Monthly Archives: April 2016

Bullettin 29 ta’ April 2016

Is-Sitt Ħadd tal-Għid

TITĦAWDUX U TIBŻGĦUX!

Illum Ġesù jagħtina messaġġ ieħor ċar li fuqu għandna nfasslu l-proġetti ta’ ħajjitna.  M’huwiex biżżejjed li ngħidu li nħobbu lil Ġesù jekk ma nħarsux il-kelma tiegħu.  Jekk ngħidu li nħobbu lil Ġesù u ma nagħtux każ tat-tagħlim u l-kliem tiegħu, ħajjitna tkun bla fil, bla fidi. Il-Mulej jaf li s-sitwazzjoni tal-fidi tagħna ħija waħda prekarja.  Ħafna drabi lill-Mulej nuruh biss li nħobbuh bil-kliem biss. Huwa għalhekk importanti li fid-dgħufija tagħna l-Mulej jibgħatilna Difensur li jsaħħaħna fl-għajxien kuljum tal-fidi tagħna fil-pożizzjoni li għandna fis-soċjetà.  U dan jgħodd għal kulħadd.

Id-Difensur li se jibgħatilna jgħallimna kollox u jfakkarna dak kollu li Ġesù qalilna.  Din hija l-qawwa ta’ l-Ispirtu tal-Mulej, l-Ispirtu li se jdawwal il-Knisja u jdawwal il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.  Iżda kemm tassew aħna konvinti minn dan?

Ilkoll kemm aħna ntennu li nħobbu lil Ġesù.  Kemm tassew qed nemmnu u nwettqu din l-imħabba fl-għemejjel tagħna ta’ kuljum?

Ġesù jwiegħed Difensur biex jgħinna nifhmu aktar l-imħabba ta’ Alla. Kemm qed nitolbu u niddjalogaw ma’ dan id-Difensur?

“Tħallux li qalbkom titħawwad u lanqas titbeżża’.” Kif nistgħu nagħmlu dan jekk tassew ma jkunx hemm il-preżenza ta’ Alla l-missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu fina?

M’għandniex triq oħra… jekk tassew irridu nħobbu lill-Mulej irridu nħarsu l-kmandamenti tiegħu u jkollna l-ħajja bil-kotra.

  Mulej, illum stedintna biex   ma nitħawdux u ma nibżgħux;

  taf li aħna bnedmin.

  Għinna sabiex naċċettaw aktar il-kelma tiegħek,

  u ngħixu ħajjitna miegħek sabiex tkun dejjm magħna.

RUŻARJU FIX-XAHAR TA’ MEJJU

Matul ix-xahar ta’ Mejju, il-Leġjun ta’ Marija ser jorganizza t-talba tar-Rużarju fil-beraħ:

Pjazza Tolfa – nhar ta’ Tlieta fil-5pm.

Triq il-Qiegħan – nhar ta’ Ġimgħa fil-5pm.

Zona tal-Gudja – nhar ta’ Ħamis fil-5.30pm.

QUDDIESA ĊIMITERJU Illum is-Sibt 30 ta’ April f’nofsinhar se fiċ-ċimiterju b’suffraġju tal-bandisti, membri u benefatturi mejtin tal-Banda San Ġużepp.

Il-ĦADD l-1 ta’ MEJJU Festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem. F’dan il-jum inpoġġu lill-ħaddiema kollha taħt il-protezzjoni ta’ San Ġużepp Patrun tal-Ħaddiema ħalli jħarishom waqt il-qadi tad-dmirijiet tagħhom.

JUM DINJI TA’ TALB MIN-NISA KATTOLIĊI

Laqgħa ta’ talb fid-Dar Ċentrali tal-Azzjoni Kattolika r-Rabat it-Tlieta 3 ta’ Mejju mid-9am sal-10.30am. Preżenti l-Isqof Mario Grech fejn jippresiedi konċelebrazzjoni. In-nisa u reliġjuża nisa kollha huma mistiedna għal din il-laqgħa ta’ talb mal-Isqof.

L-ERBGĦAT TA’ SANTA MARIJA

Jibdew l-Erbgħa 4 ta’ Mejju. Bħal kull sena mmorru fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu. Filgħodu jkollna trasport mill-pjazza fl-4.15am u filgħaxija fil-4.45pm.

FESTA TA’ SAN ĠUŻEPP   Din is-sena il-festa ad unur ta’ San Ġużepp fil-parroċċa tagħna ser nagħmluha nhar il-Ħadd 15 ta’ Mejju. Infakkruh waqt il-quddiesa ta’ filgħaxija u wara jkollna l-purċissjoni.

ĠABRA GĦALL-FESTA TA’ SANT’ANTNIN

Ma’ dan il-bullettin qed jaslilkom l-envelop għall-ġabra b’risq il-festa ta’ Sant’Antnin li ser tiġi ċċelebrata mill-Kommunità Franġiskana fil-parroċċa tagħna.  Il-patrijiet Franġiskani ser jiġu jiġbru bieb bieb mit-Tlieta sal-Ġimgħa 3 sa 6 ta’ Mejju. Inkunu ġenerużi bħal dejjem.

INAWGURAZZJONI MAFKAR SAN ĠORG PRECA Fl-okkażjoni tal-150 SENA MIT-TWAQQIF TAD-DJOĊESI

  • 100 SENA TAL-MUSEUM F’GĦAWDEX
  • 75 SENA MILL-FTUĦ TAL-EWWEL QASAM TAS-SUBIEN F’GĦAWDEX

Mons. Isqof Mario Grech jixtieq jistieden lill-Insara tad-Djoċesi biex jieħdu sehem fl-inawgurazzjoni ta’ mafkar f’ġieħ San Ġorġ Preca. L-inawgurazzjoni se tinżamm fuq iz-Zuntier tal-Knisja ta’ San Ġakbu, Pjazza Indipendenza, ir-Rabat, nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Mejju 2016 fi s-6.00pm.

FAMILY MOVIE NIGHT

Il-Ħadd 1 ta’ Mejju fiċ-Ċentru Parrokkjali fis-6pm.

SERATA TA’ JUM L-OMM

Din is-sena wkoll, iċ-Ċentru Parrokkjali qed itella s-serata ta’ Jum l-Omm is-Sibt 7 ta’ Mejju. Ser ikollna kant, żfin, play sabiha, eċċ.  Nibdew fis-7.30pm. Inħeġġukom tattendu.

GRAZZI  N.N. €100 offerta lill-Madonna ta’ Loreto.

IMPORTANTI: Dawk l-għarajjes li ser jiżżewġu matul ix-xhur li ġejjin, huma mitluba biex jikkuntattjaw l-uffiċċju parrokkjali.

Pellegrinaġġ Djoċesan għall-Kappella tal-Midalja Mirakoluża

Il-Ħadd 8 ta’ Mejju se jsir pellegrinaġġ djoċesan ghall-Kappella tal-Midalja Mirakoluża l-Blata l-Bajda fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġorġ Preca.  Inżuru l-qabar ta’ San Ġorġ Preca u jkun hemm quddiesa fil-5.00 pm. Nitilqu mill-Imġarr mal-vapur tat-3.00 pm u niġu lura mal-vapur tas-7.30 pm.  Biljetti mill-Uffiċċju Parrokkjali jew mill-Oqsma tal-Museum.

Applikazzjonijiet skejjel primarji tal-Knisja f’Ghawdex

Il-ġenituri li jixtiequ japplikaw biex uliedhom jidħlu fl-iskejjel primarji tal-Knisja (mill-Kinder 2 sal-Year 6) jistgħu jiġbru applikazzjoni mill-Kurja minn nhar it-Tnejn 2 ta’ Mejju sal-Ġimgħa 6 ta’ Mejju (minbarra l-Ħamis), bejn id-9.00am u nofsinhar. Fl-applikazzjoni jkun hemm id-dettalji dwar kemm hemm postijiet disponibbli f’kull skola primarja u dettalji oħra.

L-EWWEL ĠIMGĦA u SIBT TAX-XAHAR

Il-Ġimgħa 6 ta’ Mejju l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali wara l-quddiesa tad-9am. Is-Sibt 7 ta’ Mejju fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm rużarju u fl-4pm quddiesa. L-Adorazzjoni tkun sal-4 pm.

QUDDIESA GĦALL-ANZJANI KOLLHA

Fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm ser issir quddiesa għall-anzjani kollha nhar il-Ħadd 8 ta’ Mejju fis-Santwarju Ta’ Pinu fl-10 a.m. Ser ikun hemm trasport b’xejn mill-Pjazza fid-9.15a.m.  Fit-tmiem tal-quddiesa jingħata rigal lill-anzjani kollha preżenti.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Joe Gatt joffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Annie Gatt f’għeluq il-ħdax-il sena mill-mewt tagħha.
  • Anabelle Azzopardi toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ nannuha Mikieli Ciangura u ommha Marija Azzopardi f’għeluq il-ħames sena mill-mewt tagħhom fl-4 u fis-7 ta’ Mejju rispettivament.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

 

Bullettin 22 ta’ April 2016

It-5 Ħadd tal-Għid

DIXXIPLI MILL-IMĦABBA

Fil-mixja tagħna wara l-qawmien tiegħu mill-mewt Ġesù jibqa’ jwasslilna messaġġi għal bidliet radikali fil-ħajja tagħna.  Il-mumenti tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien li wettaq għall-umanità kollha, Ġesù wettaqhom mhux bi dmir iżda biex juri lill-umanità sa fejn tasal l-imħabba lejn min tkun tħobb.  Fil-ħajja tagħna jgħaddu mumenti li nħobbu lin-nies, iżda kemm huma dawk il-mumenti li tassew nagħrfu li qed inħobbu b’dik l-imħabba li ppriedka Ġesù, imħabba bbażata fuq ġrajjiet li xi kultant iweġġgħu biex tgħaddi minnhom iżda li twettaqhom minħabba li inti tħobb lil Ġesù jew lill-proxxmu tiegħek?

Il-Mulej qed jagħti dan il-kmandament ġdid wara li ħareġ miċ-ċenaklu u qabel ma jibda l-passjoni.  Kien jaf x’inhu ġej.  Kien jaf li l-Appostli se jitwerwru.  Ried iħalli testment li għadu validu sa llum.  Iżda kemm tassew nafu nħobbu aħna?  Kemm tassew qed inħobbu mingħajr interess ta’ xejn? Irridu nħobbu kif ħabbna Hu!

L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Atti ta’ l-Appostli fejn għandna r-rakkont tat-tmiem tal-ewwel vjaġġ missjunarju ta’ Pawlu u Barnaba u kif dawn reġgħu lura u żaru l-komunitajiet ta’ dawk l-insara li laqgħu l-Kelma ta’ Alla.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 144, juri li l-Mulej huwa tajjeb u ħanin.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu, għandna dehra ta’ Ġerusalemm tas-sema li se tiġbor fiha, permezz tal-ġebel ħaj tagħha, lil dawk li għaddew mhux mill-baħar tal-qasab jew mill-Ġordan iżda mill-baħar tal-ħażen u minn ħafna tbatijiet biex jingħaqdu ma’ Alla.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann għandna lil Ġesù jagħmel l-aħħar diskors tiegħu lill-Appostli qabel iħallihom.  Huwa jgħidilna xi tfisser tħobb.

Il-Mulej ħabbna mingħajr limiti! Tana Ġismu u Demmu.  Ċarċar sa l-aħħar qatra ta’ demmu…. jiena u inti nħobbuh? Kemm tassew qed inħobbu kuljum lil Ġesù fil-proxxmu tagħna? Qed inħossu l-preżenza tiegħu f’nofsna bix-xhieda tagħna? “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi.” Qed jagħrfuna n-nies ta’ madwarna li aħna tassew dixxipli? L-imħabba lejn Ġesù tidher ukoll mill-imħabba u l-ħidma fil-Knisja mwaqqfa minnu u fis-soċjetà tagħna.

  Mulej Ġesù, għallimni nħobb tassew,

  u ma nagħmilx karikatura

  mill-imħabba lejn il-proxxmu tiegħi.

  Grazzi ta’ mħabbtek, Mulej!

QUDDIESA FAMILJI

Il-Ħadd 24 ta’ April il-quddiesa tal-10am tkun immexxija mill-grupp tal-familji tal-parroċċa tagħna. Nixtiednu lill-familji kollha biex jattendu u jipparteċipaw.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 26 t’April ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

RADJU LAURETANA

Xandir speċjali fi tmiem il-kampjonat tal-futbol Għawdxi. il-Ħadd 24 ta’ April tul il-ġurnata kollha minn filgħodu. www.radjulauretana.com u 89.3FM.

SANTA ĠANNA BERETTA MOLLA

Nhar il-Ħamis li ġej, 28 ta’ April, fid-Djoċesi tagħna nfakkru lill-qaddisa Ġanna Beretta Molla li, b’kuraġġ nisrani, għażlet li tiddefendi l-ħajja ta’ bintha fil-ġuf. Fil-Parroċċa tagħna ser infakkruha fil-quddiesa ta’ filgħaxija ta’ dakinhar li tkun animata mill-membri tal-Azzjoni Kattolika tar-raħal tagħna.  Dakinhar ma jkunx hemm laqgħa tal-fergħa tan-nisa filgħodu.

LAQGĦA DJOĊESANA GĦALL-ISTUDENTI TAL-GRIŻMA

L-istudenti kollha li din is-sena ser jirċievu l-Griżma tal-Isqof huma mistiedna għal laqgħa sabiħa flimkien fuq iz-zuntier tal-knisja Parrokkjali tal-Fontana il-Ġimgħa 29 ta’ April fil-5pm. Jindirizza lill-Istudenti l-Isqof Mario Grech.

Hemm spazju għall-parkeġġ. F’każ ta’ maltemp, kollox isir fil-knisja. L-istudenti jiġu akkumpanjati mill-katekisti.

IMPORTANTI:

L-istudenti tal-Griżma ta’ Għajnsielem u l-familji tagħhom iħallu l-ġurnata tal-Ħadd 15 ta’ Mejju libera għal appuntament sabiħ għal ħarġa b’differenza għall-familji tagħhom li għandna flimkien.

GRAZZI

Lil dawk kollha li ta’ kull xahar jagħtu l-offerta sabiħa tagħhom għall-proġett tas-sagristiji.

ĠABRA GĦALL-ARMAR TAL-FESTA

Grazzi mill-qalb lil dawk li diġa taw l-offerta tagħhom. Membri tal-Għaqda tal-Armar qed jiġbru l-envelope. Inkunu ġenerużi bħal dejjem ħalli jkollna armar sabiħ u li jixraq għall-festa tagħna. Tistgħu wkoll twasslu l-offerta tagħkom fil-letter box tad-Dar Parrokkjali, dik tal-Maħżen tal-Armar.

INTENZJONIJIET QUDDIES TAL-ĦIN

Min jixtieq jordna intenzjonijiet tal-quddies tal-ħin fil-Knisja Parrokkjali għax-xhur Lulju, Awwissu u Settembru, jista’ jagħmel dan fl-uffiċċju parrokkjali nhar ta’ Tlieta u l-Ħamis bejn id-9am u nofsinhar.

SERATA TA’ JUM L-OMM

Din is-sena wkoll, iċ-Ċentru Parrokkjali ser itella s-serata ta’ Jum l-Omm is-Sibt 7 ta’ Mejju. Min jixtieq jieħu sehem b’kant, żfin jew mużika, jikkuntattjana fl-Uffiċċju Parrokkjali jew iċ-Ċentru stess.

MONUMENT SAN ĠORĠ PRECA

Grazzi lil dawk li taw l-offerta sabiħa għal dan il-monument li ser jitpoġġa fil-faċċata tal-knisja ta’ San Ġakbru r-Rabat fl-okkkażjoni tal-150 sena mit-Twaqqif tad-Djoċesi, tal-100 sena mill-bidu tas-Sezzjoni femminili tal-Museum f’Għawdex u tal=75 sena mill-bidu tas-sezzjoni maskili tal-Museum f’Għawdex. Tistgħu tkomplu ġġibu l-envelopes il-knisja jew fil-letterbox tad-Dar Parrokkjali.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Carmela Ciantar toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ missierha Angelo Buttiġieġ f’għeluq is-16-il sena mill-mewt tiegħu fit-28 ta’ April.
  • Lorenza Grech toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju tal-familja Mercieca.

 

Bullettin 15 ta’ April 2016

Ir-4 Ħadd ta’ l-Għid

IL-LEĦEN TAS-SEWWA

Kemm nisimgħu ħsejjes fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.  Ħsejjes li ħafna drabi mhux biss jagħmlulek uġigħ ta’ ras iżda jaljenawk minn dak li tkun se tiddeċiedi fil-ħajja tiegħek.  Ħsejjes li jbegħduk minn mument ta’ mistrieħ u riflessjoni.  Il-Mulej qed jagħmlilna stedina-sfida biex nisimgħu leħnu.  Hija stedina iżda fl-istess ħin sfida, għax ħafna drabi fil-ħajja nagħmlu li r-relazzjoni tagħna mal-Mulej tkun one-way traffic: li ngħidu aħna biss huwa tajjeb, speċjalment meta nkunu daharna mal-ħajt u nitolbu xi ħaġa mingħand il-Mulej.

Il-Mulej itenni llum li huwa “jagħtina l-ħajja ta’ dejjem” u “ma jridna li nintilfu qatt!” Din hija realtà importanti li nżommu f’qalbna l-jiem kollha ta’ ħajjitna.  Il-Mulej iridna nisimgħu leħnu, nimxu warajh u jkollna l-ħajja ta’ dejjem.  Tliet mumenti importanti, tliet mumenti li fihom programm ta’ ħajja.

L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Atti ta’ l-Appostli fejn naraw li fit-tixrid tal-kelma ta’ Alla l-Appostli jiltaqgħu ma’ persekuzzjonijiet mhux biss minn barra iżda wkoll minn ġewwa tal-Knisja.  Pawlu u Barnaba jtennu li quddiem ir-rifjut tal-Lhud għall-kelma ta’ Alla se jduru għal fuq  il-pagani.  Is-Salm Responsorjali, minn Salm 99, huwa għajta ta’ ferħ għax aħna lkoll il-poplu tal-Mulej.  Fit-Tieni Qari mill-Apokalissi, nisimgħu dwar id-dehra msejħa tas-seba’ siġilli, li ssemmi l-kotra ta’ nies mifdija bil-konsegwenza li turi li s-salvazzjoni hija għal kulħadd.  Il-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, juri li Ġesù huwa r-Ragħaj it-Tajjeb li jagħraf in-ngħaġ tiegħu. Il-Mulej huwa r-Ragħaj tagħna. Qed jistedinna biex:

  • nisimgħu leħnu
  • niġu magħrufa minnu
  • niġu mogħtija l-ħajja minn Ġesù
  • ma nintilfu qatt.

Il-ħajja ta’ kuljum tista’ twassalna biss għad-disperazzjoni jekk inwarrbu minn ħajjitna l-kelma ta’ Alla.

Is-sens ta’ direzzjoni fl-istess ħajjitna rridu nsibuh biss fil-leħen ta’ Ġesù Kristu.

Irridu nfittxu li x-xhieda tkun miftuħa għas-salvazzjoni tal-popli kollha mingħajr eċċezzjoni ta’ ħadd.

Il-Mulej jgħidilna ċar u tond li huwa biss jista’ jkun il-kenn tagħna lkoll.

  Nitolbuk, o Ġesù,

  li jkollna l-kuraġġ nisimgħu l-leħen tiegħek,

li jagħti direzzjoni għal ħajjitna

u nwettqu dak li trid inti.

NGĦINU L-VOKAZZJONIJIET

  • NITOLBU ĦAFNA
  • NITKELLMU B’RISPETT
  • INRAWMU SENS TA’ ĠENEROŻITÀ u SAGRIFIĊĊJU FIŻ-ŻGĦAR TAGĦNA
  • NGĦOŻŻU L-QUDDIESA
  • NITOLBU GĦALL-KNISJA
  • INRAWMU ĦAJJA NISRANIJA TAJBA FIL-FAMILJI TAGĦNA

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA

Ser isir nofs ta’ nhar għan-nisa kollha f’Lourdes Home l-Erbgħa 20 ta’ April mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Joe Xerri ofm, kafe’ u tombla.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 17 t’April se jilqa’ d-donazzjonijiet tad-demm mit-8am sas-1pm.

RADJU LAURETANA

Xandir speċjali fi tmiem il-kampjonat tal-futbol Għawdxi. Il-Ħadd 17 ta’ April fis-2pm u

il-Ħadd 24 ta’ April tul il-ġurnata kollha. www.radjulauretana.com u 89.3FM

ĠABRA GĦALL-ARMAR TAL-FESTA

Mal-bullettin tal-ġimgħa li għaddiet, waslilkom envelope  għall-ġabra għall-armar tal-festa. Membri tal-Għaqda tal-Armar qed jiġbruh. Inkunu ġenerużi bħal dejjem ħalli jkollna armar sabiħ u li jixraq għall-festa tagħna. Tistgħu wkoll twasslu l-offerta tagħkom fil-letter box tad-Dar Parrokkjali, dik tal-Maħżen tal-Armar jew waqt il-ġabra fil-quddiesa.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Nhar is-Sibt 23 ta’ April 2016 fil-Knisja Parrokkjali tax-Xewkija mis-6.30pm sat-8.30pm. Tluq mill-Pjazza Madonna ta’ Loreto fis-6.30pm.

GRAZZI Offerta Dar Arka – €500.

Euro Collection April €335.81.

FESTABBATINI

Għall-Abbatini kollha flimkien mal-Familji tagħhom illum il-Ħadd 17 ta’ April f’Ta’ Pinu fis-6.30pm – fl-Okkażjoni tal-Ġublew tal-Ħniena

LAQGĦA DJOĊESANA GĦALL-ISTUDENTI TAL-GRIŻMA

L-istudenti kollha li din is-sena ser jirċievu l-Griżma tal-Isqof huma mistiedna għal laqgħa sabiħa flimkin fuq iz-zuntier tal-knisja Parrokkjali tal-Fontana il-Ġimgħa 29 ta’ April fil-5pm. Jindirizza lill-Istudenti l-Isqof Mario Grech.

Hemm spazju għall-parkeġġ. F’każ ta’ maltemp, kollox isir fil-knisja. L-istudenti jiġu akkumpanjati mill-katekisti.

IMPORTANTI:

L-istudenti tal-Griżma ta’ Għajnsielem u l-familji tagħhom, iħallu l-ġurnata tal-Ħadd 15 ta’ Mejju libera għal appuntament sabiħ li għandna flimkien. Dettalji jingħataw fil-laqgħat tal-formazzjoni.

SERATA TA’ JUM L-OMM

Din is-sena wkoll, iċ-Ċentru Parrokkjali ser itella s-serata ta’ Jum l-Omm is-Sibt 7 ta’ Mejju. Min jixtieq jieħu sehem b’kant, żfin jew mużika, jikkuntattjana fl-uffiċċju Parrokkjali jew iċ-Ċentru stess.

TBERIK TAL-FAMILJI

Issa li t-tberik tal-familji għadda, nirringrazzjaw lil Alla għal din l-okkażjoni sabiħa li għexna flimkien u lilkom familji li lqajtuna fi djarkom.

OFFERTI MONUMENT SAN ĠORĠ PRECA

Grazzi lil dawk li taw l-offerta tagħhom għall-din l-istatwa sabiħa. L-envelopes li tqassmu mhux ser jinġabru. Tistgħu ġġibuhom il-knisja jew fil-letterbox tad-Dar Parrokkjali.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Vendra Xuereb toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Pawlu u Ġużeppa Azzopardi.

Bullettin 8 ta’ April 2016

It-3 Ħadd tal-Għid IX-XIBKA – IL-ĦUT – L-IMĦABBA

Għaddejjin mill-perjodu tal-Għid, perjodu liturġiku qawwi għall-knisja u għal dawk kollha li jemmnu.  Għaliex?  Għaliex huwa mument li fih tissaħħaħ il-fidi tagħna, fidi li ħafna drabi tkun imxekkla minn tant  dubji, fidi li ma nkunux nistgħu ngħixuha jekk ma nintelqux kompletament f’idejn ir-rieda ta’ Alla.  Mhux nintelqu u ma nagħmlu xejn iżda nintelqu biex ilkoll nagħarfu li Alla jħobbna.  Għal darba oħra Ġesù Rxoxt jinsab ħdejn id-dixxipli tiegħu.  Ġesù jagħmlilhom kuraġġ u qiegħed f’nofshom biex iservihom, l-ewwel bil-miraklu tal-qabda tal-ħut u wara billi newlilhom il-ħobż u qassamulhom.  Ġesù jistaqsi wkoll lil Pietru jekk iħobbux.  Ġesù jagħlaq billi jenfasizza l-kliem:  EJJA WARAJJA.  Dan huwa l-messaġġ qawwi ta’ Ġesù.  Hemm bżonn li lkoll kemm aħna nemmnu aktar f’Ġesu u nimxu warajh mhux biss meta jfettlilna iżda tkun għażla ta’ ħajjitna, għażla li Ġesù stess jgħinna nwettquha.

L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Atti ta’ l-Appostli.  Huwa rakkont li fih naraw li l-Appostli, minkejja t-tiġrib u l-persekuzzjonijiet, ma setgħux iżommu għalihom biss il-qawmien ta’ Kristu mill-mewt.  Din hija l-Aħbar it-Tajba;  hu d-dmir ta’ kull dixxiplu ta’ Kristu li jxandarha.  Is-Salm Responsorjali, li ntennu fis-Salm 29, huwa għanja lill-Mulej għax ħelisna mid-dnub u reġa’ tana l-ħajja.  Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Apokalissi, għandna l-viżjoni ta’ Ġwanni tal-liturġija tas-sema li tiġbor fiha l-AMEN (il-qima) ta’ kulħadd:  anġli, bnedmin u ħlejjaq kollha.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann għandna d-dehra ta’ Ġesu lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija.  Hija dehra li fiha Ġesù juri li għadu jieħu ħsieb lid-dixxipli u jrid jimliehom bil-kuraġġ.  Is-sejħa lil Pietru IMXI WARAJJA jagħmilha wara li għal tliet darbiet staqsieh jekk iħobbux.

  1. Il-Mulej qam mill-imwiet biex aħna ma mmutux. Huwa qiegħed iservina kuljum fl-Ewkaristija.
  2. Kemm tassew qed nagħtuh qima bl-AMEN tagħna kuljum? Kemm tassew qed intennulu grazzi għal dak kollu li jagħmel għalina bil-preżenza ħajja u qawwija tiegħu magħna kull ħin?
  3. “Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija. Mulej, kun l-għajnuna tiegħi.”  Hekk intennu fis-Salm Responsorjali tal-lum.  Kemm tassew qed infittxuh lill-Mulej għall-għajnuna tagħna?
  4. Il-Mulej jistaqsi lil Pietru jekk iħobbux u wara jgħidlu biex jimxi warajh. Lilna qed jagħmlilna l-istess proposta.  X’se tkun it-tweġiba tagħna?
  5. Hemm bżonn li nifhmu li lkoll għandna missjoni li nxandru l-bxara li Kristu qam biex aħna nibqgħu ħajjin.

  Mulej, għinna biex ilkoll kemm aħna

  nifhmu li l-qawmien tiegħek fuq il-mewt

  huwa l-Aħbar it-Tajba

  li rridu nxandru kuljum, kull ħin

  b’għemilna u ħidmietna,

  Hallelujah.

EWRO COLLECTION

Matul il-quddies kollu ta’ dan il-weekend, il-ġabra fil-knisja tkun b’risq il-festa tagħna. Ngħinu kemm nistgħu. Grazzi tal-offerta ġeneruża tiegħek.

XIRKA TAL-ISEM IMQADDES T’ALLA

It-53 KUNGRESS FIN-NADUR

Il-Ħadd 10 ta’ April 2016 bis-suġġett “Infaħħru l-Isem t’Alla għani fil-Ħniena.” Il-manifestazzjoni tibda fil-5pm.

TALBA LILL-WIĊĊ TA’ KRISTU

Ma’ dan il-bullettin qed titqassam talba sabiħa lill-Wiċċ ta’ Kristu. Għiduha fil-familji speċjalment nhar ta’ Ġimgħa.

RADJU LAURETANA

Radju Lauretana ser iwassal xandiriet speċjali marbuta mat-tmiem tal-kampjonat tal-futbol Għawdxi. Il-Ħadd 17 ta’ April ser iwassal il-partita bejn Għajnsielem u Kerċem mill-Gozo Stadium b’mod dirett fuq www.radjulauretana.com mit-3.45pm ‘il quddiem. Il-Ħadd 24 ta’ April Radju Lauretana ħejja skeda speċjali l-ġurnata kollha u b’xandira diretta mill-Gozo Stadium tal-aħħar logħba tal-kampjonat bejn Għajnsielem u Xewkija. Dakinhar inkunu qed inxandru wkoll fuq il-frekwenza 89.3 FM.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 12 t’April ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

QUDDIESA ŻGĦAŻAGĦ

Il-Ħadd 10 ta’ April il-quddiesa tal-10 tkun animata miż-żgħażagħ. Inħeġġu liż-żgħażagħ jieħdu sehem attiv.

ĠABRA GĦALL-ARMAR TAL-FESTA

Ma’ dan il-bullettin qed jaslilkom envelope  għall-ġabra għall-armar tal-festa. Membri tal-Għaqda tal-Armar jiġu jiġbruh din il-ġimgħa. Inkunu ġenerużi bħal dejjem ħalli jkollna armar sabiħ u li jixraq għall-festa tagħna.

TBERIK TAL-FAMILJI

Ikompli t-tberik tal-familji mis-saċerdoti tagħna. Nilqgħu din il-barka bi spirtu ta’ tiġdid fi Kristu Rxuxtat.

IMPORTANTI: Dawk il-familji li jixtiequ jbierku u ma kienux id-dar meta kien imiss it-tberik fit-triq tagħhom jistgħu jċemplu l-uffiċċju parrokkjali biex jagħmlu appuntament għall-Ġimgħa 15 ta’ April filgħaxija jew is-Sibt 16 ta’ April filgħodu.

OFFERTI GĦALL-ISTATWA TA’ SAN ĠORĠ PRECA

Min jixtieq ikollu sehem mill-istatwa ta’ San Ġorġ Preca li ser titpoġġa quddiem il-Knisja ta’ San Ġakbu fir-Rabat, u li kienet fostna dan l-aħħar, jista’ jwassal l-envelop bl-offerta tiegħu fil-knisja jew fil-letterbox tad-dar parrokkjali.

TOMBLA Fiċ-Ċentru Sant’ Antnin il-Ġimgħa 15 ta’ April 2016 fis-7.30pm.

GRAZZI – Għas-Sagristiji: N.N. €200.

ILQA’ FI ĦDANEK

Ilqa’ Mulej fi ħdanek lir-ruħ għażiża ta’ John Spiteri mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li ġie jiltaqa’ miegħek fil-31 ta’ Marzu 2016 fl-eta’ ta’ 82 sena.

Mulej agħtih il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

Maria Vella toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Michael Vella f’għeluq it-2 sena mill-mewt tiegħu fit-12 ta’ April.

Maria Azzopardi toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ missierha Toni Azzopardi f’għeluq il-21 sena mill-mewt tiegħu fil-11 ta’ April.

L-Arċipriet Dun Frankie Bajada u l-familja joffru €20  għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ missierhom Lawrence Bajada f’għeluq il-5 sena mill-mewt tiegħu fit-12 ta’ April.