Monthly Archives: July 2016

Bullettin 29 ta’ Lulju 2016

It-18-il Ħadd Matul is-Sena

MINGĦAJR ALLA… IL-VOJT!

Ħafna drabi norbtu qalbna f’din id-dinja ma’ tant affarijiet kbar u żgħar, ħafna minnhom ikunu materjali jew oġġetti jew anki persuni.  Niġu mogħmija li t-teżori tagħna jinsabu biss f’din id-dinja.  Quddiem il-mewt nindunaw li kollox jispiċċa jew kważi… dak li nkunu żrajna fis-sema m’hu se jintemm qatt speċjalment l-għemejjel ta’ karità u dak kollu li nostru għalina fis-sema.  Bil-kliem ta’ Qoħelet il-profeta, frugħa tal-frugħat, il-Mulej fil-Vanġelu tal-lum iwissina u jħeġġiġna biex inkunu għaqlin u naħarbu mir-regħba li tista’ tfisser dak kollu li nkunu ħdimna għalih fil-ħajja tagħna.  Din hija twissija ferm attwali għal-lum b’mod speċjali meta tisma’ tant ġlied fuq il-wirt.  Nintilfu wara tant affarijiet ta’ din il-ħajja u ma nagħtux kas biex infittxu li naħdmu għall-ħajja ta’ dejjem.

Fl-Ewwel Qari tal-lum mill-Ktieb tal-Profeta Qohelet, il-messaġġ ċentrali huwa li dak kollu li jgħaddi ma jistax jimla qalb il-bniedem.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 94, itenni li rridu nfasslu ħajjitna billi nisimgħu leħen il-Mulej u ma nwebbsux qalbna.  Fit-Tieni Qari mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin għandna wkoll messaġġ qawwi:  jekk aħna rxuxtajna ma’ Kristu rridu nfittxu l-ħwejjeġ tas-sema.  Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù jwissi fuq ir-regħba u kif għandna naħdmu u ngħixu ħajjitna marbuta ma’ Alla fejn nostru t-teżor tal-ħidma tagħna.

  1. Aħna rxuxtajna ma’ Kristu. Għalhekk miegħu biss irridu norbtu  qalbna u nfittxu biss il-ħwejjeġ tas-sema.  Dan jagħmel sens kbir fl-għażliet li nagħmlu fil-ħajja tagħna.
  2. Bħala nsara ħajjin hemm bżonn li nagħrfu li ma għandna qatt norbtu qalbna ma’ ħwejjeġ ta’ din id-dinja li jgħaddu. Hemm bżonn nibdew tassew inħobbu lil Alla billi nħarsu dak li jrid minna.
  3. Inti qed tiġma’ l-ġid għalik innifsek mingħajr ma tistagħna quddiem Alla?  Aghmel ftit eżami tal-kuxjenza.
  4. Hemm bżonn li kuljum nagħmlu reviżjoni ta’ ħajjitna. Fejn qed inpoġġu l-prijorità tal-għażliet tagħna u fejn qed nersqu lejn Alla?

  Il-kliem tiegħek Mulej   huwa spirtu u ħajja

  Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem

Għinni nwettqu fil-ħajja tiegħi.

PREPARAZZJONI GĦALL- FESTA        ~

IS-SIBTIJIET:

Inkomplu S-SIBT 30 ta’ LULJU 2016

Ngħidu r-Rużarju fil-familji tagħna. Ikollna l-quddiesa bi ħsieb Marjan waqt l-omelija fil-quddiesa tas-7pm.

HIGH TEA B’RISQ IL-FESTA

Il-HiTea li jmiss b’risq il-festa jkun nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Awwissu fiċ-Ċentru Parrokkjali fis-7.30pm.

OFFERTA BUKKETTI TAL-FJURI Dawk li jixtiequ joffru bukkett fjuri (€20) għall-festa fil-Knisja Parrokkjali jistgħu jagħmlu dan fl-Uffiċċju Parrokkjali.

GĦANDNA BŻONN – persuni li jħitu ħalli nagħmlu mkatar bojod. Dawn ser jintużaw waqt il-Lejla Marjana u waqt id-Dħul tal-Vara nhar il-festa waqt il-kant tal-Litanija Lauretana eżatt kif isir ġewwa Loreto. Min jixtieq joffri l-għajnuna jċemplilna jew jiġi l-Uffiċċju Parrokkjali. Grazzi lil min diġa’ offra l-għajnuna tiegħu.

SEJĦA LIT-TFAL U STUDENTI

Din is-sena l-lejla Marjana li ser issir l-Erbgħa 24 ta’ Awwissu ser tkun speċjali. Għandna bżonn studenti u tfal li jieħdu sehem f’mima ħelwa li tfakkar il-150 sena mill-wasla tal-istatwa tal-Madonna ta’ Loreto fostna. Dawk li jixtiequ jieħdu sehem għandhom ikellmu lil Fr Simon minnufih.

IN-NOVENA

Huwa mportanti ħafna li nagħtu l-attenzjoni kollha tagħna biex matul il-ġranet tan-novena li tibda l-Ħamis 18 ta’ Awwissu, nersqu aktar għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija – Il-Quddiesa.

Nitnikktu tabilħaqq meta nisimgħu li nsterqu l-ostji mit-tabernaklu u bil-qtil ta’ saċerdot hekk kif kien qed jispiċċa l-quddiesa –  affarijiet li verament ikexkxuna.

Hemm bżonn li aħna stess nuru KEMM tabilħaqq għandna għal qalbna l-Ewkaristija u l-Quddiesa u nersqu biex niċċelebrawha bil-ħeġġa, bid-devozzjoni kollha u aktar ta’ spiss.

Qrara tajba u aktar parteċipazzjoni fil-Quddiesa huma l-aqwa festa tan-nisrani…

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Is-Sibt 30 ta’ Lulju, 2016 fil-knisja ta’ Marsalforn. Jibda bil-quddiesa fis-7.30pm. Trasport mill-Pjazza fis-7pm.

L-EWWEL ĠIMGĦA U SIBT TAX-XAHAR

Il-Ġimgħa 5 ta’ Awwissu l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali u tibda wara l-quddiesa tad-9am. Is-Sibt 6 ta’ Awwissu fit-3.30pm rużarju fil-knisja l-qadima u wara quddiesa. L-adorazzjoni tibqa’ miftuħa sad-9.00pm u tkun b’riparazzjoni għall-offiżi li jsiru.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex nhar it-Tlieta 2 t’Awwissu ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1pm sal-5pm (l-aħħar reġistrazzjoni sal-5:00pm).

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-festa ta’ Radju Lauretana tibda l-Ġimgħa 5 ta’ Awwissu fit-8am permezz ta’ xandira kontinwa tal-festa Lawretana 2015. Il-programmi ġodda jibdew it-Tnejn 8 ta’ Awwissu. L-iskeda ssibuha fuq www.radjulauretana.com u titqassam fid-djar mal-bullettin tal-ġimgħa d-dieħla.

GRAZZI

Lill-voluntiera kollha li f’dawn il-ġranet ikunu jaħdmu bis-sħiħ biex nippreparaw għall-festa.

Anke int tista’ tiġi u tingħaqad ma’ tant oħrajn f’xi ħidma għall-festa. Grazzi.

TIFKIRA TAL-FESTI SPEĊJALI

Kun ċert li jkollok tifkira ta’ din is-sena speċjali meta qed infakkru l-150 sena mill-miġja fostna tal-istatwa titulari tal-Madonna ta’ Loreto. Akkwista ikona tal-fidda bl-immaġini tal-Verġni Mbierka ta’ Loreto mid-Dar Parrokkjali. Hemm tliet daqsijiet minn fejn wieħed jista’ jagħżel.

 

Bullettin 22 ta’ Lulju 2016

Is-17-il Ħadd Matul is-Sena

TAF TITLOB?

It-talb, kif naħsbu xi kultant, irridu nagħmluh bilfors, qisu kien xi rit kultwali obbligatorju għall-Insara kollha.  Iżda t-talb huwa mument ta’ relazzjoni intima mal-Ħallieq tagħna u mal-Imgħallem tagħna.  Huwa djalogu, mument li fih tagħmel sharing, qsim ta’ esperjenza mal-Mulej.  Kemm tassew qed inqisu lit-talb b’dan il-mod?   Kemm qed insibu ħin biex nitolbu fil-ħajja tagħna?  Kemm tassew qed inkunu nies ta’ talb fil-prijoritajiet tagħna d-dar, ix-xogħol, l-iskola?  S’intendi t-talb jitlob miegħu wkoll li nagħtu xhieda.  It-talb huwa ringrazzjament lil Alla għal dak kollu li jagħtina u mhux biss dak li rridu issa.  Irridu wkoll nitolbu biex niskopru r-rieda ta’ Alla fil-futur.

Għalhekk illum il-Mulej jgħallimna nitolbu bit-talba tal-Missierna.  Hija talba li tiġbor kemm ir-ringrazzjament li rridu nagħtu lil Alla kif ukoll it-talb tagħna għal issa, għal dak li rċevejna u dak li se nirċievu.  Il-Mulej iħeġġiġna biex nitolbu.  Se nkomplu nibnu din ir-relazzjoni ħajja mal-Ħallieq kull ħin?

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ġenesi, għandna djalogu bejn Alla u Abraham li fih toħroġ l-importanza tad-djalogu mingħajr waqfien.  Il-ħtieġa tat-talb narawha wkoll fis-Salm Responsorjali tal-lum fejn insibu li fil-jum li fih sejjaħtlek smajtni Mulej.  Il-Mulej jismagħna kull darba li nduru lejh.  San Pawl, fit-Tieni Qari mill-Ittra lill-Kolossin, juri li aħna se nsalvaw bil-grazzja ta’ Alla u mhux billi nħarsu l-liġijiet tar-Rabta l-Qadima.  Aħna nieħdu din il-grazzja tas-salvazzjoni fil-Magħmudija.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa nsibu lil Ġesù jwieġeb għat-talba tal-Appostli biex jgħallimhom jitolbu.  Huwa jgħallimhom il-Missierna li tiġi għalhekk il-mudell tat-talb kollu tagħna.  Ġesù jinsisti biex nitolbu kontinwament u b’hekk noħolqu rapport ta’ mħabba mal-Missier.

  1. Liema huma l-mumenti ta’ talb kuljum fil-ħajja tiegħek personali? Tħossok li tingħaqad ma’ Alla fit-talb?
  2. Kemm qed inkunu nies ta’ talb u nitolbu li titwettaq ir-rieda ta’ Alla fil-ħajja tagħna?
  3. Fid-dawl tat-talba tal-Missierna, it-talb tagħna qed ikun ukoll talb ta’ ringrazzjament u radd ta’ ħajr lil Alla jew nitolbu biss meta niġu daharna mal-ħajt?
  4. Fil-mument li aħna nitolbu u nippretendu li nsibu lil Alla Mħabba  lest li jgħinna, irridu nkunu lesti li ngħinu b’kull mezz lill-proxxmu tagħna.

   Missierna li inti fis-smewwiet,

   jitqaddes ismek,

   tiġi saltnatek,

   ikun dak li trid inti

   fis-sema u fl-art.

PREPARAZZJONI GĦALL- FESTA        ~

IS-SIBTIJIET:

Inkomplu S-SIBT 23 ta’ LULJU 2016

Ngħidu r-Rużarju fil-familji tagħna. Ikollna l-quddiesa bi ħsieb Marjan waqt l-omelija fil-quddiesa tas-7pm.

IT-TIELET ĠABRA BIEB BIEB

Grazzi mill-qalb lil dawk kollha li taw is-sehem tagħhom u lill-voluntiera li ħarġu jiġbru. Is-somma miġbura laħqet €2790. Min għadu jrid jagħti l-offerta tiegħu tistgħu titfgħuh waqt il-quddies fil-knisja jew fil-letterbox tad-dar Parrokkjali.

Il-HiTea li jmiss b’risq il-festa jkun nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Awwissu fiċ-Ċentru Parrokkjali fis-7.30pm.

OFFERTA BUKKETTI TAL-FJURI

Dawk li jixtiequ joffru bukketti fjuri (€20) għall-festa fil-Knisja Parrokkjali jistgħu jibdew minn din il-ġimgħa stess fl-Uffiċċju Parrokkjali.

GĦANDNA BŻONN – persuni li jħitu. Biex nagħmlu mkatar bojod ħalli jintużaw waqt il-Lejla Marjana u waqt id-Dħul tal-Vara nhar il-festa. Min jixtieq joffri l-għajnuna jċemplilna l-uffiċċju parrokkjali.

MINN ISSA naħsbu biex insibu ħin li nersqu għall-qrar u t-tqarbin.

NAĦSBU WKOLL BIEX FILWAQT LI NIFIRĦU AĦNA, NIMXU MAL-ISTRUZZJONIJIET LI JSIRULNA MILL-KUMITAT TAL-FESTA BIEX KOLLOX JIMXI SEW  SPEĊJALMENT WAQT IL-MARĊ TAL-ĠIMGĦA.

NAĦSBU WKOLL F’MIN HU FIL-BŻONN.

SEJĦA LIT-TFAL U STUDENTI

Ser intellgħu rappreżentazzjoni sabiħa dwar il-wasla tal-istatwa tal-Madonna ta’ Loreto waqt il-Lejla Marjana. Jistgħu jieħdu sehem tfal minn Year 2 ‘il fuq u studenti. Aktar dettalji fil-bullettin li jmiss.

NIGHT FUN GAMES: 25 ta’ Lulju

NILTAQGĦU Ċ-ĊENTRU PARROKKJALI

PRUDENZA FIS-SEWQAN  – – – – – – – – – – – – – – – –

L-ewwel li tgawdi minnha huwa int stess.

TIXROBX u SSUQ.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 24  ta’ Lulju ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm (l-aħħar reġistrazzjoni sas-1:00pm).

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Is-Sibt 30 ta’ Lulju, 2016 fil-knisja ta’ Marsalforn. Jibda bil-quddiesa fis-7.30pm. Trasport mill-Pjazza fis-7pm.

GRAZZI

Għall-Orgni NN €380.

Lil Loreto Spiteri, Grace Debattista u Rose Vella li ħadu ħsieb isewwu d-damask tal-knisja l-Qadima u offrew l-materjal u x-xogħol .

BURGER NIGHT U TOMBLA

L-Erbgħa 27 ta’ Lulju fil-Parking tal-Kunvent ta’ Sant’ Antnin. Prezz €8. Biljetti mis-sagristija jew ċemplu 79202172.

RADJU LAURETANA

Il-preparamenti għall-iskeda tal-festa għaddejjin ġmielhom. L-iskeda tibda l-Ġimgħa 5 ta’ Awwissu filgħodu.

LIFE LONG LEARNING COURSES

Il-korsijiet huma miftuħin għall-pubbliku sas-7 ta’ Awwissu. L-applikazzjonijiet huma miftuħin fuq is-sit elettroniku lifelonglearning.gov.mt. Min jixtieq għajnuna biex jagħżel il-kors jew nkella biex japplika jista’ jiġi fl-uffiċċju tagħna mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8:30am sa 12:00pm.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Il-familja Ciantar joffru €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Salvu Ciantar f’għeluq it-8 snin mill-mewt tiegħu fl-24 ta’ Lulju.
  • Marlene Muscat u bintha Charlene Rae joffru €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju tal-għażiż tagħhom Raymond Muscat f’għeluq l-4 snin mill-mewt tiegħu.

 

Bullettin 15 ta’ Lulju 2016

Is-16-il Ħadd Matul is-Sena

TINKWIETA?

L-inkwiet ħafna drabi jkisser l-armonija u l-ħajja tal-bniedem.  L-inkwiet fuq affarijiet kbar u żgħar ma jħallikx fil-kwiet u l-paċi.  Il-messaġġ li l-Mulej irid jagħtina llum huwa li aktar ma nintrabtu ma’ affarijiet ta’ din id-dinja aktar se jkollna nkwiet.  Hemm bżonn li nafdaw f’Alla u li l-veru teżor tagħna hu fis-sema.  Ġesù jenfasizza, fil-laqgħa ma’ Marta u Marija, li huwa importanti li kollox jitlaq mis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, biex wara, l-affarijiet u l-proġetti tagħna materjali jagħmlu sens fil-ħajja tagħna.  Ħafna drabi l-inkwiet inġibuh b’idejna stess meta nwarrbu l-kliem ta’ Ġesù u nimxu wara l-proġetti ta’ rasna.

Fl-Ewwel Qari tal-Ħadd, meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi, għandna l-eżempju ta’ Abraham li jilqa’ għandu tlett irġiel li ma jafhomx.  L-ospitalità tiegħu hija mbuttata mill-fatt li jwettaq dak li jitlob minnu Alla kuljum.  L-ospitalità hija virtu li n-nisrani jrid jipprattika tul ħajtu kollha.  Fis-Salm Responsorjali, minn Salm 14, għandna mistoqsija:  Mulej min jgħammar fid-dar tiegħek?  Din il-mistoqsija ssib it-tweġiba tagħha fl-attitudni tagħna għall-Kelma ta’ Alla.  Fit-Tieni Qari, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin, għandna lill-Appostlu jqis lilu nnifsu bħala l-Ministru tal-Misteru, li huwa Kristu, li jissallab għall-Knisja tiegħu.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Luqa, għandna l-laqgħa ta’ Ġesù ma’ Marta u Marija fejn iwissi lil Marta biex tpoġġi l-Kelma t’Alla bħala l-prijorità ta’ ħajjitha kif għamlet Marija.

Qatt irriflettejt x’inhu l-veru nkwiet tiegħek fil-ħajja ta’ kuljum? Kif qed tipprova tegħleb dan l-inkwiet?  Tersaq lejn Ġesù fl-Ewkaristija?

Il-Mulej itenni llum li ma jridniex ninkwetaw fuq l-affarijiet materjali. Fejn huwa t-teżor ta’ qalbek fuq din l-art?

Bħal Marija, lest li titlaq kollox biex tisma’ lil Ġesù?

Li tisma’ lil Ġesù jfisser li xxandru, kif itenni San Pawl fit-Tieni Qari, kif ukoll li tilqa’ ’l barrani kif jagħmel Abraham fl-Ewwel Qari tal-lum. Lest għal dawn l-isfidi?

Il-Kelma tal-Mulej hija sfida-avventura-missjoni, iżda rridu kull ħin nisimgħu aktar il-Mulej biex nagħarfu xi jrid minna.

Aħna nisimgħu l-kelma tiegħek,

ħafna drabi nħossuha iebsa.

Għinna, Mulej, biex ilkoll kemm aħna

naċċettaw il-qawwa ta’ din il-kelma

li tibdel il-mod ta’ ħajja tagħna.

Għinna biex nilqgħu lill-barrani

u nxandru l-kelma tiegħek kull ħin.

Ammen.

L-ADORAZZJONI FIL-KNISJA L-QADIMA tkun mit-8.30am sa nofsinhar.

Insibu mqar ftit ħin aħna u għaddejjin minn fejn il-knisja.

SEJĦA:    

Ġenituri!

Agħtu rigal sabiħ lil uliedkom!

            Darruhom jiġu magħkom il-knisja,

anke għall-quddiesa ta’ matul il-ġimgħa.

Nuru ġenerożità mal-Mulej.

NGĦIXU BIL-FERĦ IL-FIDI TAGĦNA U NGĦADDUHA LIL ULIEDNA B’AKTAR ĦEĠĠA U B’EŻEMPJU TAJJEB.

PREPARAZZJONI GĦALL- FESTA

IS-SIBTIJIET: Inkomplu S-SIBT 16 ta’ LULJU 2016

Ngħidu r-Rużarju fil-familji tagħna. Ikollna l-quddiesa bi ħsieb Marjan waqt l-omelija fil-quddiesa tas-7pm.

IT-TIELET ĠABRA BIEB BIEB

Il-voluntiera tal-parroċċa qed jiġbru l-envelope bl-għotja tagħkom għall-festa ta’ din is-sena. Inkunu ġenerużi bħal dejjem għax l-ispejjeż huma kbar. Il-Madonna ta’ Loreto tbierek il-ġenerożita’ u l-familji tagħkom.

HI-TEA għall-FESTA

Il-Ġimgħa 22 ta’ Lulju fiċ-Ċentru Parrokkjali mis-7.30pm ‘il quddiem.

DALWAQT jibda jitpoġġa l-armar fit-toroq tagħna. Nagħtu daqqa t’id kif nistgħu. Nibżgħu għall-armar.

GĦOTI TA’ DEMM

fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 19 ta’ Lulju mis-1:00pm sal-5:00pm (l-aħħar reġistrazzjoni sal-5:00pm).

NIGHT FUN GAMES:18 u 25 ta’ Lulju

NILTAQGĦU Ċ-ĊENTRU PARROKKJALI

RADJU LAURETANA

L-iskeda tibda l-Ġimgħa 5 ta’ Awwissu b’xandira kontinwa tal-festa tas-sena l-oħra tul il-weekend kollu. Il-programmi mbagħad jibdew it-Tnejn 8 ta’ Awwissu.

GRADWATI:

L-aħħar ċans. Dawk li ggradwaw f’din l-aħħar sena u jixtiequ jkunu nklużi fuq ir-rivista parrokkjali Għajnsielem jibagħtulna ritratt u informazzjoni fuq l-email:dunfrankiebajada@yahoo.com.

IL-KATEKIŻMU GĦAŻ-ŻGĦAR TAGĦNA

Kull min għandu tfal li ser ikunu fl-1, it-2 u t-3 klassi tal-primarja s-sena d-dieħla, importanti li tiktbuhom għat-tagħlim tal-katekiżmu fl-uffiċċju parrokkjali matul ix-xahar ta’ Lulju.

IS-SAJF  Iġib miegħu s-sħana… mhemmx għalfejn noqogħdu ngħidu… kulħadd iħossha.

NURU RISPETT FI LBIESNA.

SPEĊJALMENT META NIĠU FIL-KNISJA.

Nistgħu nkunu qed inpoġġu lil ħaddieħor  fi mbarazz u noħolqu okkażjoni ta’ nuqqas.

B’Responsabiltà u b’Rispett nilbsu kif jixraq lit-tempju tal-Mulej.

Anke barra, ta’ kuljum inżommu d-dekor.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Loreta Saliba toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju tal-għeżież tagħha Karlu u Ġużeppa Spiteri.

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali     21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965

http://www.radjulauretana.com/parish

IKONI TAL-FIDDA TAL-MADONNA TA’ LORETO

RIGAL  SABIĦ GĦAL KULL OKKAŻJONI.

 Mill-Uffiċċju Parrokkjali jew mis-Sagristija.

 

Bullettin 8 ta’ Lulju 2016

Il-15-il Ħadd Matul is-Sena

Sieħbi min hu? L-Iskop ta’ Għemilna.

Fil-Vanġelu tal-lum naraw dak li qed niċċelebraw din is-sena: Is-Sena tal-Ħniena: Inħennu bħall-Missier.

L-ewwelnett biex ngħixu l-ħniena u l-imħabba kif qed jipproponilna Ġesù ma rridux nikkuntentaw bid-donazzjonijiet li issa drajniehom fuq it-T.V. jew li nħarsu l-liġijiet. Irridu nħarsu u naġixxu bl-imħabba ta’ Alla. Il-qassis u l-levita tal-parabbola ma ridux jitniġġsu biex jimxu mal-liġi, u allura ma għenux lil dak l-imsejken.

Ejjew inħarsu madwarna. Ġlied, gwerer, diżastri, firda etnika, ħafna kliem fuq id-drittijiet anke ta’ dawk li apertament iridu jiksru l-ligi ta’ Alla tal-imħabba. F’kelma waħda, id-dinjità tal-bniedem qed titbaxxa b’għemil il-bniedem stess. Mela dak l-imsejken li qiegħed għaxi fl-art huwa l-bniedem tal-lum li, f’isem ħafna drittijiet u kultant anke f’isem Alla, qed jippreferi jgħix fid-dlam milli b’imħabba diżinteressata li ma tistenna xejn lura.

Il-mibki Arċisqof Mons Ġużeppi Mercieca, f’waħda mill-omeliji tiegħu jgħallimna: In-Nisrani jaqdi l-missjoni tiegħu u jħares u jmexxi ‘l quddiem id-dinjità tal-bniedem meta jwettaq il-ħidma tiegħu għax iridha Alla, kif iridha Alla u għall-imħabba ta’ Alla. Hija l-imħabba ta’ Alla li tgħinna nirbħu l-egoiżmu tagħna li jwassalna biex noħduha kontra Alla u kontra l-bniedem innifsu.

Mela jekk qed nagħmel xi ħaġa għax hekk imissni nagħmel jew għax hekk tgħidli l-liġi, minix inħobb bħal Kristu. Jista’ jkun li qed nipprova nħobb. Imma għandi nħobb għax hekk irrid nagħmel. Fuq kollox is-samaritan hekk għamel. La għamel hekk biex iġibuh fl-aħbarijiet, la għall-popolarità u lanqas għal xi somma flus. Għen lil dik il-persuna fil-libertà kollha tiegħu. Kien dan il-barrani ddisprezzat mil-Lhud li kellu juri l-ikbar imħabba f’din il-parabbola.

Il-problema tal-għaref tal-liġi hija l-istess problema tal-lum! Kulħadd għandu x-xewqa li jħobb. Kapaċi bħall-għaref inwieġbu li dawk li jagħmlu l-aħjar azzjonijiet huma dawk li jħennu għall-oħrajn? ‘Min ħenn għalih’ wieġeb lil Ġesù.

Illum Ġesù qed jgħidilna: Mur u agħmel hekk int ukoll.

Mela jrid ikollna attitudni li l-Papa Franġisku issuġġerixxa fl-Ittra Pastorali fil-Bidu tal-Ġublew tal-Ħniena.

Aħna msejħin inħennu għax qabel xejn kien magħna stess li ntweriet il-ħniena …..”

L-ADORAZZJONI FIL-KNISJA L-QADIMA

Mit-Tnejn 11 ta’ Lulju tibda tkun mit-8.30am sa nofsinhar.

IL-GRIŻMA TAL-ISQOF

Nifirħu ma’ dawn ulied il-parroċċa tagħna li l-Ħadd 3 ta’ Lulju rċevew is-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof.

Monique Attard, Gwyneth Attard, Lorenzo Atzori, Isaac Bartolo, Ilena Buttigieg, Paula Buttigieg, Izabella Camilleri, Nayeli Cauchi, Antonio Cini, Larissa Debono, Francesco Galea, Samuel Grech, Reneé Grima, Benjamin Hili, Neil Mifsud, Mark Anthony Scicluna, Amy Stellini, Laragh Marie Tabone, Phoebe Ann Vella, Francesca Xuereb, Russell Zammit

GRADWATI

Dawk li ggradwaw f’din l-aħħar sena u jixtiequ jkunu nklużi fuq ir-rivista parrokkjali Għajnsielem jistgħu jibagħtulna ritratt u informazzjoni fuq l-email:dunfrankiebajada@yahoo.com.

GĦOTI TA’ DEMM

fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 10 ta’ Lulju: 8:00am-1:00pm.

PREPARAZZJONI GĦALL- FESTA

IS-SIBTIJIET: Inkomplu S-SIBT 9 ta’ LULJU 2016

Ngħidu r-Rużarju fil-familji tagħna. Ikollna l-quddiesa bi ħsieb Marjan waqt l-omelija fil-quddiesa tas-7pm.

IT-TIELET ĠABRA BIEB BIEB.

MA’ DAN IL-BULLETTIN QED JITQASSMU L-ENVELOPES GĦALL-ĠABRA LI JMISS GĦALL-FESTA. Il-voluntiera  tal-parroċċa jgħaddu jiġbruhom fil-ġranet li ġejjin. Inkunu ġenerużi bħal dejjem.

NIGHT FUN GAMES: 11, 18 u 25 ta’ Lulju

Fil-Misraħ tal-Knisja. Applikazzjonijiet mill-Uffiċċju Parrokkjali. Jibdew din il-ġimgħa!

EWRO COLLECTION

Matul il-quddies kollu ta’ dan il-weekend il-ġabra tkun b’risq il-festa titulari li issa qed toqrob ġmielha. Ngħinu kemm nifilħu. Fejn nistgħu nagħtu Ewro jew aktar. Kull għajnuna tgħodd biex nagħmlu festa kbira, sabiħa u dinjituża.

GRAZZI:  €385 għall-Creche tal-Ursolini waqt il-carwash organizzata minn GSM Youths.

RADJU LAURETANA

Ser jibdew jinġabru r-reklami għal matul l-iskeda tal-festa. Inħeġġu lill-ħwienet u stabilimenti biex jgħinuna. Min jixtieq aktar informazzjoni jista’ jkellem lil Lelio Spiteri fuq 9982 2717.

FESTA MADONNA TAL-KARMNU

Fis-16 ta’ Lulju niċċelebraw il-festa tal-Madonna taħt it-titlu tal-Karmelu. Il-Ġimgħa 15 ta’ Lulju ser ikollna quddiesa fejn in-niċċa tal-Madonna fi Triq Mġarr fis-7.30pm u fejn in-niċċa ta’ Triq Ħamri fit-8pm

IL-KATEKIŻMU GĦAŻ-ŻGĦAR TAGĦNA

Kull min għandu tfal li ser ikunu fl-1, it-2 u t-3 klassi tal-primarja s-sena d-dieħla, importanti li tiktbuhom għat-tagħlim tal-katekiżmu fl-uffiċċju parrokkjali matul ix-xahar ta’ Lulju.

ĦARĠA TRADE FAIR

Il-Kunsill Lokali ser jorganizza ħarġa għal Fiera l-Kbira Malta nhar il-Ġimgha 15 ta’ Lulju. Tluq mal-vapur tal- 4:30pm. Inkitbu l-Kunsill.

ILQA’ FI ĦDANEK

Missier Qaddis ilqa’ fi ħdanek lir-ruħ għażiża ta’ Otto Gerhard Steffenhagen mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li ġie jiltaqa’ miegħek wiċċ imb’wiċċ nhar l-1 ta’ Lulju 2016 fl-eta’ ta’ 68 sena.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Giacinta Buttigieg toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Nazzareno Buttigieg f’għeluq l-4 snin mill-mewt tiegħu fit-13 ta’ Lulju.
  • Loreta Azzopardi u l-familja joffru €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju tal-għażiż tagħhom Lorenzo

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali     21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965

http://www.radjulauretana.com/parish

IKONI TAL-FIDDA TAL-MADONNA TA’ LORETO

RIGAL  SABIĦ GĦAL KULL OKKAŻJONI.

 Mill-Uffiċċju Parrokkjali jew mis-Sagristija.

 

Bullettin l-1 ta’ Lulju 2016

L-14-il Ħadd Matul is-Sena

Mibgħutin biex Inħabbru s-Sliem

Fl-ewwel qari, Ġerusalemm hi bħal omm li tilqa’ lura fi ħdanha b’tant imħabba lil uliedha mill-eżilju ġewwa Babel. Hekk jagħmel Alla magħna kull meta nduru lejh, jilqagħna b’ħafna mħabba, anzi huwa Alla li jiġi jfittixna. Dan hu l-ferħ ta’ żmien ta’ wara Pentekoste, il-frott tal-ħidma salvavitika ta’ Ġesu’ fuq is-salib. U huwa preċiżament għalhekk li Pawlu meta jiftaħar, jiftaħar bis-salib ta’ Kristu. Pawlu jisħaq mal-Galatin li aħna nsalvaw permezz tal-fidi tagħna f’Ġesu’, Ġesu’ li miet u qam. Ġesu’ li jiksbilna l-maħfra tad-dnubiet. Pawlu jeħodha kontra t-tagħlim li aħna nsalvaw permezz taċ-ċirkonċiżjoni u l-liġi ta’ Mose. Li kieku dan kien minnu allura mhux Ġesu’ li jsalvana. Li jiswa għal Pawlu hu li aħna nsiru nixbħu lil Kristu, dan hu l-ħolqien il-ġdid. Permezz tal-fidi tagħna li twassalna għal magħmudija, aħna nsiru nixbħu lil Kristu għax bħalu nsiru ulied Alla. Ġesu’ Hu ħuna l-kbir. U għalhekk iddestinati għall- ħajja ta’ dejjem fi ħdan Alla li jħobbna. Dan ifisser li aħna rridu ngħixu l-magħmudija permezz tal-fidi u għalhekk billi ngħixu mhux skond id-dinja iżda skond l-Ispirtu.

U għalhekk Ġesu’ jibgħat lit-72 dixxiplu, simbolu tal-ġnus kollha, sabiex iwasslu l-aħbar it-tajba lill-bnedmin kollha, aħbar ta’ ferħ, aħbar ta’ salvazzjoni. Dawn kellhom jiżirgħu il-kelma li twassal għal ħsad kbir. Ninnutaw is-sens ta’ urġenza ta’ din il-missjoni għax ma kellhom jieħdu xejn magħhom – la ħorġa, la qorq, la but, xejn. Kellhom jitilqu dak il-ħin stess u fl-istess ħin ipoġġu l-fidi tagħhom f’Alla, tant li Ġesu’ jgħidilhom li hu kien ser jibgħathom bħal ħrief qalb l-ilpup. Ix-xogħol tagħhom ma kienx ser ikun ħafif għax ser isibu ħafna tfixkil, b’danakollu Alla kien dejjem magħhom.

Il-ħidma tagħhom ħalliet ħafna frott tant li Ġesu’ kien jara lix-xitan jaqa’ bħal berqa mis-sema. Dan juri kif il-ħidma tagħhom bdiet tħalli l-frott għax ix-xitan beda jiġi megħlub. Iżda l-ħlas tad-dixxipli huwa kbir għax “ismijietkom miktuba fis-smewwiet.”

Aħna bħala nsara għandna d-dmir li bħal dawn it-72 inwasslu l-bxara t-tajba, bil-kliem u bl-għemil, lil dawk ta’ madwarna – lill- familjari tagħna, lill-kollegi tagħna fuq ix-xogħol, lill-ġirien tagħna, lil kulhadd. F’dinja aktar konsumista u dinja ta’ ftit fidi, dan ix-xogħol huwa iebes mimli sfidi, iżda l-ħlas ikun kbir għax ” ismijietkom miktuba fis-smewwiet”.

Ġesu’ qed jibagħtek fuq missjoni. Lest, lesta li twettaq din il-missjoni ?

IL-GRIŻMA TAL-ISQOF

Il-Funzjoni tkun il-Ħadd 3 ta’ Lulju fil-5pm.

IMPORTANTI: Din hija celebrazzjoni tal-parroċċa kollha. Għalhekk tkun ħaġa sabiħa jekk nieħdu sehem fiha ħalli ningħaqdu bħala familja waħda ma’ dawn uliedna u nġeddu l-impenn tagħna li ngħinuhom fil-ħajja nisranija tagħhom.

PREPARAZZJONI GĦALL- FESTA 

IS-SIBTIJIET: Inkomplu S-SIBT 2 ta’ LULJU 2016

Ngħidu r-Rużarju fil-familji tagħna. Ikollna l-quddiesa bi ħsieb Marjan waqt l-omelija fis-7pm.

NAGĦMLU FESTA LIL OMMNA MARIJA

INFAĦĦRUHA  BI KLIEMNA,

NAGĦTUHA ĠIEĦ B’GĦEMILNA.

NERSQU LEJN BINHA ĠESÙ u L-KNISJA TIEGĦU NGĦINU (bi tbissima) KULL FEJN IKUN HEMM BŻONN

NIGHT FUN GAMES: 11, 18 u 25 tal Lulju.

Fil-Misraħ tal-Knisja. Applikazzjonijiet mill-Uffiċċju Parrokkjali.

RADJU LAURETANA

Ser issir laqgħa għall-voluntiera kollha ta’ Radju Lauretana bi preparazzjoni għall-iskeda tal-festa. Il-laqgħa tkun iċ-Ċentru Parrokkjali l-Ġimgħa 8 ta’ Lulju fis-7.30pm. Wara l-laqgħa, nieħdu xi ħaġa tajba flimkien.

GRADWATI: Dawk li ggradwaw f’din l-aħħar sena u jixtiequ jkunu nklużi fuq ir-rivista parrokkjali Għajnsielem jistgħu jibagħtulna ritratt u informazzjoni fuq l-email:dunfrankiebajada@yahoo.com.

GRAZZI: 

Familja NN għall-orgni – €500.

GĦOTI TA’ DEMM fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 5 ta’ Lulju mis-1:00pm sal-5:00pm (l-aħħar reġistrazzjoni sal-5:00pm).

IT-TAGĦLIM TAL-KATEKIŻMU

LIŻ-ŻGĦAR TAGĦNA

Din hija missjoni kbira. Issa li għaddiet sena oħra ta’ tagħlim nirringrazzjaw ‘l Alla li tana s-saħħa li nkomplu din il-missjoni kbira fil-parroċċa tagħna. Nirringrazzjaw minn qalbna lill-katekisti kollha li jgħaddu l-fidi nisranija liż-żgħar tagħna. Insostnuhom bit-talb tagħna kuljum għalihom u nsaħħu l-ħidma tagħhom billi nikkoperaw magħhom.

IMPORTANTI

Is-sena d-dieħla t-tagħlim tal-ewwel tlett snin tal-katekiżmu ser ikun hekk:

Year 1: Grupp it-Tlieta u Grupp il-Ħamis.

Year 2: Grupp It-Tnejn u t-Tlieta u Grupp l-Erbgħa u l-Ħamis.

Year 3: Grupp It-Tnejn u l-Erbgħa u Grupp it-Tlieta u l-Ħamis.

Kull min għandu tfal li ser ikunu f’xi waħda minn dawn il-klassijiet is-sena d-dieħla, importanti li tiktbuhom fl-uffiċċju parrokkjali matul ix-xahar ta’ Lulju.

ILQA’ FI ĦDANEK

Missier Qaddis ilqa’ fi ħdanek lil Joseph Cutajar mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li ħalla din id-dinja fil-25 ta’ Ġunju 2016 fl-għomor ta’ 70 sena.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Eugenia Buttigieg toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Lorenzo Xuereb f’għeluq id-29 sena mill-mewt tiegħu fis-6 ta’ Lulju.

IKONI TAL-FIDDATAL-MADONNA TA’ LORETO

RIGAL  SABIĦ GĦAL KULL OKKAŻJONI mill-Uffiċċju Parrokkjali