Monthly Archives: September 2016

Bullettin 30 ta’ Settembru 2016

                              Omm Ħanina, Idħol Għalina

KATTAR FINA L-FIDI!

Issib ħafna llum li jtennu li jgħaddu minn mumenti li mhux biss jeħduha kontra Alla iżda xi kultant ma jħossuhomx li għadhom jemmnu fih.  Itennu li jgħaddu minn mumenti ta’ dlamijiet u jistqarru li għalihom ma hemmx aktar is-salvazzjoni. 

U meta jagħmlu hekk tassew jintelqu mal-kurrent.  Iżda min ma jgħaddix minn kriżi ta’ fidi?  Nafu b’xi ħadd fost l-akbar qaddisin li ma kellux il-mumenti iebsa tal-fidi tiegħu?  Huwa għalhekk li filwaqt li l-Appostli jtennu u jistaqsu lill-Mulej biex “ikattar fihom il-fidi”, il-Mulej jirrispondi li hemm bżonn li nemmnu aktar, li jkollna aktar fiduċja f’dak kollu li Alla jagħmel magħna.

Illum ta’ min nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex kuntenti bil-fidi tagħna.  Ma’ xiex qed norbtu l-fidi tagħna u kif qed nippruvaw inkabbru din l-istess fidi?  Fil-Ħdud li għaddew il-Mulej stedinna ninżgħu mis-suppervja u l-egoiżmu.

Il-messaġġ li joħroġ mill-Kelma tal-Mulej li tinqara llum huwa wieħed qawwi li jagħmlilna kuraġġ sabiex nimxu aktar wara l-Mulej biex tikber fina l-fidi.

Minkejja tant diffikultajiet hemm bżonn li nkomplu nkunu qrib tal-Mulej.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Luqa, għandna lill-Appostli jitolbu lil Ġesù biex ikattar fihom il-fidi.  Il-Mulej iwieġeb li hemm bżonn li jkollhom il-fidi u jqisu dejjem lilhom infushom bħala qaddejja li jagħmlu biss dak li kellhom jagħmlu.

Mulej, nitolbok

li minkejja d-diffikultajiet kollha

tkattar fija l-fidi biex inkun eżempju ħaj

tal-miġja tiegħek fid-dinja.

IL-QUDDIESA TAL-ĦADD 2 t’OTTUBRU FUQ RADJU RTK

ser tkun imxandra diretta mill-Knisja tagħna fit-8.30a.m.

L-ADORAZZJONI FIL-KNISJA L-QADIMA Din qed tkun mit-tnejn sas-Sibt mit-8.30a.m. sal-4.00pm. Insibu ħin ngħaddu nitolbu: meta tieħdu t-tfal l-iskola, fil-ħinijiet ta’ filgħodu u bejn nofsinhar u s-1.00pm.

NHAR IL-ĠIMGĦA 7 ta’ Ottubru, l-EWWEL ĠIMGĦA TAX-XAHAR, l-adorazzjoni tkun fil-Knisja Arċipretali minn wara l-quddiesa tad-9a.m. sas-6 pm.

OTTUBRU –  IX-XAHAR TAR-RUŻARJU

FESTA TAL-MADONNA TAR-RUŻARJU

F’din is-sena tal-Ġublew tal-Ħniena, il-Knisja f’Għawdex ser tiċċelebra l-Ġublew Marjan nhar il-Ħadd li ġej 9 ta’ Ottubru fil-Belt Victoria. Nibdew b’ċelebrazzjoni fi Pjazza Santu Wistin fl-4.00pm u wara jkun hemm PELLEGRINAĠĠ bil-kwadru nkurunat tal-Madonna ta’ Pompej immexxi mill-Isqof tagħna l-E.T. Mons Mario Grech bis-sehem tal-kappillani, saċerdoti, reliġjużi, seminaristi, il-fratellanzi tal-parroċċi, l-għaqdiet u l-poplu.

Wara ssir QUDDIESA fit-triq quddiem is-Santwarju ta’ Pompej mmexxija minn Mons Isqof.

  • Ikun hemm siġġijiet għal kulħadd.
  • Il-pellegrinaġġ qed isir bil-kwadru tal-Madonna ta’ Pompej f’għeluq il-50 sena mill-inkurunazzjoni tiegħu.
  • Fil-parroċċi kollha mhix ser issir il-purċissjoni tar-rużarju.

Matul ix-xahar ta’ Ottubru: Il-Leġjunarji ta’ Marija ser ikunu jmexxu t-talba għażiża tar-Rużarju f’dawn it-toroq u l-ħinijiet.

  • PJAZZA TOLFA – Nhar ta’ Tlieta fil-5.00pm.
  • TRIQ IL-QIEGĦAN – Nhar ta’ Ħamis fil-5.00pm.
  • FEJN L-ISKOLA – Nhar ta’ Tlieta u l-Ġimgħa: 2.00pm.

GRAZZI: Għall-Knisja: N.N. Triq Bengħażi-€200; Għas-Sagristiji:Emanuel Spiteri€100;  Offetra lill-Madonna NN Pjazza Madonna ta’ Loreto-€20.

Patri Marcell Portelli MSSP jirringrazzja lil kulħadd għall-offerti li sarulu meta kien fostna: €792.50.

TBERIK TAL-ANNIMALI Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi patrun tal-ambjent, illum il-Ħadd 2 ta’ Ottubru quddiem il-Knisja ta’ Sant’Antnin ser isir it-tberik tal-annimali u pets.  It-tberik ikun fl-10.30am, qabel ikun hemm parata mill-Mosta Scout Group.

GĦOTI TA’ DEMM  Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 2 t’Ottubru ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm

L-GĦAQDA ĦBIEB TAL-PRESEPJU

tistieden lil kulħadd għal quddiesa ta’ radd il-ħajr f’għeluq it-tielet anniversarju mit-twaqqif tagħha. It-Tlieta 4 ta’ Ottubru fis-6pm fil-Knisja Arċipretali.

NIBDEW IT-TAGĦLIM TAL-KATEKIŻMU

Nibdew flimkien it-TNEJN 3 ta’ Ottubru b’quddiesa fil-Knisja Arċipretali fis-6pm.

Tfal minn Yr 1 ‘l fuq sal-istudenti tal-Griżma u ta’ Form 2 flimkien mal-Ġenituri u l-Katekisti kollha.

Imbagħad it-Tlieta jibdew il-laqgħat fl-oqsma differenti tat-tagħlim.

CENTRU PARROKKJALI:

Years 1 sa 3: skont kif ġa nfurmati fil-laqgħa tal-ġenituri.

QASAM MUSEUM SUBIEN:

Years 4,5,6 – It-Tlieta u l-Ġimgħa fil-5.15pm.

Form 1 ‘il fuq:It-Tnejn,it-Tlieta, il-Ħamis u l-Ġimgħa 6.45pm.

QASAM MUSEUM BNIET.

Years 4,5,6 – It-Tlieta u l-Ġimgħa fil-5.15pm.

FORM 1 – It-Tnejn u l-Ħamis fil-5.15pm

FORM 2 – il-Ġimgħa fis-6.30pm.

MILL-KAŻIN TAL-BANDA

Issieħeb mal-Banda Tagħna… Tgħallem il-Mużika!

Ikkuntatjaw lis-segretarju għal iktar dettalji: 99459426.

Banda Maltija: Il-Kumitat qed jipprepara sabiex jistieden Banda Maltija għall-Festa 2017. Għalhekk il-Ħadd fl-10.45am fil-Każin ser tittella’ bil-polza l-ġurnata ta’ meta se tkun mistiedna għall-ewwel darba. Għas-snin ta’ wara, il-ġurnata ta’ meta l-Banda ser tiġi mistiedna tkun sena fid-dimostrazzjoni u sena f’lejlet il-festa.

MILL-KUNSILL LOKALI

Il-proġett tat-taraġ tal-mużajk fi Triq Ħamri jkompli din il-ġimgħa f’Bethelehem f’Għajnsielem bejn il-5pm u s-7pm biex jagħmlu t-tarġa tagħhom: 3 ta’ Ottubru Triq Merkanti, 5 ta’ Ottubru Triq Sant’Indrija u 7 ta’ Ottubru Triq il-Baħħara.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Veronica Buttigieg u l-familja joffru €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Frenċu Buttigieg f’għeluq l-10 snin mill-mewt tiegħu fil-1 ta’ Ottubru.
  • Lorenza Grech toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju tal-Familja Mercieca.

 

Bullettin 23 ta’ Settembru 2016

Omm Ħanina, Idħol Għalina

ISSA L-WAQT LI TEMMEN U TĦENN !!!

Il-Mulej jagħmel kollox b’ħaqq ġust magħna, iżda kemm tassew aħna qed nagħmlu l-istess mal-proxxmu tagħna?  Ħafna drabi faċli nippuntaw subgħajna biex nikkundannaw inġustizzji li jkunu qed iseħħu f’pajjiżna jew barra minn pajjiżna, fuq il-faqar li hawn, fuq il-qtil li jsir, fuq ir-rata ta’ mibegħda li qed tikber fid-dinja…. iżda kemm tassew qed nagħrfu li ħafna drabi l-inġustizzji nistgħu nagħmluhom aħna fil-familji tagħna, fuq il-post tax-xogħol, fl-iskola, fil-komunitajiet tagħna?  Kelma żejda li tgħid, att ta’ karità li ma tagħmilx, mibegħda li tkompli tifnik minn ġewwa, għażż li jwaqqfek milli tgħin lil xi ħadd u l-bqija.  Kemm tassew fil-ħajja tagħna ta’ kuljum ngħixu l-ġustizzja?  Irridu li kulħadd ikun ġust magħna iżda aħna kif qed ngħixu ma’ ħaddieħor?

Kemm huma importanti fil-ħajja tiegħek il-foqra u l-imġarrbin? Qatt ippruvajt tgħinhom?

Kemm tassew, fil-ħajja ta’ kuljum, nagħti każ persuni li għandhom bżonn l-għajnuna tiegħi  u ngħinhom?

Il-Mulej jerfa’ lill-fqir u l-batut.  Jien qed nagħmel l-istess?

Qatt għamilt quddiem Ġesù eżami tal-kuxjenza dwar l-egoiżmu fil-ħajja u l-attitudni tiegħek?

Kemm qed tipproġetta l-futur tiegħek, hi x’inhi l-età, fuq atti ta’ solidarjeta’ ma’ min huwa fil-bżonn?

Mulej, għinni li fl-għażliet li nagħmel kuljum

nagħżel il-veru ġid –  nagħżel lilek!

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Dan ser isir is-Sibt 24 ta’ Settembru, 2016 fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, Victoria bejn is-7.30 u d-9.30pm.  Trasport mill-Pjazza fis-7pm.

ĦIN TAL-QUDDIES: Mit-Tnejn 26 ta’ Settembru, jinbidel il-ħin tal-quddiesa ta’ filgħaxija:Mit-Tnejn sas-Sibt il-quddiesa tkun fis-6p.m. Il-ħin tal-quddies l-ieħor matul il-ġimgħa u nhar ta’ Ħadd jibqa’ kollu l-istess.

L-ADORAZZJONI FIL-KNISJA L-QADIMA mit-Tnejn 26 ta’ Settembru tkun mit-8.30a.m. sal-4.00pm.

Pellegrinaġġ Djoċesan: Santwarju TAL-MELLIEĦA

– Il-Ħadd 25 ta’ Settembru – Ser jitmexxa minn Mons. Isqof Mario Grech. Immorru mal-vapur tal-3.45pm u niġu lura ma’ tas-7.30pm. Meta naslu l-Mellieħa,  ngħaddu mill-Bieb tal-Ħniena u nieħdu sehem f’quddiesa mmexxija minn Mons. Isqof Mario Grech. Biljetti mill-Uffiċċju Parrokkjali.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA f’Lourdes Home l-Erbgħa 28 ta’ Settembru mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Simon Cachia, kafe’ u tombla.

LAQGĦAT TA’ FORMAZZJONI GĦAŻ-ŻWIEĠ.

F’MALTA –

Ser jibdew il-Hamis, 29 ta’ Settembru f’Dar San Guzepp, Triq il-Kbira, Sta. Venera fis-7.15pm.

L-applikazzjonijiet għal dawn il-laqgħat jintlaqgħu wkoll fl-Uffiċċju Parrokkjali tagħna.

Fil-PARROĊĊA TAGĦNA –

Il-laqgħat jibdew is-Sibt 24 ta’ Settembru. Il-laqgħa tkun fiċ-Ċentru Parrokkjali fis-7.30pm.

IMPORTANTI: Inħeġġu lill-għarajjes – anke dawk li ser jibdew it-tieni sena ta’ tħejjija – biex iġibu l-applikazzjoni tagħhom matul din il-ġimgħa.

LAQGĦA TA’ FORMAZZJONI

Il-Ġimgha, 30 ta’ Settembru, bejn is-6.00pm u s-7.30pm fl-Istitut tal-Familja. Suġġett: Relazzjoni tajba ma’ wliedna żgħar (0 – 5 snin) hi importanti għall-futur tagħhom! ikun hemm min jieħu ħsieb it-tfal.

LAQGĦA GĦALL-ĠENITURI TAT-TFAL TAL-KATEKIŻMU TA’ YEARS 1, 2 u 3 – Nhar l-Erbgħa 28 ta’ Settembru fil-5pm fiċ-Ċentru Parrokkjali

TBERIK TAL-ANNIMALI

Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi patrun tal-ambjent, nhar il-Ħadd li ġej, 2 ta’ Ottubru quddiem il-Knisja ta’ Sant’Antnin ser isir it-tberik tal-annimali u pets.  It-tberik ikun fl-10.30am, qabel ikun hemm parata mill-Mosta Scout Group.

AZZJONI KATTOLIKA

Il-laqgħat tal-Azzjoni Kattolika tal-fergħa tal-irġiel ser jibdew it-Tnejn 26 ta’ Settembru wara l-quddiesa ta’ filgħaxija filwaqt li tal-fergħa tan-nisa jerġgħu jibdew il-Ħamis 29 ta’ Settembru fit-8.15am.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 27 ta’ Settembru ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sas-5:00pm.

ĠABRA SPEĊJALI GĦALL-KNISJA

Filwaqt li nirringrazzjaw lil dawk kollha li qed jagħmlu l-offerta tagħhom għall-knisja u dawk li ta’ kull xahar jagħtu l-offerta tagħhom għall-proġett tas-sagristiji, biex nagħtu l-okkażjoni lil tant persuni oħra li jixtiequ jgħinu ser nagħmlu ĠABRA SPEĊJALI GĦALL-KNISJA FL-AĦĦAR ĦADD TAX-XAHAR fil-quddies kollu. Kulħadd liberu li jagħti milli jista’ – kull offerta tgħin ħafna.

GĦAJNSIELEM FOOTBALL ACADEMY

Javżaw lill-ġenituri tat-tfal minn Under 7 sa Under 15 li ser tiġi organizzata Open Day is-Sibt, l-1 ta’ Ottubru mill-10am ‘il quddiem. Ser ikun hemm preżenti l-players u coaches tal-First Team. Ser tinġabar ukoll il-miżata ta’ €50 għall-istaġun 2016/17. Wara jkun hemm party finger food, ġentilment sponsorizzat minn Miriam Azzopardi tal-Clubhouse. Min jixtieq jirreġistra xi tfal ġodda, jistgħu jiġu ukoll.

GRAZZI: N.N. Għall-Knisja: €300.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Pawla Buttigieg toffru €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju tal-Erwieħ abbandunati.

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali     21554615         Arċipriet 79710784 

Ċentru Parr. 21561030   Radju Lauretana 21566965

http://www.radjulauretana.com/parish

NITOLBU GĦALL-KATEKISTI KOLLHA.

 

Bullettin 16 ta’ Settembru 2016

Omm Ħanina, Idħol Għalina

EBDA QADDEJ MA JISTA’ JAQDI ŻEWĠ SIDIEN

Ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.  Ġesù ma jdurx mal-lewża.

Permezz tal-parabbola tal-amministratur, Ġesù jrid ikompli jurina li biex inkunu dixxipli tiegħu hemm bżonn li nevitaw il-kompromessi perikolużi.  Ħafna jaslu biex jgħidu u jagħmlu minn kollox għall-flus.  Familji mkissra, ħajjiet jintilfu, dan kollu għax inpoġġu l-valur tal-flus qabel il-valur assolut li huwa Alla.  U propju hawn hija l-għażla tal-ħajja tagħna.  Il-Mulej iridna nkunu amministraturi tajba u onesti ta’ dak li tana. U x’tana l-Mulej?  Tana kollox: tana d-doni, tana dak kollu li wieħed jista’ jimmaġina.  Ħafna drabi aħna ma nagħtux każ, anzi aħna stess nagħmlu kompromessi ma’ affarijiet li jbegħduna mill-Mulej.

Illum il-messaġġ li jrid jgħaddilna l-Mulej huwa biex nagħmlu għażla ċara u soda fil-ħajja tagħna.  Ma nistgħux naqdu żewġ sidien.  L-għażla hija f’idejna.  Ta’ min għalhekk jifli b’reqqa l-messaġġ tal-kelma li l-Mulej irid jgħaddilna llum.

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Profeta Għamos, insibu lil dan il-profeta bil-kitbiet tiegħu dwar il-ġustizzja soċjali.  Huwa tela’ fit-tempju ta’ Bethel u ċanfar lil dawk li kienu jkasbru lill-fqir.  Fis-Salm Responsorjali tal-lum, meħud minn Salm 112, għandna innu lill-Mulej li jgħin u jerfa’ l-fqir.

Fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lil Timotju, għandna t-twissija ta’ San Pawl li ĦADD ma għandu jitħalla barra mit-talb fil-pubbliku għax Alla jrid li kulħadd isalva.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna lil Ġesù jgħallimna kif nużaw tajjeb il-ġid tad-dinja.

Ġesù jurina li l-ġid li jkollna rridu nużawh tajjeb: ngħinu lil min hu fil-bżonn u nħarsu ’l fuq lejn Alla.

Irrifletti ftit. Liema huwa l-veru Alla ta’ ħajtek?

Alla l-Missier jew il-flus li saru alla falz għalik?

Kif qed tuża l-ġid tiegħek?  Bi prospettivi li tistagħna aktar?  U wara din il-ħajja x’se tieħu miegħek fis-sema?

Kemm qed ngħinu minn dak li għandna lill-fqir u l-batut?

Mulej,inti tagħtini ħafna,

u jiena ftit li xejn nagħtik lura.

Għinni nħares madwari u narak fil-fqir ħa  ngħinek Mulej.

LAQGĦAT TA’ FORMAZZJONI GĦAŻ-ŻWIEĠ.

F’MALTA – Il-Kummissjoni Djoċesana Familja tavża li l-laqghat tal-Mixja Tħejjija għaż-Żwieġ f’Malta għal din is-sena ser jibdew nhar il-Hamis, 29 ta’ Settembru.  Bħas-snin ta’ qabel ser isiru f’Dar San Guzepp, Triq il-Kbira, Sta. Venera fis-7.15pm.

L-applikazzjonijiet għal dawn il-laqgħat jintlaqgħu wkoll fl-Uffiċċju Parrokkjali tagħna.

Fil-PARROĊĊA TAGĦNA.

Il-laqgħat jibdew is-Sibt 24 ta’ Settembru. Il-laqgħa tkun fiċ-Ċentru Parrokkjali fis-7.30pm.

IMPORTANTI: Inħeġġu lill-għarajjes – anke dawk li ser jibdew it-tieni sena ta’ tħejjija – biex iġibu l-applikazzjoni tagħhom matul din il-ġimgħa.

– – – – – – – – –

L-Kummissjoni Familja qed toffri mument ta’ formazzjoni indirizzat b’mod partikolari għall-ġenituri u carers ta’ tfal zgħar (minn 0 – 5 snin):  Nhar l-Ġimgha, 30 ta’ Settembru, bejn is-6.00pm u s-7.30pm ser issir laqgħa fl-Istitut tal-Familja bis-suġġett: Relazzjoni tajba ma’ wliedna żgħar (0 – 5 snin) hi importanti għall-futur taghħhom! Il-kelliem ser ikun dun Anton Teuma.  Waqt il-laqgħa ser ikun hemm ukoll min jieħu ħsieb it-tfal.

GĦOTI TA’ DEMM Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 18 ta’ Settembru ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Dan ser isir nhar is-Sibt 24 ta’ Settembru, 2016 fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, Victoria bejn is-7.30 u d-9.30pm.  Ikollna t-trasport mill-Pjazza fis-7pm.

GRAZZI: Lil dawk kollha li taw l-offerta tagħhom għall-ispejjeż tar-Rivista Għajnsielem.

Bott Blue Anchor Bar €20.50; Offerta lill-Knisja mill-BBQ ta’ Fuq il-Għajn – €100; Offerta Madonna – €200 – Kelina Sultana Awstralja; Offerti fil-kaxxa Wirja Dar Parrokkjali fil-Festa – €80; Offerta Sagristiji – Familja Tabone €50.

PIZZA U TOMBLA Ċentru Sant’Antnin il-Ġimgħa 23 ta’ Settembru fis-7.30pm. Prezz €8 (jinkludi pizza, softdrink jew tazza nbid). Biljetti mis-sagristija tal-Knisja ta’ Sant’ Antnin, Ideal Store jew ċemplu 7920 2172.

MINGĦAND IS-SORIJIET ORSOLINI

Lill-Parroċċa ta’ Għajnsielem

u l-GSM Youths,

Għan-nom tas-sorijiet u t-tfal tagħna nixtieq nirringrazzjakom tad-donazzjoni ta’ €400 hekk ġeneruża li żgur hija ta’ għajnuna kbira għalina.  Ġest verament sabiħ u nobbli.

Aħna noffru t-talb tagħna għall-bżonnijiet tagħkom u tal-familjari tagħkom kollha.

Madre Roberta Spiteri – Madre Ġenerali

Sorijiet Orsolini, Sliema.

Pellegrinaġġ Djoċesan:

Santwarju Nazzjonali tal-Madonna tal-Mellieħa  – Il-Ħadd 25 ta’ Settembru

Mons. Isqof Mario Grech se jmexxi Pellegrinaġġ Djoċesan għas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna tal-Mellieħa li hu Santwarju Ġubilari. Immorru mal-vapur tal-3.45pm u niġu lura ma’ tas-7.30pm. Meta naslu l-Mellieħa,  ngħaddu mill-Bieb tal-Ħniena u nieħdu sehem f’quddiesa mmexxija minn Mons. Isqof Mario Grech.

Dawk li ġejjin huma mitluba jiktbu isimhom u jakkwistaw biljett tat-trasport f’Malta fl-Uffiċċju Parrokkjali sa mhux aktar tard mill-Ħamis 22 ta’ Settembru. It-trasport f’Malta jiswa €3.

TILQIMA TAL-INFLUWENZA

Il-Kunsill Lokali jixtieq javża lill-pubbliku li bdiet il-kampanja ta’ tilqim tal-influwenza. Dawk kollha li għandhom aktar minn 55 sena u jixtiequ jitlaqqmu, huma mitluba jinkitbu fl-uffiċċju tal-Kunsill Lokali mhux aktar tard mit-28 ta’ Settembru. Jistgħu ukoll iċemplu fuq 21561515.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Salvina u Frank Tabone joffru €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Emanuel Tabone f’għeluq it-13-il sena mill-mewt tiegħu fil-20 ta’ Settembru.

 

Bullettin 9 ta’ Settembru 2016

                              Omm Ħanina, Idħol Għalina

X’ħela!!!

Issa dan mhux ġenn, ara min ikollu mitt nagħġa u għax tintiliflu waħda joħroġ ifittixha u mhux talli hekk talli jagħmel ukoll festa meta jsibha. Liema ragħaj joħroġ ifittex nagħġa li tkun intilfitlu.

Anke l-iktar ragħaj bilgħaqal u qalbu tajba jaf li fl-aħħar mill-aħħar in-nagħġa jew ħa tispiċċa xi kowt, jew il-forn jew minnha ser jieħdu l-ħalib. Dan ir-ragħaj partikulari ħafna. Wara li jaħli l-ħin ifittixha, jaħli wkoll il-flus biex jagħmel festa għax sabha. X’ħela!

U anke dik il-mara li tilfet id-drakma. Malli ssibha tonfoq il-flus biex tagħmel festa għax sabitha. Kieku ma sabet xejn ekonomikament kienet tibqa’ l-istess. X’ħela!

Il-Missier tal-parabbola ukoll galantom. Mela jagħti nofs ġidu lit-tifel iż-żgħir, it-tifel jonfqu kollu, imbagħad imur lura d-dar għax bil-ġuħ, u l-missier minn fuq, joqtollu l-għoġol l-imsemmen, mhux xi għoġol kwalunkwe imma l-imsemmen, u wkoll jordna li jġibulu l-aħjar libsa, u l-qorq f’riġlejh, iċ-ċurkett f’subgħajh! X’ma jinħaraqx l-iben il-kbir! X’ħela!

Hekk kieku jirraġunaw wisq probabbli l-kittieba u l-Fariżej. Lil Alla kif ipinġih Ġesu’ kienu jarawh wisq ħali. Hekk jiġri lilna wkoll kull darba li nirranġunaw li Alla m’għandux ikun ħanin mal-midinbin. Hekk nirraġunaw ukoll kull darba li nimmaġinaw li aħna tajbin u allura nistgħu niġġudikaw lil min hu ħażin. Imma hekk nirraġunaw aħna ukoll kull darba li naħsbu li Alla ma jistax jaħfrilna d-dnubiet tagħna, kull darba li naħsbu li dnubna kbir wisq biex jistħoqqilna l-ħniena ta’ Alla. Ħasra li meta ma nemmnux li Alla għani fil-ħniena, aħna wkoll insiru xħaħ ma’ ħutna fil-ħniena. Insiru bħall-iben il-kbir tal-parabbola, xħiħ fil-ħniena.

Hekk kif niltaqgħu mal-ħniena abbundanti ta’ Alla, aħna wkoll insiru ħalja fil-ħniena mal-oħrajn. Kif ninduna li Alla ħabbni u ta’ ħajtu għalija, anke jien kważi nkun sfurzat mill-grazzja biex inħobb u nagħti ħajti għall-aħwa.

J’Alla aħna wkoll għax niskopru kemm Alla kien ħali magħna fil-ħniena, inkunu ħalja aħna wkoll u nħobbu kif iħobbna hu!

EWRO COLLECTION

Il-ġbir waqt il-quddies ta’ dan il-weekend ikun b’risq il-festa titulari 2017. Din hija l-ewwel Ewro Collection għall-festa tas-sena d-dieħla. Fejn nistgħu nagħtu Ewro jew aktar. Grazzi tal-għajnuna kontinwa.

RADJU LAURETANA 89.3FM

Tinsewx l-appuntament speċjali għall-Ħamis 13 ta’ Ottubru għal skeda ta’ jumejn fl-okkażjoni tal-150 sena mit-tberik tal-istatwa titulari tagħna. Avżaw lill-emigranti tagħkom.

IS-SAJF WASAL LEJN IT-TMIEM

L-iskola dalwaqt terġa’ tibda u dan ifisser li anke t-tagħlim spiritwali jerġa’ jieħu spinta. Il-klassijiet tal-katekiżmu għat-tfal tagħna u t-tagħlim għalina l-adulti jerġgħu jibdew. Ma nkunux indifferenti iżda nieħdu kull opportunita’ li toffrielna l-parroċċa biex nikbru bħala nsara u nibagħtu lil uliedna għat-tagħlim tal-katerkiżmu li huwa tant importanti għall-ħajja.

ĠIMGĦA MUŻEWMINA Mit-TNEJN 12 ta’ Settembru

Ma’ dan il-bullettin qed jaslilkom il-programm tal-Ġimgħa Musewmina. Issa li s-sajf qed joqrob lejn tmiemu, u l-ħarsa tagħna tkun lejn sena oħra ta’ ħidma pastorali aktar intensa, ejjew niltaqgħu flimkien biex nisimgħu kelma tajba.

RIVISTA GĦAJNSIELEM

Fadlilna kopji tar-rivista Għajnsielem. Ejjew l-Uffiċċju Parrokkjali. Donazzjoni ma’ kull kopja hija apprezzata. Grazzi ħafna.

TIFKIRA TAL-FESTI SPEĊJALI

Għandna l-ikoni tal-fidda bl-immaġini tal-Verġni Mbierka ta’ Loreto fi tliet daqsijiet differenti. Rigward l-istatwetta tal-fidda replika eżatta tal-istatwa titulari, dawn inbiegħu kollha. Imma min irid jakkwista waħda, qegħdin nieħdu l-ordnijiet mill-Uffiċċju Parrokkjali.

Festa tas-Salib Imqaddes u tad-Duluri

Nhar l-Erbgħa 14 ta’ Settembru niċċelebraw il-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib. L-għada nfakkru liturġikament lil Ommna Marija Addolorata.

Il-KLASSIJIET TAL-KATEKIŻMU

Minn issa nitħeġġu u nħeġġu lil oħrajn biex nieħdu vantaġġ mill-ħafna okkażjonijiet li toffrielna l-parroċċa biex nissaħħu fil-formazzjoni nisranija tagħna. Lil uliedna wkoll nibagħtuhom għat-tagħlim li jsir apposta għalihom fiċ-Ċentru Parrokkjali jew fil-Museum.

TĦEJJIJA GĦALL-GRIŻMA TAL-ISQOF

L-istudenti li din is-sena ser ikunu jħejju biex jirċievu s-sagrament tal-Griżma tal-Isqof ser ikollhom laqgħa mportanti għalihom nhar l-Erbgħa li ġejja 14 ta’ Settembru fis-6pm fiċ-Ċentru Parrokkjali. L-impenn li wieħed jidħol għalih bil-Griżma tal-Isqof mhux żgħir u għalhekk hemm bżonn ta’ preparazzjoni tajba u intensa.

MIXJA TA’ TĦEJJIJA GĦAŻ-ŻWIEĠ

Infakkru li fl-aħħar weekend ta’ Settembru jerġgħu jibdew il-laqgħat tal-Mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ u l-ħajja tal-familja. Inħeġġu lill-għarajjes biex jattendu għal dawn il-laqgħat anke jekk għadhom ma ddeċidewx id-data taż-żwieġ tagħhom.  Dawk li jixtiequ jiżżewgu fil-Knisja jeħtiġilhom jagħmlu dawn is-sentejn ta’ formazzjoni qabel jiċċelebraw is-sagrament taż-Żwieġ.  Applikazzjonijiet mill-uffiċċju parrokkjali tul Settembru. Il-laqgħat ikunu kull ħmistax nhar ta’ Sibt fis-7.30pm fiċ-Ċentru Parokkjali.

LAQGĦA GĦALL-ĠENITURI TAL-GĦARAJJES li spiċċaw il-kors tal-Laqgħat ta’ tħejjija għaż-żwieġ. Is-Sibt 17 ta’ Settembru fit-7.45pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.

GRAZZI N.N. €300 u NN €120 għas-sagristiji.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Cetta Mifsud toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ żewġha Censu Mifsud f’għeluq l-ewwel anniversarju mill-mewt tiegħu fil-11 ta’ Settembru.

 

Bullettin 2 ta’ Settembru 2016

                              Omm Ħanina, Idħol Għalina

IL-FESTA TKOMPLI!

Il-festa ġiet u marret. Kellna festa sabiħa ħafna fejn kulħadd ta sehmu biex stajna ngħixu ġranet ta’ għaqda u kooperazzjoni bejn kull min kien involut.

GRAZZI KBIRA lil kull min ta’ sehem, min mod u min ieħor.

Festa kbira bħal tagħna tirrekjiedi sforz u ħidma minn tant nies li volontarjament jagħtu ħinhom u ħilithom għall-ġid tal-festa. Prosit tassew lill-membri kollha tal-Kumitat tal-Festa għall-mod kif tmexxew il-laqgħat ta’ preparazzjoni għall-festa u li waqt l-istess laqgħat intweriet maturita’ u responsabilita’. Iżda din is-sena l-festa għadha ma spiċċatx!

GRAZZI KBIRA MILL-QALB LIL KULĦADD

L-appuntament tagħna issa jkun għall-14 ta’ Ottubru, 2016 id-data eżatta ta’ għeluq il-150 sena mit-tberik tal-istatwa titulari. Fit-13 u l-14 ta’ Ottubru ser ikollna programm speċjali li d-dettalji tiegħu ngħadduhom fil-ġimgħat li ġejjin. Matul dawn il-jumejn inħeġġu lil kulħadd biex jesponi xbihat tal-istatwa titulari tal-Madonna ta’ Loreto fil-galleriji u t-twieqi, nixegħlu l-galleriji tagħna u ntellgħu l-bnadar.

L-EWWEL SIBT TAX-XAHAR Is-Sibt 3 ta’ Settembru fit-3.30pm rużarju u wara quddiesa fil-Knisja l-Qadima.

RADJU LAURETANA 89.3FM

L-iskeda ta’ Radju Lauretana ntemmet it-Tlieta 30 ta’ Awwissu. Kienet skeda ferm impenjattiva. Grazzi kbira lill-voluntiera kollha tas-sehem siewi tagħhom u lilkom semmiegħa tal-appoġġ. L-appuntament tagħna magħkom ser ikun għall-Ħamis 13 ta’ Ottubru għal skeda speċjali ta’ jumejn fl-okkażjoni tal-150 sena mit-tberik tal-istatwa titulari tagħna. Avżaw lill-emigranti tagħkom.

GĦOTI TA’ DEMM      Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 4 ta’ Settembru ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

IT-TWELID TAL-VERĠNI MARIJA

Il-Ħamis 8 ta’ Settembru niċċelebraw il-festa tal-Bambina. Il-quddies fil-Knisja Parrokkjali jkun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd.

RIVISTA GĦAJNSIELEM

Komplu akkwistaw kopja tar-rivista Għajnsielem mill-Uffiċċju Parrokkjali. Apprezzata donazzjoni ma’ kull kopja. Grazzi ħafna lil dawk li taw l-offerta tagħhom għal din ir-rivista u li sponsorjawna u ħadmu fiha.

TIFKIRA TAL-FESTI SPEĊJALI

Fadal ftit ikoni tal-fidda bl-immaġini tal-Verġni Mbierka ta’ Loreto miż-żgħar u mill-kbar. Rigward l-istatwetta tal-fidda replika eżatta tal-istatwa titulari, dawn inbiegħu kollha. Imma min irid jakkwista waħda, qegħdin nieħdu l-ordnijiet mill-Uffiċċju Parrokkjali.

GRAZZI 

Ġabra waqt il-purċissjoni grazzi għall-aħwa Zerafa u Attard – €2795.

Donazzjonijiet għal Radju Lauretana €2,070.65.

Frencu Debono għall-orgni: €10,000. Persuna li ma tixtieqx turi isimha €5,000 biex tkompli ma’  €10,000 oħra li kienet ġa tat għall-proġett tas-sagristiji.

Offerti bott BlueAnchor Bar-€20.50.

AQRA MIEGĦI F’GĦAJNSIELEM

Sezzjonijiet ta’ qari għal tfal ta’ eta’ minn 3 snin ‘l isfel flimkien mal-ġenituri tagħhom ser jibdew isiru fil-librerija t’Għajnsielem kull nhar ta’ Erbgħa bejn il-11:00am u 12:00pm. Dawk interessati għandhom jinkitbu l-Kunsill Lokali.

MIXJA TA’ TĦEJJIJA

Infakkru li fl-aħħar weekend ta’ Settembru jerġgħu jibdew il-laqgħat tal-Mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ u l-ħajja tal-familja..  Applikazzjonijiet mill-uffiċċju parrokkjali tul Settembru. Il-laqgħat ikunu kull ħmistax nhar ta’ Sibt fis-7.30pm fiċ-Ċentru Parokkjali.

BAR BQ u TOMBLA

Il-Ġimgħa 9 ta’ Settembru fid-7.30pm fil-parkeġġ tal-Kunvent tal-Knisja ta’ Sant’ Antnin. Adulti €10, tfal €6. Biljetti mill-Knisja ta’ Sant’ Antnin jew ċemplu 7920 2172.

IT-TERREMOT FL-ITALJA

APPELL MILL-ISQOF TAGĦNA

Għeżież, anke jekk fid-djoċesi tagħna ma ħassejniex it-theżżiż tat-terremot, li matul il-lejl bejn it-Tlieta u l-Erbgħa li għadda seħħ fiċ-Ċentru tal-Italja, mill-kummenti li smajt fittoroq tagħna deher ċar li n-nies tagħna “ħassew” mhux ftit ma’ dawk li ntlaqtu minn dan id-diżastru naturali. Kif nistgħu nibqgħu indifferenti, meta effett ta’ dan itterremot hemm mhux biss ħafna djar mwaqqgħa imma wkoll persuni mkissra psikoloġikament u spiritwalment? Għalhekk, b’sens ta’ solidarjetà ma’ dawn ħutna, nagħmel appell lill-komunitajiet tagħna biex nitolbu għalihom. Fl-istess waqt nagħmel sejħa għall-ġenerożità tagħkom biex ngħinuhom materjalment ukoll.

Fil-Parroċċa tagħna – Il-Ġbir kollu li ser isir fil-knisja is-Sibt 3 u l-Ħadd 4 ta’ Settembru ser ikun għal dawn il-vittmi.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Manuela Azzopardi toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ żewġha Ganni Azzopardi f’għeluq it-12-il sena mill-mewt tiegħu fil-5 ta’ Settembru.
  • Rita Muscat toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Loreta Grima u Phyllis Grima fl-anniversarju tal-mewt tagħhom.
  • Rita Bugeja toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ żewġha George Bugeja f’għeluq it-12-il sena mill-mewt tiegħu fis-6 ta’ Settembru.
  • Il-Familja Grech toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Evanġelista Bajada f’għeluq ix-xahar mill-mewt tagħha u għal ruħ Josette Bajada f’għeluq is-sena mill-mewt tagħha.
  • Mariella Cauchi toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Maria u Publius Xuereb f’għeluq l-anniversarju tal-mewt tagħhom fit-3 ta’ Settembru.
  • Loreta Saliba toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ ommha u missierha Ġużeppa u Carlo Spiteri.

Agħtihom O Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem