Bullettin 9 ta’ Ottubru 2015

Ottubru Ix-Xahar tar-Rużarju

Matul dan ix-xahar qed inġibu siltiet mill-Ittra Appostolika dwar ir-Rużarju Mqaddes li kien kiteb San Ġwanni Pawlu II – ROSARIUM VIRGINIS MARIAE fl-2002. Hija ittra mimlija tagħlim sabiħ dwar din it-talba tant qadima imma fl-istess ħin tant attwali.

Ir-Rużarju: Talba għall-paċi u għall-familja

Hemm ċirkustanzi storiċi li jkomplu juruna kemm hu meħtieġ li ngħidu r-Rużarju.   L-ewwel waħda fosthom hi l-ħtieġa kbira li nitolbu lil Alla għad-don tal-paċi. Kien hemm diversi drabi meta il-Predeċessuri tiegħi u jien ipproponejna r-Rużarju bħala talba għall-paċi.  F’dan il-millennju li beda bl-attakk ikrah tal-11 ta’ Settembru 2001 u li fih kuljum nisimgħu b’sitwazzjonijiet ġodda mdemma u vjolenti f’tant postijiet fid-dinja, li niskopru mill-ġdid ir-Rużarju jfisser li nikkontemplaw il-misteru ta’ Dak li  hu «s-sliem tagħna», li minn «tnejn għamel poplu wieħed, billi ġarraf il-ħajt li kien jifridna, il-mibegħda ta’ bejnietna» (Efes 2, 14).  Ma nistgħux nitolbu r-Rużarju mingħajr ma nħossu l-impenn preċiż li nagħtu s-sehem tagħna għall-paċi, b’ħarsa  speċjali lejn l-art  fejn għex Ġesù, li hi daqshekk imġarrba u tant għażiża għal qalb tan-nisrani.

L-istess ħtieġa kbira għal impenn u talb tinħass ukoll f’qasam kritiku ieħor ta’ żmienna: il-qasam tal-familja, ċellula tas-soċjetà, li qed tkun dejjem aktar  mhedda minn qawwiet li jridu jeqirduha fuq livell ideoloġiku u prattiku, u li jwassluk biex titħasseb dwar il-ġejjieni ta’ din l-istituzzjoni fundamentali u importanti, li magħha hemm marbut il-ġejjieni tas-soċjetà kollha kemm hi.   Fil-kuntest wiesa’ tal-pastorali tal-familja, il-ħeġġa biex il-familji nsara  jgħidu r-Rużarju, nistgħu nipproponuha bħala għajnuna biex wieħed jilqa’ kontra l-effetti koroh ta’ din il-kriżi ta’ żmienna.

NITOLBU R-RUŻARJU FIL-FAMILJI TAGĦNA

GĦALL-PAĊI FID-DINJA U GĦAS-SINODU TAL-ISQFIJIET

MERĦBA FOSTNA

Lil Fr. Simon Cachia li ġie mibgħut mill-Isqof biex jgħid fil-ħidma pastorali tal-parroċċa tagħna. Fr. Simon ġej mill-parroċċa ta’ San Ġorġ, ir-Rabat u fl-ewwel snin tas-saċerdozju tiegħu kien jistudja u jaħdem ġewwa Ruma.

NIBDEW IL-KATEKIZMU

Din il-ġimgħa nibdew it-tagħlim tal-katekiżmu:

  • Taż-żgħar fiċ-Ċentru Parrokkjali
  • Il-bniet minn Yr 4 ‘il fuq fil-qasam tal-Museum Bniet li din is-Sena ser ikun fil-blokka tal-flats “FAITH” fi Triq J.F. de Chambray.

Inkomplu nħeġġu lill-ġenituri jieħdu ħsieb li wliedhom jattendu. Tajjeb ninnutaw il-koperazzjoni li sibna mill-ġenituri fil-bidu ta’ din is-sena.  Inkomplu hekk anke fil-laqgħat ta’ formazzjoni li għandna għalikom.

MUSEUM BNIET – MITT SENA FOSTNA

Għajnsielem kien minn tal-ewwel, li laqgħa fi ħdanu l-Museum tal-Bniet mitt sena ilu proprju fl-1 ta’ Ottubru 1915.

TIFKIRA. Bħala tifkira ta’din l-okkażjoni sabiħa, is-Soċjetà tal-Museum tal-Bniet qed twassal ktejjeb ferm sabiħ bi ħsibijiet qosra u ta’ tagħlim għal kuljum meħud mill-ktieb Id-Direttorju Spiritwali ta’ San Ġorġ Preca.

Dan ser jitqassam b’xejn u qed jaslilkom ma’ dan il-bullettin.

NITOLBU ĦAFNA GĦAS-SOĊJETÀ TAL-MUSEUM

NIRRINGRAZZJAW LIL ALLA

GĦAL DAN ID-DON FIL-GŻIRA TAGĦNA.

IT-TAGĦLIM

HU L-GĦAJN TA’ KULL ĠID

SEJĦA lil dawk it-tfal u studenti subien li jixtiequ jagħtu s-servizz tagħhom bħala abbatini fil-parroċċa. Inkitbu għand id-Djaknu Massimo Buttigieg meta jkun hawn fil-weekend jew ikkuntattjawh fuq 79318495.

QUDDIESA GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Il-quddiesa tal-10am tal-Ħadd 11 ta’ Ottubru tkun animata miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ. Inħeġġu ż-żgħażagħ jieħdu sehem sħiħ.

RADJU LAURETANA

Inkomplu ngħinu ħalli titħallas l-ispiża li ntefqet biex setgħu jitranġaw is-soqfa tal-istudios. Grazzi tad-donazzjonijiet tagħkom. Fadal jinġabru €1,997.

GĦOTI TA’ DEMM

Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm jappella lil kulmin hu f’saħħtu biex jagħti d-demm biex ir-riserva f’pajjiżna dejjem tkun adekwata għal dak kollu li jista’ jinqala’.

Is-sessjoni ta’ għoti li jmiss li ssir fid-Dipartiment tal-Outpatients, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex tkun It-Tlieta 13 t’Otubru mis-1:00pm sal-5:00pm -l-aħħar reġistrazzjoni. Tiġi ippreżentata l-Karta tal-Identità.

KOMMUNITÀ EWKARISTIKA

Il-laqgħat  jerġgħu jibdew fiċ-Ċentru Parrokkjali:

Is-Sibt 10 ta’ Ottubru fis-7.00pm għall-koppji

It-Tlieta 13 ta’ Ottubru fis-6.45pm

GRAZZI

  • Għas-Sagristiji: R.Debono, NY €100, NN Triq Għajnsielem €100, Gorga Galea toffri €100 b’suffraġju ta’ Rosa Galea f’għeluq it-30 sena mill-mewt tagħha.
  • Lil dawk li ta’ kull nhar ta’ Ħadd wara nofsinhar jattendu għat-tombla b’risq il-knisja u l-festa tagħna fiċ-Ċentru Parrokkjali.

EWRO COLLECTION

Matul il-quddies ta’ dan il-weekend, il-ġabra fil-knisja tkun għall-festa 2016. Ngħinu mill-aħjar li nistgħu. Nagħtu Ewro jew aktar.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Lorenza Scicluna toffri €20 b’suffraġju tar-ruħ għażiża ta’ binha Frankie f’għeluq l-għaxar snin mill-mewt tiegħu fl-14 ta’ Ottubru kif ukoll tal-erwieħ għeżież ta’ binha Joe u żewġha Carmelo Scicluna.

Mulej agħtihom il-mistrieħ ta’ dejjem.