Bullettin 10 ta’ Ġunju 2016

Il-11-il Ħadd Matul is-Sena

BIL-MAĦFRA  LEJN  L-IMĦABBA

DJALOGU  –  MAĦFRA – MĦABBA – ĦBIBERIJA

Dawn huma l-ingredjenti li qed joffri Ġesù llum.  Ingredjenti li mhux dejjem nagħrfu nagħġnuhom fil-ħajja tagħna.  Huwa għalhekk importanti li l-Kelma tal-Mulej tal-lum inħalluha tinżel fil-fond ta’ qalbna bħal xabla li taqta’ b’żewġt ixfar. Il-midinba magħrufa ħabbet lil Ġesù.  Ħabbitu fid-deher.  Tat xhieda tal-indiema tagħha b’umiltà kbira.  Il-Mulej Ġesù jfejjaq meta jara l-volontà tal-indiema.  Tliet frażijiet malajr fejquha kompletament.  “Dnubietek maħfura”;  “Il-fidi tiegħek salvatek”; u “Mur fis-Sliem”.  Hemm bżonn li nżommu quddiem għajnejna u aktar fil-qlub tagħna li hija permezz tal-indiema li ser insibu l-paċi.  Ma hemmx għalfejn nistħu.  Jistħi min għad m’għandux il-kuraġġ jaċċetta li huwa midneb.

L-ewwel qari huwa meħud mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel fejn għandna l-għeluq tar-rakkont tad-dnub kbir ta’ David bil-maħfra li Alla jagħti lil David.  Is-Salm Responsorjali, permezz ta’ Salm 31, huwa talba lill-Mulej biex jaħfer il-ħażen u d-dnubiet tagħha.  Fit-tieni qari tal-lum, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Galatin, insibu lill-Appostlu jtenni li s-salvazzjoni tiġi biss minn Kristu. Il-kontroversja ta’ Kristu li jħalli l-midinbin jersqu tant lejh, hija t-tema prinċipali li nsibu fil-Vanġelu ta’ San Luqa.  Huwa Vanġelu li lkoll kemm aħna rridu nagħtu każ tiegħu għax fih hemm ritratt tagħna lkoll.

  • Kemm-il darba fil-ħajja tiegħek aċċettajt il-fatt li inti midneb u ndimt minn dnubietek?
  • Kemm tassew aċċettajt li Kristu Ġesù huwa l-uniku triq għas-salvazzjoni f’ħajtek?
  • Kif qed turi li inti ndimt minn dnubek?
  • Il-fidi tiegħek ser issalvak? Għandek fidi biżżejjed fi Kristu?

 Aħfirli, Mulej, il-ħażen ta’ dnubi.

ĠESÙ EWKARISTIJA QED ISEJJAĦLEK BIEX TMUR TADURAH U FIH TAFDA LIL ĦAJTEK

Kuljum mit-Tnejn sas-Sibt mit-8.30am sal-4pm fil-Knisja l-Qadima.

QALB IMQADDSA TA’ ĠESÙ JIENA NAFDA FIK!

GĦOTI TAD-DEMM

NINGĦAQDU MA’ GĦAJNSIELEM F.C. F’ĠEST ĠENERUŻ TA’ GĦOTI TAD-DEMM

il-Ħadd 12 ta’ Ġunju mit-8:00am sas-1:00pm fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex li ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm (l-aħħar reġistrazzjoni sas-1:00pm).

GRAZZI MILL-QALB

Għall-Knisja – N.N. Triq Ħamri b’suffraġju tal-erwieħ tagħha, €1000. Għall-Orgni: NN €50, NN €100; Donazzjoni għas-Sagristiji NN Mġarr Road €100.

Nirringrazzjaw minn qalbna lil persuna li xtaqet tibqa’ għal kollox anonima li tat €10,000 biex jinxtara l-ġebel l-kbir tat-twieqi tas-sagristiji. Nitolbu għall-benefattrui kollha.

LILL-KATEKISTI KOLLHA li, b’dedikazzjoni mhux żgħira, joffru tant ħin u enerġija biex iwasslu l-Aħbar it-Tajba lit-Tfal u l-adoloxxenti tagħna. Napprezzaw din il-missjoni kbira u ninkluduhom kuljum fit-talb tagħna. Ngħinuhom billi nikkoperaw magħhom u mal-parroċċa.

KORSIJIET GĦALL-FAMILJA

Fl-ewwel ġranet ta’ Lulju l-Kummissjoni Djocesana Familja ser tkun qed torganizza tlett korsijiet li jistgħu jkunu utli ħafna għal dawk kollha li jixtiequ jinvestu fil-familja tagħhom.  Għal aktar informazzjoni kellmu lill-arċipriet jew ikkuntatjaw lill-Kummissjoni Familja fuq 21556513/ 79734831/ 99877339/ kdfgozo@gmail.com.  L-applikazzjoni għal dawn il-korsijiet qed titqassam ma’ dan il-bulettin. Inħeġġu lill-koppji biex japprofittaw u jkomplu jitgħallmu kif isaħħu u jtejbu r-relazzjonijiet fil-familji tagħhom.  Il-familja li tfittex it-tagħlim tibqa’ b’saħħitha!

LAQGĦA STUDENTI TAL-GRIŻMA

Nhar il-Ħamis li ġej fil-5pm fiċ-Ċentru Parrokkjali. Wara l-laqgħa jitqassmu t-togi għaċ-ċerimonja.

PROĠETTI FIL-KNISJA

GRAZZI KBIRA MILL-QALB LIL DAWK IL-VOLUNTIERA LI DIN IL-ĠIMGĦA ĦADMU BLA HEDA BIEX SETGĦET ISSIR BIĊĊA XOGĦOL KBIRA.

KOMPLU SEGWU L-AVVIZI LI JINGĦATAW FIL-KNISJA ĦALLI, PASS WARA L-IEĦOR, INWETTQU  DAN IL-PROĠETT TANT BŻONNJUŻ FIL-KNISJA TAGĦNA.

OMMNA MARIJA LAWRETANA TIEĦU ĦSIEBNA LKOLL.

EWRO COLLECTION

Il-ġbir kollu tas-Sibt filgħaxija u l-Ħadd 11 u 12 ta’ Ġunju ser ikun għall-festa parrokkjali tagħna li issa qegħda toqrob sew. Inkunu ġenerużi bħal dejjem. Fejn nistgħu nagħtu ewro jew aktar.

COFFEE MORNING It-Tlieta 14 ta’ Ġunju fil-Każin tal-Banda fid-9am.

TOMBLA

Fiċ-Ċentru Sant’Antnin Il-Ġimgħa 17 ta’ Ġunju fit-7.45pm.

Fiċ-Ċentru Parrokkjali kull nhar ta’ Ħadd min-12.30pm ‘l quddiem.

ILQA’ FI ĦDANEK

Missier Qaddis ilqa’ fi ħdanek lil Loretu Xuereb mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li ħalla din id-dinja fit-3 ta’ Ġunju 2016 fl-għomor ta’ 70 sena.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Il-familja Buttiġieġ toffri €30 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju tal-erwieħ abbandunati.