Monthly Archives: March 2016

Bullettin l-1 ta’ April 2016

FESTA TAL-ĦNIENA DIVINA

Ġesu’ Jiena Nafda Fik

Il-festa liturġika tal-Ħniena Divina tigi ċċelebrata dejjem fl-ewwel Ħadd ta’ wara l-Għid Imqaddes. Qegħdin ta’ kull jum nesperjenzaw aħbarijiet mhux daqstant pjaċevoli fejn nisimgħu b’tant qtil ta’ Nsara u tifrik u ħruq ta’ knejjes f’bosta pajjiżi. Nisimgħu ukoll b’tant nies li jkollhom jaħarbu minn pajjiżhom minħabba mibgħeda razzjali jew reliġjuża waqt li qed nesperjenzaw bosta mwiet ta’ immigranti fl-ibħra viċin tagħna. Ghalhekk iktar minn qatt qabel għandna bżonn nieqfu u nirriflettu ftit fuq il-bżonn ta’ iktar ħniena u imħabba fil-qlub tal-bnedmin.

Kien proprju nhar il-Ħadd 30 ta’ April tas-sena 2000, li l-Papa Ġwanni Pawlu II ikkanonizza bħala l-ewwel qaddisa tal-era tagħna, lis-soru Pollakka Fawstina Kowalzka. Din il-qaddisa hi meqjusa bħala “s-soru tal-ħniena divina” u mietet fl-età żagħżugħa ta’ 33 sena. Frott tal-messaġġ li Ġesu nnifsu wassal lil din is-soru Pollakka, il-Papa Ġwanni Pawlu II fl-1980 kiteb l-enċiklika Dives in Misericordia, li fiha identifika u żviluppa t-tema tal-ħniena divina bħala l-ikbar preokkupazzjoni tiegħu.

Kien proprju l-konfessur tagħha li ħeġġeġ lil Swor Fawstina tikteb l-esperjenzi u r-riflessjonijiet tagħha fi djarju ta’ ‘l fuq minn 600 paġna.

Santa Faustina għexet ħajja ta’ qdusija kbira. Id-djarju tagħha Il-Ħniena Divina f’Ruħi, jagħtina ritratt mill-aktar qawwi ta’ Ġesù. F’dan ir-ritratt naraw lil Ġesù bħala l-Ħellies ta’ ħniena infinita li qed jittallab lill-bnedmin biex jagħmlu użu mill-ħniena tiegħu. Santa Fawstina tistaqsih l-għaliex ma jħallix lill-erwieħ fil-Purgatorju jmorru l-Ġenna malajr, jew l-għaliex irid festa oħra ddedikata lilu. Hija ma tibqax passiva f’dan id-djalogu qaddis. Minkejja l-edukazzjoni bażika tagħha, id-djarju ippublikat tagħha huwa xogħol ewlieni fil-letteratura mistika Nisranija. Fil-paġni ta’ dan id-djarju wieħed jara l-iżvilupp spiritwali tar-ruħ.

Il-ħeġġa tal-qaddisa fuq il-ħniena bla tarf ta’ Alla hija punt dottrinali importanti għalina l-bnedmin. Fil-fatt, Ġesù talab lil Swor Fawsina biex tħaffef ixxerred il-messaġġ tiegħU tal-Ħniena Divina. Saħqilha li suritu tkun impittra u li twaqqaf ordni reliġjuż ġdid iddedikat għal dan il-messaġġ. Barra minn hekk, il-viżjoni tal-qaddisa tal-ħniena ta’ Alla tiżviluppa b’mod ġdid it-twemmin tal-Knisja Kattolika fuq il-maħfra, filwaqt li ssaħħaħ il-kliem ta’ Ġesù: “Jien ma ġejtx biex nagħmel ħaqq mid-dinja, iżda biex insalva d-dinja” (Ġw 12, 47).

ĊELEBRAZZJONI ĦNIENA DIVINA

Il-Ħadd 3 ta’ April niltaqgħu fil-Knisja tagħna għas-siegħa tal-Ħniena Divina fl-4pm. Fil-5pm mbagħad ikollna l-quddiesa.

ĠABRA B’RISQ L-ARKA

Il-ġabra li ssir waqt il-quddies ta’ dan il-weekend tkun b’risq Dar Arka li għandna fil-parroċċa tagħna. Inkunu ġenerużi bħal dejjem.

FESTA SANT’ANTNIN 2016

Dawk it-tfal subien u bniet tal-primarja mill-Year 1 sal-Year 6, li jixtiequ jilbsu ta’ kavallieri fil-festa ta’ Sant’ Antnin ta’ din is-sena, ikellmu lil Mariella fuq 79276953.

TBERIK TAL-FAMILJI

Ikompli t-tberik tal-familji mis-saċerdoti tagħna. Nilqgħu din il-barka bi spirtu ta’ tiġdid fi Kristu Rxuxtat.

IL-LUNZJATA

It-tħabbira tal-Mulej ser tkun iċċelebrata t-Tnejn 4 ta’ April. Bħala parroċċa ser immorru l-Kappella tal-Lunzjata ġewwa Kerċem. Tluq mill-pjazza fit-8.30a.m.

STATWA TA’ SAN ĠORĠ PRECA

Bejn il-Ħadd u t-Tlieta 3-5 ta’ April ser ikollna fostna statwa ta’ San Ġorġ Preca li d-Djoċesi tagħna qed tniedi biex tfakkar dan l-ewwel qaddis Malti.

GĦOTI TAD-DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm nhar il-Ħadd 3 t’April, 2016.

INFAKKRU LIL SAN ĠWANNI PAWLU II

Nhar l-Erbgħa 6 t’April ser ikollna fostna kor mill-Ingilterra – Lichfield Cathedral Choir biex jieħu sehem fil-quddiesa ta’ filgħaxija u wara jagħti programm ta’ kant sagru fil-Knisja tagħna. Inħeġġukom tattendu.

XIRKA TAL-ISEM IMQADDES T’ALLA

It-53 KUNGRESS FIN-NADUR

Nhar il-Ħadd li ġej 10 ta’ April 2016 bis-suġġett “Infaħħru l-Isem t’Alla għani fil-Ħniena”

GRAZZI

Offerta Sagristiji b’ringrazzjament lill-Madonna: – N.N. €200, N.N. €200, N.N. €20.

Gabra għas-saċerdoti – Ħamis ix-Xirka €1214 u US$1.

  • Grazzi lil dawk kollha li għenu biex stajna nippreparaw il-Knisja u funzjonijiet liturġiċi fil-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid.
  • Grazzi lill-Għaqda Drammatika Għajnsielem għas-sehem li tagħti ta’ kull sena fil-purċissjoni tad-Duluri u lill-Banda San Ġużepp li takkumpanja din l-istess purċissjoni.
  • Grazzi kbira u mill-qalb lil kulħadd.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Lorenza Scicluna toffri €20 b’suffraġju tal-għeżież ġenituri tagħha Ġużepp u Paula Sultana fl-anniversarju tal-mewt tagħhom fil-11 u fit-3 ta’ April rispettivament kif ukoll taż-żewġ ħutha Loreto u Carmelo Sultana.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 25 ta’ Marzu 2016

GĦID 2016

KRISTU QAM GĦALINA

L-Għid il-Kbir.  L-akbar festa fil-kalendarju tal-mixja tal-fidi tagħna.  Hija festa li turi li Ħajjet u Kliem Kristu fuq din l-art kienu kliem bis-serjetà.  Importanti għalhekk li llum nifirħu u nirringrazzjaw lil Ġesù għal din ir-rebħa li permezz tagħha AĦNA SIRNA WLIED IR-REBĦA u li l-mewt mhux ser taħkem aktar fuqna.  Importanti għalhekk li nifirħu, ferħ li jiġi wara li matul ir-Randan nagħrfu li aħna bnedmin dgħajfa u li mingħajr Ġesù ma aħna xejn.  Importanti għalhekk li lkoll kemm aħna nifhmu li r-rebħa ta’ Ġesù kienet rebħa kontra d-dubji u l-inċertezzi tal-ħajja ta’ kuljum, rebħa kontra l-inġustizzji li nsofru, rebħa li tmur ferm ’il bogħod fiż-żmien u teħodna għall-eternità.  ġustifikat għalhekk huwa l-ferħ tagħna llum.

HALLELUJAH.  Il-Mulej qam tassew.  Il-Mulej kisbilna r-rebħa.  Aħna wkoll se nqumu.  Le, mhux biss għandna l-garanzija tar-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt, mhux biss għandna l-garanzija li Kristu se jqajjem lilna wara din il-ħajja, iżda wkoll għandna ċ-ċertezza li dak kollu li nwettqu f’din il-ħajja jkun mistur fil-ħajja għall-eternità.  Dan huwa l-messaġġ qawwi tal-Għid.  Kristu qam biex jerfa’ lilna mir-raqda ta’ kuljum, mill-monotonija ta’ ħajjitna, mill-medjokrità li ħafna drabi nitkaxkru fiha fil-ħajja ta’ kuljum.  Inti kemm inti fit-tajn u fil-ħama tal-vizzji u d-dnubiet ta’ ħajtek, il-Mulej illum QAM biex jerfagħna lejh, biex ma jħalliniex negħrqu aktar fil-ħama.

Iżda rridu nemmnu.  Irridu nkunu konvinti minn dak li għamel Ġesù għalina.  Ilkoll kemm aħna rridu nsibu l-mument biex, kif ippruvajna nagħmlu f’dan ir-Randan, niftħu qlubna beraħ għalih.  Kristu qam biex ifejjaq il-ġrieħi tal-umanità kollha.  Ma nistgħux nibqgħu ndawru wiċċna u nħallu l-ġrieħi mikxufa mingħajr kura.  Issa l-mument li, wara li għarafna li rebaħ għalina, inħalluh imissna u jfejjaqna.

SIBT IL-GĦID                  is-Sibt 26 ta’ Marzu

IL-VELJA L-KBIRA TAL-GĦID IL-KBIR

Fit-8pm IL-VELJA L-KBIRA TAL-GĦID IL-KBIR. Ninġabru lkoll kbar u żgħar fil-knisja biex ngħixu dan il-mument tant sabiħ.

NAWGURAW L-GĦID IT-TAJJEB LIL KULĦADD

KRISTU QAM TASSEW!! Hallelujah! Hallelujah!

QAM KIF KIEN QAL!! Hallelujah! Hallelujah!

TBERIK TAL-FAMILJI

Mal-bullettin tal-ġimgħa li għaddiet waslilkom il-programm tat-tberik. Segwuh. Nilqgħu din il-barka bi spirtu ta’ tiġdid fi Kristu Rxuxtat.

SKEDA GĦID RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-Għid ta’ Radju Lauretana tintemm il-Ħadd 27 ta’ Marzu. L-iskeda li jmiss tkun marbuta mal-festa ta’ Sant’ Antnin u tibda l-Ħadd 22 ta’ Mejju 2016.

ĦIN TAS-SAJF

Is-Sibt 26 ta’ Marzu matul il-lejl naqilbu għall-ħin tas-Sajf. Għaldaqstant il-ħin tal-quddies ikun kif ġej: il-ħin tal-quddies ta’ filgħodu jibqa’ l-istess. Filgħaxija mit-Tnejn sas-Sibt il-quddiesa tkun fis-7pm, nhar ta’ Ħadd filgħaxija tkun dejjem fil-5pm.

L-EWWEL ĠIMGĦA U SIBT TAX-XAHAR

Il-Ġimgħa 1 ta’ April hija l-Ewwel Ġimgħa tax-xahar. L-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali u tibda wara l-quddiesa tad-9am. Is-Sibt 2 ta’ April, fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm rużarju u quddiesa fl-4.00p.m. L-Adorazzjoni tkompli sad-9pm.

STATWA TA’ SAN ĠORĠ PRECA

Bejn il-Ħadd u t-Tlieta 3-5 ta’ April ser ikollna fostna statwa ta’ San Ġorġ Preca li d-Djoċesi tagħna qed tniedi biex tfakkar dan l-ewwel qaddis Malti. Aktar dettalji fil-bullettin tal-ġimgħa d-dieħla.

FORMAZZJONI GĦALL-ĠENITURI U CARERS

Il-Kummissjoni Familja qed toffri l-possibilità ta’ mument iehor ta’ formazzjoni indirizzat b’mod partikolari ghall-genituri u carers ta’ tfal, adolexxenti u zghazagh.  Nhar l-Erbgha, 30 ta’ Marzu, fis-7.30pm ser issir laqgha fl-Istitut tal-Familja bis-suggett: Fejn zbaljajt ma’ uliedi? L-edukazzjoni ghall-valuri. Il-kelliem ser ikun Marvik Galea.

sem&u – Fuljett mis-Seminarju.

Qed jasallek ma’ dan il-bullettin. Aqrah–aħseb–itlob.

INFAKKRU LIL SAN ĠWANNI PAWLU II

Nhar 6 t’April ser ikollna fostna kor mill-Ingilterra – Lichfield Cathedral Choir biex jieħu sehem fil-quddiesa ta’ filgħaxija u wara jagħti programm ta’ kant sagru fil-Knisja tagħna.

GRAZZI

  • Is-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesu’ jirringrazzja lill-parroċċa ta’ Għajnsielem għall-offerti għas-seminarju li sarju fl-eżerċizzi. Is-somma li ngħatat kienet ta’ €878.39.
  • Is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl tixtieq tirringrazzja lil dawk kollha li għamlu għotja ta’ ikel fil-kampanja “Oħloq Tbissima – Għin familja fil-bżonn fil-Perù”. L-ammont sabiħ ta’ kaxxi li nġabar mill-parroċċa tagħna żgur li ser joħloq tbissima fuq ħafna. Il-Mulej ikompli jbierek il-familji tagħna.
  • Ewro Collection Marzu – €445.55.

PELLEGRINAĠĠ DJOĊESAN-ART IMQADDSA

Immexxi mill-Isqof Mario Grech mill-10 sat-18 ta’ Settembru 2016. Araw il-flyer mal-bullettin.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ

Ilqa’ O Mulej ir-ruħ għażiża ta’ Carmel Xerri mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li għadda għall-ħajja ta’ dejjem fis-17 ta’ Marzu 2016 fl-għomor ta’ 76 sena.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

Il-familja Xuereb joffru €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’memorja ta’ Leah Xuereb f’għeluq is-sena mill-mewt tagħha fit-28 ta’ Marzu.

Karmena Attard toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ ommha Gorġa Attard f’għeluq it-23 sena mill-mewt tagħha fl-10 ta’ April.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

Bullettin 18 ta’ Marzu 2016

RANDAN 2016 Wasalna għall-akbar Ġimgħa

QUDDIEM ĠESU’ MISLUB

Fil-katidral tal-belt ta’ Wurzburg, il-Ġermanja, hemm Kurċifiss mhux tas-soltu: idejn Ġesù mhumiex imwaħħlin bl-imsiemer ma’ l-għuda tas-salib, imma maqlugħin u jiffurmaw bħal tgħanniqa. Rakkont aneddottiku jgħid li darba daħal wieħed fil-knisja biex jisraq. Meta l-bieb ingħalaq għal-lejl u ma kien fadal ħadd fil-knisja, il-ħalliel beda jdur mal-knisja biex jara x’jisraq, u fid-dlam lemaħ xi ħaġa tleqq. Resaq fil-qrib u nduna li l-kuruna tax-xewk tal-Kurċifiss kienet tad-deheb. Hekk kif medd idejh biex jisraq dik il-kuruna, il-Kurċifiss qala’ jdejh minn mas-salib, u għannaq miegħu lil dak il-ħalliel, li baqa’ mitluf fit-tgħanniqa ta’ Kristu sa ma nstab l-għada filgħodu mis-sagristan.

Il-pali ta’ jdejn Ġesù huma mtaqqbin, minfudin bl-imsiemer. Idejn Ġesù huma miftuħin beraħ, lesti biex ikomplu jqassmu l-imħabba, kif dejjem għamel matul ħajtu. Huma jdejn li ħadmu: fix-xogħol ta’ l-injam meta kien għadu d-dar, imbagħad biex ifejjaq il-mard, jimla bil-kuraġġ, ibierek…

Ħares ftit lejn idejk!…    Taħseb li jdejk huma miftuħin jew magħluqin? Huma jdejn ġenerużi, jaqsmu ma’ l-oħrajn, jew huma jdejn magħluqin u marsusin, iżommu kollox għalihom u ma jridu jagħtu xejn ħadd? Tħoss li int ġeneruż ma’ l-oħrajn? Tħossok lest tgħin lill-oħrajn? Idejk huma bieżla, jew dejjem fil-but, għażżenin, ma jridu jagħmlu xejn? Dmirijietek – id-dar, l-iskola… – twettaqhom sewwa, jew taħrabhom?

Qalb Ġesù hija miftuħa beraħ, minfuda bil-lanza. Hi l-qalb ta’ min iħobb. Hi l-qalb ta’ Ġesù, li fiha nistgħu ninħaslu minn dnubietna. Hi l-qalb miftuħa tas-Salvatur.

Poġġi jdejk fuq qalbek…

X’qiegħed tħoss? X’hemm iħabbat fil-qalb tiegħek? Taf tħobb? Veru tħobbhom lill-ġenituri tiegħek, lil sħabek, lil dawk li qed jippruvaw jgħinuk? Kif qed tħobbhom? Kemm lest tbati biex tħobb verament? Rasek iebsa? Supperv? Trid li kulħadd jagħmel dak li tgħid int? Tħobb tpatti? Id-dmirijiet tiegħek twettaqhom kif suppost? Tħobb tgħin, anke jekk ma tkunx mitlub?

Nadurawk O Ġesu’ u nberkuk għax b’salibek, bil-mewt u

bil-qawmien tiegħek int fdejt id-dinja.

SAGRAMENT TAL-QRAR

Nhar l-Erbgħa 23 ta’ Marzju jkun jum ta’ Qrar bi tħejjija għall-Għid. Filgħodu mis-7.30 sal-10am.

Filgħaxija mill-5 sad-9pm fil-Knisja Parrokkjali.

ĦAMIS ix-XIRKA – mill-4.30pm sa 6.00pm

ĠIMGĦA L-KBIRA – mid-9.00am sa nofsinhar

ĦADD IL-PALM     Il-Ħadd 20 ta’ Marzu Ninġabru lkoll quddiem il-Knisja l-Qadima għall-funzjoni ta’ Ħadd il-Palm li tibda fl-9.45am. Inħeġġu lit-tfal jilbsu ta’ tfal Lhud. Ikollna l-liturġija tal-Kelma, it-tberik tal-friegħi tal-Palm u ż-Żebbuġ u nimxu lejn il-Knisja Parrokkjali fejn ikollna l-Konċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm animata bil-kant mill-Kor Lauretana li fiha ssir il-preżentazzjoni ta’ dawk li ser jirċievu l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof. Il-funzjoni kollha tixxandar dirett fuq Radju Lauretana u Radju Marija.

ĦAMIS IX-XIRKA

Il-Quddiesa taż-Żjut fil-Katidral ta’ Għawdex fid-9am. Tixxandar dirett fuq Radju Lauretana.

6pm – Funzjoni tal-Ikla tal-Mulej bil-ħasil tar-riġlejn fil-Knisja Parrokkjali.

Is-Seba’ Viżti għal kulħadd fil-knisja jkunu fit-8.30pm

Is-Seba’ Viżti għaż-Żgħażagħ: tluq minn quddiem il-Knisja Parrokkjali fit-8.30pm.

IL-ĠIMGĦA L-KBIRA

Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum fil-knisja fit-8am.

Il-funzjoni tas-salib fit-3pm.

SIBT IL-GĦID

IL-VELJA L-KBIRA TAL-GĦID IL-KBIR

Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum fil-knisja fit-8am.

Is-Siegħa tal-Omm fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu fid-9am. Tixxandar dirett fuq Radju Lauretana.

Fit-8pm IL-VELJA L-KBIRA TAL-GĦID IL-KBIR

WARD U WERAQ  

Dawk li jixtiequ joffru ward u weraq għat-tiżjin tal-knisja f’dawn il-ġranet jistgħu jġibu belladonna u weraq min-nhar it-Tnejn 21 u l-fjuri bojod nhar l-Erbgħa.

EWRO COLLECTION Il-ġabra li ssir waqt il-quddies ta’ dan il-weekend tkun b’risq il-festa 2016. Inkunu ġenerużi bħal dejjem.

TBERIK TAL-FAMILJI Ma’ dan il-bullettin qed jaslilkom il-programm tat-tberik. Segwuh. Nilqgħu din il-barka bi spirtu ta’ tiġdid fi Kristu Rxuxtat.

SKEDA GĦID RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-Għid ta’ Radju Lauretana tkompli. Komplu segwu l-programmi kollha.

ĦARĠA MALTA U GĦAWDEX

L-Għaqda Ħbieb tal-Presepju – Sezzjoni Għajnsielem qed torganizza ħarġa f’Malta u oħra f’Għawdex biex inżuru l-Wirjiet tal-Gimgħa Mqaddsa.

It-Tnejn 21 ta’ Marzu 2016 – Malta. Trasport jitlaq direttament mill-Pjazza t’Għajnsielem fit-3.15pm biex immorru mal-vapur tal-3.45pm. Prezz €10 (Biljett tal-vapur mhux inkluz). It-Tlieta 22 ta’ Marzu 2016 – Għawdex. Tluq mill-Pjazza t’Għajnsielem fil-5pm. Prezz €6. Biljetti jinkisbu minn Radju Lauretana.

Iċ-Ċenaklu f’Ta’ Passi

L-Għaqda Drammatika Għajnsielem ser ittella’ Iċ-Ċenaklu f’Ta’ Passi nhar Ħamis ix-Xirka mit-8.30pm sal-11.30pm u l-Ġimgħa l-Kbira mid-9am sa 12pm.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ

Ir-Ruħ għażiża ta’ Marija Zerafa li sejjaħtilha għal għandek fl-età ta’ 94 sena.

Ir-Ruħ ta’ Vince Mercieca li miet ġewwa Sydney l-Awstralja nhar it-8 ta’ Marzu, 2016.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Erminia Xuereb u l-familja joffru €20 b’suffraġju ta’ Emanuel Xuereb f’għeluq it-13-il sena mill-mewt tiegħu fid-19 ta’ Marzu.
  • Il-Familja Ciantar joffru €20 b’suffraġju ta’ Gużepp u Maria Ciantar fl-anniversarju mill-mewt tagħhom fix-xahar ta’ Marzu.
  • Rose Grech toffri €20 b’suffraġju ta’ Pawlu Grech f’għeluq ir-4 sena mill-mewt tiegħu fit-23 ta’ Marzu.
  • Brigitte Camilleri toffri €20 b’suffraġju ta’ Loreto Grech f’għeluq l-ewwel anniversarju mill-mewt tiegħu fit-18 ta’ Marzu.
  • Tonina Spiteri toffri €20 b’suffraġju ta’ Andrew Zerafa f’għeluq l-24 sena mill-mewt tiegħu fl-20 ta’ Marzu u Loreta Spiteri f’għeluq it-22 sena mill-mewt tagħha fit-18 ta’ Marzu u b’suffraġju tal-familji Zerafa u Spiteri.
  • Loreta Zerafa toffri €20 b’suffraġju ta’ żewġha Manweli Zerafa f’għeluq is-7 snin mill-mewt tiegħu fis-17 ta’ Marzu.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

 

Bullettin 11 ta’ Marzu 2016

RANDAN 2016

 JUM ID-DULURI

Dan huwa l-appuntament ta’ kull sena li aħna bħala poplu għandna mal-Verġni Mqaddsa Marija. Nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Marzu se nerġgħu nagħmlu dan il-pellegrinaġġ ma’ Ommna Marija Addolorata. Bħal kull omm ta’ din l-art, Marija tieħu ħsiebna, l-ulied għeżież tagħha. Il-Verġni Marija tieħu ħsiebna, tieqaf magħna fl-uġigħ tal-ħajja tagħna u tixxotta l-ħafna d-dmugħ li jġelben ma’ ħaddejna. Hija stess ġarrbet it-tbatija, u għalhekk hija tifhimna ħafna meta nkunu għaddejjin mit-tbatija tal-mard, l-inkwiet, id-dubji, il-problemi fil-familji tagħna, u meta xi ħadd għażiż għalina jgħaddi għall-ħajja ta’ dejjem. Bir-raġun kollu, aħna nħossuha qrib tagħna. Marija li tbati u tibki tifhem lilek fit-tbatija u fil-biki tiegħek.

Il-Verġni Marija tħares lejk b’imħabba materna u tpoġġi jdejha fuq spallejk biex tagħmillek kuraġġ. Marija tixxuttalek id-dmugħ li qed jaħsillek ħaddejk. Marija tisma’ l-bikja tiegħek, u dlonk tgħidlek: Ejja miegħi ħalli nwasslek s’għand Ibni Ġesù. Ferra’ l-uġigħ kollu tiegħek, id-dwejjaq, il-problemi, il-mard kollu quddiem Ġesù. Ġesù biss jagħtik is-saħħa vera, il-faraġ li jibqa’, il-fejqan dejjiemi u l-kuraġġ Nisrani. Ftakar li Ġesù Ibni qal: ‘Jiena t-Triq, il-Verità u l-Ħajja’. Dur lejn Ġesù. Ersaq lejh, u imxi fit-triq tiegħu. Jekk tinsab biered, ersaq lejh u permezz tas-Sagrament tal-Qrar, għidlu jaħfirlek dnubietek. It-teżor tal-ħniena ta’ Alla huwa miftuħ beraħ.

Fassal ħajtek fuq dak li jgħallimna Ġesù Ibni. Il-konverżjoni u l-qrar u t-tqarbina mhumiex okkażjoni ta’ darba, imma għal matul is-sena kollha. Dan huwa li tassew iferraħni: li tkunu dixxipli ta’ Ġesù s-sena kollha. L-għażliet tagħkom mhumiex dejjem għażliet Insara. Ftakru dan: jekk tridu tkunu tassew uliedi l-għażliet tagħkom iridu jkunu mfasslin fuq it-tagħlim ta’ Ġesù u tal-Knisja tiegħu. Ħudu deċiżjoni li tgħixu b’aktar impenn ir-rabta tagħkom ma’ Ġesù. Huwa dejjem lest li jilqagħkom lura għandu.

L-AĦĦAR SEJĦA GĦALL-EŻERĊIZZI: GĦAL KULĦADD

Mit-Tnejn sal-Ħamis 14-17 ta’ Marzu fis-6.30pm.     

Patri Marċello Ghirlando ofm

Fil-Knisja ta’ Sant’ Antnin

Il-Ħadd 13 ta’ Marzu

OBOLO TA’ SAN PIETRU Il-ġbir kollu fil-quddies ikun għall-karità tal-Papa.

Il-Quddiesa tal-10am tkun animata miż-żgħażagħ

JUM ID-DULURI

Il-Ġimgħa 18 ta’ Marzu huwa jum għażiż għalina li nemmnu. Huwa Jum id-Duluri. Dakinhar l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali u tibda wara l-quddiesa tad-9am.

5pm ikollna quddiesa.

6pm tibda ħierġa l-purċissjoni akkumpanjata minn persunaġġi u l-Banda San Ġużepp. Nimxu wara l-istatwa ta’ Ommna Marija Addolorata fil-ġabra fi spirtu ta’ talb u riflessjoni. Nixegħlu l-galleriji u nżejnu t-twieqi tagħna bi xbihat tad-Duluri u l-Kurċifiss.

Kif il-purċissjoni tidħol fil-knisja jkollna quddiesa oħra.

ĦADD IL-PALM

Il-Ħadd 20 ta’ Marzu huwa Ħadd il-Palm. Ninġabru lkoll fid-9.30am quddiem il-Knisja l-Qadima għall-funzjoni ta’ Ħadd il-Palm. Inħeġġu lit-tfal jilbsu ta’ tfal Lhud. Ikollna l-liturġija tal-Kelma, it-tberik tal-friegħi tal-Palm u ż-Żebbuġ u nimxu lejn il-Knisja Parrokkjali fejn ikollna l-Konċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm li fiha ssir il-preżentazzjoni ta’ dawk li ser jirċievu l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof.

APPELL GĦALL-GĦAJNUNA

Mill-Għaqda Drammatika Għajnsielem

Għandna bżonn atturi biex jilbsu ta’ suldati Rumani u Lhud biex jieħdu sehem fil-purċissjoni tad-Duluri. Kellmu lil Joanne Debrincat

SKEDA GĦID RADJU LAURETANA

L-iskeda tibda l-Ħadd 13 ta’ Marzu. L-iskeda stampata qed titqassam mal-Bullettin.

MILL-KAŻIN TAL-BANDA It-Tnejn 14 t’ Marzu se ssir velja ta’ Talb u Meditazzjoni fis-Sala tal-Każin fis-7.30pm. Immexxi d-direttur spiritwali Fr Joe Cardona.

GĦOTI TA’ DEMM fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 15 ta’ Marzu mis-1:00pm sal-5:00pm.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA f’Lourdes Home l-Erbgħa 16 ta’ Marzu: 9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Joe Caruana ofm, kafe’ u tombla.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Is-Sibt 19 ta’ Marzu  fil-Fontana. Tluq mill-Pjazza fil-5.30pm.

VIA CRUCIS DJOĊESANA

Il-Ħadd 13 ta’ Marzu fl-4pm. Tibda minn quddiem is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu sal-Għolja ta’ Għammar. Imexxi l-Isqof Mons Mario Grech

LAQGĦA IMPORTANTIGĦALL-FRATELLI

Nhar il-Ħamis 17 ta’ Marzu fis-7.15 pm fil-Knisja Parrokkjali

ĦARĠA ANZJANI mill-Kunsill Lokali

Il-Ħamis 17 ta’ Marzu 2016. Tluq fit-8am u ngħaddu minn Triq Sant’Antnin, Ħamri, Pjazza u Triq il-Ġnien. Ikollna quddiesa f’Ta’ Pinu u wara ikel u tombla f’Restaurant fir-Rabat. Dawk interessati jinkitbu fil-Kunsill sa mhux aktar tard mit-Tlieta 15 ta’ Marzu f’nofinhar billi jċemplu fuq 21561515. Prezz €5.

ĦADD IL-PASSJONI Ninġabru lkoll is-Sibt 19 ta’ Marzu f’Ta’ Passi fl-4.30pm ħalli flimkien nitolbu u  nirriflettu dwar il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Din hija attivita’ mtella’ mill-Għaqda Drammatika Għajnsielem.

ĦARĠA MALTA organizzata mill-Għaqda Ħbieb tal-Presepju – Sezzjoni Għajnsielem, it-Tnejn 21 ta’ Marzu għall-Wirjiet tal-Ġimgħa Mqaddsa. Tluq mal-vapur tal-3.45pm. Prezz €10. Biljetti minn Radju Lauretana.

WIRJA ĠIMGĦA MQADDSA Il-ftuħ ta’ wirja marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa ser isir is-Sibt 19 ta’ Marzu fis-6.30pm taħt iz-zuntier tal-Knisja ta’ Sant’ Antnin. Tibqa’ miftuħa sal-25 ta’ Marzu.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ

Iir-ruħ għażiża ta’ Nikolina Xuereb mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem fil-5 ta’ Marzu 2016 fl-eta’ ta’ 84 sena.

Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Lally Azzopardi toffri €20 b’suffraġju ta’ ommha Speranza Attard f’għeluq l-ewwel anniversarju mill-mewt tagħha fit-12 ta’ Marzu.

Bullettin 4 ta’ Marzu 2016

RANDAN 2016

 “Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju”

 (Mt 9:13)

L-opri tal-ħniena fil-mixja tal-Ġublew

Għalhekk ir-Randan ta’ din is-Sena Ġubilari hu għal kulħadd iż-żmien it-tajjeb biex sa fl-aħħar nistgħu ninqalgħu mill-aljenazzjoni eżistenzjali tagħna, grazzi għas-smigħ tal-Kelma u għall-opri tal-ħniena.  Jekk permezz ta’ dawk korporali mmissu l-ġisem ta’ Kristu fl-aħwa fil-bżonn ta’ min jitmagħhom, ilibbishom, jagħtihom saqaf fuq rashom, iżurhom, dawk spiritwali – nagħtu parir, ngħallmu, naħfru, inwissu, nitolbu – imissu iżjed direttament il-fatt li aħna midinbin.  Allura l-opri korporali u dawk spiritwali ma għandhom qatt jinfirdu minn xulxin.  Fil-fatt, huwa sewwasew meta fil-fqajjar imiss il-ġisem ta’ Kristu mislub li l-midneb jista’ jirċievi b’don l-għarfien li hu stess huwa tallab fqajjar.  Permezz ta’ din it-triq anki l-“imkabbra f’qalbhom”, is-“setgħana” u l-“għonja” li fuqhom jitkellem il-Magnificat għandhom il-possibbiltà li jintebħu li bla ebda merti tagħhom l-Imsallab ħabbhom, miet u qam għalihom ukoll.  F’din l-imħabba biss hemm it-tweġiba għal dak l-għatx għall-hena u l-imħabba bla tmiem li l-bniedem jitqarraq meta jaħseb li jista’ jaqta’ permezz tal-idoli tal-għerf, tal-poter u tal-ġid.  Imma jibqa’ dejjem il-periklu li, jekk jagħlqu iżjed qalbhom għal Kristu, li fil-fqir jibqa’ jħabbat fuq il-bieb tal-qalb tagħhom, is-suppervi, l-għonja u l-qawwija jispiċċaw biex jikkundannaw lilhom infushom għall-għarqa f’dak l-abbiss etern ta’ solitudni li hu l-Infern.  Hawn mela jidwi mill-ġdid għalihom, kif ukoll għalina lkoll, il-kliem tassew f’loku ta’ Abraham: “Għandhom lil Mosè u l-Profeti: jisimgħu lilhom” (Lq 16:29).  Dan is-smigħ attent iħejjina bl-aħjar mod biex niċċelebraw ir-rebħa defenittiva fuq id-dnub u fuq il-mewt tal-Għarus, issa rxoxt, li jixtieq isaffi lill-Għarusa mwiegħda tiegħu, hi u tistenna l-miġja tiegħu.

Ejjew ma naħlux dan iż-żmien tar-Randan hekk tajjeb għall-konverżjoni!  Dan nitolbuh għall-interċessjoni materna tal-Verġni Marija, li kienet l-ewwel waħda li, quddiem il-kobor tal-ħniena divina lilha mogħtija b’xejn, għarfet iċ-ċokon tagħha (ara Lq 1:48) u li hi l-qaddejja umli tal-Mulej (ara Lq 1:38).

MESSAĠĠ TAL-PAPA FRANĠISKU GĦAR-RANDAN 2016 (Il-Ħames u l-Aħħar Parti)

24 Siegħa għall-Mulej

Fil-Parroċċa tagħna din l-inizjattiva ta’ Papa Franġisku tibqa’ sejra sas-Sibt 5 ta’ Marzu fid-9 ta’ filgħaxija fil-Knisja l-Qadima.

L-adorazzjoni tiftaħ filgħodu fit-8.30am.

Qrar fit-3.30pm. Quddiesa fl-4.00pm.

Il-Qrar ikompli waqt l-adorazzjoni sa 9pm.

OĦLOQ TBISSIMA

Bħalma għamilna għal dawn l-aħħar snin, din is-sena wkoll qed nieħdu sehem fil-kampanja “Oħloq tbissima” biex ngħinu familji fqar fil-Perù. Biex tipparteċipa: ħu kaxxa mis-sagristija u imlieha b’oġġetti ta’ ikel kif hemm miktub fuq karta apposta mal-kaxxa. Grazzi.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 6 ta’ Marzu ser ikun disponibbli għall-għoti  tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

SEJĦA GĦALL-EŻERĊIZZI:    

GĦALL-KOPPJI

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa 7-11 ta’ Marzu fis-7.30pm.      

Mons. Carmelo Mercieca

fiċ-Ċentru Parrokkjali

IKUN HEMM MIN JIEĦU ĦSIEB IT-TFAL

ĠUBLEW TAL-ĦNIENA

NILQGĦU FOSTNA

  • Żewġ Familji ta’ rifuġjati
  • Grupp Żgħażagħ Insara mill-Iraq

Kampanja ġbir metalli (ram, bronż u nickel) biex jiġi mibjugħ għar-riċiklaġġ.

EŻERĊIZZI FL-ISTITUT TAL-FAMILJA –

għall-persuni separati u dawk f’relazzjoni barra ż-żwieġ

Anke f’dan ir-Randan ser isiru l-eżerċizzi għall-persuni separati, u għal dawk li jinsabu f’relazzjoni barra ż-żwieġ. Dawn l-eżerċizzi ser jinżammu fl-Istitut tal-Familja Ġwanni Pawlu II, Triq Fortunato Mizzi, ir-Rabat mit-Tnejn 14 sal-Ħamis 17 ta’ Marzu fit-8.00pm. Il-kelliem ser ikun Fr. Michael Said.  Ikun hemm min jieħu ħsieb it-tfal.

SKEDA GĦID RADJU LAURETANA

L-iskeda tibda l-Ħadd 13 ta’ Marzu. L-iskeda stampata titqassam mal-Bullettin tal-ġimgħa d-dieħla.

ĦARĠA MALTA

L-Għaqda Ħbieb tal-Presepju – Sezzjoni Għajnsielem ser torganizza Ħarġa f’Malta, it-Tnejn 21 ta’ Marzu 2016 biex inżuru l-Wirjiet tal-Ġimgħa Mqaddsa. Tluq mal-vapur tal-3.45pm. Prezz €10. Biljetti jinkisbu minn Radju Lauretana.

SIEGĦA TAD-DULURI

Matul ir-Randan kull nhar ta’ Ġimgħa fit-3pm fil-Knisja l-Qadima.

TOMBLA

  • Fiċ-Ċentru Sant’ Antnin – Il-Ġimgħa 11 ta’ Marzu-7pm.
  • Fiċ-Ċentru Parrokkjali – KULL NHAR TA’ ĦADD fin-12.30pm b’risq il-Knisja u l-Festa Parrokkjali.

GRAZZI: Offerta Knisja N.N. €100.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

Il-Familja Xuereb joffru €20 għall-ispejjeż tal-Bullettin b’suffraġju ta’ ħuhom Kelinu Xuereb f’għeluq is-sitt sena mill-mewt tiegħu fl-4 ta’ Marzu.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.