Monthly Archives: May 2016

Bullettin 27 ta’ Mejju 2016

It-Tifkira Solenni tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu

NITMAGĦKOM  ĦOBŻ  ĦAJ

Min jaf kemm-il darba tlajna nitqarbnu fil-ħajja tagħna?  Xi tħoss meta tirċievi l-Ostja?  Ħsiebek huwa dejjem f’Ġesù?  Jew hemm mumenti meta titla’ għax jitla’ kulħadd u ma tagħtix każ u ma tħoss xejn minn dak li tkun qed tirċievi? Kemm tassew il-Mulej qed nagħtuh l-aqwa ħsieb tagħna u l-qalb kollha tagħna meta huwa jinżel fina biex jibqa’ magħna kull ħin?

Huma domandi li llum irridu nagħmluhom bis-serjetà fil-Festa Solenni tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.  Ġesù mhux biss bagħat Difensur, mhux biss hemm il-preżenza trinitarja fina;  iżda niżel huwa stess permezz ta’ Ġismu u Demmu biex jibqa’ fina.  Il-qawwa tal-Ewkaristija hija xi ħaġa li mhux biss jgħallimhielna Ġesù b’dak li ħallielna iżda kull bniedem li ried tassew jingħaqad ma’ Alla għadda minn mumenti qawwija ta’ relazzjoni intima ma’ Alla permezz tal-Ewkaristija.

  1. Magħna wkoll il-Mulej ma jkejjilx bix-xiber iżda jitmagħna bl-abbundanza kif għamel mal-poplu ta’ Israel bil-ġuħ. Kemm qed nindunaw b’dan il-miraklu li qed jitwettaq magħna kuljum permezz tal-Ewkaristija?
  2. Kemm aħna nies ta’ fidi kbira li nemmnu fil-qawwa tal-Ewkaristija bħala sagrament ta’ għaqda ma’ Alla, sagrament ta’ għaqda fil-Knisja u bejn il-bnedmin?
  3. Meta nirċievu l-Ewkaristija nemmnu fil-qawwa li qed nirċievu? Kemm tassew qed inħossu l-bidla fina? Kemm qed nagħtu xhieda ta’ dak li nirċievu?  Lesti li, permezz tal-Kelma ta’ Alla u l-Ewkaristija, inkunu dixxipli ta’ tama fl-ambjent tagħna?

     Inti ragħaj tajjeb, ħobż tassew, Ġesù tagħna ħenn għalina,

     Int titmagħna u tħarisna,Inti lilna ġid turina.

     Ammen.

FESTA TA’ CORPUS DOMINI

Il-Ħadd 29 ta’ Mejju jkollna l-Adorazzjoni Ewkaristika fil-Knisja Parrokkjali wara l-quddiesa tal-10am.

Fl-4.30pm quddiesa u wara purċissjoni lejn il-Knisja ta’ Sant’Antnin. Fuq il-Belvedere tingħata l-Barka Sagramentali. Inżejnu l-galleriji tagħna minn fejn tgħaddi l-purċissjoni. Inħeġġu lill-fratelli u t-tfal tal-Ewwel Tqarbina biex jakkumpanjaw.

EUCHARISTIC DAY FL-ISKOLA PRIMARJA – Il-Ġimgħa 3 ta’ Ġunju.

Ġenituri- segwu l-avviżi li jingħataw fl-iskola stess.

INSIBU ĦIN MATUL DIN IL-ĠIMGĦA GĦAL-AKTAR TALB QUDDIEM ĠESÙ FL-EWKARISTIJA

FESTA TAL-QALB IMQADDSA TA’ ĠESU’

Il-Ġimgħa 3 ta’ Ġunju hija l-Ewwel Ġimgħa tax-xahar u festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. L-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Arċipretali. Filgħaxija fis-6.30pm rużarju meditat u wara l-quddiesa.

IL-QALB BLA TEBGĦA TA’ MARIJA

Is-Sibt 4 ta’ Ġunju huwa l-ewwel Sibt tax-xahar. L-Adorazzjoni tkun fil-Knisja l-Qadima. Fit-3.30pm rużarju u wara quddiesa.

FESTA SANT’ANTNIN

Mal-bullettin qed jitqassam il-programm tal-festa ta’ Sant’ Antnin għal din is-sena. Insegwuh u fejn nistgħu nieħdu sehem attiv fil-funzjonijiet tal-knisja.

PIZZA u TOMBLA b’risq il-Festa ta’ Sant’ Antnin il-Ġimgħa 3 ta’ Ġunju fit-8.30pm fiċ-Ċentru Sant’ Antnin. Prezz €10 (pizza, soft drink jew inbid u deżerta). Biljetti mis-sagristija tal-Knisja ta’ Sant’ Antnin, Ideal Store jew ċemplu 79202172 sal-Erbgħa l-1 ta’ Ġunju.

SKEDA RADJU LAURETANA

L-iskeda ta’ Radju Lauretana marbuta mal-festa ta’ Sant’ Antnin tkompli. Komplu segwu l-programmi kollha u x-xandiriet sbieħ li għandna għalikom marbuta mal-festa ta’ Sant’ Antnin.

GRAZZI  Għas-Sagristiji – NN. €100.

B’ringrazzjament lill-Madonna: Joe Buttigieg €500 u NN€80.

IT-TIENI ĠABRA BIEB BIEB GĦALL-FESTA

Tkompli  t-tieni ġabra bieb bieb għall-festa tagħna mill-voluntiera tal-Parroċċa. L-għotja ta’ kull familja hija apprezzata ħafna ħalli b’hekk nagħmlu festa sabiħa u dinjituża.  Ġabriet oħra bieb bieb għall-festa jsiru f’Lulju u f’ Awwissu.

150 SENA FOSTNA – TIFKIRA DEJJIEMA

Waslitilna l-ikona sabiħa tal-Madonna ta’ Loreto maħduma fil-fidda ġewwa l-Italja li l-Parroċċa qegħda tniedi fl-okkażjoni tal-150 sena mill-wasla fostna tal-istatwa titulari. Tistgħu tarawha fin-niċċa tal-Madonna stess fil-knisja tagħna u takkwistawha mill-Uffiċċju Parrokkjali.

PROĠETTI FIL-KNISJA

Il-proġett tat-tisbiħ taz-zuntier miexi ġmielu. Bħalissa għaddej ukoll ix-xogħol fuq l-irħam u l-ħġieġ tal-arloġġi.

Tlestiet ukoll parti mix-xogħol tal-injam li ser ikun iżejjen wara l-altar u din tistgħu tarawha fil-ġenb tal-knisja.

Dalwaqt nibdew ukoll ix-xogħol fuq il-proġett tas-sagristiji.

NIBDEW NHAR IT-TLIETA 7 TA’ ĠUNJU – BTALA PUBBLIKA.

Dakinhar se jkollna bżonn ħafna għajnuna fil-knisja. Min jixtieq jagħti għajnuna voluntarja jkellem lill-Arċipriet fil-ġranet li ġejjin. Aktar dettalji fil-bullettin li jmiss. Segwu l-avviżi fil-knisja biex nagħmlu kif kienu jagħmlu missirijietna. Ommna Marija Lawretana tieħu ħsiebna u ħsieb il-familji tagħna.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Nhar is-Sibt 28 ta’ Mejju fil-Knisja Parrokkjali tal-Qala bejn is-7 u d-9.00pm. Trasport mill-Pjazza fis-6.30pm.

WINE&PIZZA FIS-SEMINARJU MINURI

Attività għall-Familja kollha. Din l-attività għandha l-iskop li tgħin biex jinġabru fondi biex inkomplu noffru l-aħjar Edukazzjoni lill-istudenti li jattendu fis-Seminarju Minuri t’Għawdex. Din l-attività ser issir nhar il-Ħamis 9 ta’ Ġunju 2016, mis-7.00 p.m. ‘l quddiem. Il-Biljetti, (€8Kbar u €4 żgħar) jinkisbu mill-Uffiċċju Parrokkjali u mis-Seminarju.

PELLEGRINAĠĠ DJOĊESAN – REDENTUR ISLA

Fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Ħniena, il-Ħadd, 5 ta’ Ġunju, Mons. Isqof Mario Grech se jmexxi pellegrinaġġ djoċesan għar-Redentur tal-Isla. Tluq mal-vapur tal-3.45pm.

 

Bullettin 20 ta’ Mejju 2016

IT-TRINITA’ QADDISA

IMĦABBA ĠO FINA

Meta Ġesù wriena l-misteru tat-Trinità Qaddisa, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, ried jgħidilna li fl-għerq ta’ kollox hemm xi ħadd u mhux xi ħaġa.  Hu wriena li dan ix-xi ħadd Alla huwa mħabba (1 Ġwann 4,8), għax it-Trinità qaddisa hi l-misteru ta’ l-imħabba bla tarf li tinsab minn dejjem f’Alla, u fuqha bħal f’mera,  Huwa fassal il-ħolqien u l-bniedem.  Fil-bażi ta’ kollox hemm l-imħabba infinita ta’ Alla għall-bniedem.  Biex nagħrfu din l-imħabba rridu ngħixuha kif itenni Ġwanni fl-Ittra tiegħu vers 4,8.  Hemm bżonn li nagħmlu l-esperjenza li ngħixu dak li għallimna Ġesù bil-qawwa mogħtija lilna bil-preżenza trinitarja fina li rċevejna fis-sagramenti ta’ l-inizjazzjoni.

Il-festa kbira tal-lum, li tasal Ħadd fuq il-Pentekoste u ġimgħa qabel Corpus, turina li Alla qatt m’hu se jħallina waħedna u mhux biss jibgħat id-Difensur iżda huma l-istess Tliet Persuni f’Alla wieħed li b’imħabba kbira jinsabu fina u qegħdin għad-dispożizzjoni tagħna.  Iżda aħna qegħdin ngħixu f’isimhom?

L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Proverbji fejn naraw riflessjoni fuq l-istorja ta’ Israel fir-Rabta l-Qadima li turina kif Alla bil-mod il-mod wassal lill-poplu tiegħu biex jagħrfu u jħobbu.  Hija wkoll l-istorja tar-riflessjonijiet tal-poplu dwar il-ġrajjiet tiegħu.  Is-Salm Responsorjali tal-lum ikompli dak li smajna mill-Ktieb tal-Proverbji.  Jurina u jistedinna nfaħħru lill-Mulej għall-għeġubijiet li jagħmel magħna b’imħabbtu.  It-Tieni Qari, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, juri li l-ħajja tan-nisrani fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba hija xhieda u frott tal-preżenza tat-Trinita’ Qaddisa.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, Ġesù jwiegħed li se jibgħat l-Ispirtu s-Santu biex jirrivelalhom il-verità sħiħa.

  1. Il-Misteru tat-Trinità Mqaddsa huwa misteru li ngħixuh kuljum għax għandna preżenza u qawwa sħiħa tat-Tliet Persuni tat-Trinità li jgħinuna kull ħin.Dak li rċevejna fil-Magħmudija u li ssaħħaħ fina permezz tal-Griżma, iżommna f’kuntatt u qawwi mat-Tliet Persuni tat-Trinità. Alla qatt m’hu qed iħallina waħedna.
  2. Kif tenna San Pawl fl-Ittra lir-Rumani, il-virtujiet tal-fidi, tama u mħabba se jidhru aktar fina permezz tal-preżenza tat-Trinità Qaddisa.
  3. Kemm tassew qed nippruvaw nifhmu l-Mulej xi jrid minna? Kemm tassew se nippruvaw nitolbu aktar l-intervent tat-Trinità Qaddisa fil-mumenti iebsa ta’ ħajjitna?

Glorja lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu.

Il-Ħadd li ġej, 29 ta’ Mejju – Festa  ta’ Corpus Domini.

Quddiesa fl-4.30pm fil-Knisja Arċipretali u wara purċissjoni sal-Knisja ta’ Sant’Antnin.

FUNZJONI TAL-EWWEL TQARBINA

Il-Ħadd 22 ta’ Mejju huwa jum sabiħ ħafna kemm għalina bħala Parroċċa kif ukoll għal 22 tifla u tifel li ser jirċievu l-Ewwel Tqarbina u l-familji tagħhom.

It-tfal flimkien mal-familji jinġabru ħdejn il-Knisja l-Qadima fil-4.45pm biex imbagħad jimxu għall-Knisja Parrokkjali fejn fil-5pm tibda l-Quddiesa li fiha jirċievu għall-Ewwel darba lil Ġesù Ewkaristija.

Clarissa Camilleri, Ellie Camilleri, Matteo Camilleri, Samasia Galea Dimech, Hayden Grech, Marie Gauci, Delan Saliba, Nikita Vella, Mariah Xerri, Janice Xuereb, Kristina Marie Xuereb, Jamie Vella, Stacey Stellini, Gabriel Simoncic, Sephora Portelli, Nathan Portelli, Jayden Grech, Chylen Fava, Aaron Buttigieg, Kylen Cauchi Borg, Malcolm Azzopardi, Karol Azzopardi.

SONG FESTIVAL MARJAN 2016

Il-Leġjun ta’ Marija f’Għawdex ser jorganizza s-Song Festival Marjan is-Sibt 21 ta’ Mejju 2016 fl-Oratorju Don Bosco fis-7.30pm.  Ser ikun hemm kantanti ndividwali u korijiet. Mons Isqof iwassal il-messaġġ tiegħu u jqassam it-trofej.

NIFIRĦU MA’ GĦAJNSIELEM F.C.

Is-Sibt 21 ta’ Mejju 7.30pm – Ftuħ uffiċjali tal-Ground tal-Futbol Dun Karm Cassar

Il-Ħadd 22 ta’ Mejju: 10 am Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fit-tmiem u r-Rebħ tal-Kampjonat 2016

COFFEE MORNINGS

Banda San Ġużepp – Nhar it-Tlieta, 24 ta’ Mejju mid- 9.00am ‘il quddiem fis-sala tal-każin tal-Banda.

Azzjoni Kattolika – Nhar il-Ħamis 26 ta’ Mejju fid-9.00am fid-Dar Ċentrali Azzjoni Kattolika r-Rabat. Trasport mill-Pjazza fit-8.30am (qabel minn Triq S.Antnin). B’risq il-proġett Merħba Żgħażagħ mill-Iraq

GĦOTI TA’ DEMM      Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 24 ta’ Mejju ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1pm sal-5pm.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Nhar is-Sibt 28 ta’ Mejju fil-Knisja Parrokkjali tal-Qala bejn is-7 u d-9.00pm. Trasport mill-Pjazza fis-6.30pm.

IT-TIENI ĠABRA BIEB BIEB GĦALL-FESTA

Matul din il-ġimgħa ssir it-tieni ġabra bieb bieb għall-festa mill-voluntiera tal-Parroċċa. L-għotja ta’ kull familja hija apprezzata ħafna biex inkunu nistgħu nagħmlu festa sabiħa u dinjituża.

Ġabriet oħra bieb bieb għall-festa jsiru f’Lulju u f’ Awwissu.

SKEDA RADJU LAURETANA

L-iskeda ta’ Radju Lauretana marbuta mal-festa ta’ Sant’ Antnin bdiet. Segwu l-programmi kollha u x-xandiriet sbieħ li għandna għalikom.

PELLEGRINAĠĠ DJOĊESAN – REDENTUR ISLA

Fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Ħniena, nhar il-Ħadd, 5 ta’ Ġunju, Mons. Isqof Mario Grech se jmexxi pellegrinaġġ djoċesan għar-Redentur tal-Isla. Tluq mal-vapur tal-3.45pm. F’dan il-pellegrinaġġ, ngħaddu mill-Bieb tal-Ħniena f’din il-knisja ġubilari u nieħdu sehem f’quddiesa mmexxija mill-Isqof. Lura mal-vapur tad-9.00pm. Inkitbu fl-uffiċċju Parrokkjali.

RUŻARJU FIX-XAHAR TA’ MEJJU

Inkomplu bit-talba tar-Rużarju fil-beraħ:

Pjazza Tolfa – nhar ta’ Tlieta fil-5pm.

Triq il-Qiegħan – nhar ta’ Ġimgħa fil-5pm.

Zona tal-Gudja – nhar ta’ Ħamis fil-5.30pm.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Loreta Azzopardi toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ żewġha Alfred Azzopardi f’għeluq il-6 snin  mill-mewt tiegħu fis-26 ta’ Mejju.

PROĠETTI FIL-KNISJA

Flimkien mal-proġett tat-tisbiħ taz-zuntier, bħalissa għaddej ukoll ix-xogħol fil-kampnar u l-arloġġ u dalwaqt nibdew ukoll ix-xogħol fuq il-proġett tas-sagristiji. Se jkollna bżonn ħafna għajnuna fil-knisja. Kunu lesti għal kull avviż biex nagħmlu kif kienu jagħmlu missirijietna. Ommna Marija Lawretana tieħu ħsiebna u ħsieb il-familji tagħna.

 

Bullettin 13 ta’ Mejju 2016

GĦID IL-ĦAMSIN

MORRU NEĦĦU L-BIŻA’

L-esperjenza tal-ħajja umana ta’ kuljum tgħaddina minn ħafna mumenti ta’ biża’.  Il-biża’ li taħkem u ħafna drabi tipparalizza l-azzjonijiet li nkunu se nwettqu.  Fil-ħajja tagħna spiritwali jiġrilna l-istess.  Ħafna drabi nibżgħu nagħtu xhieda li aħna nsara, ħafna drabi nibżgħu ngħixu l-kelma ta’ Alla, nibżgħu ninqatgħu minn kompromessi li nkunu ħloqna aħna għall-kumdità tagħna. Il-festa kbira tal-lum ta’ nżul l-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja u fuqna personalment hija festa li tistedinna li għalkemm aħna bnedmin u mimlijin dgħufija, ilkoll kemm aħna għandna għalfejn nagħmlu kuraġġ.  Il-Mulej jaf min aħna, il-Mulej jaf li aħna kollha biża’, il-Mulej jaf li aħna nistgħu nwettqu ħafna ġid jekk nisimgħu, naċċettaw u ngħixu l-kelma tiegħu. Huwa għal dan il-għan li l-Mulej jibgħat l-Ispirtu s-Santu, id-Difensur, li mhux biss se jsaħħaħ fina l-fidi iżda permezz tad-doni tiegħu se jqawwina biex naffrontaw is-sitwazzjonijiet ta’ ħajjitna kull ħin.  L-Ispirtu s-Santu jinżel biex idawwalna u jurina x’għandna ngħidu u nagħmlu.  L-għażla issa hija f’idejna kemm tassew għandna fidi fil-Mulej u f’dan il-mibgħut-difensur li huwa jibgħatilna, li rċevejna fil-Magħmudija u fil-Griżma ta’ l-Isqof.  Kemm tassew qed inħossu l-preżenza ta’ l-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħna hija d-domanda li rridu nwieġbu għaliha b’mod personali llum.

Il-Mulej jaf li aħna dgħajfa. Iżda jridna nagħmlu kuraġġ u naħdmu fl-għalqa tiegħu.  Għalhekk jibgħat I-ispirtu s-Santu.

Kemm tassew aħna nies li nħossuna mdawla permezz ta’ l-Ispirtu tal-Mulej?  Il-Mulej jibgħat l-Ispirtu s-Santu biex nirrikorru lejh tul il-jiem ta’ ħajjitna.  Qed inwettqu dan?

Xi djalogu nagħmlu ma’ l-Ispirtu s-Santu kuljum?

L-Ispirtu s-Santu minbarra d-dawl permezz tad-doni tiegħu jridna li nkunu ġebel ħaj fil-Knisja.  Ejjew nitolbu llum biex niġġeddu fl-impenn tagħna nisrani fis-soċjetà u fil-ħidma li nwettqu kuljum

  Spirtu s-Santu,

  nitolbuk tinżel fina

  biex turina xi trid minna

  sabiex b’għemilna u ħidma

  nwasslu l-Bxara t-Tajba fl-ambjent ta’ madwarna.

SPIRTU QADDIS LI ĦLAQTNA – EJJA FINA!

VELJA PENTEKOSTE  Is-Sibt 14 ta’ Mejju fis-7.30pm nilaqgħu lkoll fuq iz-zuntier tal-Knisja Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesu’ il-Fontana għall-velja ta’ talb lejlet is-Sollennita’ ta’ Għid il-Ħamsin. Jippresiedi l-Isqof Mons Mario Grech. Ilkoll imħeġġa nattendu.

L-ERBGĦAT TA’ SANTA MARIJA Kull nhar ta’ Erbgħa mmorru fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu. Filgħodu jkollna trasport mill-pjazza fl-4.15am u filgħaxija fil-4.45pm.

FESTA SAN ĠUŻEPP

Din is-sena il-festa ad unur ta’ San Ġużepp fil-parroċċa tagħna qed niċċelebrawha l-Ħadd 15 ta’ Mejju. Infakkruh waqt il-quddiesa ta’ filgħaxija u wara jkollna l-purċissjoni bl-istatwa tal-qaddis. Nieħdu sehem bi ħġarna u nitolbu lil San Ġużepp iħares il-familji kollha tagħna kif ħares il-familja mqaddsa.  Inħeġġu lill-fratelli kollha biex jieħdu sehem.

FESTA SANTA RITA

Matul din il-ġimgħa niċċelebraw il-festa tal-Qaddisa tal-Impossibli fil-Kappella tal-Kunvent tas-Sorijiet Agostinjani. Programm: It-Tnejn, it-Tlieta u l-Erbgħa ġranet tat-Tridu: 5.45pm Rużarju u 6.00pm Quddiesa bil-prietka.

Il-Ħamis 19 ta’ Mejju: Jum il-Festa.

7am quddiesa bil-kant tat-TeDeum mmexxija mill-Arċipriet Dun Frankie Bajada.

11am quddiesa mmexxija mill-Gwardjan P.Joe Xerri ofm Conv bil-preżentazzjoni u t-tberik tat-tfal.

5.45pm Rużarju.

6pm Quddiesa mmexxija minn Mons. Carmelo Mercieca bil-prietka tal-okkażjoni. Wara jkun hemm il-Barka Sagramentali u l-bews tar-relikwija.

SONG FESTIVAL MARJAN 2016

Il-Leġjun ta’ Marija f’Għawdex ser jorganizza s-Song Festival Marjan nhar is-Sibt 21 ta’ Mejju 2016 fl-Oratorju Don Bosco fis-7.30pm.  Ser ikun hemm kantanti ndividwali u korijiet. Jattendi wkoll l-E.T. Mons. Isqof Mario Grech li jagħti l-messaġġ tiegħu u jqassam it-trofej.  Biljetti jinkisbu mill-Post tal-Leġjun fi Pjazza Santu Wistin fil-ġranet ta’ qabel il-Festival (barra l-Ġimgħa) mill-5.30 sas-6.30pm. jew mill-Oratorju Don Bosco dak in-nhar tal-Festival.

PROSIT

Nifirħu lit-tim tal-futbol Għajnsielem FC għar-rebħ tal-kampjonat ta’ din is-sena. Prosit tassew!

Is-Sibt 21 ta’ Mejju 7.30pm – Ftuħ uffiċjali tal-Ground tal-Futbol Dun Karm Cassar

Il-Ħadd 22 ta’ Mejju: 10 am Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fit-tmiem u r-Rebħ tal-Kampjonat 2016

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 15 ta’ Mejju ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8am sas-1pm.

SKEDA RADJU LAURETANA

Mal-bullettin qed titqassam l-iskeda ta’ Radju Lauretana marbuta mal-festa ta’ Sant’ Antnin. Tibda l-Ġimgħa 20 ta’ Mejju bix-xandira tal-Ordinazzjoni Presbiterali mill-Katidral ta’ Għawdex fis-6.30pm.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA

Dan ser ikun l-Erbgħa 18 ta’ Mejju mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Patri Marcello Ghirlando ofm, kafe’ u tombla. Inħeġġu lin-nisa kollha sabiex jattendu.

RUŻARJU FIX-XAHAR TA’ MEJJU

Matul ix-xahar ta’ Mejju, il-Leġjun ta’ Marija qed jorganizza t-talba tar-Rużarju fil-beraħ:

Pjazza Tolfa – nhar ta’ Tlieta fil-5pm.

Triq il-Qiegħan – nhar ta’ Ġimgħa fil-5pm.

Zona tal-Gudja – nhar ta’ Ħamis fil-5.30pm.

LAQGĦA PUBBLIKA

Wara li l-Parroċċa tat l-approvazzjoni tagħha biex tiġi mistiedna Banda Maltija għall-festa, il-Ħadd 15 ta’ Mejju ser issir laqgħa pubblika fis-Sala tal-Każin tal-Banda biex tiġi diskussa din il-possibilità għall-festa ta’ din is-sena kif ukoll il-ġbir tal-ispejjeż relatati ma’ din l-istess banda. Ħin: 10.45am. Kulħadd mistieden.

INFAKKRU LIL MONS ARCISQOF ĠUŻEPPI MERCIECA

Mons Isqof Mario Grech ser ifakkar lill-Arċisqof Emeritu ta’ Malta Mons. Gużeppi Mercieca, iben id-Djoċesi ta’ Għawdex permezz ta’ quddiesa b’suffraġju għal ruħu nhar l-Erbgħa 18 ta’ Mejju, fis-7.15pm fil-Katidral ta’ Għawdex.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Il-Familja Camilleri toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Alfred Camilleri u l-familji Scicluna u Camilleri.

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali     21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965

http://www.radjulauretana.com/parish

 

Bullettin 6 ta’ Mejju 2016

TLUGĦ FIS-SEMA TAL-MULEJ

Is-Solennità li l-Knisja tiċċelebra fis-Seba’ Ħadd tal-Għid hija ta’ importanza kbira.  Tlugħ il-Mulej fis-Sema jġib fi tmiemha l-Missjoni tal-Mulej Ġesù.  Hu ġie fid-dinja jfittex lil Adam, lill-bniedem bin-natura mwaqqa’ li qatt ma jista’ jkun ferħan; ġie jfittex lill-bniedem li nqategħtlu li wara ħajja ta’ tiġrib, inkwiet u tħassib, kellu jmut u jintemm;  il-bniedem li minħabba l-biża’ li għandu mill-mewt u t-tbatija, m’għandux saħħa jħobb lill-ieħor hekk kif inhu, lanqas lill-mara jew lir-raġel, saħansitra lanqas lil uliedu, hekk kif inhuma.  Fi Kristu, Alla ġie jfittex lil dan il-bniedem imsejken biex joħorġu mill-qabar tiegħu u jagħtih Ħajja Ġdida, jagħmlu Bniedem Ġdid.  Fi ftit kliem, il-missjoni ta’ Ġesù kienet li permezz tal-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien tiegħu, Hu jiġi magħmul mill-Missier, Spirtu ta’ Ħajja Ġdida, Spirtu ta’ Natura Ġdida li jingħata lil kull min jemmen fih tassew.

Mela l-iskop tal-Ħajja ta’ Kristu fuq din l-art kien li jintroduċi l-Ispirtu s-Santu fil-bnedmin.  Dan l-Ispirtu jnissel fina Ħajja Ġdida, fejqan minn ġewwa, mentalità għal kollox differenti minn ta’ qabel, kapaċità ġdida li nħobbu saħansitra lill-għadu tagħna.  Dan hu l-bniedem li kellu f’moħħu l-Missier meta wettaq il-ħolqien.  Bl-invażjoni ta’ dan l-Ispirtu fil-bniedem, il-Missier ikun qed ireġġa’ lura l-ħlejqa tiegħu lejn l-oriġini, lejn kif kien qabel il-waqgħa fil-Ġnien tal-Għeden.  Dan hu Pjan meraviljuż, għoli u qaddis li l-Missier għandu għal kull bniedem. Hu xogħol bizzilla, intrikat u maħdum mit-Trinità Qaddisa.  Huwa l-Missier li jibgħat lil Ibnu Salvatur li, permezz tal-Ispirtu s-Santu, jagħti natura ġdida lill-bniedem.

Din hi Wegħda tal-għaġeb li kull imgħammed għandu.  Ħafna qatt ma jaħsbu fiha, lanqas biss jafu li hemm wegħda, wirt enormi miktub fuq isimhom.  Din hi traġedja.  Għax kollox jiddependi mill-Fidi adulta tagħna. Alla ma jisforża lil ħadd.  Hu li għandu setgħa jaqleb l-univers ta’  taħt fuq u jġib fix-xejn l-għedewwa tiegħu kollha, huwa dgħajjef immens quddiem il-ħelsien li ta lil kull individwu.  Dan, għax Alla hu Imħabba u l-Imħabba vera ma tisfurzax, anzi tirrispetta mmens il-libertà tal-ieħor.  Iżda nistgħu nibqgħu ċerti minn ħaġa waħda: kull ma jiġri fid-dinja, kull ma jiġri lilna fil-ħajja personali tagħna, ġej minn Alla.  Hu jinqeda b’kollox biex iressaqna ħelu ħelu lejn il-qagħda li fiha, b’ħelsien totali, bħal Marija inkunu nistgħu nlissnu minn qalbna l-“Iva!” tagħna.  Dan hu li l-Ispirtu ta’ Kristu rebbieħ fuq il-mewt qiegħed jistenna mingħandna biex iwaqqafna fuq saqajna, Bnedmin Ġodda, Bnedmin Ħajjin tassew.  Ikun imbierek Alla li ntrabat magħna b’din il-Wegħda tal-għaġeb!

L-EWWEL SIBT TAX-XAHAR

Is-Sibt 7 ta’ Mejju fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm rużarju u fl-4pm quddiesa. L-Adorazzjoni tkun sal-4 pm.

SERATA JUM L-OMM

Illum is-Sibt 7 ta’ Mejju fis-sala taċ-Ċentru Parrokkjali wara l-quddiesa tas-7pm. Ikollna kant, żfin, daqq u play sabiħa. Nattendu u nħeġġu oħrajn jiġu magħna.  Għandna wkoll plant sale b’risq it-tagħlim li jsir fiċ-Ċentru tagħna.

QUDDIESA GĦALL-ANZJANI KOLLHA

Fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm ser issir quddiesa għall-anzjani kollha l-Ħadd 8 ta’ Mejju fis-Santwarju Ta’ Pinu fl-10 a.m. Trasport b’xejn mill-Pjazza fid-9.15a.m.  Jingħata rigal lill-anzjani kollha preżenti.

EWRO COLLECTION

Matul il-quddies kollu ta’ dan il-weekend, il-ġbir ikun b’risq il-festa tal-Madonna ta’ Loreto. Inkunu ġenerużi bħal dejjem. Nagħtu għotja sabiħa mill-qalb.

INFAKKRU LIL SAN ĠORĠ PRECA

Pellegrinaġġ Djoċesan għall-Kappella tal-Midalja Mirakoluża Il-Ħadd 8 ta’ Mejju.  Inżuru l-qabar ta’ San Ġorġ Preca u jkun hemm quddiesa fil-5.00pm. Nitilqu mill-Imġarr mal-vapur tat-3.00pm u niġu lura mal-vapur tas-7.30pm.  Biljetti mill-Uffiċċju Parrokkjali jew mill-Oqsma tal-Museum.

QUDDIESA FIL-KNISJA PARROKKJALI – It-Tnejn 9 ta’ Mejju: Jum il-Festa ta’ San Ġorġ Preca fis-7pm. Kulħadd mistieden speċjalment it-tfal u studenti flimkien mal-familji tagħhom.

LAQGĦA PUBBLIKA

Wara li l-Parroċċa tat l-approvazzjoni tagħha biex tiġi mistiedna Banda Maltija għall-festa, nhar il-Ħadd 15 ta’ Mejju ser issir laqgħa pubblika fis-Sala tal-Każin tal-Banda biex tiġi diskussa din il-possibilità għall-festa ta’ din is-sena kif ukoll il-ġbir tal-ispejjeż relatati ma’ din l-istess banda. Ħin: 10.45am. Kulħadd mistieden.

STEDINA  Festa tal-Madonna ta’ Fatima fil-Knisja tal-Karmnu Ta’ Ħamet nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Mejju. L-Azzjoni Kattolika qed torganizza trasport mill-pjazza fis-6pm għal kulħadd.

AWGURI LILL-OMMIJIET KOLLHA.

RUŻARJU FIX-XAHAR TA’ MEJJU

Matul ix-xahar ta’ Mejju, il-Leġjun ta’ Marija qed jorganizza t-talba tar-Rużarju fil-beraħ:

Pjazza Tolfa – nhar ta’ Tlieta fil-5pm.

Triq il-Qiegħan – nhar ta’ Ġimgħa fil-5pm.

Zona tal-Gudja – nhar ta’ Ħamis fil-5.30pm.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta, 10 ta’ Mejju ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

L-ERBGĦAT TA’ SANTA MARIJA

Kull nhar ta’ Erbgħa mmorru fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu. Filgħodu jkollna trasport mill-pjazza fl-4.15am u filgħaxija fil-4.45pm.

FESTA TA’ SAN ĠUŻEPP   

Din is-sena il-festa ad unur ta’ San Ġużepp fil-parroċċa tagħna ser tkun il-Ħadd 15 ta’ Mejju. Infakkruh waqt il-quddiesa ta’ filgħaxija u wara jkollna l-purċissjoni. Inħeġġu lill-fratelli kollha biex jieħdu sehem.

PIZZA U TOMBLA b’risq il-festa ta’ Sant’ Antnin – Il-Ġimgħa 13 ta’ Mejju fiċ-Ċentru Sant’ Antnin fis-7.30pm. Prezz €8 li jinkludi pizza, soft drink jew tazza nbid. Biljetti mis-sagristija tal-knisja ta’ Sant’ Antnin, Ideal Store jew ċemplu  7920 2172.

LAQGĦAT TAL-OMBUDSMAN

L-Uffiċċju tal-Ombudsman qed jorganizza laqgħat regolari f’Għawdex. Il-Laqgħa li jmiss, tkun is-Sibt 14 ta’ Mejju bejn 09:30am u l-11:30am fl-NGO Centre fix-Xewkija.Għal appuntament iċemplu 2248 3216.

GRAZZI

  • Lil dawk li ta’ kull xahar iqassmu l-envelopes għall-ġbir ta’ fondi għas-sagristiji.
  • Lil dawk li jorganizzaw u jattendu għat-tombla fiċ-Ċentru Parrokkjali kull nhar ta’ Ħadd wara nofsinhar.