Monthly Archives: January 2016

Bullettin 29 ta’ Jannar 2016

FIL-ĦAJJA MA NAGĦLQU EBDA KTIEB

Kemm-il darba jiġrilna li meta nifxluha ma’ xi ħadd, “nagħlqu l-ktieb” miegħu – fis-sens li ma nkunux irridu nafu aktar bih.

Hemm ulied li saħansitra għalqu l-ktieb mal-ġenituri tagħhom. Issib min għejJa fiż-żwieġ tiegħu u għalaq il-ktieb! Hemm min quddiem l-isfidi kbar tal-ħajja jiddeċiedi li jagħlaq il-ktieb ta’ ħajtu u b’sens ta’ ċediment jerħi l-ankri. Fuq kollox hemm min jagħlaq il-ktieb ma’ Alla għax isib li l-ħajja Nisranija hija tqila wisq għalih!

Imma fil-Vanġelu ta’ Luqa naqraw li meta Ġesù daħal fis-sinagoga ta’ Nazareth u l-qaddej newwillu l-ktieb, Ġesù “fetaħ il-ktieb”. Hu mhux biss qara minnu, imma ta l-ħajja lill-kelma tant li qal li dik il-kelma kienet seħħet hu u jaqra.

Jien u nirrifletti fuq din il-ġrajja ftakart li l-awtur tal-ktieb tal-Apokalissi wkoll jitkellem fuq ktieb magħluq b’seba’ siġilli – dan ifisser li kien ktieb magħluq sew tant li ħadd ma seta’ jaqrah. Peress li l-komunità ma setgħetx tiftaħ dan il-ktieb, kien hemm il-biki u d-dnewwa (kif illum ukoll hemm min jibki u mdejjaq għax il-ktieb tiegħu magħluq!).Imma mbagħad qam wieħed mill-ġemgħa u ħabbar li kien tfaċċa xi ħadd li seta’ jiftaħ dan il-ktieb: il-Mulej Ġesù.

Fl-okkażjoni tal-10 anniversarju tal-ordinazzjoni episkopali tiegħi, nixtieq inħares lejn il-ministeru tagħna ta’ Knisja bħala servizz biex kull ktieb magħluq jinfetaħ. Żgur ma aħniex imqabbdin biex nagħlqu l-ktieb ta’ ħadd. Ebda ktieb ma għandu jingħalaq, lanqas dak li huwa mimli żbalji, jew għandu l-paġni mqattgħin, imtebbgħa jew imkemmxin. Ħasra li hawn minn għandu jdejh ħfief biex ktieb imqatta’ jew kollu żbalji jfittex jagħlqu, jagħtih il-ġenb jew jarmih.

Il-missjoni tagħna hija waħda: li quddiem il-bniedem, li huwa ktieb misterjuż u ħafna drabi magħluq, aħna ngħinu biex dan il-ktieb jerġa’ jinfetaħ. Hija s-sejħa tagħna li ktieb magħluq li jnissel id-dwejjaq aħna npoġġuh f’ħoġor il-Mulej Ġesù biex ikisser is-siġilli tiegħu. Nistħajjel li huma diversi dawk li jixtiequ jkissru s-siġilli li qed jagħlqulhom il-ktieb imma ma jistgħux. Aħna mibgħuta biex ngħinu lill-bniedem jiltaqa’ ma’ Kristu li għandu l-qawwa li tkisser kull siġill li jagħlaq. Aħna msejħin biex nagħmlu l-qalb lill-bniedem ħalli ma jibżax jaqra l-ktieb ta’ ħajtu minkejja li jkun kiteb l-istorja tiegħu fuq linji mgħawġin; ngħinuh jagħti tifsira li tagħmel sens għal ħajtu, għax jekk ħajjitna tkun bis-sens, il-preżenza tagħna ġġib riżq madwarna.

Mill-Omelija fl-Għaxar Anniversarju Episkopali-Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, il-Belt Victoria

 Is-Sibt 23 ta’ Jannar 2016L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-PREŻENTAZZJONI TAL-MULEJ

Din is-sena il-festa tal-kandlora ser tiġi ċċelebrata b’mod differenti fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Ħniena u l-Għeluq tas-Sena tar-Reliġjużi.

IT-TNEJN 1 TA’ FRAR, 2016

6.00pm Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali li fiha ssir il-funzjoni tat-tberik tax-xemgħa.

IT-TLIETA 1 TA’ FRAR, 2016

Dakinhar ser isir il-ftuħ tal-Bieb tal-Ħniena fis-Santwarju tal-Immakulata Kunċizzjoni ġewwa l-Qala. Il-funzjoni titmexxa mill-Isqof u tibda fis-6pm. Iċ-ċelebrazzjoni ser issir taħt tinda kbira u ser ikun hemm siġġijiet għal kulħadd.

INKOMPLU L-BINI TAL-KNISJA TAGĦNA

STRINA TAL-MADONNA 2016

L-ENVELOPES QED JITQASSMU MA’ DAN IL-BULLETTIN

JINĠABRU MILL-VOLUNTIERA TAL-PARROĊĊA MINN NHAR IT-TLIETA 2 ta’ FRAR ‘IL QUDDIEM

Inkunu ġenerużi bħal dejjem!

Ix-xogħol fuq dan il-proġett għaddej ġmielu fuq livell ta’ ppjanar, permessi varji. Ix-xewqa tal-parroċċa hi li din is-sena jkun tlesta l-proġett tal-arloġġi u bdejna fuq it-tkomplija tal-bini. Il-parroċċa tixtieq tirringrazzja lil Vince Centorrino li, bla ebda ħlas, għamel u qed imexxi d-disinni tal-ġebel kollu nvolut u l-isruttruttura nġenerali bil-pjanti kollha neċessarji. F’dan il-proġett għandna wkoll żewġ periti oħra nvoluti skond l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom, biex ix-xogħol isir sewwa u jkun jista’ jiġi nserit l-orgni li qed jinħadem għall-knisja tagħna.

L-APPOSTLU MISSIERNA SAN PAWL

Il-Ħadd 31 ta’ Jannar niċċelebraw is-solennità tal-Appostlu Missierna San Pawl u dan minflok l-Erbgħa 10 ta’ Frar peress li dakinhar se jkun Ras ir-Randan.

L-EWWEL ĠIMGĦA U SIBT TAX-XAHAR

Il-Ġimgħa 5 ta’ Frar hija l-Ewwel Ġimgħa tax-xahar. L-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali u tibda wara l-quddiesa tad-9am. Is-Sibt 6 ta’ Frar, fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm rużarju u quddiesa. L-Adorazzjoni tkompli sad-9pm.

TĦEJJIJA GĦALL-GRIŻMA TAL-ISQOF

                                    LAQGĦA MPORTANTI

Dawk l-istudenti li qed jippreparaw biex jersqu għas-sagrament tal-Griżma tal-Isqof din is-sena ser ikollhom laqgħa nhar l-Erbgħa li ġejja, 3 ta’ Frar, fis-6.30pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.

SANTA RITA

Il-Ħamis 4 ta’ Frar, 2016 ikomplu l-Ħamisijiet ta’ Santa Rita għand is-Sorijiet Agostinjani Għajnsielem. Fil-5.30pm  Rużarju, Kurunella, Barka Sagramentali u quddiesa bil-ħsieb fuq Santa Rita.

GRAZZI

Għas-Sagristiji: Familja Azzopardi €100.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ

  • Lir-ruħ għażiża ta’ Anthony Grima mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li għoġbok issejjaħlu għal għandek fit-13 ta’ Jannar 2016 fl-għomor ta’ 88 sena.
  • Lir-ruħ għażiża ta’ Ġużeppa Xuereb mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li għoġbok issejħilha għal għandek fil-21 ta’ Jannar 2016 fl-għomor ta’ 88 sena.
  • Lir-ruħ għażiża ta’ Silvia Gauci mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li għoġbok issejħilha għal għandek fit-23 ta’ Jannar 2016 fl-għomor ta’ 72 sena.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 22 ta’ Jannar 2016

IL-BIEB TAL-ĦNIENA MIFTUĦ BERAĦ GĦALL-FAMILJI KOLLHA

Min jista’ jifhem il-ferħ li ġarrbu Marija u Ġużeppi meta sabu mill-ġdid lit-tfajjel Ġesù?

 X’konsolazzjoni fawret f’qalbhom meta wara żmien ta’ separazzjoni l-Familja ta’ Nazareth għamlet “rikonċiljazzjoni”!  Meta Marija tgħid li hi u Ġużeppi fettxewh b’qalbhom maqsuma hija qed tfisser mhux biss kemm switilhom il-firda, imma wkoll kemm ġabitilhom serħan il-moħħ u serenità tal-qalb ir-rikonċiljazzjoni, jiġifieri l-fatt li reġgħu ngħaqdu flimkien.

Bħall-familja ta’ Ġużeppi l-mastrudaxxa li ta’ kull sena kienet tagħmel pellegrinaġġ lejn it-Tempju ta’ Ġerusalemm għall-festa tal-Għid, illum aħna ġejna f’dan is-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu biex niċċelebraw il-Ġublew tal-Familja.  Bħall-Familja ta’ Nazareth, kważi kull familja għandha xi barxa fl-istonku tagħha; diversi huma dawk li bħal Marija u Ġużeppi għandhom “qalb maqsuma” għax matul il-pellegrinaġġ tal-ħajja miżżewġa u familjari tagħhom setgħu “tilfu” xi ħaġa li kienu jgħożżu ħafna ħafna.  L-esperjenza tgħallimna li huma “leġjun” ir-raġunijiet li jekk ma noqogħdux attenti jistgħu jmermru l-għaqda tal-familji tagħna.  Insemmi ftit eżempji: uħud setgħu għaddew minn xi burraxka affettiva li taffettwa serjament ir-relazzjoni ta’ bejniethom; uħud jinfnew waqt maltempata ekonomika; oħrajn jolqothom il-mard, partikularment il-mard kroniku jew li jikkawża diżabbiltà; oħrajn minħabba kwistjonijiet patrimonjali minħabba l-wirt tal-familja; u oħrajn.  Ċerti qagħdiet bħal dawn ikunu tant gravi li l-membri tal-familja mhux biss “jitilfu” lil xi ħadd għażiż għalihom, imma l-familja kollha tmur il-baħar għax jitilfu t-tifsira vera taż-żwieġ u l-familja.

Mill-Omelija tal-Isqof fil-Ftuħ tal-Bieb Imqaddes tal-Ħniena għall-Familji, Ta’ Pinu l-Ħadd 27 ta’ Diċembru 2015, Festa tal-Familja Mqaddsa.

Konferenza dwar il-Familja

Il-Kummissjoni tal-Familja ser torganizza konferenza interessanti dwar ir-relazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied bis-suġġett: “DEJJEM JONQSOK? Ir-risposta tal-ġenituri għax-xewqat tal-ulied.”  Inħeġġu lill-ġenituri kollha, biex jattendu. Il-kelliema ewlenin ser ikunu l-koppja ta’ psikologi Maria Teresa Zattoni u Gilberto Gillini, esperti fil-ħidma mal-familji u awturi ta’ diversi kotba fuq dan is-suġġett. Il-Konferenza ser issir nhar is-Sibt 30 ta’ Jannar, fis-Sala Villa Fiorita (Marsalforn) u tibda fil-5.00pm. Ikun hemm traduzzjoni mit-Taljan għall-Malti. Ikun hemm min jieħu ħsieb it-tfal.

ĠIMGĦA TAL-AZZJONI KATTOLIKA

GĦAJNSIELEM 24 – 29 ta’ Jannar 2016

Il-Ħadd 24 ta’ Jannar 2016: Il-Ftuħ tal-Ġimgħa

Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali tat-8am. Jieħdu sehem fiha l-membri tal-Azzjoni Kattolika. Inħeġġu lill-membri nisa u rġiel kollha biex jattendu.

Segwu l-programm tal-ġimgħa mill-Bullettin tal-Ħadd li għadda.

QUDDIESA FAMILJI

Il-quddiesa tal-10am tal-Ħadd 24 ta’ Jannar ser tkun animata mill-grupp tal-familji fi ħdan il-parroċċa tagħna. Inħeġġu lill-membri kollha tal-familji biex flimkien jieħdu sehem f’din l-Ewkaristija

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Dan ix-xahar imiss fil-parroċċa tagħna t’Għajnsielem. Nibdew bil-quddiesa fis-6 pm is-Sibt 23 ta’ Jannar u nkomplu wara bit-talb.

INKOMPLU L-BINI TAL-KNISJA TAGĦNA

STRINA TAL-MADONNA 2016

Wasalna biex nordnaw il-ġebel kbir li għandna bżonn.

108 ġebla kbira

NGĦINU MINN QALBNA

SANTA RITA

Nhar il-Ħamis 28 ta’ Jannar, 2016 ser jibdew il-Ħamisijiet ta’ Santa Rita għand is-Sorijiet Agostinjani Għajnsielem. Fil-5.30pm  Rużarju, Kurunella, Barka Sagramentali u quddiesa bil-ħsieb fuq Santa Rita.

INTENZJONIJIET TAL-QUDDIES

Min jixtieq jordna intenzjonijiet ta’ quddies tal-ħin fil-Knisja Parrokkjali għax-xhur April, Mejju u Ġunju 2016 jista’ jagħmel dan fl-uffiċċju Parrokkjali nhar ta’ Tlieta u l-Ħamis bejn id-9am u nofsinhar.

GRAZZI Għas-Sagristiji: N.N. €100.

N.N. Offerta lill-Madonna għal grazzja maqlugħa €50.

Ġabra Missjoni Art Imqaddsa: €738.11.

Il-Kummissarju tal-Art Imqaddsa  P. Twanny Chircop OFM jirringrazzja lil kulħadd.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 24 ta’ Jannar ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

Dħul Kinder 1 – skejjel tal-Knisja f’Għawdex

Ninfurmawkom li d-data tal-għeluq biex wieħed japplika għall-Kinder 1 ġiet estiża sal-Ġimgħa 29 ta’ Jannar. Min jixtieq japplika, għandu jmur il-Kurja.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Teresa u Toni Grech joffru €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ binhom Peter Paul Grech f’għeluq it-13-il sena mill-mewt tiegħu fil-25 ta’ Jannar.
  • Carmen Scicluna toffri $50 b’suffraġju tal-għażiż żewġha Anthony Scicluna f’għeluq l-erbgħa u għoxrin sena mill-mewt tiegħu fil-25 ta’ Jannar.
  • Marjanu Spiteri joffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ ommu u missieru u oħtu Loreta u f’għeluq il-15-il sena mill-mewt ta’ oħtu Tonina Spiteri fit-22 ta’ Jannar.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali     21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965

http://www.radjulauretana.com/parish

Bullettin 15 ta’ Jannar 2016

IL-BIEB TAL-ĦNIENA MIFTUĦ BERAĦ GĦALL-FAMILJI KOLLHA

Biss dan il-ferħ tal-ħniena ta’ Alla huwa għal kull familja!  Mill-fond ta’ qalbi toħroġ illejla sejħa partikulari:

  • lill-għarajjes li jistgħu qed jaqtgħu qalbhom miż-żwieg, kif ukoll lil dawk li għandhom xewqa li jiffurmaw familja imma għal xi raġuni jew oħra xewqithom għadha mhix mitmuma;
  • lil dawk li għandhom ulied barra miż-żwieġ;
  • lil dawk il-miżżewġin li jħossu li ħajjithom mhix sħiħa għax ma għandhomx ulied;
  • lil dawk il-ġenituri li jegħjew jerfgħu l-piż tqil tat-trobbija u l-edukazzjoni ta’ wliedhom;
  • lil dawk il-missirijiet/ommijiet li huma mħassba għax uliedhom tbiegħdu mill-Knisja jekk mhux ukoll minn Alla;
  • lil dawk il-miżżewġin li mħabbithom birdet u qed jgħixu bħal aħwa;
  • lil dawk il-miżżewġin li kellhom jisseparaw, anki jekk mismuta bid-divorzju;
  • lil dawk il-koppji mweġġgħa minħabba infedeltà min-naħa ta’ żwieġhom jew marthom;
  • lil dawk li jgħixu flimkien imma mhumiex miżżewġin;
  • lil dawk li kienu miżżewġa u llum qed jgħixu fit-tieni relazzjoni;
  • lil dawk il-familji fejn hemm il-vjolenza domestika;
  • lil dawk il-familji fejn il-membri huma miġġeldin minħabba għira, xi azzjoni ħażina, kelma iebsa li ntqalet, nuqqas ta’ ftehim, preferenzi bejn l-aħwa, inġustizzja fil-familja, tqassim inġust tal-wirt;
  • lil dawk il-familji fejn hemm ir-rabja antika, is-suppervja, il-preġudizzji, memorja marida, u għalhekk l-ulied ma baqgħux imorru għand il-ġenituri u l-aħwa huma kontra l-aħwa;
  • lil dawk il-familji li d-demm tagħhom verament sar semm tant li jkun hemm min saħansitra jaqla’ l-mejtin mill-oqbra għax il-mibegħda tant tkun kbira li lanqas il-mewt ma ġġibna f’tagħna;
  • lil dawk il-familji magħfusa mill-morsa tal-faqar, min-nuqqas ta’ xogħol u mikula mid-djun;
  • lil dawk il-familji li jinsabu miġruħa għax għandhom lil xi ħadd mill-membri tagħhom fil-ħabs;
  • lil dawk il-familji milquta mill-mard speċjalment fuq iċ-ċkejknin;
  • lil dawk il-familji maħsuda u mnikkta mill-mewt kiefra u għall-għarrieda ta’ persuna għażiża;
  • lill-persuni romol li jisfaw waħidhom u jħossu sew il-piż tas-solitudni;
  • fuq kollox lil dawk li għax qed jgħixu f’xi forma ta’ relazzjoni affettiva differenti miż-żwieġ, huma mċaħħdin mill-għodod tal-ħniena ta’ Alla.

Mill-Omelija tal-Isqof fil-Ftuħ tal-Bieb Imqaddes tal-Ħniena għall-Familji, Ta’ Pinu l-Ħadd 27 ta’ Diċembru 2015, Festa tal-Familja Mqaddsa.

ĠIMGĦA TAL-AZZJONI KATTOLIKA

GĦAJNSIELEM 24 – 29 ta’ Jannar 2016

Il-Ħadd 24 ta’ Jannar 2016: Il-Ftuħ tal-Ġimgħa

Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali tat-8am. Jieħdu sehem fiha l-membri tal-Azzjoni Kattolika. Inħeġġu lill-membri nisa u rġiel biex jattendu.

It-Tnejn 25 ta’ Jannar 2016

Fl-okkażjoni tal-konverżjoni tal-Appostlu Missierna San Pawl immorru Marsalforn u jkollna quddiesa fid-9am. Tluq mill-pjazza fit-8.30am. Il-karozza tgħaddi ukoll minn Triq Sant’ Antnin. Kulħadd mistieden.

Filgħaxija fil-laqgħa tal-irġiel ser ikun mistieden l-Assistent Ekklesjastiku l-ġdid tal-Azzjoni Kattolika f’Għawdex Fr Trevor Sultana. Il-ħin ikun fis-6.30pm fis-sagristija tal-Knisja l-Qadima.

It-Tlieta 26 ta’ Jannar 2016  – Irtir ġewwa Dar Arka

Fit-8.30am       Qrar

Fid-9.00am      Taħdita minn Fr Trevor Sultana

Fl-10.00am      Waqfa għall-Kafe’

Fl-10.30am      It-Tieni Taħdita u ħin għad-diskussjoni

Fil-11.30am     Quddiesa

F’12.00pm       Ikla ta’ nofsinhar. Prezz €12. Tħallux għall-aħħar għall-booking. Ċemplu 99438275 jew 21558577.

L-Erbgħa 27 ta’ Jannar 2016

Xogħol volontarju u żjarat lill-anzjani u l-morda fir-raħal tagħna u fl-isptarijiet

Il-Ħamis 28 ta’ Jannar 2016

Laqgħa għan-nisa anke dawk mhux membri tal-Azzjoni Kattolika fiċ-Ċentru Parrokkjali fit-8.15am, wara l-quddiesa tat-tfal. Il-kelliem mistieden huwa Fr Trevor Sultana.

Il-Ġimgħa 29 ta’ Jannar 2016

Nagħlqu din il-ġimgħa b’adorazzjoni u t-tesserament fil-Knisja l-Qadima. Fit-3.30pm tibda l-Adorazzjoni u wara rużarju u l-barka sagramentali. Fl-4.30pm ikollna l-quddiesa mmexxija minn Fr Joe Cardona.

KALENDARJU PARROKKJALI u KOTBA

Min jixtieq aktar kopji tal-kalendarju parrokkjali jista’ jikkuntattja l-Uffiċċju Parrokkjali. Tistgħu tiksbu wkoll żewġ kotba ferm interessanti.

ADORAZZJONI EWKARISTIKA

Wara l-quddiesa tas-6.00pm tal-Ħamis, 21 ta’ Jannar, ser ikollna Adorazzjoni Ewkaristika animata mill-Komunità Anawim bit-tema “Naduraw lil Ġesù konċeput fil-ġuf ta’ Marija”.  Għal din l-adorazzjoni huwa mistieden kulħadd u b’mod partikulari dawk li qed jistennew tarbija.

10 SNIN ISQOF

Il-Ġimgħa 22 ta’ Jannar festa ta’ San Publiju jaħbat l-10 anniversarju mill-Konsagrazzjoni Episkopali ta’ Mons Isqof Mario Grech. Ser issir quddiesa ta’ radd il-ħajr fil-Knisja taċ-Ċawla fis-6pm. Kulħadd mistieden jingħaqad mal-Isqof f’din l-okkażjoni sabiħa.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Dan ix-xahar imiss fil-parroċċa tagħna t’Għajnsielem. Nibdew bil-quddiesa fis-6 pm nhar is-Sibt li ġej 23 ta’ Jannar u nkomplu wara bit-talb.

GRAZZI €445 mingħand Paul Stellini f’isem l-Għaqda Ħbieb tal-Presepju Għajnsielem mill-kaxxi tad-donazzjonijiet fil-wirja tal-presepji u l-presepju l-kbir.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 19 ta’ Jannar ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

NOFS TA’ NHAR F’LOURDES HOME

Għan-nisa kollha l-Erbgħa 20 ta’ Jannar mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Joe Caruana OFM, kafe’ u tombla.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

Ġuża u Fredu Ciangura joffru €20 b’suffraġju ta’ ommhom Mananni f’għeluq is-7 snin mill-mewt tagħha fit-22 ta’ Jannar u ta’ missierhom Mikieli u oħthom Marija Azzopardi.

Il-familja Galea joffru €20 b’suffraġju ta’ Carmelo Galea f’għeluq id-19-il sena minn mewtu fis-16 ta’ Jannar.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

Bullettin 8 ta’ Jannar 2016

Il-Magħmudija tal-Mulej

Fl-1997, il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ inżamm fi Franza. Fit-23 ta’ Awwissu 1997, il-Papa għammed lil għaxar persuni adulti. Fil-katekeżi li l-Papa ta lill-eluf ta’ żgħażagħ preżenti, huwa saħaq fuq l-importanza, il-valur u r-rikkezza tal-magħmudija. Ser nagħtu ftit siltiet mid-diskors sabiħ tiegħu:

“Għeżież żagħażagħ,

Tafu l-magħmudija x’għamlet fikom?

  1. Alla rrikonoxxikom bħala wliedu, u biddel ħajjitkom u għamilha storja ta’ mħabba miegħu.
  2. Għamilkom tixbhu lil Kristu… li ġie biex jagħmel patt ta’ ħbiberija magħkom u joffrilkom il-paċi tiegħu. Issa intom qegħdin tgħixu bħala wlied id-dawl.
  3. Il-magħmudija hija l-isbaħ fost ir-rigali kollha ta’ Alla.
  4. Il-magħmudija hija grazzja li ssaffina mid-dnub u tiftaħ futur mill-isbaħ.
  5. Il-magħmudija hija ħasil li tnaddaf u tagħti l-ħajja.
  6. Il-magħmudija hi dilka li tagħmilna nixbhu lil Kristu saċerdot, profeta u sultan.
  7. Il-magħmudija hi illuminazzjoni, hija dawl li turina t-triq fil-ħajja tagħna.
  8. Il-magħmudija hija libsa ta’ bjuda u safa’.
  9. Il-magħmudija hija sinjal li Alla ttrasforma ħajjitna.
  10. Fil-magħmudija, Alla jagħtina omm, li hi l-Knisja, li permezz tagħha nikbru spiritwalment fit-triq tal-qdusija.”

(Papa Ġwanni Pawlu Ii fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fi Franza.)

QUDDIESA ANIMATA MiŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Il-quddiesa tal-10am tal-Ħadd 10 ta’ Jannar tkun animata miż-żgħażagħ. Inħeġġu liż-żgħażagħ kollha jieħdu sehem attiv.

GĦOTI TA’ DEMM fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 10 ta’ Jannar mit-8am sas-1pm.

EWRO COLLECTION Matul il-quddies kollu ta’ dan il-weekend il-ġbir fil-knisja jkun b’risq il-festa tagħna ta’ din is-sena. Ngħinu mill-qalb. Fejn nistgħu nagħtu Ewro jew aktar.

MILL-AZZJONI KATTOLIKA TA’ GĦAWDEX – Coffee Morning nhar il-Ħamis 14 ta’ Jannar, 2016. Trasport provdut fit-8.30. Cemplu fuq 21558577 jew 99438275

BAMBIN TAL-MILIED GĦALL-KNISJA TAGĦNA

Dan il-bambin ġie maħdum u rregalat lill-knisja tagħna minn Dun Charles Vella. Inħadem apposta għalina u ġiet użata xamgħa tan-naħal minn Għajnsielem stess – ħajr lil Carmel Rapa.

INTERESSANTI GĦALL-QARI

Għadu kemm waslilna il-ktieb The GOZO – MALTA CONNECTION  miktub minn Michael Cassar dwar il-mezzi ta’ trasport li kienu jeżistu bejn iż-żewġ gżejjer. F’dan il-ktieb jissemma bi prominenza l-Port tal-Imġarr, ir-Rivista Għajnsielem, ir-raħal għażiż tagħna u nies mir-raħal tagħna wkoll. Jiswa €20. Tistgħu tiksbu kopja mid-Dar Parrokkjali.

Fadlilna wkoll xi kopji mill-ktieb ta’ Francis Sultana Minn Wara l-Bibien tal-Istitut u stejjer oħra, ktieb ta’ aktar minn 200 paġna, ktieb kollu stejjer imnebbħa minn Għajnsielem u n-nies tiegħu. Jiswa €10.

KALENDARJU PARROKKJALI

Min jixtieq aktar kopji tal-kalendarju parrokkjali jista’ jikkuntattja l-Uffiċċju Parrokkjali. Nirringrazzjaw lil dawk kollha li taw l-offerta tagħhom u lil Norbert Cauchi għar-ritratt li tana għal dan il-kalendarju.

GRAZZI

Donazzjonijiet Radju Lauretana Diċembru 2015: €456.50

Applikazzjonijiet-Dħul Kinder 1 fl-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex għas-Sena skolastika 2016-2017

(Tfal li twieldu fis-sena 2013)

Il-ġenituri/tuturi legali li jixtiequ jdaħħlu lit-tfal tagħhom fil-Kinder 1 fl-Iskejjel tal-Knisja f’Għawdex għas-sena skolastika 2016-2017 huma mitluba jiġbru applikazzjoni mill-Kurja tal-Isqof mit-Tnejn 11 sal-Ġimgħa 15 ta’ Jannar (minbarra l-Ħamis), bejn id-9.00am u nofsinhar. It-tfal li jistgħu japplikaw iridu jkunu twieldu matul is-sena 2013. L-applikazzjonijiet, mimlija sewwa u bid-dokumenti meħtieġa, iridu jaslu l-Kurja sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa 22 ta’ Jannar 2016. Segwu l-kriterji tad-dħul.

L-Applikazzjoni għad-dħul fil-Form 1 fl-iskejjel sekondarji tal-Knisja joħorġu aktar ’il quddiem.

ILQA’ FI ĦDANEK

Ilqa’ fi ħdanek Missier Ħanin ir-ruħ għażiża ta’ Pawlu Ciantar mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li ġie fi ħdanek nhar il-5 ta’ Jannar 2016 fl-għomor ta’ 71 sena.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

LAQGĦA ADHD FAMILY SUPPORT

Ser issir laqgħa l-Ġimgħa 15ta Jannar, 2016 fil-5.30pm fl- NGO centre Xewkija (maġenb iċ-ċimiterju) Għal aktar informazzjoni tista’ ċċempel 25986881/2

Il-laqgħat isiru fit-tielet Ġimgħa ta’ kull xahar. Zur  ‘ADHD malta  facebook page’ biex tkun taf bl-attivitajiet ta’ dan il-grupp.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Carmela Ciantar toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ ħuha Ġużepp Buttigieg f’għeluq il-ħames snin mill-mewt tiegħu fis-6 ta’ Jannar.

Bullettin 2 ta’ Jannar 2016

L-EPIFANIJA TAL-MULEJ

Ir-rakkont tal-wasla tas-Slaten Maġi f’Betlem jiftħilna tieqa sew fuq il-misteru kbir ta’ Kristu  –  l-Iben ta’ Alla li sar bniedem u ġie jgħammar fostna u anke fuq ħajjitna stess u jasal biex jurina kemm aħna maħbuba minn Alla u kemm dan Alla dejjem lest li jqabbadna toroq li jwassluna għandu.

EPIFANIJA: kelma li tfisser wirja. Fil-ġrajja tal-Maġi għandna wirja ta’ Ġesù – Ġesù jidher quddiem id-dinja ffigurata fil-maġi li jiġu jfittxuH mill-bogħod.  Il-ħila tal-evanġelista twassalna biex aħna wkoll insibu f’dan ir-rakkont x’mudelli għandna nsegwu u x’atteġġjamenti għandna nieħdu fil-konfront ta’ Ġesù li deher fostna.

Fl-omelija tiegħu tas-6 ta’ Jannar 2015, il-Papa Franġisku kien qal: “Fil-vjaġġ tagħhom, il-Maġi jiltaqgħu ma’ ħafna diffikultajiet. Meta jaslu Ġerusalem, imorru fil-palazz ta’ Erodi, għax immaġinaw li kien il-post ideali fejn kellu jitwieled is-sultan tal-Lhud.  Hemmhekk jitilfu d-dehra tal-kewkba.  Kemm-il darba anke aħna nitilfu d-dehra ta’ dik il-kewkba.  U jiltaqgħu ma’ tentazzjoni fina fina, ġejja mix-xitan: l-ingann ta’ Erodi.

Jerġgħu jaraw il-kewkba u l-evanġelista jinnota li ħassew “ferħ kbir” (Mattew 2,10) – konsolazzjoni tassew!  Meta waslu Betlem sabu ‘l Ġesù ma’ Marija Ommu.  Wara dik ta’ Ġerusalemm, din ix-xena kienet għalihom it-tieni tentazzjoni kbira: biex jaċċettaw iċ-ċokon ta’ dan is-sultan.  Imma dawn il-maġi “niżlu għarkopptejhom u adurawH”, u offrewlu r-rigali  prezzjużi tagħhom. Hija dejjem il-grazzja tal-Ispirtu s-Santu li tgħinhom: dik il-grazzja li, permezz tal-kewkba, sejħitilhom u mexxiethom tul il-vjaġġ tagħhom u issa qed tgħinhom jidħlu fil-qalba tal-misteru.  Imdawlin mill-Ispirtu s-Santu jaslu biex jagħrfu li Alla ma jkejjilx bħall-bnedmin, li Alla ma jidhirx fil-qawwa ta’ din id-dinja, imma jiġi fostna fl-umiltà tal-imħabba tiegħu.  L-imħabba ta’ Alla hija kbira, Iva! L-imħabba ta’ Alla hi qawwija, Iva! L-imħabba ta’ Alla hija umli… ħafna umli!  Il-maġi għalhekk jibqgħu dejjem mudelli ta’ konverżjoni lejn il-vera fidi fi Kristu l-Mulej  għaliex emmnu aktar fit-tjieba ta’ Alla milli fil-furur tal-poter!”

Il-Papa jkompli jgħid: ”Il-Magi meta daħlu fejn Ġesù u ltaqgħu miegħu, daħlu wkoll fil-misteru. Għaddew mill-kalkoli tal-bnedmin għall-misteru ta’ Alla. U din kienet proprju l-konverżjoni tagħhom. U tagħna? Nitolbu lill-Mulej jgħinna ngħixu l-istess mixja ta’ konverzjoni li għexu l-maġi.

F’din is-Sena tal-Ħniena ejjew nagħmlu bħall-Maġi. Wara li naraw u niltaqgħu ma’ Ġesu’ mmorru lura lejn artna minn triq oħra. Bħalhom ninbidlu: inżidu dak li jġib il-paċi – kliem, azzjonijiet u għażliet. U nnaqqsu kemm nistgħu dak li jnissel mibegħda u ħażen – kliem, azzjonijiet u għażliet.

IS-SIĠRA TAL-KARITÀ TKOMPLI

L-aħħar sejħa għal min jixtieq jgħin f’din l-opra ta’ karità. Grazzi lil kull min ta l-kontribut tiegħu b’risq familji u tfal fil-bżonn.

L-ADORAZZJONI FIL-KNISJA L-QADIMA

Inħeġġu aktar persuni ħalli flimkien, inkomplu nagħtu l-adorazzjoni li jixraq lil Ġesù Ewkaristija biex ikollna l-ħinijiet kollha mimlija speċjalment bejn il-11am u s-1 p.m. Ġesù Ewkaristija huwa l-ħajja tagħna u s-saħħa tal-Familji tagħna.

ĠUBLEW TAL-ĦNIENA

F’din is-Sena tal-Ġublew, il-Knisja ssir eku tal-Kelma ta’ Alla li tidwi qawwija u konvinċenti bħala kelma u ġest ta’ maħfra, ta’ tweżin, ta’ għajnuna, ta’ mħabba.  Ma tegħja qatt toffri l-ħniena u tistabar dejjem fil-farag u l-maħfra li xxerred.  Il-Knisja ssir leħen għal kull raġel u mara u ttenni b’fiduċja u bla waqfien; “Ftakar fil-ħnienau t-tjieba tiegħek, għal huma minn dejjem, Mulej” (Salm 25:6)

(Mill-bolla ta’ indizzjoni tal-Ġublew straordinarju tal-Ħniena, 25)

TERĠA’ TIBDA L-ISKOLA

… inħeġġu lil uliedna għat-tagħlim tal-Katekiżmu.

Il-Ħamis 7 ta’ Jannar it-tfal u l-istudenti tagħna jerġgħu jirritornaw lura l-iskola. Ġenituri ħeġġu lil uliedkom għat-tagħlim tal-katekiżmu u biex dawk li jattendu l-iskola primarja tar-raħal tagħna jibdew il-ġurnata bil-quddiesa tat-7.45am. Ikollna wkoll il-lezzjonijiet tal-Katekiżmu għat-tfal u l-istudenti filgħaxija. Ma nfallux għal xejn. It-tagħlim nisrani għandu jieħu prijorita’ fil-ħajja ta’ uliedna u f’ħajjitna wkoll.

LAQGĦAT TA’ PREPARAZZJONI GĦALL-ĦAJJA MIŻŻEWĠ U TAL-FAMILJA

Dawn il-laqgħat organizzati mill-Kummissjoni Djoċesana Familja f’kull parroċċa ikomplu s-Sibt 2 ta’ Jannar, 2016. Din il-laqgħa ser tkun fl-Istitut tal-Familja Papa Ġwanni Pawlu II, Victoria fit-8pm.

GRAZZI

Kelma ta’ radd il-ħajr lil tant voluntiera li taw is-sehem siewi tagħhom biex stajna ngħixu mumenti tant sbieħ f’dawn il-ġranet għeżież tal-Milied. Mingħajr din l-għajnuna, żgur li ma jkunx possibli li l-parroċċa torganizza dan kollu.

RADJU LAURETANA

L-aħħar ġurnata tal-iskeda tkun il-Ħadd 3 ta’ Jannar meta Radju Lauretana jagħti xandira kontinwa u diretta tal-Maġi mill-Mellieħa sa Għajnsielem. Jekk il-Bambin irid nerġgħu niltaqgħu għall-iskeda tal-Għid. GRAZZI kbira lill-voluntiera kollha u lilkom ilkoll tal-appoġġ u s-sostenn.