Monthly Archives: October 2015

Bullettin 30 ta’ Ottubru 2015

Ir-Rużarju

Nixbhu lil Kristu ma’ Marija

Fil-mixja spiritwali tar-Rużarju, li fiha nikkontemplaw il-wiċċ ta’ Kristu  flimkien ma’ Marija,  aħna nistgħu nimmiraw lejn l-ideal  li nsiru nixbhuH, billi nimxu  fi triq li tista’ tissejjaħ  “tal-ħbieb”.  Il-beatu Bartolo Longo  kien jgħid: «Bħal żewġt iħbieb li  ta’ spiss ikunu flimkien u jiddakkru mid-drawwiet ta’ xulxin, l-istess  jiġri lilna meta nitkellmu b’mod familjari ma’ Ġesù  u mal-Verġni Marija waqt li nimmeditaw il-Misteri tar-Rużarju u ngħixu l-istess ħajja  fit-Tqarbin Imqaddes.     Aħna  nistgħu nsiru nixbhuhom u mill-eżempju kbir tagħhom nitgħallmu  ngħixu  l-umiltà, il-faqar, is-sabar u l-perfezzjoni».

F’dan il-proċess li fih insiru nixbhu lil Kristu permezz tar-Rużarju, aħna nintelqu b’mod partikulari f’idejn Ommna Marija.  Hi dik li  nisslet lil Kristu, u fl-istess waqt hi   parti mill-Knisja,  «membru għoli u singulari tagħha», hi “Omm il-Knisja” li “tnissel” bla heda wlied għall-Ġisem mistiku ta’ Binha  billi tidħol għalina u  titlob li jfawwar  fina l-Ispirtu s-Santu. Hi l-ikona perfetta tal-Knisja Omm.

Ir-Rużarju jpoġġina b’mod mistiku qrib ta’ Marija, li ħadet ħsieb  Ġesù  huwa u jikber fid-dar ta’ Nażaret.  U hi tieħu ħsiebna bl-istess mod, tedukana u tiffurmana  sakemm  Kristu «jissawwar»  fina b’mod sħiħ.  Din il-ħidma ta’ Marija,  li  għandha l-għeruq tagħha fi Kristu « bl-ebda mod ma tfixkel l-għaqda ta’ dawk li jemmnu ma’ Kristu, anzi tħaffifha ». Dan id-dawl  ħareġ mill-Konċilju Vatikan II u jien  tant ħassejtu fil-ħajja tiegħi li għamiltu l-bażi tal-motto episkopali tiegħi: Totus tuus. Dan il-motto  hu ispirat mid-duttrina ta’ San  Alwiġi Maria Grignion de Montfort, li kien jispjega r-rwol ta’ Marija fil-proċess tax-xebh tagħna ma’ Kristu meta jgħid: «Il-perfezzjoni tagħna  tikkonsisti filli nkunu nixbhu lil  Ġesù, li nkunu magħqudin miegħu u kkonsagrati Lilu.   Mela, m’hemmx dubju li l-aktar devozzjoni perfetta hija dik li tagħmilna nixbhu lil Kristu, li tgħaqqadna miegħu u li tikkonsagrana Lilu b’ mod l-aktar perfett. Issa, la Marija hi l-kreatura li l-aktar tixbah lil Ġesù, mela, id-devozzjoni lejn Marija, l-Omm qaddisa tiegħu, hi dik fost id-devozzjonijiet kollha  li  permezz tagħha l-aktar nistgħu nikkonsagraw  ruħna u nagħmluha tixbah lill-Mulej. Aktar ma r-ruħ tkun ikkonsagrata lilha, aktar tkun konsagrata lil Ġesù Kristu ». M’hemmx aqwa mir-Rużarju fejn nistgħu naraw ir-rabta profonda li hemm bejn it-triq ta’ Ġesù u dik ta’ Marija. Marija  tgħix biss  fi Kristu u għal Kristu!

Mill-Ittra Appostolika ROSARIUM VIRGINIS MARIAE ta’ San Ġwanni Pawlu II

IX-XAHAR TA’ NOVEMBRU

Wasalna fix-xahar li fih niftakru aktar f’dawk li bdew qabilna l-ħajja eterna u fl-istess ħin niftakru li aħna wkoll illum jew għada rridu nagħmlu dan il-pass.

Il-Ħadd l-1 ta’ Novembru

Solennità tal-Qaddisin kollha

Is-Solennità tal-Qaddisin kollha tlaqqagħna ma’ dawk kollha li wara li għexu ħajja kif jixtieq il-Mulej, issa qegħdin igawduh fil-Ġenna. Aħna wkoll irċevejna s-sejħa biex inkunu qaddisin. Ngħixu sewwa din is-sejħa u nħallu lil Alla jħaddem il-ħniena kbira tiegħu magħna.

IT-Tnejn 2 ta’ Novembru

L-GĦID TAL-IMWIET

Niftakru f’ħutna l-mejtin kollha. Il-ħin tal-quddies fil-knisja parrokkjali jkun bħal ta’ kuljum.

Filgħodu fid-9.30 Pellegrinaġġ għat-tfal u l-ġenituri u quddiesa fiċ-ċimiterju.

Filgħaxija fis-6.30pm ikollna l-pellegrinaġġ parrokkjali għaċ-ċimiterju. Kif naslu jkollna l-quddiesa solenni u jitbierku l-oqbra. Nagħmlu talb bħala komunità parrokkjali għal ħutna kollha li ħallewna. Niftakru b’mod partikulari f’dawk li ħallewna matul din is-sena.

MATUL NOVEMBRU fiċ-Ċimiterju

Matul Novembru, il-quddies fiċ-Ċimiterju jkun hekk:

Nhar ta’ Tnejn u nhar t’Erbgħa f’nofsinhar.

Nhar ta’ Ġimgħa l-quddiesa tkun filgħaxija u organizzata middiversi għaqdiet reliġjużi u lokali tar-raħal:

  • Il-Ġimgħa 7 ta’ Novembru tkun fil-5 pm u tkun organizzata mill-Azzjoni Kattolika.
  • Il-Ġimgħa 14 ta’ Novembru (Banda) fis-7.30pm.
  • Il-Ġimgħa 21 ta’ Novembru (Museum) fis-7.30pm.
  • Il-Ġimgħa 28 ta’ Novembru (Klabb tal-Futbol) fis-7.30pm.

Kuljum ikollna l-pellegrinaġġ bir-rużarju fis-7pm.

L-EWWEL SIBT TAX-XAHAR

Is-Sibt 7 ta’ Novembru fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm rużarju u quddiesa. Wara l-quddiesa, l-Adorazzjoni Ewkaristika tkompli sad-9pm.

QUDDIESA FUQ RADJU RTK

Infakkru li l-Ħadd 1 ta’ Novembru l-quddiesa ta’ fuq Radju RTK ser tkun imxandra diretta mill-Knisja Parrokkjali tagħna. Għalhekk it-tieni quddiesa tal-Ħadd, għal din id-darba biss tkun fit-8.30a.m.

IMMORRU TA’ PINU

B’talba ta’ persuna ser immorru Ta’ Pinu fejn ikollna quddiesa nhar l-Erbgħa 4 ta’ Novembru. Tluq mill-pjazza fit-8.30am. Trasport imħallas.

GĦOTI TA’ DEMM

Il-Ħadd l-1 ta’ Novembru fid-Dipartiment tal-Outpatients, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex mit-8:00am sas-1:00pm. Is-Servizz waqt li jirringrazzja bil-quddiem lil dawk kollha li ser jagħtu d-demm ifakkar fl-importanza li tiġi ippreżentata l-Karta tal-Identità.

ŻJAJJAR MIS-SEMINARISTI

FIL-PARROĊĊA TAGĦNA –  Mill-Ħadd 15 sal-Ġimgħa 20 ta’ Novembru. Okkażjoni unika u sabiħa. Dettalji aktar ‘il quddiem. NITOLBU ħalli tkun suċċess.

ILQA’ FI ĦDANEK  O Mulej ir-ruħ ta’ Carmela Grech minn Għajnsielem u li kienet toqgħod l-Għarb li ħalliet dan il-wied tad-dmugħ fis-27 ta’ Ottubru 2015 fl-għomor ta’ 92 sena.

Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Ġorġa Galea toffri €20 b’suffraġju ta’ missierha Toni Galea f’għeluq il-25 sena mill-mewt tiegħu.
  • Carmena Ciantar toffri €20 b’suffraġju ta’ ħuha Loretu Buttigieg f’għeluq it-tmien snin mill-mewt tiegħu fl-4 ta’ Novembru.

Mulej agħtihom il-mistrieħ ta’ dejjem

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali        21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965

http://www.radjulauretana.com/parish

Bullettin 16 ta’ Ottubru 2015

Ottubru – Ix-Xahar tar-Rużarju

Siltiet mill-Ittra Appostolika dwar ir-Rużarju Mqaddes ta’ San Ġwanni Pawlu II ROSARIUM VIRGINIS MARIAE:

Ir-Rużarju, talba kontemplattiva

Il-fatt li tibda mill-esperjenza ta’ Marija, it-talba tar-Rużarju hi waħda tabilħaqq kontemplattiva. Mingħajr il-kontemplazzjoni, din it-talba ma tibqax dak li tassew hi. Kif saħaq Pawlu VI: Mingħajr kontemplazzjoni, ir-Rużarju hu bħal ġisem bla ruħ u hemm ir-riskju li jsir ripetizzjoni mekkanika li tmur kontra dak li wissa Ġesù meta qal: ‘Intom u titolbu toqogħdux tlabalbu bħall-pagani; dawn minn għalihom li iktar ma jgħidu iktar jinstemgħu’ (Mt 6, 7).  Min-natura tiegħu stess, ir-Rużarju jitlob ritmu kalm u bil-mod li jgħin biex wieħed jimmedita fuq il-misteri tal-ħajja ta’ Kristu bl-għajnejn ta’ Dik li kienet l-aktar qrib tiegħu. B’hekk   naraw il-kobor u l-ġmiel bla tarf ta’ dawn il-misteri.

Niftakru fi Kristu ma’ Marija

Il-kontemplazzjoni ta’ Marija hi qabel kollox tifkira. Jeħtieġ nifhmu din il-kelma fis-sens bibliku  ta’ tifkira li ġġedded u tagħmel preżenti l-għemejjel  ta’ Alla  fl-istorja  tas-salvazzjoni. Il-Bibbja hi rakkont ta’ ġrajjiet ta’ fidwa, li l-quċċata tagħhom huwa Kristu stess.  Dawn il-ġrajjiet mhumiex biss xi ħaġa tal-bieraħ; huma wkoll is-salvazzjoni llum. Dan iseħħ b’mod speċjali fil-Liturġija: dak li Alla wettaq sekli ilu ma jirrigwardax biss lil dawk li kellhom sehem dirett f’dawn il-ġrajjiet, imma, bid-don tal-grazzja tiegħu, dan  għadu jolqot lill-bniedem ta’ kull żmien.  B’xi mod, dan jgħodd ukoll għal kull devozzjoni oħra li tressqek lejn dawn il-ġrajjiet. Li «nagħmlu tifkira tagħhom»  bil-fidi u l-imħabba jfisser li ninfetħu għall-grazzja li Kristu rebaħ għalina bil-misteri ta’ ħajja, il-mewt u l-qawmien tiegħu.

In-nisrani, barra milli hu msejjaħ biex jitlob flimkien ma’ l-oħrajn, għandu wkoll jidħol f’kamartu biex fil-moħbi jitlob lill-Missier» (ara Mt 6, 6), u  skont it-tagħlim ta’ l-Appostlu,  għandu jitlob bla heda (ara 1 Tes.5,17). Ir-Rużarju,  fis-sura partikulari tiegħu,  jagħmel sehem minn din  il-varjetà ta’ talb ‘ bla heda’. U jekk il-Liturġija,  bħala ħidma ta’ Kristu u tal-Knisja hi l-ogħla għemil ta’ fidwa, ir-Rużarju, bħala meditazzjoni fuq Kristu flimkien ma’ Marija, hu kontemplazzjoni li ssaħħaħna. Fil-waqt li jdaħħalna fil-misteri tal-ħajja tal-Feddej, aħna nassimilaw fina b’mod profond dak li Hu wettaq u li l-Liturġija tattwalizza,  u dan jiffurmana.

JUM IL-MISSJONI

NITOLBU R-RUŻARJU 

GĦALL-UNITÀ u GĦALL-PAĊI

Miljun Tifel u Tifla jitolbu

taħt il-Protezzjoni ta’ Sidtna Marija

L-Aid to the Church in Need qed tħeġġek biex tipparteċipa f’dan l-avveniment li qd jistieden lit-tfal madwar id-dinja kollha biex jingħaqdu fit-talb tar-Rużarju għall-paċi.

SABIEX INWETTQU DIN IL-ĦOLMA MHEMMX BŻONN TMUR IMKIEN JEW TONFOQ FLUS.

Kull fejn ikunu t-tfal: djar, ċentri eċċ, jinġabru biex jitolbu r-rużarju.

META? Il-Ħadd 18 ta’ Ottubru…Jum il- Missjoni.

FEJN?  Kull fejn tkun tinsab.

ĦIN? 9.00am…. Ingħaqad magħna inti wkoll!!

NIFTAKRU FIL-MISSJUNARJI!

FIT-TALB TAGĦNA

ANKE BL-GĦOTJIET TAGĦNA

Il-ġbir li jsir fil-quddies kollu ta’ dan il-weekend ikun għall-missjonijiet. Ma’ dan il-bullettin qed jaslilkom ukoll l-envelop li mbagħad jinġabar bieb bieb matul din il-ġimgħa. Dak li nagħmlu mal-missjonijiet ikun jgħin biex l-aħbar it-tajba ta’ Ġesù tkompli tasal madwar id-dinja kollha.

FORMAZZJONI GĦALL-ADOLOXXENTI

Il-parroċċa qed toffri l-formazzjoni għall-adoloxxenti fiċ-Ċentru Parrokkjali:

Form 3: Nhar ta’ Ġimgħa fis-7.30pm

Form 4 u 5: Nhar ta’ Ġimgħa fis-7.30pm

Inħeġġu lill-adoloxxenti biex ikomplu jieħdu l-formazzjoni nisranija. Aħna l-kbar ngħinuhom bl-eżempju, bit-tħeġġiġ tagħna u bit-talb.

RADJU LAURETANA

Grazzi tad-donazzjonijiet tagħkom b’risq il-proġett tat-tiswija tas-soqfa. Fadal jinġabru €1,997.

IL-KATEKIZMU

It-tagħlim tal-katekiżmu beda l-ġimgħa l-oħra:

  • Taż-żgħar fiċ-Ċentru Parrokkjali
  • Il-bniet minn Yr 4 ‘il fuq fil-qasam tal-Museum Bniet li din is-sena ser ikun fil-blokka tal-flats “FAITH” fi Triq J.F. de Chambray.
  • Is-subien minn Yr 4 ‘il fuq fil-qasam tal-Museum Subien ukoll fi Triq J.F. de Chambray.

Inkomplu nħeġġu lill-ġenituri jieħdu ħsieb li wliedhom jattendu. Minn din is-sena ser nerġgħu nibdew nagħtu l-attendenza lill-ġenituri kull xahar.

IT-TAGĦLIM HU L-GĦAJN TA’ KULL ĠID

GRAZZI

Għas-Sagristiji: George u Govanna Grech Us$ 300, NN (USA) $2500, Joseph u Maria Sultana €300.

GĦOTI TA’ DEMM

Is-sessjoni ta’ għoti li jmiss li ssir fid-Dipartiment tal-Outpatients, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ser tkun il-Ħadd 18 t’Otubru mit-8:00am sas-1:00pm (l-aħħar reġistrazzjoni tista’ ssir sas-1:00pm).

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI.

Dan ser isir nhar is-Sibt 24 ta’ Ottubru 2015, fil-knisja parrokkjali tal-Għasri bejn is-6.30 u t-8.30 pm. Trasport mill-Pjazza fis-6.00pm.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Agnes Xuereb u ħutha kollha joffru €20 b’suffraġju ta’ Ġolina Xuereb f’għeluq is-6 snin mill-mewt tagħha fl-20 ta’ Ottubru.

Mulej agħtiha l-mistrieħ ta’ dejjem.

 

Bullettin 9 ta’ Ottubru 2015

Ottubru Ix-Xahar tar-Rużarju

Matul dan ix-xahar qed inġibu siltiet mill-Ittra Appostolika dwar ir-Rużarju Mqaddes li kien kiteb San Ġwanni Pawlu II – ROSARIUM VIRGINIS MARIAE fl-2002. Hija ittra mimlija tagħlim sabiħ dwar din it-talba tant qadima imma fl-istess ħin tant attwali.

Ir-Rużarju: Talba għall-paċi u għall-familja

Hemm ċirkustanzi storiċi li jkomplu juruna kemm hu meħtieġ li ngħidu r-Rużarju.   L-ewwel waħda fosthom hi l-ħtieġa kbira li nitolbu lil Alla għad-don tal-paċi. Kien hemm diversi drabi meta il-Predeċessuri tiegħi u jien ipproponejna r-Rużarju bħala talba għall-paċi.  F’dan il-millennju li beda bl-attakk ikrah tal-11 ta’ Settembru 2001 u li fih kuljum nisimgħu b’sitwazzjonijiet ġodda mdemma u vjolenti f’tant postijiet fid-dinja, li niskopru mill-ġdid ir-Rużarju jfisser li nikkontemplaw il-misteru ta’ Dak li  hu «s-sliem tagħna», li minn «tnejn għamel poplu wieħed, billi ġarraf il-ħajt li kien jifridna, il-mibegħda ta’ bejnietna» (Efes 2, 14).  Ma nistgħux nitolbu r-Rużarju mingħajr ma nħossu l-impenn preċiż li nagħtu s-sehem tagħna għall-paċi, b’ħarsa  speċjali lejn l-art  fejn għex Ġesù, li hi daqshekk imġarrba u tant għażiża għal qalb tan-nisrani.

L-istess ħtieġa kbira għal impenn u talb tinħass ukoll f’qasam kritiku ieħor ta’ żmienna: il-qasam tal-familja, ċellula tas-soċjetà, li qed tkun dejjem aktar  mhedda minn qawwiet li jridu jeqirduha fuq livell ideoloġiku u prattiku, u li jwassluk biex titħasseb dwar il-ġejjieni ta’ din l-istituzzjoni fundamentali u importanti, li magħha hemm marbut il-ġejjieni tas-soċjetà kollha kemm hi.   Fil-kuntest wiesa’ tal-pastorali tal-familja, il-ħeġġa biex il-familji nsara  jgħidu r-Rużarju, nistgħu nipproponuha bħala għajnuna biex wieħed jilqa’ kontra l-effetti koroh ta’ din il-kriżi ta’ żmienna.

NITOLBU R-RUŻARJU FIL-FAMILJI TAGĦNA

GĦALL-PAĊI FID-DINJA U GĦAS-SINODU TAL-ISQFIJIET

MERĦBA FOSTNA

Lil Fr. Simon Cachia li ġie mibgħut mill-Isqof biex jgħid fil-ħidma pastorali tal-parroċċa tagħna. Fr. Simon ġej mill-parroċċa ta’ San Ġorġ, ir-Rabat u fl-ewwel snin tas-saċerdozju tiegħu kien jistudja u jaħdem ġewwa Ruma.

NIBDEW IL-KATEKIZMU

Din il-ġimgħa nibdew it-tagħlim tal-katekiżmu:

  • Taż-żgħar fiċ-Ċentru Parrokkjali
  • Il-bniet minn Yr 4 ‘il fuq fil-qasam tal-Museum Bniet li din is-Sena ser ikun fil-blokka tal-flats “FAITH” fi Triq J.F. de Chambray.

Inkomplu nħeġġu lill-ġenituri jieħdu ħsieb li wliedhom jattendu. Tajjeb ninnutaw il-koperazzjoni li sibna mill-ġenituri fil-bidu ta’ din is-sena.  Inkomplu hekk anke fil-laqgħat ta’ formazzjoni li għandna għalikom.

MUSEUM BNIET – MITT SENA FOSTNA

Għajnsielem kien minn tal-ewwel, li laqgħa fi ħdanu l-Museum tal-Bniet mitt sena ilu proprju fl-1 ta’ Ottubru 1915.

TIFKIRA. Bħala tifkira ta’din l-okkażjoni sabiħa, is-Soċjetà tal-Museum tal-Bniet qed twassal ktejjeb ferm sabiħ bi ħsibijiet qosra u ta’ tagħlim għal kuljum meħud mill-ktieb Id-Direttorju Spiritwali ta’ San Ġorġ Preca.

Dan ser jitqassam b’xejn u qed jaslilkom ma’ dan il-bullettin.

NITOLBU ĦAFNA GĦAS-SOĊJETÀ TAL-MUSEUM

NIRRINGRAZZJAW LIL ALLA

GĦAL DAN ID-DON FIL-GŻIRA TAGĦNA.

IT-TAGĦLIM

HU L-GĦAJN TA’ KULL ĠID

SEJĦA lil dawk it-tfal u studenti subien li jixtiequ jagħtu s-servizz tagħhom bħala abbatini fil-parroċċa. Inkitbu għand id-Djaknu Massimo Buttigieg meta jkun hawn fil-weekend jew ikkuntattjawh fuq 79318495.

QUDDIESA GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Il-quddiesa tal-10am tal-Ħadd 11 ta’ Ottubru tkun animata miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ. Inħeġġu ż-żgħażagħ jieħdu sehem sħiħ.

RADJU LAURETANA

Inkomplu ngħinu ħalli titħallas l-ispiża li ntefqet biex setgħu jitranġaw is-soqfa tal-istudios. Grazzi tad-donazzjonijiet tagħkom. Fadal jinġabru €1,997.

GĦOTI TA’ DEMM

Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm jappella lil kulmin hu f’saħħtu biex jagħti d-demm biex ir-riserva f’pajjiżna dejjem tkun adekwata għal dak kollu li jista’ jinqala’.

Is-sessjoni ta’ għoti li jmiss li ssir fid-Dipartiment tal-Outpatients, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex tkun It-Tlieta 13 t’Otubru mis-1:00pm sal-5:00pm -l-aħħar reġistrazzjoni. Tiġi ippreżentata l-Karta tal-Identità.

KOMMUNITÀ EWKARISTIKA

Il-laqgħat  jerġgħu jibdew fiċ-Ċentru Parrokkjali:

Is-Sibt 10 ta’ Ottubru fis-7.00pm għall-koppji

It-Tlieta 13 ta’ Ottubru fis-6.45pm

GRAZZI

  • Għas-Sagristiji: R.Debono, NY €100, NN Triq Għajnsielem €100, Gorga Galea toffri €100 b’suffraġju ta’ Rosa Galea f’għeluq it-30 sena mill-mewt tagħha.
  • Lil dawk li ta’ kull nhar ta’ Ħadd wara nofsinhar jattendu għat-tombla b’risq il-knisja u l-festa tagħna fiċ-Ċentru Parrokkjali.

EWRO COLLECTION

Matul il-quddies ta’ dan il-weekend, il-ġabra fil-knisja tkun għall-festa 2016. Ngħinu mill-aħjar li nistgħu. Nagħtu Ewro jew aktar.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Lorenza Scicluna toffri €20 b’suffraġju tar-ruħ għażiża ta’ binha Frankie f’għeluq l-għaxar snin mill-mewt tiegħu fl-14 ta’ Ottubru kif ukoll tal-erwieħ għeżież ta’ binha Joe u żewġha Carmelo Scicluna.

Mulej agħtihom il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 2 ta’ Ottubru 2015

Ottubru Ix-Xahar tar-Rużarju

Matul dan ix-xahar ta’ kull ġimgħa ser inġibu siltiet mill-Ittra Appostolika dwar ir-Rużarju Mqaddes li kien kiteb San Ġwanni Pawlu II ROSARIUM VIRGINIS MARIAE. Hija ittra mimlija tagħlim sabiħ dwar din it-talba.

Ir-Rużarju tal-Verġni Marija, li ssawwar bil-mod il-mod matul it-tieni millennju taħt il-ħarsien ta’ l-Ispirtu ta’ Alla, huwa talba li ħafna Qaddisin għożżewha u li l-Maġisteru tal-Knisja jinkoraġġiha.  Fis-sempliċità u l-profondità tagħha,  din  tibqa’ talba b’tifsira kbira, anki f’dan it-tielet millennju li għadu kemm beda, u għandha twassal għal ħafna frott ta’ qdusija.  Tinkwadra tajjeb fil-mixja spiritwali tal-kristjaneżmu, li wara elfejn sena ma tilef xejn mis-safa tiegħu tal-bidu, u  jħoss l-Ispirtu ta’ Alla jqanqlu  biex «jaqdef ‘il barra  fil-fond» (« duc in altum! ») ħalli mill-ġdid jxandar quddiem id-dinja, anzi ‘jgħajjat’ b’leħen għoli, li Kristu huwa l-Mulej u l-Feddej, «it-triq, is-sewwa u l-ħajja » (Ġw 14, 6),  li huwa « l-iskop ta’ l-istorja tal-bniedem, il-punt li lejh  jieħdu x-xewqat ta’ l-istorja u taċ-ċiviltà ».

Fil-fatt, għalkemm ir-Rużarju  hu ta’ xejra marjana ċara ħafna, imma fil-qalba tiegħu hu kristuċentriku. Fis-sobrjetà  ta’ l-elementi tiegħu, insibu miġbura l-profondità tal-messaġġ ta’ l-Evanġelju kollu kemm hu; kważi nistgħu ngħidu li hu kompendju tiegħu. Fih tidwi t-talba ta’ Marija, il-Magnificat dejjiemi tagħha għall-opra fejjieda ta’ l-Inkarnazzjoni li bdiet fil-ġuf verġinali tagħha.   Bir-Rużarju, il-poplu nisrani jpoġġi ruħu fl-iskola ta’ Marija,  u jasal biex  jikkontempla l-ġmiel tal-wiċċ ta’ Kristu u  jagħmel esperjenza tal-kobor bla qies ta’ l-imħabba  tiegħu.  Bir-Rużarju, il-fidili  jistgħu jirċievu kotra kbira ta’ grazzja,  bħal qishom jirċevuha mill-idejn stess ta’ Omm il-Feddej.

FESTA TAL-MADONNA TAR-RUŻARJU

Il-Ħadd 4 ta’ Ottubru jkollna l-quddiesa fil-5pm animata mill-Kor Lauretana. Wara toħroġ il-purċissjoni. Inħeġġu lill-fratelli sabiex jakkumpanjaw. Fi tmiem il-purċissjoni jkollna Ċelebrazzjoni Ewkaristika fil-Knisja.

NITOLBU R-RUŻARJU FIL-FAMILJI TAGĦNA

GĦALL-PAĊI FID-DINJA U GĦAS-SINODU TAL-ISQFIJIET

KATEKIŻMU TAT-TFAL

Il-ħinijiet u l-postijiet tat-tagħlim:

MUSEUM SUBIEN GĦAJNSIELEM

Mit-Tnejn 5 ta’ Ottubru 2015

Il-Years 4, 5 u 6 it-Tlieta u l-Ġimgħa: lezzjoni bejn 5:10pm u 5:55pm. Il-Museum jiftaħ fil-4:45pm.

Mill-Form 1 sal-Form 5 (Preparatorja, Magħżulin u Aspiranti) ikollhom it-Tnejn, it-Tlieta, il-Ħamis, il-Ġimgħa u s-Sibt bejn is-6:45pm u 7:15pm.

Rigward il-Ħadd ikun ftit differenti. Il-lezzjoni ssir fit-3:00pm u wara jkun hemm ħarġa. Din tkun għall-klassijiet mill-Form 1 sal-Form 5.

Year 4: Nitolbu lill-ġenituri tat-tfal subien tal-year 4 li ser jattendu l-Museum tas-Subien sabiex jiktbu lit-tfal tagħhom fil-ħinijiet li jkun miftuħ il-Museum

MUSEUM BNIET GĦAJNSIELEM

Mit-Tnejn 12 ta’ Ottubru 2015

Years 4,5 u 6: it-Tlieta u l-Ħamis mill-5 sas-5.45pm.

Form 1: It-Tlieta, il-Ħamis u l-Ġimgħa:4.30 sa 5pm.

Form 2: Nhar ta’ Ħamis fil-5pm.

L-EWWEL TLIET SNIN

Mit-Tnejn 12 ta’ Ottubru 2015

Year 1 Grupp l-Erbgħa u ieħor il-Ħamis 4-5pm

Year 2 Grupp It-Tnejn u t-Tlieta

            u ieħor L-Erbgħa u l-Ħamis.  4-5pm

Year 3 Grupp it-Tnejn u l-Erbgħa u

             ieħor it-Tlieta u l-Ħamis.    4-5pm

QUDDIESA TAL-BIDU

Din tkun il-Ħadd 4 ta’ Ottubru fil-Knisja Parrokkjali fil-5pm. Fiha jingħata l-mandat lill-Katekisti.

Nistiednu lit-tfal u l-istudenti kollha mill-Year 1 sa Form 2, katekisti, membri tal-Museum u l-ġenituri biex ninġabru flimkien għal din il-quddiesa u nitolbu flimkien lil Ommna Marija tar-Rużarju. Wara jkollna l-purċissjoni tar-Rużarju.

SEJĦA lil dawk it-tfal u studenti subien li jixtiequ jagħtu s-servizz tagħhom bħala abbatini fil-parroċċa. Inkitbu għand id-Djaknu Massimo Buttigieg meta jkun hawn fil-weekend jew ikkuntattjawh fuq 79318495

KOMMUNITÀ EWKARISTIKA

Il-laqgħat tal-Kommunità jerġgħu jibdew hekk:

Is-Sibt 10 ta’ Ottubru: il-Komunità tal-koppji mmexxija minn Fr. Joseph Farrugia

It-Tlieta 13 ta’ Ottubru: il-Komunità għal kulħadd immexxija mill-Arċipriet Dun Frankie Bajada.

L-ADORAZZJONI FIL-KNISJA L-QADIMA

Mis-SIBT  3 ta’ Ottubru ser tibda tkun il-ġurnata kollha. Minn dakinhar ukoll, kull nhar ta’ Sibt sal-aħħar ta’ Ottubru l-Adorazzjoni tibqa’ sad-9.00pm.

RADJU LAURETANA

Ix-xogħol fuq is-soqfa tal-istudios huwa lest. Inkomplu ngħinu ħalli niġbru l-fondi meħtieġa biex ix-xogħol jitħallas. Fadal jinġabru €2,177.

GĦOTI TA’ DEMM fid-Dipartiment tal-Outpatients, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex il-Ħadd 4 t’Ottubru mit-8am sas-1pm (l-aħħar reġistrazzjoni ssir sas-1pm).Is-Servizz waqt li jirringrazzja bil-quddiem lil dawk kollha li ser jersqu biex jagħtu d-demm ifakkar li dejjem tiġi ippreżentata l-Karta tal-Identità.

GRAZZI Għas-sagristiji: Mario Xuereb u Kelina Sultana (Awstralja) – €300

L-uffiċċju tal-anzjani fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex javża lill-anzjani li l-korsijiet tal-Università tat-tielet Età ser jibdew il-Ġimgħa 16 ta’ Ottubru  fiċ-Ċentru ta’ matul il-Jum għall-anzjani f’Għajnsielem. Applikazzjonijiet mill-Kunsill Lokali.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Veronica Buttigieg toffri €20 b’suffraġju ta’ żewġha Frenċu Buttigieg f’għeluq id-9 snin mill-mewt tiegħu fl-1 ta’ Ottubru.
  • Frenċu Xuereb flimkien ma’ uliedu Melissa u Jenniferoffri €20 b’suffraġju tal-għażiża martu Stella f’għeluq is-sentejn mill-mewt tagħha fit-8 ta’ Ottubru.

IT-TAGĦLIM HU L-GĦAJN TA’ KULL ĠID