Monthly Archives: November 2016

Bullettin 25 ta’ Novembru 2016

L-1 Ħadd ta’ l-Avvent

             INQUMU FL-ISTENNIJA

ISHRU, MELA,

GĦAX MA TAFUHX IL-JUM

LI FIH JIĠI SIDKOM

Bħala nsara huma ferm importanti l-mumenti li nqumu ftit mir-rutina li ħafna drabi nkunu waqajna fiha.  L-Avvent huwa ż-żmien it-tajjeb biex nagħmlu dan fl-istennija tat-twelid ta’ Ġesù, twelid li d-dinja tal-kummerċ illum għamlet minnu karikatura.  L-Avvent huwa kemm memorja kif ukoll profezija.  Ma rridux inħarsu biss lejn il-passat tal-ġrajja tal-Milied, iżda wkoll lejn il-preżent biex ninterpretawh fid-dawl tal-Kelma t’Alla.  L-Avvent għalhekk mhux xi stennija monotona li fiha ma tagħmel xejn, iżda stennija attiva.

Mat-Twaqqif tas-Saltna tal-Messija sal-aħħar tad-dinja, Sijon il- Ġdida – il-Knisja tkun għall-attenzjoni mhux tal-Lhud biss iżda tad-dinja kollha.  Hekk itenni l-awtur tal-Ktieb tal-Profeta Isaija fl-ewwel silta tal-lum.  Il-poplu jkollu x-xewqa li jitgħallem it-triqat u l-mogħdijiet tal-Mulej.  Dan il-ferħ ta’ għażla jidher fis-Salm Responsorjali tal-lum meta fis-Salm 121 insibu l-għanja ta’ ferħ:

“FRAĦT META QALULI: ‘IMMORRU FID-DAR TAL-MULEJ’.

San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani jagħmel distinzjoni bejn il-lejl li huma l-jiem ta’ ħajjitna u l-jum li huwa t-tieni miġja tal-Mulej.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew insibu li Ġesù jisħaq fuq x’għandha tkun l-attitudni tagħna b’din l-istennija.  Hemm bżonn li nkunu dejjem imħejjija.  Quddiem dinja li tipprovdi vanġeli u valuri oħrajn l-iżball ta’ l-aljenazzjoni jista’ jkun fatali.

L-AVVENT huwa riflessjoni qabel il-Milied fuq il-laqgħa tiegħi mal-Mulej li ġej.

X’qed tħejji għal din il-miġja tal-Mulej? Kif qed tgħixha din l-istennija? Kemm tassew qed tipprova tegħleb l-aljenazzjoni tad-dinja biex tiġġedded mal-Mulej?

Theilard de Chardin kien itenni:  “Il-Mulej Ġesù ser jirritorna jekk nistennewh b’tama ħajja.”  Kemm verament qed nistennewh il- Mulej? Lil min ser nistennew f’dan l-Avvent?

Kif ser nistennewh? Fejn?

Mulej Ġesù, għinna nirbħu l-aljenazzjoni fil-ħajja tagħna biex naslu ħalli nistennewk bi preparazzjoni serja.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA! Motto tal-parroċċa tagħna għal din is-sena liturġika li qed nibdew flimkien mal-Knisja kollha! NITRAWMU FIT-TALB bħal Marija fid-Dar Tagħha ta’ Nazaret.

L-AVVENT

Żmien ta’ STENNIJA fis-SKIET

Żmien ta’ STENNIJA fil-FERĦ

Żmien ta’ BIDLA TAL-QALB quddiem KRISTU

                              LI ĠEJ BIEX IQAĊĊAT IL-ĦAŻIN.

SKIET – FERĦ – BIDLA TAL-QALB.

Ngħixuhom fiċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa u fil-ħajja ta’ kuljum.

TALB – KANT – GĦAJNUNA LILL-OĦRAJN

FESTA TA’ SANT’ANDRIJA Nhar l-Erbgħa li ġejja nfakkru lil dan l-Appostlu Qaddis, Patrun tas-Sajjieda. Filgħaxija fis-6pm ikollna l-quddiesa bil-prietka.

MILL-MUSEUM TAL-BNIET  Il-laqgħa tal-bniet ta’ Form 2 ser tibda tkun il-Ħamis fl-4.30pm.

TĦEJJIJA GĦALL-GRIŻMA

IMPORTANTI – L-istudenti li qed jippreparaw ruħhom biex jirċievu l-Griżma tal-Isqof ser ikollhom tlett laqgħat ta’ tħejjija matul iż-żmien tal-Avvent. Nhar ta’ Erbgħa – 30 ta’ Novembru, 7 u 14 ta’ Diċembru fil-5.15pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.

GRAZZI MILL-QALB Bott offerti każin PN €26.83

Offerta ta’ €100 b’ringrazzjament lill-Madonna. N.N. Orgni €500.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 27 ta’ Novembru ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm

B’RISQ IL-KNISJA PAROKKJALI

ĠABRA SPEĊJALI FIL-QUDDIES KOLLU tas-Sibt u l-Ħadd 26 u 27 ta’ Novembru.

Fil-knisja parrokkjali tistgħu taraw l-kanen kbar tal-orgni li waslu dan l-aħħar mill-Ingilterra kif ukoll xi xogħol tal-arloġġi li wasal minn Franza.

  • HI-TEA Nhar l-Erbgħa 14 ta’ Diċembru fiċ-Ċentru Parrokkjali mis-6.30pm ‘il quddiem.

L-IKLA TAL-MILIED li torganizza l-Parroċċa ser tkun il-Ġimgħa 6 ta’ Jannar, 2017 fil-Grand Hotel.

IL-MADONNA TA’ LORETO FESTA LITURĠIKA

Il-Ġimgħa 9 ta’ Diċembru: 6.30pm – 7.15 Talb Marjan f’riġlejn l-istatwa devota tal-Madonna s-Sewda bit-Tema: FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA!

Is-Sibt 10 ta’ Diċembru: 6.00pm Quddiesa solenni bis-sehem tal-orkestra.

miċ-Ċentru Parrokkjali

BEJGĦ TA’ PONSJETTI U PJANTI b’risq iċ-Ċentru – matul din il-ġimgħa 4-5.30pm. u filgħodu 8.30-9am.

SERATA TAL-MILIED: It-Tlieta 27 ta’ Diċembru, 2016. Nistiednu lil dawk li jixtiequ jieħdu sehem biex jinkitbu l-Uffiċċju Parrokkjali jew iċ-Ċentru sat-18 ta’ Diċembru.

ĦARĠA GĦAL MALTA

Il-Kunsill Lokali Għajnsielem ser jorganizza ħarġa għal Malta nhar it-Tlieta 6 ta’ Diċembru. Ser inżuru l-Birgu, il-Mużew Marittimu, ikla fil-Valletta Waterfront u Pama. Tluq mill-Pjazza fis-6:50am. Prezz 17-il Ewro. Biljetti jinxtraw mill-uffiċċju tal-Kunsill.

MILL-KNISJA TA’ SANT’ANTNIN

TOMBLA Ċentru Sant’ Antnin il-Ġimgħa 2 ta’ Diċembru fis-7pm.

IKLA TAL-MILIED Buffet tal-Milied b’risq il-Knisja ta’ Sant’Antnin il-Ġimgħa 9 ta’ Diċembru mis-7.30pm ‘il quddiem fil-Każin tal-Banda. Biljetti mill-Knisja tal-Patrijiet jew ċemplu 79202172.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Loreta Zerafa toffri €20 għall-ispejjeż tal-Bullettin b’suffraġju ta’ Kelinu Debono f’għeluq l-4 snin mill-mewt tiegħu fis-26 ta’ Novembru.
  • Eugenia Buttigieg toffri €20 għall-ispejjeż tal-Bullettin b’suffraġju ta’ ħuha Stephen Xuereb li miet il-Kanada fis-17 ta’Novembru.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Bullettin 18 ta’ Novembru 2016

L-34 Ħadd Matul is-Sena

Festa ta’ Kristu Sultan

SULTAN QADDEJ

Sultan Qaddej.  Din hija l-festa li qed niċċelebraw illum.  Il-festa li tradizzjonalment insejħulha l-festa ta’ Kristu Re.

Hija l-festa fejn ir-Re ġie fid-dinja biex isalvana u jkun is-salvatur tagħna.  Ilkoll kemm aħna llum irridu nirringrazzjaw lil Ġesù li wriena mhux bil-kliem biss iżda wkoll bil-ġrajjiet li jħobbna lkoll, li jħobb l-umanità kollha tant li daħal fl-istorja tal-umanità tagħna.  Sultan li qiegħed għas-servizz tagħna u għalhekk fih sens akbar illum fl-aħħar Ħadd tas-Sena Liturġika li nħarsu lejn il-Mulej bħala dak li mhux huwa s-sultan tal-ħolqien kollu iżda li jsegwi bil-fidwa li kisbilna dan l-istess ħolqien.  Huwa messaġġ ta’ faraġ u kuraġġ għalina lkoll.  Messaġġ li permezz tiegħu nagħrfu li qatt fid-dinja ma aħna waħedna.  Biex wettaq din il-missjoni ta’ salvazzjoni Ġesù bata ħafna.  Bata l-umiljazzjoni.  Huwa, li kien Sultan tal-Univers kollu, kien umiljat bl-akbar mod kif naraw anki fil-Vanġelu tal-lum.  U anki minn hawn irid joħroġ messaġġ qawwi għall-ħajja tagħna.  Aħna l-insara ġejna mifdijin bil-prezz għoli tad-demm tal-feddej. Huwa għalhekk li għandna responsabbiltà kbira li nuru lid-dinja ta’ madwarna l-qawwa ta’ din is-Saltna ta’ dan is-Sultan li huwa għas-servizz tagħna erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.

  1. Kemm tħoss fil-fond ta’ qalbek li llum għandek tgħid GRAZZI lil Kristu Sultan?
  2. Taf kemm kuljum dan is-sultan huwa għad-dispożizzjoni tiegħek?  Jirnexxilek tieqaf u tkellmu huwa li qed jistenniek erbgħa u għoxrin siegħa kuljum?
  3. Kemm nifhmu l-prezz għoli li dan is-Sultan ħallas għalina?
  4. Iċ-ċelebrazzjoni tal-lum trid tkun ċelebrazzjoni ta’ radd il-ħajr lil Ġesù għal dak li għamel u jibqa’ jagħmel għalina, minkejja li neħduh for grantedfil-ħajja tagħna.
  5. Bix-xhieda tagħna f’din id-dinja aħna rridu nuru li niffurmaw parti minn din is-saltna li tagħha Ġesù huwa l-mexxej.  L-ID Cardtagħna trid tkun ix-xhieda permezz tas-sagrifiċċju.

Nadurawk, o Sultan tagħna,

għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

IL-ĠUBLEW TAL-ĦNIENA GĦADDA-IL-ĦNIENA TRID TKOMPLI U TIŻDIED

FESTA TA’ KRISTU SULTAN

Illum il-Ħadd 20 ta’ Novembru tagħlaq is-sena liturġika tal-Knisja u magħha il-Ġublew tal-Ħniena.

Bejn is-Sibt u l-Ħadd 19 u 20 ta’ Novembru  ser ikun hemm servizz ta’ QRAR IL-LEJL KOLLU fis-SANTWARJU TAL-GRAZZJA TAL-KAPUĊĊINI.

IL-ĦADD 20 ta’ Novembru  fl-4.00pm – Ċelebrazzjoni Djoċesana.

IMPORTANTI  –  Il-quddiesa ta’ filgħaxija (għal dan il-Ħadd biss) fil-Knisja tagħna tkun fis-6.30pm.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 22 ta’ Novembru ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1pm sal-5pm (l-aħħar reġistrazzjoni sal-5:00pm).

QUDDIESA FESTA SANTA ĊEĊILJA

L-Għaqda Mużikali San Ġużepp ser  tiċċelebra l-festa ta’ Santa Ċeċilja – patruna tal-mużiċisti u l-baned Maltin b’quddiesa fil-kappella tagħha it-Tlieta, 22 ta’ Novembru fis-7pm. Kulħadd mistieden.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Nhar is-Sibt 26 ta’ Novembru, 2016 fil-knisja ta’ San Lawrenz mis-6.30 sat-8.30 pm. Trasport mill-Pjazza fis-5.45pm. It-talb f’Dicembru ser isir fil-knisja tagħna.

THANKSGIVING – RADD il-ĦAJR

STEDINA miċ-Ċentru Parrokkjali

Niċċelebraw flimkien din il-festa ta’ ringrazzjament lil Alla li oriġinat fl-Amerka.

  • Nhar is-Sibt li ġej 26 ta’ Novembru
  • Fiċ-Ċentru Parrokkjali mis-7.30p.m. ‘il quddiem
  • 3 course meal organizzata miż-żgħażagħ tagħna – GSM Youths.

Biljetti miċ-Ċentru Parrokkjali jew mill-Uffiċċju Parrokkjali. (kbar €12, żgħar minn yr5 sa form1 €6. Family ticket- omm u missier u żewġt itfal yr5-form1 – €30). Tfal sa yr4 b’xejn. Tistgħu ċċemplu lil Pauline Buttigieg 79964537 jew id-dar parrokkjali 21554615.

DVD TAL-FESTA  Infakkru li min jixtieq jakkwista DVD tal-festa jmur l-Uffiċċju Parrokkjali. Prezz €10.

MATUL NOVEMBRU fiċ-Ċimiterju

QUDDIES it-Tnejn u l-Erbgħa f’nofsinhar.

  • Il-Ġimgħa 25 ta’ Novembru Quddiesa fis-7.30pm.

Kuljum ikollna l-pellegrinaġġ bir-rużarju fis-7pm.

KOMPETIZZJONI KARTOLINA TAL-MILIED

Il-Kunsill Lokali Għajnsielem ser jerġa’ jniedi kompetizzjoni tal-isbaħ kartolina għat-tfal tal-iskola primarja bejn year 1 u year 6. It-tfal kollha t’Għajnsielem huma mħeġġa jipparteċipaw. Ser jitqassam envelope lil kull tifel u tifla fl-iskola li jinkludi l-linji gwida. Dawk it-tfal li ma jattendux l-iskola primarja t’Għajnsielem huma mħeġġa li jiġbru l-linji gwida mill-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali. Il-kompetizzjoni tagħlaq l-Erbgha 30 ta’ Novembru 2016.

L-INTERNET U WLIEDNA … Laqgħa mportanti

Il-Kummissjoni Djoċesana Familja tistieden lill-ġenituri u carers kollha ta’ tfal u adolexxenti għal laqgħa utli ħafna għalihom dwar Il-perikli tal-internet għat-tfal u għall-adolexxenti.  Il-laqgħa ser tinżamm fl-Istitut tal-Familja, r-Rabat, nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Novembru bejn is-6.00pm u s-7.30pm u ser titmexxa mis-Cyber Crime Unit tal-Pulizija ta’ Malta.

GRAZZI MILL-QALB N.N. Għall-Orgni €30.

Euro Collection Novembru 2016 €428.59

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Rose u George Grech joffru €20 għall-ispejjeż tal-Bullettin b’suffraġju tal-għażiża ommhom Mary Grech f’għeluq id-9 snin mill-mewt tagħha.
  • L-aħwa Mercieca joffru €20 għall-ispejjeż tal-Bullettin b’suffraġju tal-erwieħ tal-familji Mercieca u Turban.
  • Guża Zerafa toffri €20 għall-ispejjeż tal-Bullettin b’suffraġju tal-għażiża ommha Maria Spiteri li mietet ġewwa Sydney l-Awstralja fl-14 ta’ Ottubru li għadda.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

 

Bullettin 11 ta’ Novembru 2016

It-33 Ħadd Matul is-Sena

JOBGĦODUKOM  MINĦABBA  F’ISMI! XAGĦRA WAĦDA MINN RASKOM MA TINTILIFX

Li tgħix ta’ nisrani m’huwiex faċli.  Tista’ tirreċta ta’ nisrani, tista’ tilgħabha ta’ nisrani, iżda li verament tgħix ta’ nisrani mhix ħaġa faċli. Kull ħaġa li ħsibna li se tibqa’:  ideoloġiji, personaġġi, monumenti, kollox qdiem, intemm u għadda.  Iżda Kristu baqa’; il-fidi tibqa’.  Hu għalhekk li Ġesù llum jistedinna biex l-ewwelnett nirriflettu ftit fuq kemm il-fidi tagħtina l-kuraġġ kif inħarsu lejn il-ħajja tagħna ta’ kuljum u wkoll kif tassew aħna.  Dan biex ilkoll nindunaw li rridu ngħaddu minn persekuzzjonijiet iżda li moħħna għandu jkun mistrieħ li l-Mulej qatt m’hu se jħallina waħedna, “għax jien nagħtikom diskors u għerf.”

Ġesù jtenni li saħansitra dawk li nafdaw fihom iduru kontrina, dawk li qatt ma stennejna li se jeħduha kontrina.  Ġesù għalhekk jisfidana biex nibqgħu sħaħ sal-aħħar.  M’aħniex se nkunu waħedna f’din il-mixja ta’ fidi u mpenn fuq dak li għallimna huwa stess.  Dan huwa Ħadd li jiftħilna għajnejna iżda fl-istess ħin jimliena kuraġġ meta nkunu mimlija niket minħabba dak li jkun qed jiġri madwarna u li ħafna drabi jkunu ġrajjiet li ma nistgħux nifhmu.

  1. Il-Mulej qed jurina biċ-ċar illum xi tfisser tkun nisrani.  Trid taħdem, ma tibżax mill-persekuzzjoni u żżomm għajnejk u widnejk miftuħa sew għal dak li jgħidlek hu fil-mumenti iebsa.
  2. Ġesù jridna nibqgħu sħaħ sa l-aħħar.  Kif?  Billi nisimgħu l-messaġġ tal-Kelma tiegħu u nagħtuh il-ħajja fl-ambjent tagħna.
  3. San Pawl itenni l-importanza tax-xogħol fl-istennija tal-Mulej.  Il-post tax-xogħol u dmirijiet tagħna għax huma parti mill-vokazzjoni u l-impenn nisrani ta’ kuljum.
  4. Illum irridu nwiegħdu lil Ġesù li nimxu fuq kliemu mingħajr kompromessi – mingħajr ma ngħidu: “u iva! Mhux kulħadd hekk jagħmel!

Mulej, dawwal il-fehma tiegħi,biex nifhem aktar dak li trid minni

u għinni nħoss il-preżenza u d-dawl tiegħek

f’kull deċiżjoni li nieħu fil-ħajja

biex dejjem tkun fuq kliemek.

ADORAZZJONI FIL-KNISJA L-QADIMA

Insibu aktar ħin għall-Adorazzjoni fil-Knisja l-Qadima l-aktar bejn l-10am u s-1.00pm.

JUM IT-TIFKIRA – IL-ĦADD 13 ta’ NOVEMBRU

10.00am               Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali

Wara, daqq tas-sirena, tqegħid ta’ kuruni fuq il-monument tal-gwerra, daqq tal-fanfarra u wirja ta’ karozzi ta’ żmien il-gwerra u oħrajn. Jintlaqgħu donazzjoniet għal Puttinu Cares. Attività organizzata mill-Kunsill Lokali.

DVD TAL-FESTA  Min jixtieq jakkwista DVD tal-festa li għaddiet imur l-Uffiċċju Parrokkjali. Prezz €10.

STATWA U IKONA TAL-FIDDA

Nixtiequ navżaw lil dawk li kienu ordnaw statwa tal-fidda biex jikkuntattjaw l-uffiċċju parrokkjali ħalli jiġu jiġbruha. Erġajna ġibna wkoll aktar ikoni (it-3 daqsijiet) u statwi tal-fidda replika tal-istatwa titulari tagħna. Min jixtieq jakkwista xi waħda (anke bħala rigali tal-Milied) aslu wasla sal-uffiċċju parokkjali.

KOR VIRGO  Inħeġġu lit-tfal minn Year 2 sa Year 6 biex jieħdu sehem flimkien fil-Kor Virgo. Il-provi jkunu nhar ta’ Ħadd dritt wara l-quddiesa tal-10.00am.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA ġewwa Lourdes Home l-Erbgħa 16 ta’ Novembru mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Mons Renato Borg, kafe’ u tombla.

MATUL NOVEMBRU fiċ-Ċimiterju

QUDDIES it-Tnejn u l-Erbgħa f’nofsinhar.

  • Il-Ġimgħa 18 ta’ Novembru fis-7.30pm tkun b’sufraġju taż-żgħażagħ mejtin u għall-mejtin tal-Għajnsielem F.C.

Kuljum ikollna l-pellegrinaġġ bir-rużarju fis-7pm.

GRAZZI MILL-QALB Gorga Galea toffri €100 b’ringrazzjament lill-Madonna ta’ Loreto.

GĦOTI TA’ DEMM Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 13 ta’ Novembru ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

LAQGĦA MPORTANTI

għall-ġenituri li għandhom it-tfal jattendu l-Museum tal-Bniet Għajnsielem. Nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Novembru fis-6.30pm fil-Qasam tal-Bniet fi Triq J.F. de Chambrai.

FESTA TA’ KRISTU SULTAN

Nhar il-Ħadd 20 ta’ Novembru tagħlaq is-sena liturġika tal-Knisja u magħha il-Ġublew tal-Ħniena.

Il-ĦAMIS 17 ta’ Novembru: Ċelebrazzjoni ta’ Kristu Re għat-tfal minn Yr5 sa Form 1 fil-Knisja ta’ Sannat Trasport provdut mill-parroċċa mill-Pjazza fl-4.30pm.

NISSIEĦBU MAGĦHOM F’ĠEST TA’ KARITÀ BILLI NĠIBU PRODOTTI TAL-IKEL PRESERVE U POĠĠUHOM FIL-KAXXA APPOSTA FIL-KNISJA PARROKKJALI (quddiem l-artal tal-Madonna)

Bejn is-Sibt u l-Ħadd 19 u 20 ta’ Novembru  ser ikun hemm servizz ta’ QRAR IL-LEJL KOLLU fis-SANTWARJU TAL-GRAZZJA TAL-KAPUĊĊINI.

IL-ĦADD 20 ta’ Novembru  fl-4.00pm – Celebrazzjoni Djoċesana. Dakinhar il-quddiesa ta’ filgħaxija fil-Knisja tagħna tkun fis-6.30pm.

IKLA TA’ SAN MARTIN FIS-SEMINARJU

Nhar is-Sibt 19 ta’ Novembru fis-7.00pm. Biljetti mingħand l-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju jew mis-Seminarju stess (21556479)

CHRISTMAS DINNER b’risq il-Knisja ta’ Sant’Antnin il-Ġimgħa 9 ta’ Diċembru mis-7.30pm ‘il quddiem. Prezz €25. Tfal taħt l-għaxar snin €10. Biljetti mill-Knisja tal-Patrijiet jew ċemplu 79202172.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ

  • Ir-ruħ għażiża ta’ Johnny Vassallo li sejjaħtlu għall-għandek fid-19 ta’ Ottubru 2016 fl-età ta’ 55 sena.
  • Ir-ruħ għażiża ta’ Toni Portelli li għadda għall-ħajja ta’ dejjem fis-7 ta’ Novembru 2016 fl-età ta’ 58 sena.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Rita Muscat toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Menu Grima f’għeluq il-31 sena mill-mewt tiegħu fit-12 ta’ Novembru.
  • Laura Vella toffri €20 b’suffraġju ta’ Frankie Vella, Guża Axiaq, u Maria u Loreta Zerafa.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

 

Bullettin 4 ta’ Novembru 2016

It-32 Ħadd Matul is-Sena

ALLA  TAL-ĦAJJIN

Ninsabu fix-xahar li fih niftakru fl-għeżież tagħna mejtin.  Fix-xahar ta’ Novembru bla ma trid tħoss xi ftit niket.  Jorbotna ma’ dawk li m’għadhomx aktar magħna, li telqu qabilna fil-vjaġġ tagħhom għall-eternita’.  U min jaf kemm-il darba għaddew ħsibijiet minn moħħna ta’ x’se jsir minn din il-ħajja! HU M’HUWIEX ALLA TAL-MEJTIN, IŻDA TAL-ĦAJJIN, GĦAX GĦALIH KULĦADD JGĦIX.

Huwa fatt li ħafna drabi nagħmlu enfasi kbira fuq il-kelma MEJTIN.  U għalhekk noqtlu fina kull ħjiel ta’ tama għal ħajja oħra.  Ġesù llum fil-Vanġelu jitkellem ċar – AĦNA WLIED IL-ĦAJJA.  Alla tagħna m’huwiex Alla tal-mejtin iżda tal-ħajjin:  “għax għalih kulħadd jgħix.” .  Aħna wlied il-ħajja u għalhekk irridu, minn din il-ħajja stess, nimpenjaw ruħna u nagħmlu l-investimenti tagħna mhux fuq din l-art iżda fis-sema fejn hu pajjiżna.  Meta jkollna l-fidi tagħna msaħħa kapaċi naslu għal dawn il-ħsibijiet, iżda mingħajr il-fidi ma naslu mkien.

Ħafna kumplikazzjonijiet u ħsibijiet żejda fil-ħajja tagħna nagħmluhom għax inħaddnu l-prinċipju tas-Sadduċej li ma kinux jemmnu fil-qawmien u għalhekk kollox isir kumplikat u jispiċċa fix-xejn minn dak kollu li ngħaddu minnu f’din il-ħajja.

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mit-Tieni Ktieb tal-Makkabej, insibu għall-ewwel darba fit-Testment il-Qadim stqarrija ta’ twemmin fil-qawmien mill-imwiet.  Fit-Tieni Qari għandna silta mit-Tieni ittra ta’ San Pawl lit-Tessalonkin fejn San Pawl jissokta jitlob għall-insara tat-Tessalonika biex ifehimhom li ma jistgħux jaslu waħedhom għas-salvazzjoni iżda jrid ikun hemm l-għajnuna ta’ Alla.  Fil-Vanġelu meħud minn San Luqa, għad-domanda “hemm tassew qawmien mill-imwiet?” insibu li t-tweġiba ta’ Ġesù mhix waħda mibnija fuq ix-xjenza iżda fuq il-fidi.

  1. Inti konvint mill-qawmien wara din il-ħajja?
  2. Kif qed tgħix il-fidi tiegħek issa?
  3. Kemm qed tagħmel investimenti fis-sema?
  4. Kemm tassew temmen li l-mixja tagħna fuq din l-art se titkompla mal-Mulej għall-eternitaÏ?  Kemm tassew qed tgħix il-Kelma ta’ Alla f’dan id-dawl?
  5. Alla tiegħek huwa Alla tal-ħajjin jew tal-mejtin?

Isma’, Mulej, il-kawża ġusta tiegħi, ilqa’ l-għajta tiegħi,

agħti widen għal talbi li ġej minn xofftejn bla qerq.

ŻJARA PASTORALI

Bħala parti miż-żjara pastorali fil-Parroċċa tagħna, din il-ġimgħa Mons Isqof ikollu dawn l-appuntamenti fostna:

Is-Sibt 5 ta’ Novembru: Quddiesa għall-Kommunita’ Ingliża f’Lourdes Home fis-6.00pm. 7.15 Laqgħa mal-animaturi tal-Mixja għall-ħajja taż-Żwieġ u l-Familja u wara laqgħa mal-għarajjes.

Il-Ħadd 6 ta’ Novembru: 10am – Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali. 11am Quddiesa fil-Knisja ta’ Sant’Antnin.

IL-KURĊIFISS FIL-KNISJA PARROKKJALI

Kif diġa’ rajtu, il-Kurċifiss li kien imdendel wara l-artal tal-Knisja Parrokkjali, issa li għamilna r-reredos għall-Madonna s-Sewda, poġġejnih f’waħda min-navi bejn iż-żewġ konfessjonarji. Hemmhekk ser tiġi żviluppata bħala kappella tal-Kurċifiss u Santwarju tal-Qrar. Il-Kurċifiss ikun jista’ jintrama wara l-artal fir-Randan.

Nirringrazzjaw lil Fra. Lorrie Zerafa ofm, iben il-benefattur, li ppreparalna fuljetti sbieħ li jgħinu għal qrara tajba u santi bir-ritratt ta’ dan il-Kurċifiss u t-talba sabiħa ta’ San Franġisk quddiem il-Kurċifiss. Lil Fra Lorrie nirringrazzjawh ukoll għall-istola sabiħa li rregala lill-knisja tagħna biex tintuża f’okkażjonijiet bħat-tridu tal-festa eċċ, fl-okkażjoni tal-150 sena tal-istatwa fostna.

INTENZJONIJIET TA’ QUDDIES

Min jixtieq jordna intenzjonijiet ta’ quddies fil-knisja parrokkjali għax-xhur ta’ Jannar, Frar u Marzu 2017 jista’ jagħmel dan fl-Uffiċċju Parrokkjali nhar ta’ Tlieta jew il-Ħamis bejn id-9am u nofsinhar.

BAKE SALE

MILL-ADOLOXXENTI U ŻGĦAŻAGĦ

Wara l-quddies kollu tal-Ħadd 6 ta’ Novembru ħdejn il-bibien tal-Knisja Parrokkjali – b’risq ġesti ta’ karità li ser jorganizzaw fi żmien il-Milied. Tistgħu tgħinu wkoll billi ġġibu xi ħelu li tkunu għamiltu intom stess.

IX-XAHAR TA’ NOVEMBRU

Qegħdin fix-xahar li fih niftakru aktar f’ħutna li diġa’ għaddew għall-ħajja eterna.

MATUL NOVEMBRU fiċ-Ċimiterju

QUDDIES nhar ta’ Tnejn u nhar t’Erbgħa f’nofsinhar.

  • Il-Ġimgħa 11 ta’ Novembru ma jkunx hemm quddiesa. Ser ikollna s-Sibt 12 ta’ Novembru f’nofsinhar u tkun organizzata mill-Banda San Ġużepp.

Kuljum ikollna l-pellegrinaġġ bir-rużarju fis-7pm.

L-EWWEL SIBT TAX-XAHAR – 5 ta’ Novembru, fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm rużarju u fl-4.00pm il-quddiesa.  Wara jkollna l-adorazzjoni sad-9.00pm.

GRAZZI MILL-QALB

Gabra speċjali għall-Knisja: €704.68

Għall-Missjonijiet:  b’kollox €3096

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 8 ta’ Novembru ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Carmela Ciantar toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ ħuha Loretu Buttigieg f’għeluq id-disa’ snin mill-mewt tiegħu fl-4 ta’ Novembru.
  • Adelina Zerafa toffri €20 b’suffraġju ta’ żewġha Loreto u binha Joseph Zerafa.
  • Carmena Xuereb toffri €20 b’suffraġju ta’ Loreta Xuereb f’għeluq it-3 snin mill-mewt tagħha fit-8 ta’ Novembru.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

NITOLBU LILL-ERWIEĦ JINTERĊEDU GĦALINA QUDDIEM ALLA

GĦALL-PAĊI U L-GĦAQDA FIL-FAMILJI TAGĦNA

u biex JIBGĦATILNA XITA FEJJIEDA U F’WAQTHA