Bullettin 18 ta’ Novembru 2016

L-34 Ħadd Matul is-Sena

Festa ta’ Kristu Sultan

SULTAN QADDEJ

Sultan Qaddej.  Din hija l-festa li qed niċċelebraw illum.  Il-festa li tradizzjonalment insejħulha l-festa ta’ Kristu Re.

Hija l-festa fejn ir-Re ġie fid-dinja biex isalvana u jkun is-salvatur tagħna.  Ilkoll kemm aħna llum irridu nirringrazzjaw lil Ġesù li wriena mhux bil-kliem biss iżda wkoll bil-ġrajjiet li jħobbna lkoll, li jħobb l-umanità kollha tant li daħal fl-istorja tal-umanità tagħna.  Sultan li qiegħed għas-servizz tagħna u għalhekk fih sens akbar illum fl-aħħar Ħadd tas-Sena Liturġika li nħarsu lejn il-Mulej bħala dak li mhux huwa s-sultan tal-ħolqien kollu iżda li jsegwi bil-fidwa li kisbilna dan l-istess ħolqien.  Huwa messaġġ ta’ faraġ u kuraġġ għalina lkoll.  Messaġġ li permezz tiegħu nagħrfu li qatt fid-dinja ma aħna waħedna.  Biex wettaq din il-missjoni ta’ salvazzjoni Ġesù bata ħafna.  Bata l-umiljazzjoni.  Huwa, li kien Sultan tal-Univers kollu, kien umiljat bl-akbar mod kif naraw anki fil-Vanġelu tal-lum.  U anki minn hawn irid joħroġ messaġġ qawwi għall-ħajja tagħna.  Aħna l-insara ġejna mifdijin bil-prezz għoli tad-demm tal-feddej. Huwa għalhekk li għandna responsabbiltà kbira li nuru lid-dinja ta’ madwarna l-qawwa ta’ din is-Saltna ta’ dan is-Sultan li huwa għas-servizz tagħna erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.

  1. Kemm tħoss fil-fond ta’ qalbek li llum għandek tgħid GRAZZI lil Kristu Sultan?
  2. Taf kemm kuljum dan is-sultan huwa għad-dispożizzjoni tiegħek?  Jirnexxilek tieqaf u tkellmu huwa li qed jistenniek erbgħa u għoxrin siegħa kuljum?
  3. Kemm nifhmu l-prezz għoli li dan is-Sultan ħallas għalina?
  4. Iċ-ċelebrazzjoni tal-lum trid tkun ċelebrazzjoni ta’ radd il-ħajr lil Ġesù għal dak li għamel u jibqa’ jagħmel għalina, minkejja li neħduh for grantedfil-ħajja tagħna.
  5. Bix-xhieda tagħna f’din id-dinja aħna rridu nuru li niffurmaw parti minn din is-saltna li tagħha Ġesù huwa l-mexxej.  L-ID Cardtagħna trid tkun ix-xhieda permezz tas-sagrifiċċju.

Nadurawk, o Sultan tagħna,

għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

IL-ĠUBLEW TAL-ĦNIENA GĦADDA-IL-ĦNIENA TRID TKOMPLI U TIŻDIED

FESTA TA’ KRISTU SULTAN

Illum il-Ħadd 20 ta’ Novembru tagħlaq is-sena liturġika tal-Knisja u magħha il-Ġublew tal-Ħniena.

Bejn is-Sibt u l-Ħadd 19 u 20 ta’ Novembru  ser ikun hemm servizz ta’ QRAR IL-LEJL KOLLU fis-SANTWARJU TAL-GRAZZJA TAL-KAPUĊĊINI.

IL-ĦADD 20 ta’ Novembru  fl-4.00pm – Ċelebrazzjoni Djoċesana.

IMPORTANTI  –  Il-quddiesa ta’ filgħaxija (għal dan il-Ħadd biss) fil-Knisja tagħna tkun fis-6.30pm.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 22 ta’ Novembru ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1pm sal-5pm (l-aħħar reġistrazzjoni sal-5:00pm).

QUDDIESA FESTA SANTA ĊEĊILJA

L-Għaqda Mużikali San Ġużepp ser  tiċċelebra l-festa ta’ Santa Ċeċilja – patruna tal-mużiċisti u l-baned Maltin b’quddiesa fil-kappella tagħha it-Tlieta, 22 ta’ Novembru fis-7pm. Kulħadd mistieden.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Nhar is-Sibt 26 ta’ Novembru, 2016 fil-knisja ta’ San Lawrenz mis-6.30 sat-8.30 pm. Trasport mill-Pjazza fis-5.45pm. It-talb f’Dicembru ser isir fil-knisja tagħna.

THANKSGIVING – RADD il-ĦAJR

STEDINA miċ-Ċentru Parrokkjali

Niċċelebraw flimkien din il-festa ta’ ringrazzjament lil Alla li oriġinat fl-Amerka.

  • Nhar is-Sibt li ġej 26 ta’ Novembru
  • Fiċ-Ċentru Parrokkjali mis-7.30p.m. ‘il quddiem
  • 3 course meal organizzata miż-żgħażagħ tagħna – GSM Youths.

Biljetti miċ-Ċentru Parrokkjali jew mill-Uffiċċju Parrokkjali. (kbar €12, żgħar minn yr5 sa form1 €6. Family ticket- omm u missier u żewġt itfal yr5-form1 – €30). Tfal sa yr4 b’xejn. Tistgħu ċċemplu lil Pauline Buttigieg 79964537 jew id-dar parrokkjali 21554615.

DVD TAL-FESTA  Infakkru li min jixtieq jakkwista DVD tal-festa jmur l-Uffiċċju Parrokkjali. Prezz €10.

MATUL NOVEMBRU fiċ-Ċimiterju

QUDDIES it-Tnejn u l-Erbgħa f’nofsinhar.

  • Il-Ġimgħa 25 ta’ Novembru Quddiesa fis-7.30pm.

Kuljum ikollna l-pellegrinaġġ bir-rużarju fis-7pm.

KOMPETIZZJONI KARTOLINA TAL-MILIED

Il-Kunsill Lokali Għajnsielem ser jerġa’ jniedi kompetizzjoni tal-isbaħ kartolina għat-tfal tal-iskola primarja bejn year 1 u year 6. It-tfal kollha t’Għajnsielem huma mħeġġa jipparteċipaw. Ser jitqassam envelope lil kull tifel u tifla fl-iskola li jinkludi l-linji gwida. Dawk it-tfal li ma jattendux l-iskola primarja t’Għajnsielem huma mħeġġa li jiġbru l-linji gwida mill-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali. Il-kompetizzjoni tagħlaq l-Erbgha 30 ta’ Novembru 2016.

L-INTERNET U WLIEDNA … Laqgħa mportanti

Il-Kummissjoni Djoċesana Familja tistieden lill-ġenituri u carers kollha ta’ tfal u adolexxenti għal laqgħa utli ħafna għalihom dwar Il-perikli tal-internet għat-tfal u għall-adolexxenti.  Il-laqgħa ser tinżamm fl-Istitut tal-Familja, r-Rabat, nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Novembru bejn is-6.00pm u s-7.30pm u ser titmexxa mis-Cyber Crime Unit tal-Pulizija ta’ Malta.

GRAZZI MILL-QALB N.N. Għall-Orgni €30.

Euro Collection Novembru 2016 €428.59

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Rose u George Grech joffru €20 għall-ispejjeż tal-Bullettin b’suffraġju tal-għażiża ommhom Mary Grech f’għeluq id-9 snin mill-mewt tagħha.
  • L-aħwa Mercieca joffru €20 għall-ispejjeż tal-Bullettin b’suffraġju tal-erwieħ tal-familji Mercieca u Turban.
  • Guża Zerafa toffri €20 għall-ispejjeż tal-Bullettin b’suffraġju tal-għażiża ommha Maria Spiteri li mietet ġewwa Sydney l-Awstralja fl-14 ta’ Ottubru li għadda.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.