Monthly Archives: October 2016

Bullettin 28 ta’ Ottubru 2016

Il-31 Ħadd Matul is-Sena

TIXTIEQ  TARA  L-MULEJ?

Tixtieq tara l-Mulej?  Għandek għatx biex tara l-Mulej?  Żakkew hu eżempju tal-bniedem tal-lum li, minkejja kollox, ifittex biex jara l-Mulej, jiġifieri mingħajr ebda kuntatt

iżda bħala spettatur, kif nagħmlu aħna meta mmorru l-quddiesa tal-Ħadd, immorru biex nissodisfaw l-obbligu.  Naraw il-Mulej iżda ftit li xejn nagħmlu kuntatt miegħu.  Naraw, nibqgħu naraw mingħajr ma nkellmuh, u nibqgħu spettaturi tal-fidi u mhux protagonisti tal-fidi tagħna.

Lil Żakkew iżda l-Mulej lemħu, kif jilmaħ lilna lkoll.  Lemħu u sejjaħlu, ħa l-inizjattiva Hu.  Anzi stieden ruħu b’idejh u ma qagħadx jagħti każ ta’ xi jgħidu n-nies.  U araw x’jiġri kif niftħu qalbna beraħ għal Ġesù.  Nieħdu l-inizjattiva aħna kif ħadha Żakkew hekk kif Ġesù daħal f’daru, inizjattiva ta’ umiltà u maħfra għax nafu li quddiem l-inizjattiva ta’ mħabba li jieħu Ġesù fadlilna biss li nitolbu maħfra.

  1. Bħal Żakkew aħna kurjużi, iżda mill-fidi nagħmlu biss tfittxija ta’ spettaturi b’assenza kompleta ta’ parteċipazzjoni.
  2. Il-konverżjoni tibda mit-tfittxija iżda wkoll mill-qalb miftuħa li rridu nħallu għall-Kelma ta’ Alla li tidħol fina biex tibdilna.
  3. Kemm aħna lesti li nħallu l-Mulej jiġi u jidħol fid-dar tagħna?
  4. Kemm kapaċi nagħmlu b’umiltà stqarrija serja u sinċiera ta’ ħtijietna?
  5. Il-Mulej irid li aħna nkunu salvi.  Irid li fil-qalb tagħna ssaltan il-grazzja u s-salvazzjoni.  Għaliex nirrifjutaw il-grazzja?

Mulej, bħal Żakkew ħafna drabi jien kurjuż

għal xi spettaklu anki tal-fidi

agħmel li bħal Żakkew nilqgħek fid-dar tiegħi

u nwegħdek li nimxi warajk minkejja d-djugħfija tiegħi.

L-EWWEL ĠIMGĦA U SIBT TAX-XAHAR

Il-Ġimgħa 4 ta’ Novembru l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali wara l-quddiesa tad-9am.

Is-Sibt 5 ta’ Novembru, fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm rużarju u fl-4.00pm il-quddiesa.  Wara jkollna l-adorazzjoni sad-9.00pm.

OFFERTI GĦALL-MISSJONI

Jekk għadek tixtieq tagħti l-offerta tiegħek għall-missjoni tista’ twassal l-envelop tiegħek fil-letter box tad-dar parrokkjali jew fil-knisja.

ŻJARA PASTORALI

Bħala parti miż-żjara pastorali fil-Parroċċa tagħna, din il-ġimgħa Mons Isqof ikollu dawn l-appuntamenti fostna:

It-Tlieta filgħodu: laqgħa u talb mas-saċerdoti u l-komunità Franġiskana.

L-Erbgħa filgħaxija: pellegrinaġġ u żjara fiċ-ċimiterju.

Is-Sibt iżur il-Knisja ta’ Lourdes, il-komunita’ tal-Ingliżi u lill-għarajjes u l-animaturi tal-Mixja ta’ Tħejjija għall-ħajja taż-Żwieġ u l-Familja.

MILL-MUSEUM BNIET

L-istudenti bniet ta’ Form 2 ser jibda jkollhom il-laqgħa tagħhom nhar ta’ Ħamis fis-6.30pm. Inħeġġu lill-ġenituri biex jibagħtu lill-uliedhom għat-tagħlim.

ĠABRA SPEĊJALI GĦALL-KNISJA

F’dan l-aħħar Ħadd tax-xahar ta’ Ottubru nerġgħu nagħmlu sejħa għal ġabra speċjali waqt il-quddies kollu tas-Sibt 29 u l-Ħadd 30 ta’ Ottubru għall-ispejjeż tal-Knisja Parrokkjali.

Il-proġetti li għandna huma għaddejjin ġmielhom.

  • Dan l-aħħar wasal ix-xogħol kollu tal-arloġġi minn Franza. Issa għaddej ix-xogħol f’Malta fil-ħġieġ u l-irħam tal-uċuħ kif ukoll l-induratura b’deheb 23Karat tal-ittri u numri.
  • Waslet ukoll l-ewwel kunsinna ta’ ġebel kbir għat-twieqi tas-sagristiji u dalwaqt jibda x-xogħol tal-inġara fuqu.
  • Fil-ġranet li ġejjin, mistennija jaslu l-ewwel kanen restawrati tal-orgni.
  • Għaddej ix-xogħol biex jitlesta r-reredos li tant ingħoġob anke mill-barranin. L-ispejjeż tal-materjal telgħu għal aktar minn €9000. Warajh, issa għandna aktar spazju għas-sagristija.

INKUNU ĠENERUŻI BĦAL DEJJEM biex inkopru tant spejjeż ta’ trasport, xogħol u spejjeż oħra.

GRAZZI MILL-QALB

Offerta lill-Madonna NN €200.

IX-XAHAR TA’ NOVEMBRU

Wasalna fix-xahar li fih niftakru aktar f’ħutna li diġa għaddew għall-ħajja eterna.

It-Tlieta l-1 ta’ Novembru

Solennità tal-Qaddisin kollha

Is-Solennità tal-Qaddisin kollha tfakkarna fis-sejħa li lkoll irċevejna biex inkunu qaddisin u f’dawk kollha li diġa qegħdin igawduh fil-Ġenna.

IT-Tnejn 2 ta’ Novembru

L-GĦID TAL-IMWIET

Niftakru f’ħutna l-mejtin kollha.

Quddies fil-knisja parrokkjali –  6, 7.45 u 9am.

Fid-9.30 Pellegrinaġġ għat-tfal u l-ġenituri u quddiesa fiċ-ċimiterju.

5.00pm Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali.

Fil-5.30pm ikollna l-pellegrinaġġ parrokkjali għaċ-ċimiterju li jkun immexxi minn Mons. Isqof Mario Grech.  Kif naslu jkollna l-quddiesa solenni u jitbierku l-oqbra. Nagħmlu talb bħala komunità parrokkjali għal ħutna kollha li ħallewna.

Niftakru b’mod partikulari f’dawk li ħallewna matul din l-aħħar sena.

Kulħadd imħeġġeġ jattendi. Ikollna siġġijiet barra (jekk it-temp ikun jippermetti)

MATUL NOVEMBRU fiċ-Ċimiterju

QUDDIES nhar ta’ Tnejn u nhar t’Erbgħa f’nofsinhar.

Nhar ta’ Ġimgħa l-quddiesa tkun filgħaxija:

  • Nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Novembru quddiesa fil-5 pm u tkun organizzata mill-Azzjoni Kattolika.

Kuljum ikollna l-pellegrinaġġ bir-rużarju fis-7pm.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Josette u l-familja Zerafa joffru €20 għall-ispejjeż tal-Bullettin b’suffraġju tal-għażiż tagħhom Joseph Zerafa fl-għeluq l-ewwel sena mill-mewt tiegħu.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

 

Bullettin 21 ta’ Ottubru 2016

Knisja missjunarja, xhud tal-ħniena

Il-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena, li l-Knisja qed tgħix, jixħet dawl partikulari anki fuq il-Jum Dinji tal-Missjonijiet tal-2016:

jistedinna nħarsu lejn il-missjoni ad gentes bħala opra kbira u immensa ta’ ħniena kemm spiritwali u kemm materjali.

Fil-fatt, f’dan il-Jum Dinji tal-Missjonijiet, aħna lkoll mistednin “noħorġu”, bħala dixxipli missjunarju, kull wieħed u waħda jqiegħed għas-servizz tal-oħrajn it-talenti tiegħu, il-kreattività tiegħu, l-għerf u l-esperjenza tiegħu, biex inwasslu l-messaġġ tal-ħlewwa u tal-kompassjoni ta’ Alla lill-familja kollha tal-bnedmin. Bis-setgħa tal-mandat missjunarju, il-Knisja tieħu ħsieb ta’ dawk kollha li ma jafux bil-Vanġelu, għax tixtieq li lkoll isalvaw u jaslu biex jagħmlu esperjenza tal-imħabba tal-Mulej. Hi “għandha l-missjoni li xxandar il-ħniena ta’ Alla, il-qalb tħabbat tal-Vanġelu” u tħabbarha f’kull rokna tad-dinja, sa ma tasal għand kull mara, raġel, anzjan, żagħżugħ u żagħżugħa, tifel u tifla.

Il-ħniena tnissel ferħ kbir fil-qalb tal-Missier meta hu jiltaqa’ ma’ kull ħlejqa umana; sa mill-bidu, Hu jdur bi mħabba kbira mqar fuq dawk li huma l-iżjed dgħajfa, għax il-kobor u l-qawwa tiegħu jidhru sewwasew fil-ħila tiegħu li jsir ħaġa waħda maċ-ċkejknin, mal-imwarrbin, mal-maħqurin. Hu Alla twajjeb, attent, fidil; joqrob lejn min hu fil-bżonn biex hekk ikun qrib ta’ kulħadd, fuq kollox tal-foqra; jidħol bi ħlewwa fir-realtà umana l-istess kif jagħmlu missier u omm fil-ħajja ta’ wliedhom (Ġer 31:20).

Il-kelma li biha tinqeda l-Bibbja biex tgħid ħniena tibgħatna lejn il-ġuf tal-omm: jiġifieri lejn l-imħabba ta’ omm għal uliedha, dawk l-ulied li hi dejjem tibqa’ tħobb, f’kull ċirkustanza u jiġri x’jiġri, għax huma frott ġufha. U dan hu aspett essenzjali anki fl-imħabba li Alla għandu lejn uliedu kollha, b’mod partikulari lejn il-membri tal-poplu li hu nissel u li jrid irabbi u jeduka: quddiem id-dgħufijiet u l-infedeltajiet tagħhom, il-ġewwieni tiegħu jitqanqal u titħeġġeġ qalbu (Ħos 11:8). U madankollu Hu ħanin ma’ kulħadd, imħabbtu hi għall-ġnus kollha, u l-ħlewwa u t-tjieba tiegħu jinfirxu fuq il-ħlejjaq kollha (Salm 145:8-9).

Il-ħniena ssib l-ogħla u l-aqwa wirja tagħha fil-Verb li sar bniedem. Jekk nilqgħu u nimxu wara Ġesù fil-Vanġelu u s-Sagramenti, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu aħna nistgħu nsiru ħanina bħal Missierna tas-Sema, nitgħallmu nħobbu kif Hu jħobbna u nagħmlu minn ħajjitna don mogħti b’xejn, sinjal tat-tjieba tiegħu.

Q.T. PAPA FRANĠISKU – MESSAĠĠ GĦALL-JUM DINJI MISSJONIJIET 2016

ŻJARA PASTORALI

Bħala parti miż-żjara pastorali fil-Parroċċa tagħna, din il-ġimgħa Mons Isqof ikollu dawn l-appuntamenti fostna:

Il-ĦADD 23 ta’ Ottubru:

10.00am: Quddiesa tal-Familja fil-Knisja Parrokkjali

11.00am: Żjara fil-Każin tal-Banda u laqgħa mal-Kumitat

It-TNEJN 24 ta’ Ottubru:

4.00pm: Adorazzjoni għand is-Sorijiet Agostinjani u wara jiltaqa’ privatament mal-komunità tas-sorijiet.

6.30pm: Laqgħa mal-Animaturi, Letturi, Mużiċisti u Kanturi fiċ-Ċentru Parrokkjali

It-TLIETA 25 ta’ Ottubru:

5.15pm: Żjara fil-Qasam tal-Museum tal-Bniet.

6.30pm: Żjara fil-Qasam tal-Museum tas-Subien.

IL-ĦAMIS 26 ta’ Ottubru:

4.30pm: Żjara għand is-Sorijiet Dumnikani.

6.30pm: Laqgħa mal-membri tal-Azzjoni Kattolika, Leġjun ta’ Marija u Komunitajiet Ewkaristiċi fiċ-Ċentru Parrokkjali.

GĦALL-ADOLOXXENTI U ŻGĦAŻAGĦ

Laqgħat … u aktar fiċ-Ċentru Parrokkjali

  • Għall-Forms 3 u 4: Nhar ta’ Ġimgħa: 7.30pm
  • Għall-Forms 5 u Sixth Form First Year: 8.30pm
  • Għaż-żgħażagħ (Sixth Form 2nd Year ‘il fuq) nhar ta’ Ġimgħa fit-8.30pm.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Is-Sibt 22 ta’ Ottubru 2016 fil-Knisja Parrokkjali tal-Għasri fis-6.30pm. Trasport mill-Pjazza fis-6.00pm.

LAQGĦA INTERESSANTI Il-Gimgha, 28 ta’ Ottubru bejn is-6.00pm u s-7.30pm fl-Istitut tal-Familja r-Rabat bis-suggett: Ir-rwol tan-nanniet fit-trobbija tan-neputijiet! Il-kelliem: Rev. Dr. Paul Galea, psikologu. Tintalab offerta ta’ €5 minn min jattendi.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 25 t’Ottubru ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1:00pm sas-5:00pm.

IL-ĠURNATA MISSJUNARJA

Fil-Ġurnata Missjunarja NITOLBU b’mod speċjali fil-Missjunarji tagħna u GĦAL EVANĠELIZZAZZJONI ĠDIDA F’PAJJIŻNA U FL-EWROPA.

L-għotjiet għall-missjoni tistgħu tagħmluhom permezz tal-envelopes li qed jinġabru mill-membri tal-Azzjoni Kattolika.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA

Ser isir nofs ta’ nhar f’Lourdes Home għan-nisa kollha l-Erbgħa 26 ta’ Ottubru mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Dun Salv Grima, kafe’ u tombla.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ

  • Lir-ruħ għażiża ta’ Vittorja Fenech mill-Komunita’ Parrokjali tagħna li sejjaħtilha għal għandek fis-26 ta’ Settembru 2016 fl-għomor ta’ 84 sena.
  • Lir-ruħ għażiża ta’ Carmela Spiteri mill-Komunita’ Parrokjali tagħna li għoġbok issejħilha għal għandek fil-11 ta’ Ottubru 2016 fl-għomor ta’ 83 sena.
  • Lir-ruħ għażiża ta’ Giswalda Galea mill-Komunita’ Parrokjali tagħna li għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem nhar is-16 ta’ Ottubru 2016 fl-għomor ta’ 82 sena.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

GRAZZI MILL-QALB N.N. €50 għas-sagristiji.

ĦARĠA GĦALL-ANZJANI

Il-Kunsill Lokali ser jorganizza ħarġa għall-anzjani l-Ġimgħa 28 ta’ Ottubru. Tluq fit-8am mill-Pjazza, Sant’Antnin u Triq il-Ġnien. Ikollna quddiesa Ta’ Pinu, inżuru ċ-Ċittadella, tombla u ikel. Prezz €5. Inkitbu l-Kunsill sal-Erbgħa 26 ta’ Ottubru.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Ġorġa Galea toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ oħtha Carmena u għal missierha Toni Galea.

Mulej agħtihom l-mistrieħ ta’ dejjem.

 

Bullettin 14 ta’ Ottubru 2016

Id-29 Ħadd Matul is-Sena

JGĦAJTULU LEJL U NHAR!

 

IMMA TAĦSBU INTOM

LI BIN IL-BNIEDEM

SE JSIB IL-FIDI FUQ L-ART

META JIĠI?

Kemm se ndum nitlob?  Naħseb li Alla nsieni.  Kemm-il darba smajna din il-frażi jew inkella għidnieha fil-qalb tagħna?  Kemm-il darba ħsibna li t-talb tagħna m’hu qed jiswa għal xejn?  Għaliex illum qed ngħixu f’dinja fejn il-mentalita’ hija li kollox trid, jekk jista’ jkun, il-bieraħ qabel illum?  Irridu kollox malajr u b’effiċjenza kbira.  It-talb ma jitlobx effiċjenza, iżda paċenzja.  U hemm proċess ukoll kif wieħed għandu jitlob, mhux biss billi jgħid u jibni kuntatt ma’ Alla meta jiġi dahru mal-ħajt kif rajna l-Ħadd li għadda fil-Vanġelu tal-għaxar imġiddmin.  Hemm bżonn li r-relazzjoni intima ta’ djalogu ma’ Alla l-Ħallieq tinbena kuljum billi noffrulu l-azzjonijiet tagħna kollha, anki dawk imtappna jew mgħaffġa minħabba l-ebusija tal-ħajja.  Iżda Ġesù llum irid ukoll jipprovoka l-fidi u l-għajxien tal-istess fidi tagħna.  Id-domanda li għandna fl-aħħar vers tal-Vanġelu tal-lum hija provokazzjoni kbira:  “Meta jiġi Bin l-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art?”  Fija u fik x’se jsib il-Mulej?  Qed nibnu l-fidi tagħna pass wara pass minkejja, nerġa’ ntenni, id-djugħfija tagħna?

Il-messaġġ prinċipali li Ġesù jagħtina llum huwa biex naraw kif qed nimxu fil-proċess ta’ konverżjoni kontinwa lejn il-Mulej.

Dan nistgħu nagħmluh biss f’għaqda intima ma’ Alla.  Kif?  Bit-talb.

Hemm bżonn li lkoll kemm aħna nagħrfu li rridu nifhmu l-Kelma ta’ Alla, naċċettawha u ngħixuha ħalli nwasslu l-eżempju lil Ħaddieħor. Il-Mulej huwa l-kenn tagħna, kif ser intennu fis-Salm Responsorjali. Qatt m’hu se jħallina waħedna.

Hemm bżonn ta’ mument ta’ talb fl-24 siegħa li l-Mulej jagħtina kuljum.

Mulej, għinni nagħraf aħjar

nitkellem miegħek,

sabiex tkabbar fija l-fidi.

NITĦEJJEW GĦALL-ĠURNATA MISSJUNARJA:

Matul din il-ġimgħa noffru t-talb kollu tagħna għall-missjonijiet. Ma’ dan il-Bullettin qed jaslilkom l-envelope biex imbagħad jinġabar mill-membri tal-Azzjoni Kattolika bl-offerta tagħna għall-missjoni.

ŻJARA PASTORALI FIL-PARROĊĊA TAGĦNA

Bħala parti miż-żjara pastorali fil-Parroċċa tagħna, Mons Isqof ser jiltaqa’:

  • Mal-Kunsill Parrokkjali nhar l-Erbgħa li ġejja fil-5pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.
  • Mal-Katekisti nhar il-Ħamis fil-5pm fiċ-Ċentru Parrrokkjali.

FTUĦ TAS-SENA TAL-AZZJONI KATTOLIKA

Is-Sibt 15 ta’ Ottubru mill-5.30pm  l quddiem fil-knisja tax-Xewkija. Ikun hemm Konċelebrazzjoni mmexxija minn Mons. Isqof Mario Grech fis-6.30p.m.

KOMMUNITAJIET EWKARISTIĊI

LAQGĦA TAL-BIDU nhar il-Ħadd 16 ta’ Ottubru mill-5pm sa 7 pm fl-Istitut tal-Familja Ġwanni Pawlu II fir-Rabat. Il-membri kollha huma mħeġġa jattendu.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Nhar is-Sibt 22 ta’ Ottubru 2016 fil-Knisja Parrokkjali tal-Għasri. Jibda fis-6.30pm. Trasport mill-Pjazza fis-6.00pm.

GĦALL-ADOLOXXENTI U ŻGĦAŻAGĦ

Bl-għajnuna t’Alla ser nerġgħu nibdew il-laqgħat għall-adoloxxenti u żgħażagħ fiċ-Ċentru Parrokkjali tagħna.

  • Għall-Forms 3 u 4: Nhar ta’ Ġimgħa: 7.30pm
  • Għall-Forms 5 u SixthForm First Year: 8.30pm
  • Għaż-żgħażagħ (SixthForm 2nd Year ‘il fuq) nhar ta’ Ġimgħa fit-8.30pm.

OKKAŻJONIJIET SBIEĦ TA’ FORMAZZJONI U ATTIVITJIET TA’ MISTRIEĦ

GRAZZI MILL-QALB –  Offerta Knisja: Lawrence Sultana (Sydney) Aust$500; Offerta Orgni: NN New York Us$2000; Għas-sagristiji: NN €50.

Ilqa’ fi Ħdanek

Ilqa’ fi ħdanek o Ħanin Ġesu’ lir-ruħ għażiża ta’ Carmela Spiteri mill-Komunita’ Parrokjali tagħna li għoġbok issejħilha għal għandek fil-11 ta’ Ottubru 2016 fl-għomor ta’ 83 sena.

Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

GRAZZI MILL-QALB

LIL KULL MIN TA SEHEMU

FIĊ-ĊELEBRAZZJONIJIET LI KELLNA

BIEX INFAKKRU DAN L-ANNIVERSARJU.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 16 t’Ottubru ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm (l-aħħar reġistrazzjoni sas-1:00pm).

MUŻAJK  

Il-Kunsill Lokali jixtieq javża illi s-sezzjonijiet tal-Mużajk għal din il-ġimgħa ser ikunu fil-Maħżen tal-Armar bejn il-5pm u s-7pm f’dawn il-ġranet:

17 t’Ottubru – Residenti ta’ Triq Ċens l-Għarus

19 t’Ottubru – Residenti ta’ Triq Għajnsielem

21 t’Ottubru – Residenti ta’ Triq Fuq il-Għajn.

ĦARĠA GĦALL-ANZJANI

Il-Kunsill Lokali ser jorganizza ħarġa għall-anzjani l-Ġimgħa 28 ta’ Ottubru. Tluq fit-8am mill-Pjazza, Sant’Antnin u Triq il-Ġnien. Ikollna quddiesa Ta’ Pinu, inżuru ċ-Ċittadella, tombla u ikel. Prezz €5. Inkitbu l-Kunsill sal-Erbgħa 26 ta’ Ottubru.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Agnes Xuereb u ħutha joffru €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ ommhom Golina Xuereb f’għeluq is-7 snin mill-mewt tagħha fl-20 ta’ Ottubru.

Mulej agħtiha il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 7 ta’ Ottubru 2016

150 Sena Fostna u Magħna

Mija u ħamsin sena.

Daqshekk ilha fostna l-istatwa titutlari tal-Madonna ta’ Loreto. Ġiet fostna bħala ringrazzjament talli ħelset lill-poplu tagħna mill-marda kiefra tal-kolera.

Ġiet mill-bogħod, qasmet il-baħar Mediterran, forqot il-fliegu u ġiet fostna. Xbieha sabiħa, sempliċi, li tirrakkonta ġrajja li aħna niċċelebraw kull sena fil-jiem tal-festa titulari u fil-jum liturġiku tal-festa tagħha fl-10 ta’ Diċembru.

L-istatwa hija xogħol tal-arti mill-isbaħ. Imma l-vara fiha nnifisha ma fihiex valur jekk twarrab it-tifsira, il-messaġġ. Marija hija bilwieqfa, mara ta’ statura medja, mara normali, bħalna, iżda mżejna b’regalita’, għax hi reġina, sultana tas-sema u l-art. Hija omm li mhix mehdija bit-titlu rjali, imma li bil-ħarsa baxxa tagħha qed tħares fuqna, tieħu ħsieb lil uliedha, tkennen lil kulħadd taħt il-mant tagħha. Imma mhux biss. Qed toffrielna lil Ġesu’. Hija hi li kapaċi twassalna għand binha Ġesu’, l-għajn li minnha toħroġ kull ġid, barka, imħabba u ħniena. L-espressjoni ta’ wiċċ l-iben u ommu hija waħda ta’ ħlewwa, kompassjoni għax ma jwarrbu lil ħadd, ma jagħtu daharhom lil ħadd, ma jċaħħdu lil ħadd milli jersaq lejhom u jwassal it-talba, il-weġgħa, il-karba, it-tifħir tiegħu jew tagħha. Flimkien, imwaħħdin għax ma tistax tħobb lill-Omm u ma tħobbx lill-Iben u viċi versa. It-tnejn għandhom ħafna x’jgħidulna, volumi sħaħ. Iżda ma tista’ qatt tisma’ l-messaġġ jekk ma tiskotx, tieqaf u tisma’ dak li jixtiequ jwasslulek.

Iż-żewġ anġli fil-ġnub ifakkruna fil-ġrajja tad-Dar ta’ Nazaret, id-Dar li b’mod jew ieħor spiċċat f’Loreto, ċentru ta’ devozzjoni Marjana li jiġbed tant u tant pellegrini lejh minn kull rokna tad-dinja, inkluża Malta, Għawdex u Għajnsielem. L-istorja mċajpra ta’ ġrajjiet id-dar mhix ċentrali, l-aktar importanti l-messaġġ li joħroġ minnha. Id-djar tagħna kemm huma mudell tad-dar ta’ Marija? Il-familji tagħna kemm qed ifasslu ħajjithom fuq dik ta’ Nazaret? Dar sempliċi kienet dik ta’ Marija mingħajr kumditajiet żejda, sempliċi u fqira, fl-istess ħin sinjura u mżejna b’tant valuri u rikkezzi spiritwali. L-anġlu tamparu qed jurina l-pjanta tad-dar. Meta tkun ser tibni dar, il-pjanta hija fundamentali. B’hekk tkun ċert li d-dar li ser tibni ser ikollha dak kollu li inti taħseb li huwa bżonnjuż, neċessarju. Aħna fuq liema pjanta qed nibnu ħajjitna? X’qies qed nagħtu lill-ħajja spiritwali tagħna, lill-edukazzjoni reliġjuża tagħna u dik ta’ uliedna? Fejn u liema huma l-prijoritajiet tagħna?

Mill-Editorjal Rivista Għajnsielem Festa 2016 – Ħarġa 74

PROGRAMM:

Il-Ħamis 13 ta’ Ottubru 2016

6.00pm            Quddiesa

6.30pm            Rużarju fil-Knisja

Waqt il-Kant tal-Litanija Lawretana jsir il-ħruġ tal-Istatwa tal-Madonna ta’ Loreto min-niċċa u titpoġġa għall-ewwel darba wara l-artal maġġur. Isir kant marjan. Kulħadd imħeġġeġ iġib l-imkatar li wżajna fil-festa (ikollna wkoll għall-bejgħ fil-knisja).

Il-Ġimgħa 14 ta’ Ottubru 2016

9.00am    Quddiesa

9.30am    Adorazzjoni Ewkaristika sa filgħaxija

5.30pm    Rużarju Meditat

6.00pm  Konċelebrazzjoni Solenni mmexxija mill-ET Mons Isqof Mario Grech bis-sehem tal-Orkestra taħt id-direzzjoni ta’ Mro Frankie Debono. Din il-quddiesa ser issir ukoll bħala bidu taż-żjara pastorali li l-Isqof Mario Grech ser ikun qed jagħmel fil-Komunita’ Parrokkjali tagħna sal-5 ta’ Novembru 2016.

Matul dawn il-jumejn ta’ festa, intellgħu l-bnadar, nixegħlu l-galleriji u nesponu x-xbihat tal-Madonna ta’ Loreto fil-galleriji u t-twieqi tagħna.

RADJU LAURETANA  Għal din l-okkażjoni storika, Radju Lauretana ser ixandar skeda speċjali l-Ħamis 13 u l-Ġimgħa 14 ta’ Ottubru l-ġurnata kollha. Segwuna fuq 89.3FM jew www.radjulauretana.com

               Omm Ħanina, Idħol Għalina

ŻJARA PASTORALI FIL-PARROĊĊA TAGĦNA

Il-programm tal-laqgħat ta’ Mons. Isqof u l-viżitaturi jitwassal mal-bullettin li jmiss. Nagħmlu l-ħila tagħna kollha u nitolbu biex din iż-żjara tħalli l-frott mixtieq.

EWRO COLLECTION Matul il-quddies ta’ dan il-weekend il-ġabra tkun b’risq il-festa titulari 2017. Ngħinu kif u kemm nistgħu. Inkunu ġenerużi bħal dejjem.

LAQGĦA BETHLEHEM F’GĦAJNSIELEM għal dawk kollha li jixtiequ jieħdu sehem il-Ġimgħa 14 ta’ Ottubru fis-7.30pm fil-bini tal-Kunsill Lokali.

GRAZZI MILL-QALB

  • Lil Fr Joseph Farrugia li wara disa’ snin fil-parroċċa tagħna, issa ser jieqaf biex ikompli mal-impenji pastorali li għandu fil-konsultorju tal-familja u fid-djoċesi. Minn qalbna nirringrazzjawh tax-xogħol fejjiedi li għamel fil-parroċċa tagħna u nawgurawlu fil-ħidma tiegħu. Ningħaqdu miegħu f’quddiesa ta’ radd il-ħajr il-Ħadd 9 ta’ Ottubru fl-10a.m.
  • Lill-Madre Sr Edgarda Galea tal-Agostinjani li temmet iż-żmien tagħha fostna biex tkompli x-xogħol tagħha f’Malta.
  • Lis-Superjura Doris Attard tal-Museum tal-Bniet li wkoll temmet il-ħidma tagħha fostna.

NAGĦTU MERĦBA FOSTNA

Lill-Madre Margaret Vassallo tal-Agostinjani.

Lis-Superjura Antonia Xiberras tal-Qasam tal-Bniet.

Nawgurawlhom ħidma tajba, nitolbu għalihom u nikkoperaw magħhom.

FESTA MADONNA TAR-RUŻARJU

Il-Ħadd 9 ta’ Ottubru fir-Rabat

F’din is-sena tal-Ġublew tal-Ħniena, il-Knisja f’Għawdex ser tiċċelebra l-Ġublew Marjan il-Ħadd 9 ta’ Ottubru fil-Belt Victoria. Nibdew fi Pjazza Santu Wistin fl-4.00pm – PELLEGRINAĠĠ bil-kwadru nkurunat tal-Madonna ta’ Pompej u QUDDIESA fit-triq quddiem is-Santwarju ta’ Pompej mmexxija minn Mons Isqof Mario Grech.

TRASPORT MILL-PJAZZA FIT-3.15 pm.

INĦEĠĠU L-FRATELLI KOLLHA JIEĦDU SEHEM.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Lorenza Scicluna toffri €20 b’suffraġju tar-ruħ għażiża ta’ binha Frankie f’għeluq il-ħdax-il sena mill-mewt tiegħu fl-14 ta’ Ottubru kif ukoll b’suffraġju ta’ binha Joe u żewġha Carmelo Scicluna.
  • Frenċu Xuereb flimkien ma’ uliedu Melissa u Jennifer joffru €20 b’suffraġju tal-għażiża tagħhom Stella f’għeluq it-3 snin mill-mewt tagħha fit-8 ta’ Ottubru.

Mulej agħtihom il-mistrieħ ta’ dejjem.