Monthly Archives: December 2015

Bullettin 25 ta’ Diċembru 2015

IS-SENA L-ĠDIDA 2016

Kemm kont għaqli/ja u ġeneruz/a ma’ Ġesù?

Hija drawwa sabiħa ħafna li meta toqrob il-festa tal-Milied nagħtu lil xulxin ix-xewqat tajba tagħna; xewqat ta’ hena, ferħ, ġid, paċi u sliem. L-istess nagħmlu għas-sena l-ġdida li tibda wara din il-festa għażiża għalina tat-tifkira ta’ Ġesù fostna. Iżda tajjeb li nirriflettu li nkunu qed niżbaljaw bħal ħafna bnedmin oħra li bil-‘Milied it-Tajjeb’ u b’‘Sena Ġdida’ nifħmu Milied u sena ta’ ħafna ġid materjali; sena jew Milied bil-parties u divertimenti oħra. Il-festa tat-Twelid ta’ Gesù minn Marija Verġni u sena ġdida għandhom ikollhom tifsira aktar spiritwali u li jressquna lejn Alla l-Imbierek. Jekk aħna nagħmlu sew eżami tal-kuxjenza qabel dawn il-festi u ma nħossu ebda piż fuqha, għandna għax niżżu ħajr lill-Mulej.

Tassew li jkollok għax tifraħ fil-Mulej jekk matul din is-sena int wettaqt id-dmirijiet tiegħek mill-aħjar li stajt bħala nisrani/nisranija. Taħseb li bl-eżempju, bl-imġiba u bil-kelma tiegħek ġġedditt b’ħajja aktar magħquda miegħu? Wettaqt b’imħabba dak kollu li jitlob minna l-Mulej Ġesu’? Taħseb li weġibt għas-sejħat u l-istedin kollu li għamillek fil-kuxjenza tiegħek il-Mulej matul is-sena? Kont preżenti għal tant okkażjonijiet ta’ talb u tagħlim li toffri l-parroċċa? Kemm drabi tajt daqqa t’id? Ħarġet xi kelma minn fommok li tgħaqqad l-imġiba ta’ sħabek ma’ tiegħek? Jew…? Kemm kont fidil/a fid-dmirijiet tiegħek? U taħseb li biżżejjed li nirriflettu u nagħmlu eżami tal-kuxjenza lejn l-aħħar tas-sena biss?

Mela, ħija, oħti, ejjew inkunu nsara awtentiċi u mbagħad tassew li nkunu kapaci biżżejjed biex lil Gesù ma nħalluh qatt fuq l-għatba tal-bieb tal-qalb tagħna; u l-Milied it-Tajjeb ikun kuljum mhux fil-25 ta’ Diċembru biss.

Nawguraw sena mimlija bil-Mulej lil xulxin!

FTUĦ TAL-BIEB TAL-ĠUBLEW FIS-SANTWARJU TA’ PINU

IL-ĦADD 27 ta’ Diċembru fil-5.00pm.

L-EWWEL SIBT TAX-XAĦAR

Is-Sibt 2 ta’ Jannar l-Adorazzjoni tkun fil-Knisja l-Qadima. Fit-3.30pm rużarju u quddiesa. Wara l-quddiesa, l-Adorazzjoni Ewkaristika tkompli sad-9pm.

KALENDARJU PARROKKJALI

Qed jasallek b’xejn ma’ dan il-bullettin. Napprezzaw kull offerta.

JIBDEW IL-KWARANTURI MQADDSA

L-Erbgħa 30 ta’ Diċembru permezz tal-quddiesa tad-9am nagħtu bidu għall-jiem tal-Kwaranturi Mqaddsa. L-Adorazzjoni Ewkaristika dawn il-ġranet tkun fil-Knisja Parrokkjali. Insibu ħin biex inqattgħuħ ma’ Ġesu’ Ħaj fl-Ewkaristija.

9.30 – 10 am Adorazzjoni għat-tfal kollha minn Year 4 sa Form 1.

Il-Ħamis 31 ta’ Diċembru huwa l-aħħar jum tas-sena. L-Adorazzjoni Ewkaristika tibda wara l-quddiesa tad-9am. Filgħaxija fis-6.30pm rużarju u fis-7pm Konċelebrazzjoni Solenni tal-aħħar tas-sena bil-Kant tat-Te Deum. Fit-8pm jibda lejl ta’ talb li jwassal sal-ħin tal-11pm fejn ikollna l-aħħar quddiesa tas-sena. Wara mmorru lkoll iċ-Ċentru Parrokjali biex flimkien nistennew il-bidu tas-Sena l-Ġdida 2016.

Il-Ġimgħa l-1 ta’ Jannar il-quddies ikun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd. L-Adorazzjoni Ewkaristika tibda wara l-quddiesa tal-10am. Filgħaxija fl-4pm (u mħux fil-5pm) ikollna Konċelebrazzjoni Solenni mmexxija mill-Arċipriet u animata miż-żgħażagħ tal-parroċċa. Wara l-quddiesa – purċissjoni bis-Santissimu Sagrament. Nattendu lkoll bi ħġarna, kbar u żgħar. Il-fratelli mistiedna jakkumpanjaw il-purċissjoni. Tajjeb li nżejnu t-twieqi u l-galleriji tagħna minn fejn ser jgħaddi Ġesu’ Ħaj fl-Ewkaristija. Hekk kif il-purċissjoni tidħol lura fil-knisja jkollna Ċelebrazzjoni Ewkaristika.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Is-Sibt 26 ta’ Diċembru fil-Knisja tal-Munxar bejn is-6.15 u t-8.15pm. Trasport mill-Pjazza fis-5.45pm.

L-Arċipriet

flimkien mas-Saċerdoti

u l-Kunsill Parrokkjali, jawguraw lil kulħadd

Sena Ġdida

mimlija Saħħa, Paċi u Barka

li jaf jagħti biss Ġesu’ Bambin

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-Milied tkompli bil-kbir. Ibqgħu segwuna. Ser ikollna kollegamenti diretti u esklussivi mill-Italja ta’ Fuq fejn ser nassistu għat-tluq tas-Slaten Maġi għal Malta. Il-Ħadd 3 ta’ Jannar insegwu l-wasla tagħhom mill-Mellieħa għal Ta’ Passi.

IS-SIĠRA TAL-KARITÀ Nieħdu karta mis-siġra, naraw liema oġġett ikun hemm miktub u nġibuh taħt l-istess siġra. Dak kollu li jinġabar jingħata lill-familji fil-bżonn u tfal li qegħdin fid-Djar tat-Tfal. M’hemmx għalfejn li l-oġġetti jkunu mgeżwra f’karta tal-Milied. Nuru solidarjeta’ ma’ min hu tant fil-bżonn.

FESTIN tal-Milied:  Tfal tal-Katekiżmu Yrs 1-3: Nhar L-Erbgħa 30 ta’ Diċembru, 2015. Nibdew b’mument ta’ talb quddiem Ġesù Ewkaristija fil-Knisja fit-3.30pm u wara fiċ-Ċentru Parrokkjali. Dan il-party huwa offrut mill-Parroċċa.

MIĊ- ĊENTRU PARROKKJALI

  • It-Tnejn 28 ta’ Diċembru

   Serata tal-Milied. Tibda fis-7pm.

  • It-Tlieta 29 ta’ Diċembru: L-ikla tal-Milied

Fil-Cornucopia Hotel, ix-Xagħra – 7.30pm. Biljetti mill-Uffiċċju Parrokkjali jew Radju Lauretana: Kbar €22. Tfal bejn 4 snin u Form 2 – €12. Ikun hemm entertainment u rigali b’xejn lit-tfal kollha.

GĦOTI TA’ DEMM

il-Ħadd 27 ta’ Diċembru fid-Dipartiment tal-Outpatients, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. L-għoti tad-demm jista’ jsir mit-8:00am sas-1:00pm (l-aħħar reġistrazzjoni tista’ ssir sas-1:00pm).

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Rita Link toffri €20 b’suffraġju tal-għażiż żewġha Hans-Joachim Link (John) f’għeluq ir-4 anniversarju mill-mewt tiegħu fit-2 ta’ Jannar u b’suffraġju ta’ Rosa Link u Ġużepp u Loreta Saliba.

Bullettin 18 ta’ Diċembru 2015

       Il-Milied Wasal …

 Il-Papa Franġisku jgħidilna:         Nixtieq nirrifletti magħkom fuq it- Twelid ta’ Ġesù, festa tal-fiduċja u tat-tama, li tirbaħ fuq l-inċertezza u l-pessimiżmu.  U r-raġuni tat-tama tagħna hi din: Alla hu magħna u għadu jafda fina!  Imma aħsbu sewwa fuq dan: Alla hu magħna u għadu jafda fina! Hu ġeneruż dan Alla l-Missier!  Hu jinżel jgħammar fost il-bnedmin, jagħżel id-dinja bħala għamara tiegħu biex joqgħod mal-bniedem u jgħix propju hemm fejn il-bniedem iqatta’ jiemu fil-ferħ u fin-niket.  Minħabba f’hekk, id-dinja m’għadhiex biss “wied ta’ dmugħ”, imma hi l-post fejn Alla nnifsu waqqaf l-għarix tiegħu, hi l-imkien tal-laqgħa ta’ Alla mal-bniedem, tas-solidarjetà ta’ Alla mal-bnedmin.

Alla ried jaqsam fil-kundizzjoni umana tagħna tant li sar ħaġa waħda magħna fil-persuna ta’ Ġesù, li hu veru bniedem u veru Alla.  Imma, terġa’, hemm ħaġa wisq iżjed sorprendenti.  Il-preżenza ta’ Alla qalb il-bnedmin fir-realtà ma seħħitx b’xi mod ideali, imma f’din id-dinja reali, immarkata minn tant ħwejjeġ tajbin u ħżiena, milquta minn firdiet, mibegħda, faqar, prepotenzi u gwerer.  Hu għażel li jgħix fl-istorja tagħna hekk kif inhi, bil-piż kollu tagħha u tad-drama tagħha.  B’hekk wera b’mod insuperabbli l-inklinazzjoni tiegħu għall-ħniena u l-imħabba lejn il-ħlejjaq umani.  Hu l-Alla-magħna; Ġesù hu Alla-magħna.  Dan intom temmnuh?  Nagħmluha flimkien din l-istqarrija: Ġesù hu Alla-magħna!  Ġesù hu Alla-magħna sa minn dejjem u għal dejjem magħna fit-tbatijiet u fl-uġigħ ta’ l-istorja.  It-Twelid ta’ Ġesù juri li Alla “intefa’” darba għal dejjem fuq in-naħa tal-bniedem, biex jifdina, biex jgħollina ’l fuq minn qalb it-trab tal-miżerji tagħna, tad-diffikultajiet tagħna, ta’ dnubietna.

Minn hawn ġej ir-“rigal” kbir tat-Tarbija ta’ Betlehem: Hi ġġibilna enerġija spiritwali li tgħinna biex ma negħrqux fit-tbatijiet tagħna, fil-qtigħ il-qalb, fin-niket, għax hi enerġija li tkebbes u tbiddel il-qalb.  It-twelid ta’ Ġesù, fil-fatt, iġibilna miegħu l-aħbar sabiħa li Alla lilna jħobbna immensament u singularment, u din l-imħabba mhux biss jurihielna, imma jagħtihielna, jikkomunikahielna!

Nintelqu f’idejn l-interċessjoni materna ta’ Marija, Omm ta’ Ġesù u ommna, biex tgħinna f’dan il-Milied Imqaddes, li issa hu fil-qrib, ħalli nagħrfu fil-wiċċ tal-proxxmu tagħna, speċjalment tal-persuni l-dgħajfa u emarġinati, ix-xbieha tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem.                                                (Angelus 18 ta’ Diċembru 2013)

 GRAZZI U AWGURI LIL DAWK KOLLHA NVOLUTI BIEX IWASSLULEK DAN IL-BULLETTIN TA’ KULL ĠIMGĦA u LILEK LI SSEGWIH.

IN-NOVENA TAL-MILIED

In-Novena tkompli sal-Erbgħa 23 ta’ Diċembru. Inkomplu nattendu għall-quddiesa tas-6pm ħalli nkunu ppreparati lkoll għall-festa tal-Milied.

LEJLET IL-MILIED

Il-Ħamis 24 ta’ Diċembru

Fl-Okkażjoni tas-Sena tal-Ġublew tal-Ħniena

4.30 -8.00pm: QRAR FIL-KNISJA PARROKKJALI

10.00pm     Id-Dimostrazzjoni bl-Istatwa ta’ Ġesu’ Bambin titlaq minn Bethlehem f’Għajnsielem akkumpanjata mill-Banda San Ġużepp.

10.45pm     Programm tat-Tfal u l-Istudenti li jattendu l-Museum fil-Knisja. Ikollna l-priedka tat-tifel li din is-sena ser issir minn Carl Caruana.

11.30pm     Talb tas-Salmi

12.00am     Konċelebrazzjoni Solenni tal-Lejl tal-Milied.

FIL-MILIED il-quddies ikun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd.

L-Arċipriet,

Is-Saċerdoti u l-Kunsill Parrokkjali

jawguraw Milied Qaddis

lill-Għajnselmiżi kollha,

speċjalment lill-morda, lill-anzjani, lill-emigranti tagħna u lil dawk li dan il-Milied għaddejjin minn żminijiet iebsa u ta’ tbatija

QRAR: L-Erbgħa 23 ta’ Diċembru: mill-5.30 ‘l quddiem. Il-Ħamis 24, mill-4.30 sa 8pm.

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-Milied tissokta. Komplu segwu l-programmi u x-xandiriet speċjali għal dan il-Milied. Is-Sibt 26 ta’ Diċembru Radju Lauretana jxandar l-Istrina diretta mill-Kumpless Sportiv ta’ Bormla.

ĠABRA GĦALL-FESTA: €2449

Euro Collection Diċembru: €405.

GRAZZI MILL-QALB LIL DAWK KOLLHA LI TAW L-OFFERTA TAGĦHOM

MIĊ- ĊENTRU PARROKKJALI

It-Tnejn 28 ta’ Diċembru: Serata tal-Milied

It-Tlieta 29 ta’ Diċembru: L-ikla tal-Milied

Fil-Cornucopia Hotel, ix-Xagħra. Biljetti mill-Uffiċċju Parrokkjali jew Radju Lauretana: Kbar €22. Tfal bejn 4 snin u Form 2 – €12.

GĦOTI TA’ DEMM   

Il-Ħadd, 20 ta’ Diċembru,  ser issir Festa ta’ Ferħ fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex akkompanjata b’sessjoni ta’ għoti ta’ demm. L-attività tibda b’quddiesa fid-9am fil-kappella tal-isptar mill-E.T. Mons Isqof li ser tixxandar dirett fuq TVM. Wara jkun hemm programm ta’ kant u daqq tal-Milied mal-isptar kollu filwaqt li Father Christmas iqassam ħelu jew rigali fl-isptar. Din ser tkun okkażjoni eċċellenti fejn il-pubbliku bejn it-8am u s-1pm ikun jista’ jagħmel donazzjoni tad-demm. Importanti li tieħdu magħkom il-Karta tal-Identita’.

MILL-MUSEUM TAL-BNIET

Party tal-Milied nhar it-Tlieta 22 ta’ Diċembru fil-4.45pm fil-qasam tal-bniet.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI: Nhar is-Sibt 26 ta’ Diċembru fil-Knisja tal-Munxar bejn is-6.15 u t-8.15pm. Trasport mill-Pjazza fis-5.45pm.

ILQA’ FI ĦDANEK

Ilqa’ Mulej u ħaddan miegħek lir-ruħ għażiża ta’ Anthony Azzopardi (Ġiġi) mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li twieled għall-ħajja ta’ dejjem nhar it-12 ta’ Diċembru fl-għomor ta’ 84 sena.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTA GHALL-BULLETTIN

Il-familja Zerafa joffru €20 għall-bullettin b’suffraġju ta’ Ġanni Zerafa f’għeluq l-14-il sena mill-mewt tiegħu fil-21 ta’ Diċembru u għal ruħ ommhom Maria Zerafa.

MILIED TAJJEB U QADDIS

JIBDA BI QRARA TAJBA U S-SEHEM FL-EWKARISTIJA.

 

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali      21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965

http://www.radjulauretana.com/parish

Bullettin 11 ta’ Diċembru 2015

It-3 Ħadd tal-Avvent Ejja Mulej Ġesù!

L-Avvent fil-Knisja tal-Punent

Fil-Knisja tal-Punent l-Ewwel Ħadd tal-Avvent jiġi Ħadd fuq il-festa ta’ Kristu Re. F’dan il-Ħadd tibda wkoll is-sena liturġika tal-Knisja u fl-istess jum jibda ċ-ċiklu tal-Milied li jispiċċa nhar it-2 ta’ Frar, festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej fit-Tempju – il-Gandlora.

L-Avvent fih madwar erba’ ġimgħat, it-Tielet Ħadd huwa Ħadd il-Ferħ (Gaudete); f’dan il-Ħadd, l-introjtu taċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika (quddiesa) jibda: ‘ Ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġa’ ngħidilkom ifirħu; il-Mulej qorob.’ ( Fil-4: 4-5)

Teknikament l-Avvent jispiċċa fil-24 ta’ Diċembru, lejlet il-Milied.

L-Avvent fil-Knisja Orjentali

Fil-Knisja Orjentali, l-Avvent huwa perjodu ta’ talb u sawm (inqas intensiv fis-sawm mir-Randan). F’ċerti pajjiżi dan il-perjodu jissejjaħ : Advent Fast jew Nativity Fast, dejjem bi preparazzjoni għall-Milied.

Dawk il-Knejjes li jiċċelebraw il-Milied nhar l-24 ta’ Diċembru, dan il-perjodu jibda l-għada tal-Festa ta’ San Filippu Appostlu fl-14 ta’ Novembru u jibqa’ sejjer għall-40 jum sal-24 ta’ Diċembru. Dawk il-Knejjes li jiċċelebraw il-Milied nhar is-7 jew 8 ta’ Jannar, l-Avvent jibda lejn l-aħħar ta’ Novembru.

Il-Kuluri Liturġiċi tal-Avvent

Fil-Knisja Rumana Kattolika, il-kulur liturġiku uffiċjali tal-Avvent huwa l-VJOLA. Għalhekk il-kulur tal-pjaneta taċ-ċelebrant fil-quddiesa jkun ta’ lewn vjola; fit-Tielet Ħadd tal-Avvent jintuża l-kulur ROŻA – simbolu tal-ferħ.

F’ħafna knejjes Anglikani u Protestanti fl-Avvent jintuża l-kulur BLU. Fit-Tielet Ħadd jintuża l-lewn roża.

EJJA MULEJ ĠESÙ – ID-DINJA QED TISTENNIEK!

EWRO COLLECTION

Matul il-quddies kollu ta’ dan il-weekend il-ġbir kollu ikun b’risq il-festa 2016. Fejn nistgħu nagħtu Ewro jew aktar. Grazzi ħafna.

IL-ĠUBLEW TAL-ĦNIENA

FTUĦ TAL-BIEB IL-ĠUBLEW

FIL-KATTIDRAL TAGĦNA

Il-Ħadd 13 ta’ Diċembru ser issir Ċelebrazzjoni Speċjali tal-Ftuħ tal-Bieb tal-Ġublew fil-Kattidral tagħna r-Rabat u tibda fil-5.30p.m. Din hija xi ħaġa ġdida li nieda l-Papa nnifsu għal dan il-Ġublew straordinarju tal-ħniena

ĠESÙ KRISTU HU WIĊĊ IL-ĦNIENA TAL-MISSIER

(MisericordiæVultus, 1)

IN-NOVENA TAL-MILIED

…WASLET

Tibda nhar it-Tlieta, 15 ta’ Diċembru

Il-Quddiesa matul il-ġimgħa tkun fis-6.00pm u l-Ħadd fl-10.00am

Nattendu lkoll, kbar u żgħar, fil-knisja biex nippreparaw spiritwalment għall-festa kbira tal-Milied. Safejn hu possibbli, ġenituri ejjew ma’ wliedkom – mument sabiħ li fih nistgħu nitolbu flimkien.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA –

F’Lourdes Home it-Tnejn 14 ta’ Diċembru mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Joe Xerri, kafe’ u tombla.

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-Milied tkompli. Komplu segwu l-programmi kollha u x-xandiriet speċjali li għandna għalikom għal dan il-Milied.

ĠABRA GĦALL-FESTA

Il-voluntiera tal-parroċċa qed jiġbru l-envelop bl-offerta ġeneruża tagħna. Grazzi ta’ kull offerta

GRAZZI Lill-Grupp tat-Tombla tal-Parroċċa għall-offerta sabiħa ta’ €300 għaċ-Ċentru Parrokkjali.

Mill-GĦAQDA MUŻIKALI SAN ĠUŻEPP

Ikla tal- Milied nhar is-Sibt li ġej 19 ta’ Diċembru fit-8pm fil-każin tal-banda. Prezz kbar €20 u żgħar 15-il Ewro. Biljetti mingħand tal-kumitat.

MIĊ- ĊENTRU PARROKKJALI

It-Tnejn 28 ta’ Diċembru: Serata tal-Milied

Dawk li jixtiequ jieħdu sehem f’din is-serata jistgħu jinkitbu fl-Uffiċċju Parrokkjali jew iċ-Ċentru stess sal-15 ta’ Diċembru.

It-Tlieta 29 ta’ Diċembru: L-ikla tal-Milied

Fil-Cornucopia Hotel, ix-Xagħra. Biljetti mill-Uffiċċju Parrokkjali

FTUĦ TA’ WIRJA

L-Għaqda Ħbieb tal-Presepju – Sezzjoni GĦajnsielem tixtieq tistieden lil-poplu t’Ghajnsielem għall-inawgurazzjoni tal-Wirja ‘Venite Adoremus’ fejn ser ikunu esebiti Presepji, Diorams u Pasturi Artistici nhar il-Ħadd 13 ta’ Diċembru fil-11.00am. Il-Wirja ser tinfetah mis-Sindku Franco Ciangura u titbierek mill-Arcipriet Rev. Dun Frankie Bajada.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 13 ta’ Diċembru ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mit-8am sas-1pm. Huwa importanti li wieħed jieħu miegħu l-karta tal-identità jew il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.

ILQA’ FI ĦDANEK

O Mulej, ilqa’ fi ħdanek ir-ruħ għażiża ta’ oħtna Maria Buttiġieġ li inti sejjaħtilha għal għandek minn ħdan il-kommunità parrokkjali tagħna nhar it-2 ta’ Diċembru fl-għomor ta’ 66 sena.

Mulej, agħtiha l-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTA GHALL-BULLETTIN

Il-familja Zerafa toffri €20 għall-bullettin b’suffraġju tal-familja Zerafa, ta’ ommhom Kelina u ta’ missierhom Pietru f’għeluq il-25 sena mill-mewt tiegħu fl-14 ta’ Diċembru.

 

Bullettin 4 ta’ Diċembru 2015

It-2 Ħadd ta’ l-Avvent

Il-Girlanda tal-Avvent

F’pajjiżna daħlet sewwa d-drawwa tal-girlanda tal-Avvent. Insibuha fl-iskejjel, fid-djar u fil-knejjes. Din il-girlanda x’aktarx li bdiet mill-pajjiżi tan-Nord, probbabilment fil-Ġermanija, madwar is-seklu sittax. Din il-girlanda tissinifika t-tama tal-bniedem f’Ġesu` Kristu li huwa d-dawl tad-dinja.

Il-girlanda hija magħmula minn weraq evergreen, li jissimbolizzaw il-kontinwazzjoni tal-ħajja, simbolu tal-imħabba ta’ Alla li ma tispiċċa qatt. Din il-girlanda tfisser ukoll il-kontinwita` tal-ħajja, b’attitudni Kristoġentrika qalb l-isfidi li wieħed jiltaqa’ magħhom. Tradizzjonalment, il-girlanda tal-Avvent tkun forma ta’ ċirku li jissimbolizza li l-imħabba ta’ Alla hija bla bidu u bla tmiem. Mad-dawra tagħha jkollha tliet xemgħat vjola u waħda roża. Kull ġimgħa, is-Sibt filgħaxija waqt l-Ewwel Għasar bi preparazzjoni għall-Ħadd, jew fil-quddiesa tas-Sibt filgħaxija, tinxtegħel xemgħa waħda. Hekk sa lejlet il-Milied l-erba’ xemgħat ikunu mixgħula. Dawn jissimbolizzaw qalb il-bniedem, liema qalb tkun bdiet tiddawwal sewwa; tkun qed tiġi mħejjija tajjeb biex tilqa’ fiha lil Ġesu’, li Hu d-dawl li ma jintefa’ qatt.

  • L-ewwel xemgħa li tinxtegħel għall-ewwel Ħadd tal-Avvent, tissejjaħ ix-xemgħa tal-Profeta; tissimbolizza t-Tama.
  • It-tieni xemgħa tissejjaħ ix-xemgħa ta’ Betlem, tissimbolizza l-Fidi.
  • It-tielet xemgħa (lewn roża) tissejjaħ ix-xemgħa tar-Rgħajja, tissimbolizza l-Ferħ.
  • Ir-raba’ xemgħa tissejjaħ ix-xemgħa tal-Anġli, tissimbolizza l-Paċi.

FTUĦ TAL-ĠUBLEW

Nhar it-Tlieta 8 ta’ Diċembru ser jibda l-Ġublew tal-Ħniena imsejjaħ minn Papa Franġisku tal-Bulla ta’ Indizzjoni MisericordiæVultus. Radju Lauretana ser jagħti xandira diretta mill-Vatikan fid-9.30am tal-ftuħ tal-Ġublew mill-Papa Franġisku.

Il-Ħadd 13 ta’ Diċembru ser issir Ċelebrazzjoni Speċjali tal-Ftuħ tal-Bieb tal-Ġublew fil-Kattidral tagħna r-Rabat u tibda fil-5.30p.m. Din hija xi ħaġa ġdida li nieda l-Papa nnifsu għal dan il-Ġublew.

ĠESÙ KRISTU HU WIĊĊ IL-ĦNIENA TAL-MISSIER

(MisericordiæVultus, 1)

FESTA TAL-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI

It-Tlieta 8 ta’ Diċembru l-ħin tal-quddies ikun bħal tal-Ħadd. Immorru l-Qala fejn nieħdu sehem fil-quddiesa tat-8am fis-Santwarju tal-Kunċizzjoni. Tluq mill-pjazza fis-7.30am.

FESTA LITURĠIKA TA’ OMMNA MARIJA TA’ LORETO

L-Erbgħa 9 ta’ Diċembru – Lejlet il-Festa

5.30pm Talb tas-Salmi fil-Knisja

6.00pm Quddiesa

6.30pm Purċissjoni bl-Istatwa tal-Madonna s-Sewda fil-Knisja. Jiġi rreċitat ir-rużarju. Tieħu sehem il-Banda San Ġużepp u ż-żgħażagħ tal-Għaqda tal-Armar. Tinxtegħel ukoll il-ħuġġieġa Lawretana fuq iz-zuntier.

9.00pm  Festa della Venuta della Santa Casa Insegwu flimkien f’xandira diretta u esklussiva l-velja ta’ talb minn Loreto fuq Radju Lauretana. Din is-sena wkoll Radju Marija jingħaqad ma’ Radju Lauretana għal din ix-xandira speċjali. Ikollna l-kummentarju bil-Malti.

Il-Ħamis 11 ta’ Diċembru – Festa Liturġika ta’ Sidtna Marija ta’ Loreto

5.30pm Rużarju f’xandira diretta u esklussiva fuq Radju Lauretana u Radju Marija minn ġewwa d-Dar tal-Madonna f’Loreto, liema rużarju jinstema’ wkoll fil-knisja.

6.00pm Konċelebrazzjoni Solenni ta’ Jum il-Festa Tieħu sehem l-orkestra taħt id-direzzjoni ta’ Maestro Frankie Debono. Wara l-quddiesa jkollna Ċelebrazzjoni Ewkaristika. Ir-rużarju u l-quddiesa jixxandru wkoll fuq Radju Marija.

L-EWWEL SIBT TAX-XAHAR

Is-Sibt 5 ta’ Diċembru, jkollna l-quddiesa fil-Knisja l-Qadima fl-4pm. L-adorazzjoni tkompli sad-9.00pm.

MIĊ- ĊENTRU PARROKKJALI

It-Tnejn 28 ta’ Diċembru: Serata tal-Milied

Dawk li jixtiequ jieħdu sehem f’din is-serata jistgħu jinkitbu fl-Uffiċċju Parrokkjali jew iċ-Ċentru stess sal-15 ta’ Diċembru.

It-Tlieta 29 ta’ Diċembru: L-ikla tal-Milied

Fil-Cornucopia Hotel, ix-Xagħra.

ADORAZZJONI

Nhar it-Tnejn 7 ta’ Diċembru, ser ikun hemm siegħa adorazzjoni fil-Knisja l-Qadima mmexxija mill-membri tal-Legion. Din tkun mis-2.00 sat-3.00pm.

WASLET IN-NOVENA TAL-MILIED

It-Tlieta, 15 ta’ Diċembru, tibda n-Novena tal-Milied. Il-Quddiesa matul il-ġimgħa tkun fis-6.00pm u l-Ħadd fl-10.00am. 

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-Milied tibda t-Tlieta 8 ta’ Diċembru festa tal-Immakulata Kunċizzjoni. L-iskeda stampata qed titqassam mal-bullettin. Segwu l-programmi u x-xandiriet speċjali li għandna mħejjija.

ĠABRA GĦALL-FESTA

Ma’ dan il-bullettin qed jaslilkom l-envelop għall-ewwel ġabra bieb bieb għall-festa 2016. Il-voluntiera tal-parroċċa jiġu matul din il-ġimgħa biex jiġbru dan l-envelop bl-offerta ġeneruża tagħna. Inkunu ġenerużi bħal dejjem.

GRAZZI

Għas-Sagristiji: NN. Triq Guzeppi Galea Rapa: €200.