Bullettin 3 ta’ Ġunju 2016

SANT’ANTNIN TA’ PADOVA

Tfulija u Żgħożija

Twieled Liżbona, il-Portugall, fl-1191, minn familja nobbli, u fil-magħmudija semmewh Ferdinandu. Beda l-iskola fil-Katidral ta’ Liżbona. Ta’ ħmistax-il sena daħal mal-Kanoniċi Regolari ta’ Santu Wistin, iżda billi kien qed ikollu ħafna żjajjar minn qrabatu u ħbiebu talab biex ibiddel il-monasteru, u ġie mibgħut f’Koimbra. Hawnhekk studja sew l-Iskrittura u s-Santi Padri, u ħa wkoll il-Quddiesa. Fis-16 ta’ Jannar 1220 ġew maqtula fil-Marokk l-ewwel ħames martri Franġiskani, u f’dik is-sena stess ġabu l-iġsma tagħhom f’Koimbra. Meta Ferdinandu ra l-proċessjoni għaddejja, tqanqal ħafna biex jidħol mal-Franġiskani ħalli jkun jista’ jmur il-missjoni u jmut martri.

Patri Franġiskan

Fl-1221, daħal mal-Franġiskani Minuri u ħa l-isem ta’ Anton. Fil-ħarifa tal-istess sena telaq lejn il-Marokk. Hemmhekk marad, u wara ftit xhur kellu jirritorna lejn pajjiżu, iżda billi l-vapur li kien fuqu ltaqa’ ma’ tempesta, flok il-Portugall sab ruħu Sqallija ġo Messina. Minn Messina mar Assisi fejn kellu jiltaqa’ l-Kapitlu Ġenerali, hawn ra u sama’ lil San Franġisk. Minn hemm mar Montepaulo mal-Provinċjal fejn għex ħajja ta’ ġabra. Darba minnhom ġie mitlub biex jagħmel kelmtejn fil-Katidral ta’ Forli, u tant ipprietka tajjeb li wara l-Provinċjal talbu biex jagħti ruħu għall-prietki. Hekk għamel, filwaqt li baqa’ jistudja u ħa d-Dottorat fit-Teoloġija. San Franġisk sama’ b’għerfu u ħatru biex jgħallem it-teoloġija lill-Patrijiet sħabu.

Predikatur

Ipprietka fl-Italja, fi Spanja, u fi Franza. Fl-1224 kien Gwardjan, u fl-1226 ġie maħtur Ministru Provinċjal. Fl-1228 mar Ruma fuq xogħol tal-Ordni. Hemm ipprietka quddiem il-Papa Girgor IX, li sejjaħlu ”Arka tat-testment u moħba tal-Iskrittura”. Fl-1230, fuq talba tiegħu biex ikompli jipprietka, ġie meħlus mill-uffiċċju ta’ Ministru, u mar fil-Kunvent ta’ Padova li kien bena hu nnifsu. Hawn ħadem bla heda speċjalment għall-fqar, li sal-lum għadna nisimgħu bil-”ħobż ta’ San Antnin”. Fil-prietki tar-Randan ta’ dik is-sena l-folla ta’ nies li marret tisimgħu laħqet it-30,000.

Mewt, Qaddis u Duttur tal-Knisja

Miet meta kellu 40 sena, fit-13 ta’ Ġunju 1231. Ħdax-il xahar wara, il-Papa Girgor IX iddikjarah Qaddis. Fl-1946 il-Papa Piju XII ipproklamah Duttur tal-Knisja. San Antnin hu meqjum ħafna fil-Bażilika li bnewlu l-Franġiskani Konventwali f’Padova, fejn hemm il-fdal tiegħu.

SANT’ANTNIN TA’ PADOVA ITLOB GĦALINA

FESTA SANT’ANTNIN

Il-Ħadd 5 ta’ Ġunju 2016

6.00,  7.00 u 11.00am     Quddies

8.30pm                Pontifikal Solenni

5.45pm                Għasar

6.15pm                Quddiesa

7.30pm                Purċissjoni

Nixtiequ l-festa t-talba lil kulħadd

GRAZZI – Il-Fraternità Franġiskana fil-parroċċa tagħna tirringrazzja lil kulħadd għall-ġabra għall-festa ta’ Sant’Antnin li laħqet €4010

SKEDA RADJU LAURETANA

L-iskeda ta’ Radju Lauretana marbuta mal-festa ta’ Sant’ Antnin tintemm il-Ħadd 5 ta’ Ġunju. Grazzi talli segwejtuna. L-iskeda tal-festa tal-Madonna ta’ Loreto tibda t-Tnejn 8 ta’ Awwissu 2016.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Is-Sibt 28 ta’ Mejju fil-Knisja Parrokkjali tal-Qala bejn is-7 u d-9.00pm. Trasport mill-Pjazza fis-6.30pm.

ŻJAJJAR FIL-FAMILJI       

Nhar it-Tlieta 7 ta’ Ġunjuser jiġu grupp ta’ rġiel mil-Leġjun ta’ Marija biex iżuru l-familji tal-Parroċċa tagħna fiż-żona tal-Kaxxa. Nilqgħuhom…

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 5 ta’ Ġunju ser ikun miftuħ għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

WINE&PIZZA FIS-SEMINARJU MINURI

Il-Ħamis 9 ta’ Ġunju 2016, mis-7.00 p.m. ‘l quddiem. Il-Biljetti mill-Uffiċċju Parrokkjali u mis-Seminarju.

OFFERTI – GRAZZI

Orgni – NN €200, Għall-Knisja: N.N Triq Ħamri b’suffraġju tal-erwieħ tagħha.

IT-TIENI ĠABRA GĦALL-FESTA €2808 u $Us1 – Grazzi mill-qalb lil kulħadd.

STEDINA MILL-ISKOLA

L-Iskola Primarja Anton Cassar tar-raħal tagħna tistieden lil kulħadd għaċ-Ċelebrazzjoni tal-50 Sena mill-Ftuħ – Il-Ġimgħa 10 ta’ Mejju fid-9.15a.m. fl-iskola stess. Kulħadd mistieden.

STQARRIJA DWAR IL-FESTI PARROKKJALI

Mill-Uffiċċju Stampa tal-Kurja Veskovili ta’ Għawdex.

Fil-bidu tal-istaġun tal-festi parrokkjali f’Għawdex, dalgħodu, fi tmiem il-Pontifikal tal-Festa ta’ San Pawl Nawfragu, fil-Parroċċa tal-Munxar, Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, għamel dan l-appell:

Nappella lill-komunitajiet parrokkjali biex fl-organizzazzjoni tal-Festa jagħtu widen għal dak li jgħid il-Kappillan. Nuqqas ta’ rispett lejn il-Kappillan huwa nuqqas ta’ rispett lejn l-Isqof. Jekk tinħoloq din l-atmosfera, nikkunsidra nibqax nieħu sehem f’dawn il-festi. L-antiki jgħidu li l-festi huma tempesti; nevitaw li l-Festa issir tempesta li taf tħalli ħerba umana, spiritwali u soċjali. Nirrakkomandalkom biex ma tħallux gruppi żgħar “jaħtfu” il-Festa patrunali u minn ċelebrazzjoni ta’ ferħ u għaqda jirrenduha okkażjoni ta’ tagħjir, tinbix, offiżi u firda.

Iħassibni ħafna l-fatt li l-kappillani qed ikollhom jaħlu ħafna enerġija fuq ħwejjeġ sekondarji u xi drabi bla sens, meta jħossu li għandhom japplikaw il-ministeru pastorali tagħhom f’ħidma aktar meħtieġa u urġenti. Jekk jirriżulta li fil-festa esterna jkun hemm elementi bħal dawn, il-Festa ssir ċelebrazzjoni anti-evanġelika u jkollna nirrevedu ħafna affarijiet. Dan jgħodd għall-komunitajiet parrokkjali kollha tad-Djoċesi.

Nawguralkom il-Festa t-tajba.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Il-familja Vella toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Toni Vella f’għeluq il-31 sena  mill-mewt tiegħu fis-6 ta’ Ġunju.

ILQA’ FI ĦDANEK

Lil Vincenza Agius li sejjaħtilha għal għandek minn fostna nhar l-10 ta’ Mejju. Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

PROĠETTI FIL-KNISJA

SEJĦA LILL-VOLUNTIERA. Matul ĠUNJU. Nibdew…

IT-TLIETA 7 TA’ ĠUNJU – BTALA PUBBLIKA.

Araw Lauretana Newsletter li qed taslilkom mal-bullettin.