Bullettin 25 ta’ Novembru 2016

L-1 Ħadd ta’ l-Avvent

             INQUMU FL-ISTENNIJA

ISHRU, MELA,

GĦAX MA TAFUHX IL-JUM

LI FIH JIĠI SIDKOM

Bħala nsara huma ferm importanti l-mumenti li nqumu ftit mir-rutina li ħafna drabi nkunu waqajna fiha.  L-Avvent huwa ż-żmien it-tajjeb biex nagħmlu dan fl-istennija tat-twelid ta’ Ġesù, twelid li d-dinja tal-kummerċ illum għamlet minnu karikatura.  L-Avvent huwa kemm memorja kif ukoll profezija.  Ma rridux inħarsu biss lejn il-passat tal-ġrajja tal-Milied, iżda wkoll lejn il-preżent biex ninterpretawh fid-dawl tal-Kelma t’Alla.  L-Avvent għalhekk mhux xi stennija monotona li fiha ma tagħmel xejn, iżda stennija attiva.

Mat-Twaqqif tas-Saltna tal-Messija sal-aħħar tad-dinja, Sijon il- Ġdida – il-Knisja tkun għall-attenzjoni mhux tal-Lhud biss iżda tad-dinja kollha.  Hekk itenni l-awtur tal-Ktieb tal-Profeta Isaija fl-ewwel silta tal-lum.  Il-poplu jkollu x-xewqa li jitgħallem it-triqat u l-mogħdijiet tal-Mulej.  Dan il-ferħ ta’ għażla jidher fis-Salm Responsorjali tal-lum meta fis-Salm 121 insibu l-għanja ta’ ferħ:

“FRAĦT META QALULI: ‘IMMORRU FID-DAR TAL-MULEJ’.

San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani jagħmel distinzjoni bejn il-lejl li huma l-jiem ta’ ħajjitna u l-jum li huwa t-tieni miġja tal-Mulej.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew insibu li Ġesù jisħaq fuq x’għandha tkun l-attitudni tagħna b’din l-istennija.  Hemm bżonn li nkunu dejjem imħejjija.  Quddiem dinja li tipprovdi vanġeli u valuri oħrajn l-iżball ta’ l-aljenazzjoni jista’ jkun fatali.

L-AVVENT huwa riflessjoni qabel il-Milied fuq il-laqgħa tiegħi mal-Mulej li ġej.

X’qed tħejji għal din il-miġja tal-Mulej? Kif qed tgħixha din l-istennija? Kemm tassew qed tipprova tegħleb l-aljenazzjoni tad-dinja biex tiġġedded mal-Mulej?

Theilard de Chardin kien itenni:  “Il-Mulej Ġesù ser jirritorna jekk nistennewh b’tama ħajja.”  Kemm verament qed nistennewh il- Mulej? Lil min ser nistennew f’dan l-Avvent?

Kif ser nistennewh? Fejn?

Mulej Ġesù, għinna nirbħu l-aljenazzjoni fil-ħajja tagħna biex naslu ħalli nistennewk bi preparazzjoni serja.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA! Motto tal-parroċċa tagħna għal din is-sena liturġika li qed nibdew flimkien mal-Knisja kollha! NITRAWMU FIT-TALB bħal Marija fid-Dar Tagħha ta’ Nazaret.

L-AVVENT

Żmien ta’ STENNIJA fis-SKIET

Żmien ta’ STENNIJA fil-FERĦ

Żmien ta’ BIDLA TAL-QALB quddiem KRISTU

                              LI ĠEJ BIEX IQAĊĊAT IL-ĦAŻIN.

SKIET – FERĦ – BIDLA TAL-QALB.

Ngħixuhom fiċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa u fil-ħajja ta’ kuljum.

TALB – KANT – GĦAJNUNA LILL-OĦRAJN

FESTA TA’ SANT’ANDRIJA Nhar l-Erbgħa li ġejja nfakkru lil dan l-Appostlu Qaddis, Patrun tas-Sajjieda. Filgħaxija fis-6pm ikollna l-quddiesa bil-prietka.

MILL-MUSEUM TAL-BNIET  Il-laqgħa tal-bniet ta’ Form 2 ser tibda tkun il-Ħamis fl-4.30pm.

TĦEJJIJA GĦALL-GRIŻMA

IMPORTANTI – L-istudenti li qed jippreparaw ruħhom biex jirċievu l-Griżma tal-Isqof ser ikollhom tlett laqgħat ta’ tħejjija matul iż-żmien tal-Avvent. Nhar ta’ Erbgħa – 30 ta’ Novembru, 7 u 14 ta’ Diċembru fil-5.15pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.

GRAZZI MILL-QALB Bott offerti każin PN €26.83

Offerta ta’ €100 b’ringrazzjament lill-Madonna. N.N. Orgni €500.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 27 ta’ Novembru ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm

B’RISQ IL-KNISJA PAROKKJALI

ĠABRA SPEĊJALI FIL-QUDDIES KOLLU tas-Sibt u l-Ħadd 26 u 27 ta’ Novembru.

Fil-knisja parrokkjali tistgħu taraw l-kanen kbar tal-orgni li waslu dan l-aħħar mill-Ingilterra kif ukoll xi xogħol tal-arloġġi li wasal minn Franza.

  • HI-TEA Nhar l-Erbgħa 14 ta’ Diċembru fiċ-Ċentru Parrokkjali mis-6.30pm ‘il quddiem.

L-IKLA TAL-MILIED li torganizza l-Parroċċa ser tkun il-Ġimgħa 6 ta’ Jannar, 2017 fil-Grand Hotel.

IL-MADONNA TA’ LORETO FESTA LITURĠIKA

Il-Ġimgħa 9 ta’ Diċembru: 6.30pm – 7.15 Talb Marjan f’riġlejn l-istatwa devota tal-Madonna s-Sewda bit-Tema: FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA!

Is-Sibt 10 ta’ Diċembru: 6.00pm Quddiesa solenni bis-sehem tal-orkestra.

miċ-Ċentru Parrokkjali

BEJGĦ TA’ PONSJETTI U PJANTI b’risq iċ-Ċentru – matul din il-ġimgħa 4-5.30pm. u filgħodu 8.30-9am.

SERATA TAL-MILIED: It-Tlieta 27 ta’ Diċembru, 2016. Nistiednu lil dawk li jixtiequ jieħdu sehem biex jinkitbu l-Uffiċċju Parrokkjali jew iċ-Ċentru sat-18 ta’ Diċembru.

ĦARĠA GĦAL MALTA

Il-Kunsill Lokali Għajnsielem ser jorganizza ħarġa għal Malta nhar it-Tlieta 6 ta’ Diċembru. Ser inżuru l-Birgu, il-Mużew Marittimu, ikla fil-Valletta Waterfront u Pama. Tluq mill-Pjazza fis-6:50am. Prezz 17-il Ewro. Biljetti jinxtraw mill-uffiċċju tal-Kunsill.

MILL-KNISJA TA’ SANT’ANTNIN

TOMBLA Ċentru Sant’ Antnin il-Ġimgħa 2 ta’ Diċembru fis-7pm.

IKLA TAL-MILIED Buffet tal-Milied b’risq il-Knisja ta’ Sant’Antnin il-Ġimgħa 9 ta’ Diċembru mis-7.30pm ‘il quddiem fil-Każin tal-Banda. Biljetti mill-Knisja tal-Patrijiet jew ċemplu 79202172.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Loreta Zerafa toffri €20 għall-ispejjeż tal-Bullettin b’suffraġju ta’ Kelinu Debono f’għeluq l-4 snin mill-mewt tiegħu fis-26 ta’ Novembru.
  • Eugenia Buttigieg toffri €20 għall-ispejjeż tal-Bullettin b’suffraġju ta’ ħuha Stephen Xuereb li miet il-Kanada fis-17 ta’Novembru.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.