Monthly Archives: June 2016

Bullettin 24 ta’ Ġunju 2016

It-13-il Ħadd Matul is-Sena

NIMXU WARAJH KULL ĦIN!

Li timxi tul ħajtek kollha f’direzzjoni tajba huwa proġett iebes.  Li timxi wara Ġesù kontinwament huwa iebes ħafna għaliex kif tenna Hu stess il-Ħadd li għadda, trid tkun motivat fil-mixi tiegħek billi terfa’ s-salib kuljum ħalli timxi warajh u xxandru kontinwament.  Fis-Salm Responsorjali tal-lum aħna ntennu b’fidi kbira li “il-Mulej huwa s-sehem ta’ wirti u ta’ xortija” għaliex il-Mulej “ma jħallix il-maħbub tiegħu jara t-taħsir.”  Din ix-xewqa tagħna toħroġ fil-beraħ meta Ġesù jsejħilna biex nimxu warajh mingħajr kundizzjonijiet.  Ma nistgħux inħarsu lura mill-moħriet.  Meta tlaqna fuq il-ħidma mal-Mulej irridu nħarsu ’l quddiem fil-mixi tagħna biex naraw fejn sejrin, naraw l-ostakli u ma nitfixklux.

L-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tas-Slaten juri lil Elija jsejjaħ lil Eliżew biex ikun profeta floku.  Bil-mantar tiegħu huwa jagħti l-missjoni u l-impenn ġdid lil Eliżew..  Fit-Tieni Qari, fl-Ittra lill-Galatin, San Pawl jurina tassew x’inhi l-libertà.  San Pawl itenni li meta l-libertà tfisser biss li taħseb għal rasek issir jasar.  Il-libertà vera hija dik ta’ min twieled fil-Ġisem ta’ Kristu.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa nibdew naqraw is-sezzjoni li hija msejħa tal-vjaġġ il-kbir ta’ Ġesù lejn Ġerusalemm.  Din il-mixja rridu nifhmuha fis-sens simboliku tagħha, jiġifieri li Ġesù jdur u jkompli l-missjoni tiegħu minkejja l-persekuzzjoni. Jekk tassew irridu nkunu dixxipli ta’ Ġesù rridu nwieġbu bl-għemil is-sejħa li nimxu warajh.

Timxi warajh ifisser li ma tintrabatx mad-dinja u ma tħarisx lura u titlaq idek mill-moħriet. Taljenax ruħek u kompli aħrat; wettaq il-missjoni fdata f’idejk minn Ġesù.

Kull wieħed u waħda minna fil-Magħmudija u l-Griżma ta’ l-isqof irċevejna konferma ta’ missjoni li rridu nwettqu. Taf x’inhi l-missjoni tiegħek fil-ħajja ta’ kuljum?  Jekk inti omm ta’ familja, tifel ta’ l-iskola, reliġjuż fil-komunità, qed tagħraf timxi tassew warajh u  twieġeb għal din it-tweġiba li qed jagħmel b’mod personali Ġesù?

Kemm tassew qed tħossok liberu meta ssegwi lil Ġesù? Kemm tassew qed timxi wara Ġesù għax trid inti u mhux imbuttat minn ġrajjiet u tradizzjoni, minn persuni jew forsi superstizzjonijiet reliġjużi?  Qed timxi warajh kull ħin għax veru tħobb u tħossok viċin Ġesù?

  Mulej, inti sejjaħtli,   inti ssejjaħli kuljum biex nimxi warajk

  inti tgħidli biex ma nħarisx lura,   inti tridni nibqa’ fid-dinja

  iżda mhux marbut bl-affarijiet tad-dinja.

  Mulej, agħtini kuraġġ biex b’għemili u qalbi  nimxi warajk  kull ħin.

GĦALIK

  • Il-Quddiesa tal-10a.m. tkun animata mill-familji għall-familji.
  • Il-Ġimgħa 1 ta’ Lulju: L-Ewwel Ġimgħa tax-xahar. Adorazzjoni fil-Knisja Parrokkjali.
  • Is-Sibt 2 ta’ Lulju: L-Ewwel Sibt tax-xahar. Quddiesa fil-Knisja l-Qadima fl-4.00pm u l-adorazzjoni tkompli sad-9pm.

PREPARAZZJONI GĦALL- FESTA

IS-SIBTIJIET: Nibdew IS-SIBT 25 ta’ ĠUNJU

Ngħidu r-Rużarju fil-Familji tagħna. Ikollna l-quddiesa bi ħsieb Marjan waqt l-omelija fis-7pm

KONSAGRAZZJONI TAL-KNISJA L-QADIMA

Il-Ħamis 30 ta’ Ġunju, infakkru l-127 anniversarju tal-Konsagrazzjoni tal-Knisja l-Qadima. Il-quddiesa ta’ filgħaxija dakinhar tkun fil-Knisja l-Qadima. Ikollna r-Rużarju fis-6.15pm, it-talba tal-Għasar fis-6.30pm u l-quddiesa fis-7pm.

FESTA TA’ SAN PIETRU U SAN PAWL

Nhar l-Erbgħa 29 ta’ Ġunju hija l-festa tal-appostli San Pietru u San Pawl. Il-ħin tal-quddies ikun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd.

IL-GRIŻMA TAL-ISQOFil-Ħadd 3 ta’ Lulju 5pm.

IMPORTANTI: Din hija celebrazzjoni tal-parroċċa kollha. Għalhekk tkun ħaġa sabiħa jekk nieħdu sehem fiha ħalli ningħaqdu bħala familja waħda ma’ dawn uliedna u nġeddu l-impenn tagħna li ngħinuhom fil-ħajja nisranija tagħhom.

NILQGĦU FOSTNA

Il-Ħamis 30 ta’ Ġunju, il-parroċċa tagħna ser tilqa’ lill-grupp ta’ żgħażagħ mill-Iraq li ser ikunu fostna. Għadna bżonn għajnuna biex inwassluhom minn Ta’ Pinu għal Għajnsielem fit-8pm u minn Għajnsielem għal Marsalforn wara li jlestu. Tistgħu tikkuntatjaw lill-Arċipriet jew l-Uffiċċju Parrokkjali.

CARWASH MIŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Iż-żgħażagħ tal-parroċċa jżommu l-appuntament tagħhom tal-carwash għall-karità. Din is-sena b’risq il-Creche tal-Ursolini.

Nhar l-Erbgħa 29 ta’ Ġunju, L-IMNARJA – mit-8am sa 12pm. Fil-Misraħ tal-Knisja.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Nhar is-Sibt 25 ta’ Ġunju, 2016 fil-Knisja tas-Sannat bejn is-7 u d-9pm. Trasport mill-Pjazza fis-6.30pm.

NIGHT FUN GAMES: 11, 18 u 25 tal Lulju.

Fil-Misraħ tal-Knisja. Applikazzjonijiet mill-Uffiċċju Parrokkjali.

GRAZZI:  Lill-Familja Żammit u Grech: €1000 għall-orgni b’suffraġju tal-għażiż tagħhom Ġanni Grech.

Lil dawk kollha li jagħtu l-offerta tagħhom għaż-żejt tas-sagrament biex inżommu mixgħula l-lampi tas-sagrament fil-knisja parrokkjali u fil-knisja l-qadima kif ukoll waqt l-adorazzjoni li jkollna kuljum fil-knisja l-qadima u okkażjonijiet oħrajn.

TOMBLA B’RISQ IL-FESTA TAGĦNA

Nhar il-Ġimgħa 1 ta’ Lulju fiċ-Ċentru Parrokkjali mis-7.30pm ‘l quddiem. Il-preżenza tiegħek tkun tgħin il-festa tagħna.

ĠABRA GĦAN-NAR TAL-FESTA

Il-membri tal-Għaqda Piroteknika 10 ta’ Diċembru qed jiġbru għan-nar tal-festa ta’ din is-sena.  L-envelope waslilkom mal-bullettin tal-ġimgħa li għaddiet. Inkunu ġenerużi bħal dejjem.

COFFEE MORNING  Nhar it-Tlieta, 28 ta’ Gunju mid- 9.00am ‘il quddiem fis-sala tal-kazin tal-Banda. Narwakhom hemm!

GĦALL-INFORMAZZJONI – Il-Laqgħa li jmiss tal-Ombudsman f’Għawdex, ser issir nhar is-Sibt 2 ta’ Lulju bejn 09:30am u l-11:30am fl-NGO Centre fix-Xewkija.  Għal appuntament ċemplu fuq 2248 3216.

GĦOTI TA’ DEMM   Fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 26 ta’ Ġunju mit-8:00am sal-1:00pm.

GRADWATI: Dawk li ggradwaw f’din l-aħħar sena u jixtiequ jkunu nklużi fuq ir-rivista parrokkjali Għajnsielem jistgħu jibagħtulna ritratt u nformazzjoni fuq email:dunfrankiebajada@yahoo.com.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Il-Familja Żammit u Grech joffru €30 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Ġanni Grech f’għeluq it-tliet snin mill-mewt tiegħu fis-26 ta’ Ġunju.

IKONI TAL-FIDDATAL-MADONNA TA’ LORETO

RIGAL  SABIĦ GĦAL KULL OKKAŻJONI. Mill-Uffiċċju Parrokkjali.

Bullettin 17 ta’ Ġunju 2016

It-12-il Ħadd Matul is-Sena

TWEĠIBA PERSONALI MA’ ĠESÙ

Ngħidu li aħna nsara.  Ngħidu li aħna ta’ Kristu.  Immorru l-quddies il-Ħadd.  Imma kemm tassew qed nagħtu xhieda ta’ dak Kristu li nemmnu fih?  U fuq kollox kemm tassew nemmnu f’dak Kristu li aħna lkoll dixxipli tiegħu?  Min huwa Kristu għalina?  Għadu rilevanti fil-ħajja tagħna?  Kemm tassew qed inxandruh ma’ l-oħrajn?  U ngħixu kliemu kuljum?

Dawn huma l-ħsibijiet li jgħaddu minn moħħna meta naqraw il-Vanġelu u l-liturġija tal-lum it-tnax il-Ħadd tas-Sena.  Fl-Ewwel Qari mill-ktieb tal-Profeta Żakkarija għandna l-profeta jħabbar żmien il-Messija meta l-poplu t’Alla jinbena mill-ġdid u jissebbaħ quddiem il-ġnus kollha.  Dan iż-żmien ikun ta’ tisfija għall-poplu.  Fis-Salm tal-lum, dak 62, intennu l-għajta li turi l-għatx li għandna għall-Mulej, għatx li jrid jidher fl-għażla ewlenija tagħna kuljum għal dak li l-Mulej iridna nwettqu.  Fit-Tieni Qari tal-lum San Pawl, fl-Ittra lill-Galatin, jagħtina sensiela ta’ espressjonijiet dwar min huwa n-nisrani: aħna “ilkoll werrieta skond il-wegħda.”  Fil-Vanġelu, meħud minn San Luqa, għandna lil Ġesù jistaqsi lill-appostli min jgħidu n-nies li hu.  Domanda mmirata mhux mill-kurżità iżda biex jara l-appostli kemm tassew fehmu min kien.  Mat-tweġiba ta’ Pietru Ġesù jurihom li d-dixxipulat tiegħu kien ifisser ukoll is-salib.

Biex timxi wara Ġesù u allura tkun taf min hu hemm tliet affarijiet xi ssegwi: (a) tiċħad lilek innifsek; (b) terfa’ salibek kuljum; (c) timxi wara Ġesù. Kemm aħna lesti li nwettqu dan?

Meta terfa’ s-salib tiegħek u mhux tilħaq salib ħaddieħor hemm tassew tkun qed twieġeb għad-domanda: Min hu Ġesù għalik?

San Pawl lill-Galatin jgħidilhom li aħna lkoll werrieta ta’ din il-wegħda tas-salvazzjoni li kisbilna Kristu. Huwa għalhekk li aħna lbisna lil Kristu.  Iżda kif qed nagħtu xhieda ta’ dan kull ħin fix-xogħol u fil-ħidma tagħna?

Mulej,   nazzarda ngħid li naf min inti.

Inti l-Messija l-Iben ta’ Alla l-Ħaj.

Iżda, Mulej, kemm tassew   nixtieq li tgħinni

ħalli qatt ma nwarrab minn ħajti li nwettaq ir-rieda tiegħek.

LAQGĦA ĠENITURI U PARRINI TAL-GRIŻMA

Nhar il-Ħamis li ġej, 23 ta’ Ġunju,  fit-8pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.

TA’ PINU – 22 ta’ ĠUNJU

Is-Sejħa Ta’ Pinu ta’ kull sena tfakkarna biex inwieġbu bil-qalb għal dik il-kelma ta’ Ommna Marija li semmetilna f’dan il-post qaddis – “EJJA”. Nitolbu ‘l Marija għall-familji tagħna.

NITOLBU

Għall-Arċipriet, Kan Dun Ġiljan Refalo Rapa, Dun Giovanni Curmi u l-Kan Noel Saliba fl-okkażjoni tal-25 anniversarju mill-ordinazzjoni saċerdotali tagħhom fit-22 ta’ Ġunju.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA

Ser isir nofs ta’ nhar għan-nisa kollha l-Erbgħa 22 ta’ Ġunju f’Lourdes Home mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Joe Xerri, kafe’ u tombla. Inħeġġu lin-nisa kollha sabiex jattendu.

NILQGĦU FOSTNA  Nhar il-Ħamis 30 ta’ Ġunju, il-parroċċa tagħna ser tilqa’ lill-grupp ta’ żgħażagħ mill-Iraq li ser ikunu fostna. Ser ikollna bżonn għajnuna biex noffrulhom l-ikla ta’ filgħaxija ta’ dakinhar fiċ-Ċentru Parrokkjali u biex inwassluhom minn Ta’ Pinu għal Għajnsielem fit-8pm u minn Għajnsielem għal fejn qed joqogħodu f’Marsalforn wara li jkunu lesti. Tistgħu tikkuntatjaw lill-Arċipriet jew l-Uffiċċju Parrokkjali.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Nhar is-Sibt 25 ta’ Ġunju, 2016 fil-Knisja tas-Sannat bejn is-7 u d-9pm. Trasport mill-Pjazza fis-6.30pm.

ORDINAZZJONI DJAKONALI

Nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Ġunju, fil-Kattidral tagħna, Mons Isqof Mario Grech ser jordna żewġ Djakni – lil Michael Grima u Carl Xerri. Il-quddiesa tal-ordinazzjoni ser tkun fis-6.00pm. Nitolbu ħafna għalihom u għal aktar vokazzjonijiet.

GRAZZI: EWRO COLLECTION Ġunju – €402.37.

TOMBLA B’RISQ IL-FESTA TAGĦNA

Nhar il-Ġimgħa 1 ta’ Lulju fiċ-Ċentru Parrokkjali mis-7.30pm ‘l quddiem.

CARWASH MIŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Iż-żgħażagħ tal-parroċċa jżommu l-appuntament tagħhom tal-carwash għall-karità. Din is-sena b’risq il-Creche tal-Ursolini.

Nhar l-Erbgħa 29 ta’ Ġunju, L-IMNARJA – mit-8am sa nofsinhar. Fil-Misraħ tal-Knisja.

GĦOTI TAD-DEMM

id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex nhar it-Tlieta 21 ta’ Ġunju ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm (l-aħħar reġistrazzjoni sal-5:00pm).

ĠABRA GĦAN-NAR TAL-FESTA

Fil-ġranet li ġejjin,membri tal-Għaqda Piroteknika 10 ta’ Diċembru se jiġu jiġbru għan-nar tal-festa ta’ din is-sena.  L-envelope qed jaslilkom mal-bullettin. Inkunu ġenerużi bħal dejjem.

INTENZJONIJIET TA’ QUDDIES

Min jixtieq jordna intenzjonijiet ta’ quddies fil-knisja Parrokkjali għax-xhur Ottubru, Novembru u Diċembru 2016, jista’ jagħmel dan fl-uffiċċju Parrokkjali nhar ta’ Tlieta jew ħamis bejn id-9am u nofsinhar.

KORSIJIET GĦALL-FAMILJA

Fl-ewwel ġranet ta’ Lulju mill-Kummissjoni Djocesana Familja.  Għal aktar informazzjoni kellmu lill-arċipriet jew ikkuntatjaw lill-Kummissjoni Familja fuq 21556513/ 79734831/99877339/ kdfgozo@gmail.com.

PROĠETTI FIL-KNISJA

KOMPLU SEGWU L-AVVIZI LI JINGĦATAW FIL-KNISJA BIEX INKOMPLU INWETTQU  DAN IL-PROĠETT TANT BŻONNJUŻ FIL-KNISJA TAGĦNA.

OMMNA MARIJA LAWRETANA TIEĦU ĦSIEB IL-FAMILJI TAGĦNA.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Offerta ta’ €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Ġużepp u Rosina Xuereb u Rita Borg.  

 

Bullettin 10 ta’ Ġunju 2016

Il-11-il Ħadd Matul is-Sena

BIL-MAĦFRA  LEJN  L-IMĦABBA

DJALOGU  –  MAĦFRA – MĦABBA – ĦBIBERIJA

Dawn huma l-ingredjenti li qed joffri Ġesù llum.  Ingredjenti li mhux dejjem nagħrfu nagħġnuhom fil-ħajja tagħna.  Huwa għalhekk importanti li l-Kelma tal-Mulej tal-lum inħalluha tinżel fil-fond ta’ qalbna bħal xabla li taqta’ b’żewġt ixfar. Il-midinba magħrufa ħabbet lil Ġesù.  Ħabbitu fid-deher.  Tat xhieda tal-indiema tagħha b’umiltà kbira.  Il-Mulej Ġesù jfejjaq meta jara l-volontà tal-indiema.  Tliet frażijiet malajr fejquha kompletament.  “Dnubietek maħfura”;  “Il-fidi tiegħek salvatek”; u “Mur fis-Sliem”.  Hemm bżonn li nżommu quddiem għajnejna u aktar fil-qlub tagħna li hija permezz tal-indiema li ser insibu l-paċi.  Ma hemmx għalfejn nistħu.  Jistħi min għad m’għandux il-kuraġġ jaċċetta li huwa midneb.

L-ewwel qari huwa meħud mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel fejn għandna l-għeluq tar-rakkont tad-dnub kbir ta’ David bil-maħfra li Alla jagħti lil David.  Is-Salm Responsorjali, permezz ta’ Salm 31, huwa talba lill-Mulej biex jaħfer il-ħażen u d-dnubiet tagħha.  Fit-tieni qari tal-lum, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Galatin, insibu lill-Appostlu jtenni li s-salvazzjoni tiġi biss minn Kristu. Il-kontroversja ta’ Kristu li jħalli l-midinbin jersqu tant lejh, hija t-tema prinċipali li nsibu fil-Vanġelu ta’ San Luqa.  Huwa Vanġelu li lkoll kemm aħna rridu nagħtu każ tiegħu għax fih hemm ritratt tagħna lkoll.

  • Kemm-il darba fil-ħajja tiegħek aċċettajt il-fatt li inti midneb u ndimt minn dnubietek?
  • Kemm tassew aċċettajt li Kristu Ġesù huwa l-uniku triq għas-salvazzjoni f’ħajtek?
  • Kif qed turi li inti ndimt minn dnubek?
  • Il-fidi tiegħek ser issalvak? Għandek fidi biżżejjed fi Kristu?

 Aħfirli, Mulej, il-ħażen ta’ dnubi.

ĠESÙ EWKARISTIJA QED ISEJJAĦLEK BIEX TMUR TADURAH U FIH TAFDA LIL ĦAJTEK

Kuljum mit-Tnejn sas-Sibt mit-8.30am sal-4pm fil-Knisja l-Qadima.

QALB IMQADDSA TA’ ĠESÙ JIENA NAFDA FIK!

GĦOTI TAD-DEMM

NINGĦAQDU MA’ GĦAJNSIELEM F.C. F’ĠEST ĠENERUŻ TA’ GĦOTI TAD-DEMM

il-Ħadd 12 ta’ Ġunju mit-8:00am sas-1:00pm fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex li ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm (l-aħħar reġistrazzjoni sas-1:00pm).

GRAZZI MILL-QALB

Għall-Knisja – N.N. Triq Ħamri b’suffraġju tal-erwieħ tagħha, €1000. Għall-Orgni: NN €50, NN €100; Donazzjoni għas-Sagristiji NN Mġarr Road €100.

Nirringrazzjaw minn qalbna lil persuna li xtaqet tibqa’ għal kollox anonima li tat €10,000 biex jinxtara l-ġebel l-kbir tat-twieqi tas-sagristiji. Nitolbu għall-benefattrui kollha.

LILL-KATEKISTI KOLLHA li, b’dedikazzjoni mhux żgħira, joffru tant ħin u enerġija biex iwasslu l-Aħbar it-Tajba lit-Tfal u l-adoloxxenti tagħna. Napprezzaw din il-missjoni kbira u ninkluduhom kuljum fit-talb tagħna. Ngħinuhom billi nikkoperaw magħhom u mal-parroċċa.

KORSIJIET GĦALL-FAMILJA

Fl-ewwel ġranet ta’ Lulju l-Kummissjoni Djocesana Familja ser tkun qed torganizza tlett korsijiet li jistgħu jkunu utli ħafna għal dawk kollha li jixtiequ jinvestu fil-familja tagħhom.  Għal aktar informazzjoni kellmu lill-arċipriet jew ikkuntatjaw lill-Kummissjoni Familja fuq 21556513/ 79734831/ 99877339/ kdfgozo@gmail.com.  L-applikazzjoni għal dawn il-korsijiet qed titqassam ma’ dan il-bulettin. Inħeġġu lill-koppji biex japprofittaw u jkomplu jitgħallmu kif isaħħu u jtejbu r-relazzjonijiet fil-familji tagħhom.  Il-familja li tfittex it-tagħlim tibqa’ b’saħħitha!

LAQGĦA STUDENTI TAL-GRIŻMA

Nhar il-Ħamis li ġej fil-5pm fiċ-Ċentru Parrokkjali. Wara l-laqgħa jitqassmu t-togi għaċ-ċerimonja.

PROĠETTI FIL-KNISJA

GRAZZI KBIRA MILL-QALB LIL DAWK IL-VOLUNTIERA LI DIN IL-ĠIMGĦA ĦADMU BLA HEDA BIEX SETGĦET ISSIR BIĊĊA XOGĦOL KBIRA.

KOMPLU SEGWU L-AVVIZI LI JINGĦATAW FIL-KNISJA ĦALLI, PASS WARA L-IEĦOR, INWETTQU  DAN IL-PROĠETT TANT BŻONNJUŻ FIL-KNISJA TAGĦNA.

OMMNA MARIJA LAWRETANA TIEĦU ĦSIEBNA LKOLL.

EWRO COLLECTION

Il-ġbir kollu tas-Sibt filgħaxija u l-Ħadd 11 u 12 ta’ Ġunju ser ikun għall-festa parrokkjali tagħna li issa qegħda toqrob sew. Inkunu ġenerużi bħal dejjem. Fejn nistgħu nagħtu ewro jew aktar.

COFFEE MORNING It-Tlieta 14 ta’ Ġunju fil-Każin tal-Banda fid-9am.

TOMBLA

Fiċ-Ċentru Sant’Antnin Il-Ġimgħa 17 ta’ Ġunju fit-7.45pm.

Fiċ-Ċentru Parrokkjali kull nhar ta’ Ħadd min-12.30pm ‘l quddiem.

ILQA’ FI ĦDANEK

Missier Qaddis ilqa’ fi ħdanek lil Loretu Xuereb mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li ħalla din id-dinja fit-3 ta’ Ġunju 2016 fl-għomor ta’ 70 sena.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Il-familja Buttiġieġ toffri €30 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju tal-erwieħ abbandunati.

 

Bullettin 3 ta’ Ġunju 2016

SANT’ANTNIN TA’ PADOVA

Tfulija u Żgħożija

Twieled Liżbona, il-Portugall, fl-1191, minn familja nobbli, u fil-magħmudija semmewh Ferdinandu. Beda l-iskola fil-Katidral ta’ Liżbona. Ta’ ħmistax-il sena daħal mal-Kanoniċi Regolari ta’ Santu Wistin, iżda billi kien qed ikollu ħafna żjajjar minn qrabatu u ħbiebu talab biex ibiddel il-monasteru, u ġie mibgħut f’Koimbra. Hawnhekk studja sew l-Iskrittura u s-Santi Padri, u ħa wkoll il-Quddiesa. Fis-16 ta’ Jannar 1220 ġew maqtula fil-Marokk l-ewwel ħames martri Franġiskani, u f’dik is-sena stess ġabu l-iġsma tagħhom f’Koimbra. Meta Ferdinandu ra l-proċessjoni għaddejja, tqanqal ħafna biex jidħol mal-Franġiskani ħalli jkun jista’ jmur il-missjoni u jmut martri.

Patri Franġiskan

Fl-1221, daħal mal-Franġiskani Minuri u ħa l-isem ta’ Anton. Fil-ħarifa tal-istess sena telaq lejn il-Marokk. Hemmhekk marad, u wara ftit xhur kellu jirritorna lejn pajjiżu, iżda billi l-vapur li kien fuqu ltaqa’ ma’ tempesta, flok il-Portugall sab ruħu Sqallija ġo Messina. Minn Messina mar Assisi fejn kellu jiltaqa’ l-Kapitlu Ġenerali, hawn ra u sama’ lil San Franġisk. Minn hemm mar Montepaulo mal-Provinċjal fejn għex ħajja ta’ ġabra. Darba minnhom ġie mitlub biex jagħmel kelmtejn fil-Katidral ta’ Forli, u tant ipprietka tajjeb li wara l-Provinċjal talbu biex jagħti ruħu għall-prietki. Hekk għamel, filwaqt li baqa’ jistudja u ħa d-Dottorat fit-Teoloġija. San Franġisk sama’ b’għerfu u ħatru biex jgħallem it-teoloġija lill-Patrijiet sħabu.

Predikatur

Ipprietka fl-Italja, fi Spanja, u fi Franza. Fl-1224 kien Gwardjan, u fl-1226 ġie maħtur Ministru Provinċjal. Fl-1228 mar Ruma fuq xogħol tal-Ordni. Hemm ipprietka quddiem il-Papa Girgor IX, li sejjaħlu ”Arka tat-testment u moħba tal-Iskrittura”. Fl-1230, fuq talba tiegħu biex ikompli jipprietka, ġie meħlus mill-uffiċċju ta’ Ministru, u mar fil-Kunvent ta’ Padova li kien bena hu nnifsu. Hawn ħadem bla heda speċjalment għall-fqar, li sal-lum għadna nisimgħu bil-”ħobż ta’ San Antnin”. Fil-prietki tar-Randan ta’ dik is-sena l-folla ta’ nies li marret tisimgħu laħqet it-30,000.

Mewt, Qaddis u Duttur tal-Knisja

Miet meta kellu 40 sena, fit-13 ta’ Ġunju 1231. Ħdax-il xahar wara, il-Papa Girgor IX iddikjarah Qaddis. Fl-1946 il-Papa Piju XII ipproklamah Duttur tal-Knisja. San Antnin hu meqjum ħafna fil-Bażilika li bnewlu l-Franġiskani Konventwali f’Padova, fejn hemm il-fdal tiegħu.

SANT’ANTNIN TA’ PADOVA ITLOB GĦALINA

FESTA SANT’ANTNIN

Il-Ħadd 5 ta’ Ġunju 2016

6.00,  7.00 u 11.00am     Quddies

8.30pm                Pontifikal Solenni

5.45pm                Għasar

6.15pm                Quddiesa

7.30pm                Purċissjoni

Nixtiequ l-festa t-talba lil kulħadd

GRAZZI – Il-Fraternità Franġiskana fil-parroċċa tagħna tirringrazzja lil kulħadd għall-ġabra għall-festa ta’ Sant’Antnin li laħqet €4010

SKEDA RADJU LAURETANA

L-iskeda ta’ Radju Lauretana marbuta mal-festa ta’ Sant’ Antnin tintemm il-Ħadd 5 ta’ Ġunju. Grazzi talli segwejtuna. L-iskeda tal-festa tal-Madonna ta’ Loreto tibda t-Tnejn 8 ta’ Awwissu 2016.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Is-Sibt 28 ta’ Mejju fil-Knisja Parrokkjali tal-Qala bejn is-7 u d-9.00pm. Trasport mill-Pjazza fis-6.30pm.

ŻJAJJAR FIL-FAMILJI       

Nhar it-Tlieta 7 ta’ Ġunjuser jiġu grupp ta’ rġiel mil-Leġjun ta’ Marija biex iżuru l-familji tal-Parroċċa tagħna fiż-żona tal-Kaxxa. Nilqgħuhom…

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 5 ta’ Ġunju ser ikun miftuħ għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

WINE&PIZZA FIS-SEMINARJU MINURI

Il-Ħamis 9 ta’ Ġunju 2016, mis-7.00 p.m. ‘l quddiem. Il-Biljetti mill-Uffiċċju Parrokkjali u mis-Seminarju.

OFFERTI – GRAZZI

Orgni – NN €200, Għall-Knisja: N.N Triq Ħamri b’suffraġju tal-erwieħ tagħha.

IT-TIENI ĠABRA GĦALL-FESTA €2808 u $Us1 – Grazzi mill-qalb lil kulħadd.

STEDINA MILL-ISKOLA

L-Iskola Primarja Anton Cassar tar-raħal tagħna tistieden lil kulħadd għaċ-Ċelebrazzjoni tal-50 Sena mill-Ftuħ – Il-Ġimgħa 10 ta’ Mejju fid-9.15a.m. fl-iskola stess. Kulħadd mistieden.

STQARRIJA DWAR IL-FESTI PARROKKJALI

Mill-Uffiċċju Stampa tal-Kurja Veskovili ta’ Għawdex.

Fil-bidu tal-istaġun tal-festi parrokkjali f’Għawdex, dalgħodu, fi tmiem il-Pontifikal tal-Festa ta’ San Pawl Nawfragu, fil-Parroċċa tal-Munxar, Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, għamel dan l-appell:

Nappella lill-komunitajiet parrokkjali biex fl-organizzazzjoni tal-Festa jagħtu widen għal dak li jgħid il-Kappillan. Nuqqas ta’ rispett lejn il-Kappillan huwa nuqqas ta’ rispett lejn l-Isqof. Jekk tinħoloq din l-atmosfera, nikkunsidra nibqax nieħu sehem f’dawn il-festi. L-antiki jgħidu li l-festi huma tempesti; nevitaw li l-Festa issir tempesta li taf tħalli ħerba umana, spiritwali u soċjali. Nirrakkomandalkom biex ma tħallux gruppi żgħar “jaħtfu” il-Festa patrunali u minn ċelebrazzjoni ta’ ferħ u għaqda jirrenduha okkażjoni ta’ tagħjir, tinbix, offiżi u firda.

Iħassibni ħafna l-fatt li l-kappillani qed ikollhom jaħlu ħafna enerġija fuq ħwejjeġ sekondarji u xi drabi bla sens, meta jħossu li għandhom japplikaw il-ministeru pastorali tagħhom f’ħidma aktar meħtieġa u urġenti. Jekk jirriżulta li fil-festa esterna jkun hemm elementi bħal dawn, il-Festa ssir ċelebrazzjoni anti-evanġelika u jkollna nirrevedu ħafna affarijiet. Dan jgħodd għall-komunitajiet parrokkjali kollha tad-Djoċesi.

Nawguralkom il-Festa t-tajba.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Il-familja Vella toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Toni Vella f’għeluq il-31 sena  mill-mewt tiegħu fis-6 ta’ Ġunju.

ILQA’ FI ĦDANEK

Lil Vincenza Agius li sejjaħtilha għal għandek minn fostna nhar l-10 ta’ Mejju. Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

PROĠETTI FIL-KNISJA

SEJĦA LILL-VOLUNTIERA. Matul ĠUNJU. Nibdew…

IT-TLIETA 7 TA’ ĠUNJU – BTALA PUBBLIKA.

Araw Lauretana Newsletter li qed taslilkom mal-bullettin.