Monthly Archives: February 2016

Bullettin 26 ta’ Frar 2016

RANDAN 2016

 “Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju”

 (Mt 9:13)

L-opri tal-ħniena fil-mixja tal-Ġublew

Quddiem din l-imħabba qawwija bħall-mewt (ara Għanja 8:6), l-ifqar miżerabbli hu dak li ma jaċċettax li hu hekk.  Jaħseb li hu għani, imma fir-realtà hu l-ifqar fost il-fqar.  Huwa hekk għax hu lsir tad-dnub, li jwasslu biex jinqeda bl-għana u l-poter mhux biex jaqdi lil Alla u lill-oħrajn, imma biex jifga fih l-għarfien qawwi li anki hu mhu xejn għajr tallab imsejken u fqajjar.  U ikbar ma huma l-poter u l-għana li għandu, ikbar jista’ jkun dan l-għama qarrieq tiegħu.  Hu jasal f’punt li lanqas irid jara jittallab fuq l-għatba tal-bieb ta’ daru lill-fqajjar Lazzru (ara Lq 16:20-21), li hu figura ta’ Kristu li fil-foqra jittallab il-konverżjoni tagħna.  Lazzru hu l-possibbiltà ta’ konverżjoni li Alla qed joffrilna u forsi aħna m’aħniex naraw.  U ma’ dan l-għama tissieħeb ukoll l-illużjoni supperva ta’ omnipontenza, fejn għadha tidwi l-frażi qarrieqa tax-Xitan, “issiru bħal Alla” (Ġen 3:5), li hi l-għerq ta’ kull dnub.  Din l-illużjoni tista’ tassumi wkoll xejriet soċjali u politiċi, kif urew it-tolitarjaniżmi tas-seklu għoxrin, u kif juruna llum l-ideoloġiji tal-ħsieb uniku u tax-xjenza teknoloġika, li jippretendu li jpinġu lil Alla irrilevanti u li jirriduċu lill-bniedem għal materja li tista’ tiġi strumentalizzata.  U fi żmienna dan jistgħu juruh ukoll l-istrutturi tad-dnub marbuta ma’ mudell ta’ żvilupp falz imsejjes fuq l-idolatrija tal-flus, li lill-persuni u s-soċjetajiet l-aktar għonja ġġibhom indifferenti għad-destin tal-foqra, hekk li jagħlqulhom il-bibien tagħhom u saħansitra jirrifjutaw li jħarsu lejhom.

MESSAĠĠ TAL-PAPA FRANĠISKU GĦAR-RANDAN 2016 (Ir-Raba’ Parti)

SEJĦA GĦALL-EŻERĊIZZI:    GĦALL-KOPPJI

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa 7-11 ta’ Marzu fis-7.30pm.

Mons. Carmelo Mercieca fiċ-Ċentru Parrokkjali

IKUN HEMM MIN JIEĦU ĦSIEB IT-TFAL

SIEGĦA TAD-DULURI

Matul ir-Randan kull nhar ta’ Ġimgħa fit-3pm fil-Knisja l-Qadima.

ĠUBLEW TAL-ĦNIENA

NILQGĦU FOSTNA

  • Żewġ Familji ta’ rifuġjati
  • Grupp Żgħażagħ Insara mill-Iraq

Kampanja ġbir metalli (ram, bronż u nickel) biex jiġi mibjugħ għar-riċiklaġġ.

Il-ġbir li jsir fil-Knisja waqt il-quddies ta’ nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Marzu, l-Ewwel Ġimgħa tax-xahar ikun għal din il-karità

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Is-Sibt 27 ta’ Frar 2016 fil-Bażilika ta’ Marija Bambina x-Xagħra mis-6.30 sat-8.30pm. Trasport mill-Pjazza fis-6.00pm.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta l-1 ta’ Marzu ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

L-EWWEL ĠIMGĦA U SIBT TAX-XAHAR

Il-Ġimgħa 4 ta’ Marzu l-Adorazzjoni tkun fil-Knisja Parrokkjali u tibda wara l-quddiesa tad-9am. Is-Sibt 5 ta’ Marzu fit-3.30pm rużarju u wara quddiesa fil-Knisja l-Qadima. L-Adorazzjoni mbagħad tissokta sad-9pm.

OĦLOQ TBISSIMA

Bħalma għamilna għal dawn l-aħħar snin, din is-sena wkoll qed nieħdu sehem fil-kampanja “Oħloq tbissima” biex ngħinu familji fqar fil-Perù. Biex tipparteċipa: ħu kaxxa mis-sagristija u imlieha b’oġġetti ta’ ikel kif hem miktub fuq karta apposta mal-kaxxa.

PELLEGRINAĠĠ-TALB GĦAX-XITA

IL-ĦADD 28 TA’ FRAR, 2016 Il-Qala – 4.00pm

Mill-Knisja Parrokkjali sas-Santwarju tal-Kunċizzjoni.

Imexxi l-E.T. Mons.Isqof Mario Grech

Wara jkun hemm quddiesa fis-santwarju.

FAMILY MOVIE NIGHT

Il-Ħadd 28 ta’ Frar fis-6.00pm. fiċ-Ċentru Parrokkjali.

MILL-MUSEUM BNIET

It-tfal bniet minn Year 4 sa Form 2 huma avżati li din il-ġimgħa mhux ser ikun hemm laqgħat tal-katekiżmu minħabba l-eżerċizzi tas-soċji.

MILL-ISKOLA PRIMARJA

Il-kap tal-iskola primarja ta’ Għajnsielem tixtieq tavża lil dawk il-ġenituri li għandhom uliedhom li se jagħlqu tliet snin sal-aħħar ta’ Diċembru biex jirreġistraw lit-tfal tagħhom ħalli jibdew jattendu l-klassijiet tal-Kinder 1 minn Ottubru 2016. L-applikazzjoni tinġabar mill-iskola sal-aħħar ta’ Marzu. Dawk it-tfal li jagħlqu sninhom sal-aħħar ta’ April jistgħu japplikawlhom ukoll biex jibdew jattendu mill-bidu ta’ Frar 2017.

GRAZZI: N.N. Għall-Knisja €50.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Ġiaċinta Xuereb toffri €20 għall-ispejjeż tal-Bullettin b’suffraġju ta’ ommha Antonia Xuereb f’għeluq l-erba’ snin mill-mewt tagħha fit-23 ta’ Frar.
  • Carmela Ciantar toffri €20 b’suffraġju ta’ ommha Loreta Buttigieg f’għeluq it-tlieta u erbgħin sena mill-mewt tagħha fl-24 ta’ Frar.
  • Eugenia Buttigieg toffri €20 b’suffraġju ta’ ommha Carmela Xuereb f’għeluq is-17-il sena mill-mewt tagħha u għal Mary Rose Xuereb f’għeluq is-7 snin mill-mewt tagħha.
  • Theresa Meilaq u l-familja joffru €20 b’suffraġju ta’ Wenzu Meilaq f’għeluq il-11-il sena mill-mewt tiegħu fis-26 ta’ Frar.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

 

Bullettin 19 ta’ Frar 2016

RANDAN 2016

“Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju” (Mt 9:13)

L-opri tal-ħniena fil-mixja tal-Ġublew

  1. L-opri tal-ħniena

Il-ħniena ta’ Alla tibdel il-qalb tal-bniedem u ddewqu mħabba fidila li hekk tagħmel lilu wkoll kapaċi jħenn.  Hu miraklu dejjem ġdid li l-ħniena divina tista’ ddawwal bih il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, tqanqalna għall-imħabba tal-proxxmu, u tagħti l-ħajja lil dawk li t-tradizzjonijiet tal-Knisja ssejjaħ l-opri tal-ħniena korporali u spiritwali.  Huma jfakkruna li l-fidi tagħna tissarraf f’atti konkreti u ta’ kuljum, biex ngħinu lill-proxxmu tagħna fil-ġisem u fir-ruħ, u li fuqhom għad isir ħaqq minna: nitimgħuh, inżuruh, infarrġuh, nedukawh.  Għalhekk jien xtaqt “li l-poplu Nisrani matul il-Ġublew jirrifletti fuq l-opri tal-ħniena korporali u spiritwali.  Dan ikun mod kif nerġgħu nqajmu l-kuxjenza tagħna spiss rieqda quddiem it-traġedja tal-faqar u biex nidħlu dejjem iżjed fil-qalba tal-Vanġelu, fejn il-foqra huma l-ipprivileġġjati tal-ħniena divina” (ibid., 15).  Fil-fatt, fil-fqir, il-ġisem ta’ Kristu “isir mill-ġdid viżibbli bħala ġisem ittorturat, miġruħ, imsawwat, mitluq mejjet bil-ġuħ, maħrub… biex aħna nagħrfuh, immissuh u ngħinuh b’għożża kbira (ibid.).  Misteru straordinarju u skandaluż li baqa’ jtul fl-istorja hu dan tat-tbatija tal-Ħaruf Innoċenti, siġra tal-għolliq taqbad bl-imħabba mogħtija b’xejn, li quddiemha bħal Mosè nistgħu biss ninżgħu l-qorq (ara Eż 3:5); iktar u iktar meta l-fqir hu ħuna jew oħtna fi Kristu li qed ibatu minħabba l-fidi tagħhom.

MESSAĠĠ TAL-PAPA FRANĠISKU GĦAR-RANDAN 2016 (It-Tielet Parti)

SEJĦA GĦALL-EŻERĊIZZI

GĦALL-KOPPJI

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa 7-11 ta’ Marzu fis-7.30pm.

Mons. Carmelo Mercieca fiċ-Ċentru Parrokkjali

SIEGĦA TAD-DULURI

Matul ir-Randan kull nhar ta’ Ġimgħa fit-3pm fil-Knisja l-Qadima.

ID-DEHRIET ĠEWWA LOURDES

Matul il-ġranet tad-dehriet inkomplu nitolbu bil-qalb lill-Madonna għall-morda kollha u nżuruha fis-Santwarju tagħha fil-parroċċa tagħna.

AVVIŻ MIS-SEMINARJU MINURI U MILL-ISKOLA SEKONDARJA TAL-KONSERVATORJU TAL-ISQOF TAD-DJOĊESI  T’GħAWDEX

Infakkru lill-ġenituri/kustodji tal-Istudenti ta’ Year 6 iIli jattendu fl-Iskejjel Primarji kemm tal-Knisja u kemm tal-Istat, li jekk iridu, huma ġentilment mitluba jirreġistraw lil uliedhom għad-dħul fl-Ewwel Klassi tas-Seminarju Minuri u tal-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa, 25 u 26 ta’ Frar mit-8am sas-2pm.  Aktar dettalji mill-bullettin tal-ġimgħa li għaddiet.

SEJĦA GĦALL-FRATELLI

Min jixtieq li jissieħeb f’xi waħda miż-żewġ fratellanzi li għandna – tar-Rużarju u tas-Santissimu Sagrament,  jista’ jkellem lill-Arċipriet Dun Frankie Bajada. Aktar ‘il quddiem issir laqgħa apposta.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Nhar is-Sibt 27 ta’ Frar 2016 fil-Bażilika ta’ Marija Bambina x-Xagħra mis-6.30 sat-8.30pm. Trasport mill-Pjazza fis-6.00pm.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA

Ser isir nofs ta’ nhar għan-nisa kollha ġewwa Lourdes Home l-Erbgħa 24 ta’ Frar mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa, kafe’ u tombla.

GĦOTI TAL-MINISTERU TAL-LETTORAT

Nhar il-Ħadd 21 ta’ Frar 2016 is-seminarista Joseph Hili mill-parroċċa tax-Xagħra se jingħata l-Ministeru tal-Lettorat waqt konċelebrazzjoni mmexxija mill-Isqof fil-parroċċa tal-Qala, fil-5.00pm.

Nitolbu għalih u għal aktar vokazzjonijiet.

STRINA TAL-MADONNA 2016 – €5007        

GRAZZI KBIRA MILL-QALB.

GRAZZI ukoll lil tant benefatturi oħra u lil dawk li jagħtu regolarment kull xahar. Dan jagħmlilna kuraġġ biex inkomplu bix-xogħol li għandna ppjanat.

ĠUBLEW TAL-ĦNIENA: NILQGĦU FOSTNA GRUPP  ŻGĦAŻAGĦ INSARA MILL-IRAQ

Mill-25 ta’ Ġunju sal-5 ta’ Lulju 2016, bħala proġett ta’ solidarjetà fis-sena tal-Ġublew tal-Ħniena, id-Djoċesi ta’ Għawdex flimkien mal-Komunità Anglikana f’Għawdex, se nospitaw grupp ta’ 20 persuna minn Erbil, l-Iraq. Il-grupp ta’ Nsara ġej minn skola Kattolika Mar Qardakh School (https://www.facebook.com/MarQardakhSchool/?pnref=lhc), u hu kompost minn 16-il student imħalltin (12-16-il sena) u 4 għalliema adulti.

Bħala fund raising, qegħdin niġbru metalli (ram, bronż u nickel) biex jiġi mibjugħ għar-riċiklaġġ. Nistiednu lill-membri tal-komunità taghna jipparteċipaw f’din l-inizjattiva u jqegħdu dawn l-oggetti f’kaxxi apposta ħdejn l-artal tal-Madonna fil-knisja.

TOMBLA fiċ-Ċentru Sant’ Antnin il-Ġimgħa 26 ta’ Frar fis-7.30pm.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Ġorġa Galea toffri €20 b’suffraġju ta’ ommha Rosa Galea f’għeluq it-30 sena mill-mewt tagħha.
  • Loreta Azzopardi u l-familja joffru €20 b’suffraġju ta’ Carmela Xuereb f’għeluq is-17-il sena mill-mewt tagħha fid-19 ta’ Frar, u għal Mary Rose Xuereb.
  • L-aħwa Clementa u Ġuża joffru €20 b’suffraġju ta’ oħthom Maria Zammit f’għeluq is-sena mill-mewt tagħha fil-21 ta’ Frar.
  • Il-familja Galea joffru €20 b’suffraġju tal-għażiż missierhom Loreto Galea f’għeluq l-ewwel sena mill-mewt tiegħu fil-15 ta’ Frar.
  • Marija Attard u l-familja toffri €20 b’suffraġju ta’ żewġha Salvu Attard f’għeluq l-erba’ snin mill-mewt tiegħu fl-20 ta’ Frar.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 12 ta’ Frar 2016

RANDAN 2016

“Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju” (Mt 9:13)

L-opri tal-ħniena fil-mixja tal-Ġublew

Din id-drama ta’ mħabba tilħaq il-quċċata tagħha fl-Iben magħmul bniedem.  Fih Alla jsawwab ħnientu bla tarf sa ma jagħmel minnha “Ħniena inkarnata” (ara Misericordiæ vultus, 8).  Bħala bniedem, Ġesù ta’ Nazareth fil-fatt hu f’kull sens bin Israel.  U huwa hekk sal-punt li fih jitlaħħam dak is-smigħ perfett ta’ Alla li s-Shemà titlob minn kull Lhudi, twemmin li sal-lum għadu l-qalba tal-patt ta’ Alla ma’ Israel: “Isma’, o Israel: Alla tagħna l-Mulej, il-Mulej waħdu.  Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha” (Dewt 6:4-5).

L-Iben ta’ Alla hu l-Għarus li jagħmel minn kollox biex jirbaħ l-imħabba tal-Għarusa tiegħu, li magħha hu marbut bl-imħabba tiegħu bla limiti li ssir viżibbli fil-festa tat-tieġ ta’ dejjem tiegħu magħha. … Dan hu “l-ġmiel tal-imħabba feddejja ta’ Alla li dehret f’Ġesù Kristu li miet u rxoxta”…

 Allura l-Ħniena “tesprimi l-imġiba ta’ Alla mal-midneb, meta joffrilu possibbiltà oħra biex jerġa’ lura minn triqtu l-ħażina, jindem u jemmen” (Misericordiæ vultus, 21), u hekk terġa’ twaqqaf ir-relazzjoni tiegħu Miegħu.  U f’Ġesù mislub Alla sa jrid jilħaq il-midneb fl-aktar post imbiegħed tiegħu, sewwasew hemm fejn hu ntilef u tbiegħed Minnu.  U dan jagħmlu bit-tama li sa fl-aħħar jista’ jrattab il-qalb imwebbsa ta’ Għarustu.

MESSAĠĠ TAL-PAPA FRANĠISKU GĦAR-RANDAN 2016 (It-Tieni Parti)

SEJĦA GĦALL-EŻERĊIZZI

GĦAL KULĦADD

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa 15-19 ta’ Frar fis-6.30pm.

  1. Joseph Ciappara ofm fil-Knisja Parrokkjali.

GABRA GĦAS-SEMINARJU – Il-Ħamis waqt l-eżerċizzi.

SIEGĦA TAD-DULURI

Kull nhar ta’ ġimgħa fit-3.00pm fil-Knisja l-Qadima.

QUDDIESA TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ:Il-Ħadd 14 ta’ Frar-10.00a.m.

EWRO COLLECTION

Il-ġbir li jsir matul il-quddies kollu ta’ dan il-weekend ikun b’risq il-festa tal-Madonna ta’ Loreto 2016. Inkunu ġenerużi bħal dejjem. Fejn nistgħu nagħtu Ewro jew aktar. Grazzi.

ID-DEHRIET ĠEWWA LOURDES

Matul il-ġranet tad-dehriet nitolbu bil-qalb lill-Madonna għall-morda kollha u nżuruha fis-Santwarju tagħha fil-parroċċa tagħna.

AVVIŻ MIS-SEMINARJU MINURI U MILL-ISKOLA SEKONDARJA TAL-KONSERVATORJU TAL-ISQOF TAD-DJOċESI  T’GħAWDEX

Il-ġenituri/kustodji tal-Istudenti ta’ Year 6 iIli jattendu fl-Iskejjel Primarji kemm tal-Knisja u kemm tal-Istat, DEJJEM JEKK IRIDU, huma ġentilment mitluba jirreġistraw lil uliedhom għad-Dħul fl-Ewwel Klassi tas-Seminarju Minuri u tal-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof nhar il-ħamis u l-Ġimgħa, 25 u 26 ta’ Frar mit-8:00 a.m. sas-02.00 p.m.

L-applikazzjonijiet għat-tfal subien jimtlew fis-Seminarju Minuri waqt li għat-tfal bniet jimtlew fl-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof (dħul mill-parking tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex). Min japplika mitlub jieħu miegħu: ċertifikat oriġinali tat-Twelid tat-tifel/tifla kif ukoll żewġ ritratti tiegħu/tagħha.  Tkun mitluba wkoll il-Karta tal-Identita’ taż-żewġ Ġenituri.  It-tfal iridu jkunu mwielda bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2005.  Isir ħlas ta’ €15 mal-applikazzjoni.

STRINA TAL-MADONNA 2016

IL-ĠABRA S’ISSA LAĦQET €4700.50 li jinkludu envelop b’għotja ta’ €500.

GRAZZI MILL-QALB

Għas-sagristiji: N.N. Garden St-€100, N.N. €50, N.N. €50.

SEJĦA GĦALL-FRATELLI

Min jixtieq li jissieħeb f’xi waħda miż-żewġ fratellanzi li għandna – tar-Rużarju u tas-Santissimu Sagrament,  jista’ jkellem lill-Arċipriet Dun Frankie Bajada. Aktar ‘il quddiem issir laqgħa apposta.

“STORIE PER VIVERE – Musical fl-Oratorju Don Bosco r-Rabat is-Sibt 20 ta’ Frar fis-7.30pm.

PROĠETTI GĦAL MATUL DIN IS-SENA

Matul din is-sena, bil-għajnuna t’Alla, qed nippjanaw li naraw jitwettqu dawn il-proġetti:

  • L-arloġġi fil-kampnar: Fejn in-niċċa tal-Madonna ta’ Loreto tistgħu taraw l-abbozzi tal-4 arloġġi kif ukoll mostra żgħira ta’ kif ser jinħadmu l-irħam u l-ħġieġ tal-faċċati.
  • L-ewwel fażi tat-tisbiħ taz-zuntier.
  • Ix-xiri tal-ġebel il-kbir għas-sagristiji
  • Il-wasla tal-ewwel konsinja tal-kanen tal-orgni rrestawrati.
  • ix-xogħol fuq ir-reredos wara l-artal.
  • TKOMPLIJA TAR-RESTAWR TAL-KWADRI fil-Knisja l-Qadima
  • IKONA TAL-FIDDA (maħduma l-Italja) bix-xbieha tal-istatwa titulari tagħna li tistgħu takkwistawha fi 3 daqsijiet fl-okkażjoni tal-150 sena mill-wasla tal-istatwa fostna.

GĦOTI TA’ DEMM – it-Tlieta 16 ta’ Frar ser ikun fl-Isptar Ġenerali Għawdex -1:00pm sal-5:00pm.

LAQGĦA ĠENERALI ANNWALI BANDA

Il-laqgħa ġenerali annwali 2016 ser issir il-Ġimgħa 19 ta’ Frar fis-7.00pm. Il-membri u bandisti huma mħeġġa jattendu. Matul din il-laqgha ser jitħabbru l-attivitajiet marbuta mal-50 sena mit-twelid mill-ġdid tal-Banda San Ġużepp t’ Għajnsielem.

COFFEE MORNING fil-każin tal-banda t-Tlieta 16 ta’ Frar mid-9 30am  l’quddiem.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Lorenza Scicluna toffri €20 b’suffraġju tar-ruħ għażiża ta’ żewġha Carmelo f’għeluq is-seba’ anniversarju mill-mewt tiegħu fit-18 ta’ Frar kif ukoll b’suffraġju taż-żewġ uliedha Joe u Frankie Scicluna.

Il-familja Zerafa joffru €20 b’suffraġju ta’ missierhom u l-familja u għal ommhom Maria Zerafa f’għeluq l-14-il sena mill-mewt tagħha.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 5 ta’ Frar

RANDAN 2016

 “Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju” (Mt 9:13)

L-opri tal-ħniena fil-mixja tal-Ġublew

  1. Marija, ikona ta’ Knisja li tevanġelizza għax hi evanġelizzata

Fil-Bulla tal-Indizzjoni tal-Ġublew għamilt stedina biex “ir-Randan ta’ din is-Sena Ġubilari ngħixuh b’mod iżjed intens bħala mument qawwi biex niċċelebraw u nduqu l-ħniena ta’ Alla” (Misericordiæ vultus, 17).  Bis-sejħa għas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla u għall-inizjattiva “24 siegħa għall-Mulej” ridt nisħaq fuq il-primat tas-smigħ tal-Kelma fi spirtu ta’ talb, speċjalment dik tal-Profeti.  Il-ħniena ta’ Alla fil-fatt hi xandira lid-dinja: imma din il-bxara kull Nisrani hu msejjaħ jagħmel esperjenza tagħha hu l-ewwel.  Hu għalhekk li fi żmien ir-Randan jien se nibgħat lill-Missjunarji tal-Ħniena biex ikunu għal kulħadd sinjal konkret ta’ kemm Alla hu qrib tagħna u lest jaħfrilna.

Wara li laqgħet il-Bxara t-Tajba mwassla lilha mill-arkanġlu Gabrijel, Marija, fil-Magnificat, tgħanni profetikament il-ħniena li biha Alla għażilha sa minn qabel.  Hekk il-Verġni ta’ Nazareth, imwiegħda bħala għarusa lil Ġużeppi, issir l-ikona perfetta tal-Knisja li tevanġelizza għax kienet u hi kontinwament evanġelizzata bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, li nissel il-frott tal-ġuf verġinali tagħha.  Fil-fatt fit-tradizzjoni profetika, il-ħniena, diġà fuq livell etimoloġiku, għandha x’taqsam ħafna sewwasew mal-ġewwieni ta’ ġuf l-omm (rahamim) u anki ma’ tjieba ġeneruża, fidila u kollha mogħdrija (hesed) li tintwera fi ħdan ir-relazzjonijiet bejn il-miżżewġin u l-ġenituri u l-ulied.

  1. It-tjieba ta’ Alla mal-bnedmin: storja ta’ ħniena

Il-misteru tal-ħniena divina jintwera lilna matul l-istorja tal-patt bejn Alla u l-poplu tiegħu Israel.  Fil-fatt, Alla dejjem jidher għani fil-ħniena, lest f’kull ċirkustanza biex isawwab fuq il-poplu tiegħu ħlewwa u kompassjoni li ġejjin mill-ġewwieni tiegħu, fuq kollox fil-mumenti l-iżjed drammatiċi meta l-infedeltà tfarrak ir-rabta tal-Patt, u jkun hemm bżonn li dan il-patt jiġi ratifikat b’mod iżjed stabbli fil-ġustizzja u fil-verità.  Hawn qegħdin quddiem drama vera ta’ mħabba, fejn Alla jilgħab ir-rwol ta’ missier u ta’ raġel ittradut, waqt li Israel jilgħab ir-rwol ta’ iben/bint u ta’ mara infidila.  Huma sewwasew dawn ix-xbihat familjari – bħal fil-każ ta’ Hosegħa (ara Hos 1-2) – li jesprimu kemm Alla jixtieq jintrabat mal-poplu tiegħu.

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

GĦAR-RANDAN 2016 (L-Ewwel Parti)

NIBDEW IR-RANDAN

Mixja lejn l-Għid il-Kbir

Niġġeddu u ninżlu aktar fil-fond tal-fidi tagħna

  • bis-Smiegħ tal-Kelma ta’ Alla
  • bit-Talb
  • bis-Sagrifiċċji
  • bil-Karità

L-Erbgħa 10 ta’ Frar jibda dan iż-żmien tant importanti fil-Kalendarju Liturġiku tal-knisja. Hemm l-obbligu tas-sawm u l-astinenza. Matul il-quddies kollu s-saċerdot iroxx fuqna l-irmied u jħeġġiġna biex nindmu u nemmnu fil-Bxara t-Tajba.

Ninġabru bħala kommunità parrokkjali għall-quddiesa tas-6.00pm fil-Knisja parrokkjali għall-funzjoni tal-irmied.

SEJĦA GĦALL-EŻERĊIZZI

GĦAL KULĦADD:

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa 15-19 ta’ Frar fis-6.30pm

Fr Joseph Ciappara ofm fil-Knisja Parrokkjali.

GĦALL-KOPPJI:

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa 7-11 ta’ Marzu fis-7.30pm

Mons. Carmelo Mercieca fiċ-Ċentru Parrokkjali.

GĦAL KULĦADD:

Mit-Tnejn sal-Ħamis 14-17 ta’ Marzu fis-6.30pm

Marcello Ghirlando ofm fil-Knisja ta’ Sant’Antnin

11 ta’ FRAR – IL-ĦAMIS – L-EWWEL DEHRA ĠEWWA LOURDES

Mal-bullettin qed jitqassam il-programm tad-dehriet fil-Kappella tal-Madonna ta’ Lourdes fi ħdan il-parroċċa tagħna.

L-ewwel dehra: Il-Ħamis,  11 ta’ Frar 2016

Quddies: 5.15am, 9.00am, 1.00pm, 3.30pm, u fil-5.00pm l-E.T. Monsinjur Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex imexxi quddiesa.

Is-Santwarju jibqa’ miftuħ sat-8.00pm.

L-EWWEL SIBT TAX-XAHAR

Is-Sibt 6 ta’ Frar, fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm rużarju u quddiesa. L-Adorazzjoni tkompli sad-9pm.

INKOMPLU L-BINI TAL-KNISJA TAGĦNA

STRINA TAL-MADONNA 2016

L-envelopes li tqassmu mal-Bullettin tal-ġimgħa li għaddiet qed jinġabru mill-voluntiera tal-parroċċa. Dak li nagħmlu mal-Knisja tagħna nkunu nagħmluh ma’ Ommna Marija Lawretana. Inkomplu ngħinu minn qalbna u nħeġġu lil xulxin biex inlestu dak li bdew ta’ qabilna. Grazzi kbira tal-ġenerożità tagħkom. Ommna Marija Lawretana tieħu ħsiebna u tħarisna bħala wliedha.

L-Arċipriet Dun Frankie Bajada

SIEGĦA TAD-DULURI

Min-nhar il-Ġimgħa li ġejja 12 ta’ Frar – fit-3.00pm fil-Knisja l-Qadima- ikollna s-Siegħa tad-Duluri. Talb quddiem Ġesù Ewkaristija, Meditazzjoni fuq id-Duluri ta’ Marija.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 7 ta’ Jannar ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

SANTA RITA

Il-Ħamis 11 ta’ Frar, 2016 ikomplu l-Ħamisijiet ta’ Santa Rita għand is-Sorijiet Agostinjani Għajnsielem. Fil-5.30pm  Rużarju, Kurunella, Barka Sagramentali u quddiesa bil-ħsieb fuq Santa Rita.

GRAZZI Bott Ħanut Frutta e Verdura: €26.20

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Maria Azzopardi toffri €20 b’suffraġju ta’ ommha Dolora Azzopardi f’għeluq is-seba’ snin mill-mewt tagħha fil-11 ta’ Frar.

Ursola Azzopardi toffri €20 b’suffraġju ta’ Maria Azzopardi f’għeluq it-3 snin mill-mewt tagħha fid-9 ta’ Frar u għal ommha Dolora Azzopardi fil-11 ta’ Frar.