settembru.
  • Sunta Buġeja toffri €20 b’suffraġju ta’ żewġha Toni Buġeja fl-ewwel anniversarju mill-mewt tiegħu fid-29 ta’ Settembru.

Bullettin 18 ta’ Settembru 2015

Il-25 Ħadd ta’ Matul is-Sena

Instabbli

Ma tiskantax, Mulej, għax tafna sew. Imma possibli ninbidlu daqshekk malajr? Filli nistqarruk bħala l-Messija u filli nlumuk u naqilgħu ċ-ċanfir tiegħek, nimmeritaw li nitkeċċew minn quddiemek. Kemm inħossni instabbli Mulej. L-entużjażmu maljar jinbidel f’telqa, l-interess malajr jiżvinta u jgħib, il-konvinzjoni faċli ddub u togħsfor speċjalment meta jitfaċċa l-iebes, it-tbatija, is-sagrifiċċju. Kemm nixtieq, Mulej, li int kont Messija kif nifhmek jien: b’saħħtek, rebbieħ, trijunfanti. U finalment hekk int. Imm’int Messija li tasal għar-rebħa permezz ta’ ħafna tbatija, taċ-ċaħda minn min ma tistennihiex, tal-mewt tas-salib kiefer. Fuq dan tkellimt ċar ħafna.

Mulej, għinni niddeċiedi bis-serjeta’ li nerfa’ salibi u niġi warajk, mhux biss fuq it-Tabor, fejn faċli trid tibqa’, imma anki fuq il-Kalvarju, fejn faċli tiskarta. Agħtini kuraġġ nitlef ħajti biex insalvaha. Għallimni naħdem miegħek għall-fidwa tad-dinja billi bħalek nevita l-illużjoni tat-triq faċli. Imma miegħek nimxiha Mulej, warajk nasal, ħdejk jirnexxili.

Mulej, agħmel li b’imġibti nagħtik ir-risposti li tistenna minni, basta nirraġuna bħalek mhux bħad-dinja.

GĦOTI TA’ DEMM

Tmiem din il-ġimgħa ser iġib miegħu t-tmiem sajf pożittiv mil-lat ta’ donazzjonijiet tad-demm, u li tulu tista’ tgħid li resqu 6000 ruħ biex jagħtu d-demm. Ta’ dan, is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm jixtieq jirringrazzja lil kulmin ta d-demm jew ħadem biex wassal il-messaġġ għal din il-kawża.

Intant il-bżonn għall-għoti tad-demm ikompli u l-Ħadd 20 ta’ Settembru, l-Għawdxin ser ikunu jistgħu jerġgħu jagħtu d-demm fid-Dipartiment tal-Outpatients, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Din is-sessjoni ser tibda fit-8:00am u ddum sas-1:00pm (l-aħħar reġistrazzjoni tista’ ssir sas-1:00pm).

Is-Servizz waqt li jirringrazzja bil-quddiem lil dawk kollha li ser jersqu biex jagħtu d-demm ifakkar fl-importanza li dejjem tiġi ppreżentata l-Karta tal-Identità.

KATEKIŻMU TAT-TFAL

Komplu iktbu lit-tfal tagħkom li ser jibdew l-ewwel sena tad-duttrina (Year 1 fl-iskola) u għall-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof. Fil-bullettin tal-ġimgħa d-dieħla nagħtukom dettalji tal-ħinijiet u l-postijiet tat-tagħlim.  Ikollna wkoll laqgħat għall-ġenituri li wliedhom ser ikunu minn Year 1 sa Year 3 biex nagħtukom informazzjoni qabel nibdew id-duttrina.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA

Ser isir nofs ta’ nhar għan-nisa f’Lourdes Home l-Erbgħa 23 ta’ Settembru mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Charles Buttigieg, kafe’ u tombla.

MIXJA TA’ TĦEJJIJA GĦAŻ-ŻWIEĠ U L-ĦAJJA TAL-FAMILJA

L-ewwel laqgħa ser tkun is-Sibt 26 ta’ Settembru, 2015 fis-7.30. L-għarajjes jistgħu jkomplu jimlew il-formla apposta matul din il-ġimgħa u ta’ wara.

RADJU LAURETANA

Ix-xogħol fuq is-soqfa tal-istudios tagħna jibqa’ għaddej. Inkomplu ngħinu ħalli niġbru l-fondi meħtieġa biex ix-xogħol ikun jista’ jitħallas kollu. Fadal jinġabru €2,532.

Grazzi lil Frankie Buttigieg li offra €100 mid-donazzjonijiet li daħlu waqt il-wirja tal-istatwa titulari fil-ġimgħa tal-festa fid-Dar Parrokkjali.

MILL-KNISJA TA’ SANT’ ANTNIN

Pizza Night u Tombla fiċ-Ċentru ta’ Sant’ Antnin il-Ġimgħa 25 ta’ Settembru fis-7.30pm. Prezz €8 li jinkludi pizza, inbid jew soft drink. Biljetti mis-sagristija jew Ideal Store. Tistgħu ċċemplu wkoll fuq 79202172.

GRAZZI MID-DAR TAL-KLERU

Id-Dar tal-Kleru, Malta, twassal ir-radd ta’ ħajr lill-Parroċċa ta’ Għajnsielem għall-għotja sabiħa ta’ €300 li twasslu miż-żgħażagħ tagħna waqt il-ġimgħa ta’ volontarjat li saret hemmhekk.

L-ISKOLA TIBDA DALWAQT

It-Tnejn 28 ta’ Settembru t-tfal u l-istudenti jirritornaw lura lejn l-iskola wara l-waqfa tas-sajf. Inħeġġu lill-ġenituri biex sa fejn hu possibli jinkoraġġixxu u jakkumpanjaw lil uliedhom għall-quddiesa tat-7.45am. Kemm huwa sabiħ tibda l-ġurnata permezz tal-Ewkaristija.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Dan ikun is-Sibt 19 ta’ Settembru, fil-Knisja Parrokkjali tal-Għarb u jibda fis-7.30pm. Trasport mill-Pjazza fis-7.00pm.

GRAZZI

  • Ewro Collection Settembru 2015: €477,62
  • NN Canada – €100 għas-sagristiji.
  • €640 – għas-sagristiji minn Frankie Buttigieg u l-familja mill-fundraising u l-offerti li saru fil-wirja tal-Madonna fid-Dar Parrokkjali

Job Vacancy Rapa Showrooms Ċemplu 21551258

 ILQA’ FI ĦDANEK

Ilqa’ fi ħdanek Missier Qaddis lir-ruħ għażiża ta’ Censu Mifsud li sejjaħtlu għal għandek nhar it-12 ta’ Settembru, 2015 fl-età ta’ 78 sena.

Ilqa’ fi ħdanek O Ġesu’ ir-ruħ għażiża ta’ James Xuereb mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li għadda għall-ħajja ta’ dejjem fit-12 ta’ Settembru 2015 fl-eta’ ta’ 14-il sena.

Mulej agħtihom il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Il-Familja Xuereb toffri €20 b’suffraġju Loreta u George Xuereb f’għeluq l-anniversarju mill-mewt tiegħu u għal Carmela u Loretu Azzopardi f’għeluq l-anniversarju mill-mewt tiegħu.

Lorenza Grech toffri €20 b’suffraġju Vitorin, Marcell u Rita u għal Karmenu Mercieca f’għeluq is-7 sena mill-mewt tiegħu.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 11 ta’ Settembru 2015

Il-24 Ħadd ta’ Matul is-Sena

Pretensjonijiet

Int, il-Mulej, titkellem fuq kif se tingħata f’idejn il-bnedmin, u l-bnedmin jitħaddtu bejniethom fuq min hu l-ikbar fosthom. Inutli tgħidilna li l-qaddej mhux aqwa mill-imgħallem tiegħu. Kemm naħsbuha differenti minnek Mulej! Int, Alla, sirt xejn għalina: aħna tant nippretenduha meta m’ahna xejn hlief trab u rmied. Mur fehmna, Mulej, li min irid ikun l-ewwel wieħed għandu joqghod wara kulħadd! Mhux bil-fors nipprotestaw meta narawk għarkobbtejk mal-art taħsel ir-riġlejn? Aħna mhux hekk irriduk: ġwejjed, umli, dgħajjef. Aħna rridu nkunu ħbieb tas-setgħana, tal-mexxejja, tal-istmati, ħa ngawdu magħhom, ħa nidhru ħdejhom, ħa nkunu rispettati bħalhom.

Kissirli Mulej dal-pretensjonijiet bla sens. Tgħid il-metodi tagħna ma jwasslux aktar minn tiegħek? Tgħid l-arroganza, is-sens ta’ superjorita’, is-suppervja, ma jwasslux iżjed mis-sempliċita’, mill-ħlewwa, mill-qadi? Mulej, għinni nżomm ruħi talli jien: qaddej, student, dixxiplu ta’ Mgħallem uniku, infallibli, eżemplari – tiegħek Qaddej.

FESTA TAL-EŻALTAZZJONI TAS-SALIB

It-Tnejn 14 ta’ Settembru hija l-festa tal-eżaltazzjoni tas-Salib imqaddes. Hija l-festa tal-glorja tas-Salib. Is-Salib fih innifsu mhuwiex xi ħaġa li tiftaħar biha, it-tbatija ma hi qatt ta’ pjaċir għal Alla l-Imbierek. Il-festa li qegħdin niċċelebraw hija li s-Salib għalina huwa d-dehra tal-imħabba li l-Mulej għandu għal kull wieħed u waħda minna. Sa dan il-punt ried iħobbna. Mela li niftaħru bis-Salib ifisser niftaħru bl-Imħabba. Ejjew inwessgħulu qalbna u niftħu qalbna beraħ għalih.

FESTA TA’ OMMNA MARIJA ADDOLORATA

It-Tlieta 15 ta’ Settembru hija l-festa tad-Duluri. Il-ħajja ta’ Marija ma kinitx kollha ward u żahar. Kien hemm mumenti sbieħ u mumenti anqas sbieħ. Hekk il-ħajja tagħna, hemm it-tlajja’ u l-inżul. Ejjew infasslu ħajjitna fuq dik ta’ Marija u f’kull mument nintelqu f’dirgħajn Ġesu’.

MIXJA TA’ TĦEJJIJA

Għaż-ŻWIEĠ u l-ĦAJJA TAL-FAMILJA

Fl-aħħar weekend ta’ Settembru jerġgħu jibdew il-laqgħat tal-Mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ u għall-ħajja tal-familja.  Dawn ikunu fiċ-Ċentru Parrokkjali sibt iva u sibt le, fis-7.30pm.

Inħeġġu lill-għarajjes u namrati f’relazzjoni stabbli biex jattendu għal dawn il-laqgħat anke jekk għadhom ma ddeċidewx id-data taż-żwieġ tagħhom.  Infakkru li dawk li jixtiequ jiżżewgu fil-Knisja jeħtiġilhom itemmu dawn is-sentejn ta’ formazzjoni qabel ma’ jiċċelebraw is-sagrament taż-Żwieġ.

L-applikazzjonijiet jistgħu jinġabru mill-uffiċċju parrokkjali.

Infakkru lil dawk il-koppji li ġa għamlu l-ewwel sena ta’ laqgħat biex jieħdu ħsieb japplikaw għat-tieni sena. Għal dawk l-għarajjes li jistudjaw jew jaħdmu Malta u ma jistgħux jattendu għal-laqgħat fil-parroċċa ser jinżammu laqgħat f’Malta.

EWRO COLLECTION

Matul il-quddies ta’ dan il-weekend il-ġabra fil-knisja tkun b’risq il-festa 2016. Inkunu ġenerużi bħal dejjem. Fejn nistgħu nagħtu Ewro jew aktar. Grazzi.

RADJU LAURETANA

Ix-xogħol fuq is-soqfa tal-istudios tagħna huwa kważi lest. Inkomplu nappellaw għal aktar għajnuna finanzjarja ħalli l-ispiża titħallas kollha kemm hi. Inkomplu ngħinu billi nwasslu d-donazzjoni tagħna lill-Arċipriet, lil xi membru tar-radju, fil-letter box tad-Dar Parrokkjali jew waqt il-ġabra fil-quddies. Il-ġimgħa d-dieħla naġġornawkom biċ-ċifra miġbura.

IT-TAGĦLIM TAL-KATEKIŻMU BI TĦEJJIJA GĦAS-SAGRAMENTI  

It-tagħlim tal-katekiżmu għat-tfal tagħna bi tħejjija għas-sagramenti huwa mpenn li rridu nieħdu bl-akbar serjetà: Parroċċa – Familji – Tfal u Adoloxxenti.

Għalhekk lill-familji kollha ngħidulhom jagħmlu minn kollox ħalli jibagħtu lil uliedhom għal dan it-tagħlim.

APPELL IMPORTANTI

Dawk il-familji li għandhom tfal li ser ikunu Year 1 u allura ser jibdew id-duttrina kif ukoll dawk li waslu biex uliedhom jagħmlu l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma huma mitluba biex fil-ġranet li ġejjin jgħaddu l-uffiċċju parrokkjali u jimlew formla apposta ta’ mpenn għal dan it-tagħlim. 

Meta niġu għall-għoti tas-sagramenti, min ma jkollux biżżejjed attendenza ma nkunux nistgħu nippreżentawhom.

STEDINA GĦALL-KOPPJI u lil KULĦADD

Il-Parroċċa qed twassal ukoll l-istedina tagħha għal aktar qsim tal-kelma t’Alla fi ħdan il-Komunità Ewkaristika.

Għandna żewġ gruppi.

Kull nhar ta’ Tlieta wara l-quddiesa ta’ filgħaxija fiċ-Ċentru Parrokkjali – għal KULĦADD. Imexxi l-Arċipriet Dun Frankie Bajada

Kull nhar ta’ Sibt fis-7.00pm fiċ-Ċentru Parrokkjali għall-Koppji Miżżewġa.Imexxi Fr.Joseph Farrugia.                                                                                                               

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Rita Muscat toffri €20 b’suffraġju ta’ ommha Loreta Grima f’għeluq l-ewwel sena mill-mewt tagħhu fid-9 ta’ Settembru.

Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 4 ta’ Settembru 2015

It-23 Ħadd ta’ Matul is-Sena

Komunikazzjoni

Mulej, kemm sar diffiċli tikkomunika! X’ironija b’daqstant mezzi meraviljużi! Sirna tqal biex nisimgħu lilek, lil xulxin, bis-serjeta’. Hawn wisq x’tisma’. Hawn wisq lil min tisma’. M’għandna ħin għal ħadd u għal xejn, Mulej. Lanqas għalik. Iftaħli widnejja kif urejtni li ridt tiftaħhomli sa mill-magħmudija biex nagħti attenzjoni  fejn hemm bżonn, nagħraf il-karbiet ta’ ħuti mweġġa’, nisma’ l-messaġġi tiegħek ta’ kuraġġ. Agħmilni strument ta’ smiegħ fidil għal min hu mtaqqal u mwarrab u mkisser.

Mulej, fl-istess ħin ħoll l-irbit ta’ lsieni, mhux biex inżid fil-kliem fieragħ imma biex nagħraf infaħħar lilek, infarraġ f’waqtu, nikkomunika b’servizz. Miegħek, Mulej, m’hemmx bżonn ħafna kliem: tifhimna mill-ewwel u eżatt. Imma fl-imġiba ta’ bejnietna għallimna nagħżlu l-kelma, it-ton, il-ħin.

Agħtina ftit ħlewwa, paċenzja, komprensjoni: inkella aħjar nisktu. Mulej ismagħni. Mulej kellemni. Għallimni nisimgħek. Għallimni nkellmek. Mid-djalogu ta’ bejnietna, Mulej, nitgħallem niddjaloga mal-oħrajn, niskot u nisma’, naħseb u nikkomunika.

L-EWWEL SIBT TAX-XAHAR

Is-Sibt 5 ta’ Settembru l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja l-Qadima bejn it-8.30am u nofsinhar. Fit-3.30pm ikollna r-rużarju u wara quddiesa. Ma jkunx hemm adorazzjoni wara l-quddiesa.

STEDINA TA’ TALB GĦAS-SINODU

Minn l-aħħar Sibt ta’ Settembru sas-Sibt 24 ta’ Ottubru, ikollna l-adorazzjoni sad-9.00pm kull nhar ta’ Sibt biex flimkien nitolbu għas-Sinodu tal-Isqfijiet fuq il-Familja.

ĠIMGĦA MUSEUMINA

Nhar it-Tnejn 7 ta’ Settembru  tibda l-Ġimgħa Museumina skont il-programm li qed jaslilkom ma’ dan il-Bullettin.

NAĦSBU SEWWA FIT-TAGĦLIM TAT-TFAL U L-ADOLOXXENTI TAGĦNA U NIMPENJAW RUĦNA KOLLHA KEMM AĦNA.

~ IT-TAGĦLIM HU L-GĦAJN TA’ KULL ĠID ~ San Ġorġ Preca

Il-FESTA GĦADDIET

GRAZZI u PROSIT KBIRA MILL-QALB LIL KULĦADD

Kollox għadda b’wiċċ il-ġid. Grazzi lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għenu biex stajna norganizzaw festa sabiħa, kbira u dinjituża. Inkomplu naħdmu flimkien biex bħala komunità parrokkjali nersqu dejjem aktar qrib ta’ Ġesu’ permezz tal-Verġni Mbierka ta’ Loreto.

Ma’ Ommna Marija fid-Dar tal-Missier.

Wara li ċċelebrajna dan il-motto sabiħ, issa jmiss li nibdew ngħixuh u nwettquh tul is-sena pastorali li riesqa.

(Ottubru 2015 – Ġunju 2016)

GĦOTI TA’ DEMM

Dan jista’ jsir fid-Dipartiment tal-Outpatients tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex il-Ħadd 6 ta’ Settembru  mit-8:00am sas-1:00pm  (l-aħħar reġistrazzjoni sas-1:00pm).

GRAZZI mill-qalb

GĦAS-SAGRISTIJI

  • Il-Familja Grech joffru €600 għall-proġett tas-Sagristiji f’isem l-għażiża ommhom Rita Grech li l-Mulej sejħilha għal għandu f’dawn l-aħħar ġimgħat.
  • Doreen u Fred Gauci – Awstralja Aus$200.
  • Censu Mercieca – Sydney Awstralja-Aus$500.
  • Clement u Glenda Buttiġieġ – Amerika – €100.

IL-ĠABRA WAQT  IL-PURĊISSJONI TAL-FESTA

€2861. Grazzi mill-qalb lil kulħadd

RADJU LAURETANA

Għal darba oħra GRAZZI kbira lill-voluntiera kollha tal-programmi u x-xandiriet sbieħ matul l-iskeda kollha b’mod speċjali fil-jiem tal-festa. Kif tafu, bħalissa qed isir xogħol ta’ manutenzjoni fuq is-soqfa tal-istudios biex ma ssirx aktar ħsara lill-istess soqfa u lill-apparat minħabba l-ilma tax-xita li jidħol.

S’issa nġabru €2218. Fadal jinġabru €2782. Tista’ tagħti l-offerta tiegħek lill-Arċipriet, lil xi membru tar-radju jew titfa’ l-offerta tiegħek f’envelope fil-letter box tad-Dar Parrokkjali jew waqt il-ġabra fil-quddies.

FESTA TA’ MARIJA BAMBINA

Nhar it-Tlieta 8 ta’ Settembru niċċelebraw il-festa tat-twelid tal-Verġni Mbierka. Il-ħin tal-quddies fil-knisja parrokkjali jkun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ lill-qaddejja tiegħek Sr. Maura Scicluna tas-Sorijiet Agostinjani servi ta’ Ġesù u Marija, mill-parroċċa tagħna, li sejjaħtilha biex tiġi tiltaqa’ miegħek fl-1 ta’ Settembru 2015 fl-età ta’ 84 sena.

Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.                                          

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Manwela Azzopardi toffri €20 b’suffraġju ta’ żewġha Ġanni Azzopardi f’għeluq il-11-il sena mill-mewt tiegħu fil-5 ta’ Settembru.
  • Mariella Cauchi toffri €20 b’suffraġju ta’ Publius u Maria Xuereb f’għeluq l-anniversarju mill-mewt tagħhom fit-3 ta’ Settembru.
  • Marta Pantelleresco toffri €20 b’suffraġju ta’ ommha Katerina Pantelleresco f’għeluq il-33 sena mill-mewt tagħha.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali     21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965

http://www.radjulauretana.com/parish