Bullettin 17 ta’ Ġunju 2016

It-12-il Ħadd Matul is-Sena

TWEĠIBA PERSONALI MA’ ĠESÙ

Ngħidu li aħna nsara.  Ngħidu li aħna ta’ Kristu.  Immorru l-quddies il-Ħadd.  Imma kemm tassew qed nagħtu xhieda ta’ dak Kristu li nemmnu fih?  U fuq kollox kemm tassew nemmnu f’dak Kristu li aħna lkoll dixxipli tiegħu?  Min huwa Kristu għalina?  Għadu rilevanti fil-ħajja tagħna?  Kemm tassew qed inxandruh ma’ l-oħrajn?  U ngħixu kliemu kuljum?

Dawn huma l-ħsibijiet li jgħaddu minn moħħna meta naqraw il-Vanġelu u l-liturġija tal-lum it-tnax il-Ħadd tas-Sena.  Fl-Ewwel Qari mill-ktieb tal-Profeta Żakkarija għandna l-profeta jħabbar żmien il-Messija meta l-poplu t’Alla jinbena mill-ġdid u jissebbaħ quddiem il-ġnus kollha.  Dan iż-żmien ikun ta’ tisfija għall-poplu.  Fis-Salm tal-lum, dak 62, intennu l-għajta li turi l-għatx li għandna għall-Mulej, għatx li jrid jidher fl-għażla ewlenija tagħna kuljum għal dak li l-Mulej iridna nwettqu.  Fit-Tieni Qari tal-lum San Pawl, fl-Ittra lill-Galatin, jagħtina sensiela ta’ espressjonijiet dwar min huwa n-nisrani: aħna “ilkoll werrieta skond il-wegħda.”  Fil-Vanġelu, meħud minn San Luqa, għandna lil Ġesù jistaqsi lill-appostli min jgħidu n-nies li hu.  Domanda mmirata mhux mill-kurżità iżda biex jara l-appostli kemm tassew fehmu min kien.  Mat-tweġiba ta’ Pietru Ġesù jurihom li d-dixxipulat tiegħu kien ifisser ukoll is-salib.

Biex timxi wara Ġesù u allura tkun taf min hu hemm tliet affarijiet xi ssegwi: (a) tiċħad lilek innifsek; (b) terfa’ salibek kuljum; (c) timxi wara Ġesù. Kemm aħna lesti li nwettqu dan?

Meta terfa’ s-salib tiegħek u mhux tilħaq salib ħaddieħor hemm tassew tkun qed twieġeb għad-domanda: Min hu Ġesù għalik?

San Pawl lill-Galatin jgħidilhom li aħna lkoll werrieta ta’ din il-wegħda tas-salvazzjoni li kisbilna Kristu. Huwa għalhekk li aħna lbisna lil Kristu.  Iżda kif qed nagħtu xhieda ta’ dan kull ħin fix-xogħol u fil-ħidma tagħna?

Mulej,   nazzarda ngħid li naf min inti.

Inti l-Messija l-Iben ta’ Alla l-Ħaj.

Iżda, Mulej, kemm tassew   nixtieq li tgħinni

ħalli qatt ma nwarrab minn ħajti li nwettaq ir-rieda tiegħek.

LAQGĦA ĠENITURI U PARRINI TAL-GRIŻMA

Nhar il-Ħamis li ġej, 23 ta’ Ġunju,  fit-8pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.

TA’ PINU – 22 ta’ ĠUNJU

Is-Sejħa Ta’ Pinu ta’ kull sena tfakkarna biex inwieġbu bil-qalb għal dik il-kelma ta’ Ommna Marija li semmetilna f’dan il-post qaddis – “EJJA”. Nitolbu ‘l Marija għall-familji tagħna.

NITOLBU

Għall-Arċipriet, Kan Dun Ġiljan Refalo Rapa, Dun Giovanni Curmi u l-Kan Noel Saliba fl-okkażjoni tal-25 anniversarju mill-ordinazzjoni saċerdotali tagħhom fit-22 ta’ Ġunju.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA

Ser isir nofs ta’ nhar għan-nisa kollha l-Erbgħa 22 ta’ Ġunju f’Lourdes Home mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Joe Xerri, kafe’ u tombla. Inħeġġu lin-nisa kollha sabiex jattendu.

NILQGĦU FOSTNA  Nhar il-Ħamis 30 ta’ Ġunju, il-parroċċa tagħna ser tilqa’ lill-grupp ta’ żgħażagħ mill-Iraq li ser ikunu fostna. Ser ikollna bżonn għajnuna biex noffrulhom l-ikla ta’ filgħaxija ta’ dakinhar fiċ-Ċentru Parrokkjali u biex inwassluhom minn Ta’ Pinu għal Għajnsielem fit-8pm u minn Għajnsielem għal fejn qed joqogħodu f’Marsalforn wara li jkunu lesti. Tistgħu tikkuntatjaw lill-Arċipriet jew l-Uffiċċju Parrokkjali.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Nhar is-Sibt 25 ta’ Ġunju, 2016 fil-Knisja tas-Sannat bejn is-7 u d-9pm. Trasport mill-Pjazza fis-6.30pm.

ORDINAZZJONI DJAKONALI

Nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Ġunju, fil-Kattidral tagħna, Mons Isqof Mario Grech ser jordna żewġ Djakni – lil Michael Grima u Carl Xerri. Il-quddiesa tal-ordinazzjoni ser tkun fis-6.00pm. Nitolbu ħafna għalihom u għal aktar vokazzjonijiet.

GRAZZI: EWRO COLLECTION Ġunju – €402.37.

TOMBLA B’RISQ IL-FESTA TAGĦNA

Nhar il-Ġimgħa 1 ta’ Lulju fiċ-Ċentru Parrokkjali mis-7.30pm ‘l quddiem.

CARWASH MIŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Iż-żgħażagħ tal-parroċċa jżommu l-appuntament tagħhom tal-carwash għall-karità. Din is-sena b’risq il-Creche tal-Ursolini.

Nhar l-Erbgħa 29 ta’ Ġunju, L-IMNARJA – mit-8am sa nofsinhar. Fil-Misraħ tal-Knisja.

GĦOTI TAD-DEMM

id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex nhar it-Tlieta 21 ta’ Ġunju ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm (l-aħħar reġistrazzjoni sal-5:00pm).

ĠABRA GĦAN-NAR TAL-FESTA

Fil-ġranet li ġejjin,membri tal-Għaqda Piroteknika 10 ta’ Diċembru se jiġu jiġbru għan-nar tal-festa ta’ din is-sena.  L-envelope qed jaslilkom mal-bullettin. Inkunu ġenerużi bħal dejjem.

INTENZJONIJIET TA’ QUDDIES

Min jixtieq jordna intenzjonijiet ta’ quddies fil-knisja Parrokkjali għax-xhur Ottubru, Novembru u Diċembru 2016, jista’ jagħmel dan fl-uffiċċju Parrokkjali nhar ta’ Tlieta jew ħamis bejn id-9am u nofsinhar.

KORSIJIET GĦALL-FAMILJA

Fl-ewwel ġranet ta’ Lulju mill-Kummissjoni Djocesana Familja.  Għal aktar informazzjoni kellmu lill-arċipriet jew ikkuntatjaw lill-Kummissjoni Familja fuq 21556513/ 79734831/99877339/ kdfgozo@gmail.com.

PROĠETTI FIL-KNISJA

KOMPLU SEGWU L-AVVIZI LI JINGĦATAW FIL-KNISJA BIEX INKOMPLU INWETTQU  DAN IL-PROĠETT TANT BŻONNJUŻ FIL-KNISJA TAGĦNA.

OMMNA MARIJA LAWRETANA TIEĦU ĦSIEB IL-FAMILJI TAGĦNA.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Offerta ta’ €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Ġużepp u Rosina Xuereb u Rita Borg.