Monthly Archives: December 2016

Bullettin l-1 ta’ Jannar 2017

MARIJA OMM ALLA

Żmien l-Avvent u żmien il-Milied huwa żmien tal-meravilji. Għaddejna ġranet sbieħ, ġranet li fihom rajna li Alla kapaċi jagħmel ħwejjeġ kbar. Min kellu ċ-ċans jisma’ ftit x’qaltilna l-Kelma t’ Alla seta’ jisma’ ħafna u ħafna meravilji. Muntanji li jsiru widien, widien li jsiru muntanji, fjuri li jikbru fid-deżert, triq fil-baħar. Minn Nażaret, belt li qatt qabel ma tissemma’ fil-Bibbja joħroġ il-Messija!  Eliżabbetta mara xiħa u sterili jkollha tarbija, Marija verġni u ssir omm. Smajna l-istess Marija tkanta il-Magnifikat, “Ruħi tfaħħar l-għemejjel tal-Mulej!” U mbagħad l-ikbar ġrajja li Alla jsir bniedem, wieħed minna, biex ikun jista’ jifhem dak li ngħaddu minnu, kull ferħa tagħna, kull niket. Rajna kemm ferħ ġab miegħu dan Alla li kapaċi jgħammar mal-bniedem. Rajnieh f’idejn Xmun il-Profeta. Smajna lil Xmun ikanta bil-ferħ: “Issa o Sid, tista’ tħalli l-Qaddej tiegħek, imur fis-sliem skont kelmtek, għax għajnejna raw is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.”

U anke llum, l-anġli jħabbru lir-rgħajja li Alla sar bniedem. Forsi tafu li l-Lhud fi żmien Ġesu’ kienu jemmnu li meta jiġi l-Messija kellu jeqred tliet kategoriji ta’ nies għax midinbin: ir-rgħajja, il-pubblikani u l-prostituti, flimkien mar-rumani li kienu xebbgħu lil-Lhud bil-ħakma taghħom. Imma Alla juri li dejjem jisboq ir-raġunamenti tagħna. Alla mhu qatt eżatt kif nimmaġinawh aħna, imma dejjem iktar, dejjem aqwa, dejjem isbaħ! Mhux biss ma qeridx lir-rgħajja imma lilhom deher l-ewwel. Kienu huma l-iffurtunati li ntlaqtu mill-imħabba ta’ din it-tarbija. U dan kollu jħallina mistagħġba, imniffxa! Naqraw fil-Vanġelu tal-lum li “kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-rgħajja”. U x’ma tibqax mistagħġeb?!

Illum aħna kemm aħna kapaċi nistagħġbu b’dak li jiġri madwarna? Kemm aħna kapaċi nindunaw u nistagħġbu li kull ma jiġri fil-ħajja tagħna ma jiġrix bl-addoċċ, imma minnu nista’ nitgħallem xi ħaġa, kemm jekk sabiħ, kif ukoll ikrah?

Marija, kif jgħidilna l-Vanġelu, “baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.” Il-qalb huwa l-post fejn jien nista’nifhem l-iktar.

Ejja matul din is-sena nitgħallmu nżommu l-esperjenzi tagħna f’qalbna. Ma nafux kif ser tkun din is-sena u anke jekk nawguraw dejjem is-sena t-tajba, fil-fond xi ftit jew wisq ikollna xi biża’ żgħira li xi ħaġa tista’ tmur żmerċ. Matul din is-sena jistgħu jiġru affarijiet sbieħ. Forsi anke ser jiġru affarijiet li jbeżżgħuna xi ftit, li ma jogħġbuniex. Ejjew nitgħallmu ngħożżu kollox fil-qalb tagħna għax nemmnu li Alla huwa l-Emmanuel, Alla huwa magħna. Ser jifraħ u jibki magħna, ser jimxi dejjem magħna. Ejjew din is-sena nagħmlu teżor minn kull esperjenża tagħna, li nitgħallmu nħobbu u naħfru ftit iktar. Fuq kollox li nibqgħu niskopru li Alla jħobbna b’imħabba tal-ġenn!

L-Arċipriet,

Is-Saċerdoti u l-Kunsill Parrokkjali

jawguraw

is-Sena t-Tajba

mimlija b’kull grazzja mill-Mulej

lill-Għajnselmiżi kollha,

speċjalment lill-morda, lill-anzjani, lill-emigranti tagħna.

IL-KWARANTURI MQADDSA

Nagħlqu u nibdew is-Sena mal-Mulej

Il-ĠIMGĦA 30 ta’ Diċembru permezz tal-quddiesa tad-9am nagħtu bidu għall-jiem tal-Kwaranturi Mqaddsa. L-Adorazzjoni Ewkaristika dawn il-ġranet tkun fil-Knisja Parrokkjali. Insibu ħin biex inqattgħuħ ma’ Ġesu’ Ħaj fl-Ewkaristija.

Fil-5 pm nistiednu lit-tfal u l-ġenituri kollha għal nofs siegħa adorazzjoni flimkien fil-knisja.

6.00pm quddiesa.

L-adorazzjoni tkompli sal-10pm.

IS-SIBT 31 ta’ Diċembru huwa l-aħħar jum tas-sena. L-Adorazzjoni Ewkaristika tibda wara l-quddiesa tad-9am. Filgħaxija fis-6.30pm rużarju u fis-7pm Konċelebrazzjoni Solenni tal-aħħar tas-sena bil-Kant tat-Te Deum. Fit-8pm tkompli l-adorazzjoni sal-10pm xħin ikollna l-aħħar quddiesa tas-sena. Wara mmorru lkoll iċ-Ċentru Parrokjali biex flimkien nistennew il-bidu tas-Sena l-Ġdida 2017.

IL-ĦADD l-1 ta’ Jannar

L-Adorazzjoni Ewkaristika tibda wara l-quddiesa tal-10am. Filgħaxija fl-4pm (u mħux fil-5pm) ikollna Konċelebrazzjoni Solenni mmexxija mill-Arċipriet u animata miż-żgħażagħ tal-parroċċa. Wara l-quddiesa – purċissjoni bis-Santissimu Sagrament. Nattendu lkoll bi ħġarna, kbar u żgħar. Il-fratelli mistiedna jakkumpanjaw il-purċissjoni. Tajjeb li nżejnu t-twieqi u l-galleriji tagħna minn fejn ser jgħaddi Ġesu’ Ħaj fl-Ewkaristija. Lura fil-knisja nagħlqu bil-Barka Sagramentali.

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-Milied tkompli b’aktar programmi u xandiriet sbieħ. Matul din il-ġimgħa jkollna kollegamenti mill-Italja marbuta mal-miġja tas-Slaten Maġi, bil-qofol jintlaħaq il-Ħadd 8 ta’ Jannar 2017 b’xandira diretta mill-Mellieħa sakemm il-Maġi jaslu f’Bethlehem f’Għajnsielem.

IS-SIĠRA TAL-KARITÀ… tkompli

Mis-Siġra tal-Karità fil-knisja tistgħu tkomplu tieħdu wkoll il-karti biex iġġibu l-oġġetti li jkun hemm indikati fuqhom.  DIN IS-SENA QED NESTENDUHA WKOLL FIL-ĦWIENET u TAGĦNA. Fejnha hemm ukoll kaxxa għall-bolli wżati u oħra għall-kartolini tal-Milied.

L-EWWEL ĠIMGĦA u SIBT TAX-XAHAR

Il-Ġimgħa 6 ta’ Jannar l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali u tibda wara l-quddiesa tad-9am. Is-Sibt 7 ta’ Jannar fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm rużarju u wara quddiesa. L-Adorazzjoni tkompli sa 9pm.

L-IKLA PARROKKJALI TAL-MILIED

Il-Ġimgħa 6 ta’ Jannar fis-7.30pm fil-Grand Hotel. Biljetti mid-Dar Parrokkjali – Kbar €25 u tfal minn  5 snin sa Form 1 €14. Nibdew fis-7.30pm. Ikun hemm ikla buffet tajba.

GRAZZI MILL-QALB

N.N. B’ringrazzjament lill-Madonna €30, N.N €50.  Għall-orgni: George u Christie Grech €100; Familja Azzopardi €200.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

Carmena u Joseph Ciantar joffru €30 b’suffraġju għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju tal-għażiż żewġha Pawlu Ciantar f’għeluq l-ewwel sena mill-mewt tiegħu fil-5 ta’ Jannar u ta’ ħuha Ġużepp Buttigieg f’għeluq is-sitt sena mill-mewt tiegħu fis-6 ta’ Jannar.

GRAZZI LIL ALLA LI JISLIFNA Ż-ŻMIEN …

…BIEX NAGĦMLU T-TAJJEB

 

Bullettin 23 ta’ Diċembru 2016

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA   –         Motto Parrokkjali 2016-17

L-IBEN T’ALLA SAR BNIEDEM

 UMILJAZZJONI!

Il-festa waslet. Il-probabbiltà hi li ninsew il-protagonisti tagħha.  Nagħżlu li niċċelebraw il-birthday ta’ xi ħadd mingħajr ma nagħtu kas ta’ min hija l-festa.  Din hija l-umiljazzjoni kbira li qegħdin nerġgħu ngħaddu minnha lil Ġesu’ minkejja dak kollu li fil-festa tal-Milied niċċelebraw.  Ġesù ftaqar biex aħna nsiru sinjuri.  Fil-Grotta ta’ Betlem, Ġesù għadda minn umiljazzjoni kbira li tkompliet sa fuq is-salib.  “Ġie f’daru iżda niesu ma laqgħuhx”.  Noqogħdu attenti li l-avveniment li qed niċċelebraw illum ikun ġrajja ħajja għalina lkoll.  Ġrajja li tqawwi l-ħajja tagħna bħala nsara meta nagħrfu l-UMILJAZZJONI kbira li ġarrab Ġesù.  Quddiem ix-xena tal-Grotta ta’ Betlem irridu nirringrazzjaw bil-qalb lil Ġesù għal dak kollu li jagħmel magħna kull ħin.

Isaija jiddeskrivi r-ritorn tal-poplu ħieles mill-eżilju ta’ Babel.  Alla ġej biex iwaqqaf is-Saltna tiegħu, ifarraġ, ifejjaq, jifdi u jsalva. Din hija l-għajta tas-Salmista meta fis-Salm 97 itenni li “Raw it-truf kollha tal-art is-Salvazzjoni ta’ Alla tagħna.”  Din is-salvazzjoni laħqet il-quċċata tagħha bil-miġja ta’ Kristu Ġesù (it-tieni qari mill-Ittra lil-Lhud).  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann insibu lil Għerf-Kelma-Verb sar bniedem bħalna fil-persuna ta’ Ġesù ta’ Nazzaret.

Kien id-dawl tassew, li jdawwal kull bniedem li jiġi fid-dinja.  Kien fid-dinja u d-dinja saret bih, imma d-dinja ma għarfitux.  Int se tkun wieħed li m’għaraftux? X’se tagħti lil Ġesù fil-Grotta ta’ Betlem?

Kemm se tagħmel minn dan il-Milied okkażjoni biex tgħin lill-fqir?

X’se titlob li jagħtik Ġesù llum?

Mulej agħmel li quddiem l-umiljazzjoni tiegħek ma nistħix ngħix ta’ Nisrani.

GRAZZI U AWGURI LIL DAWK KOLLHA NVOLUTI

BIEX IWASSLULEK DAN IL-BULLETTIN TA’ KULL ĠIMGĦA FID-DAR TIEGĦEK u LILEK LI SSEGWIH.

Jekk tixtieq tibda tirċevih ukoll bil-posta elettronika, jew taf b’xi ħadd jiġi minnek barra minn Għajnsielem anke s-safar, ibgħat email fuq info@radjulauretana.com

JEKK SER TIXROB… ISSUQX!!! JEKK TAF LI XĦIN TIXROB TIŻBALJA… OQGĦOD DAK IL-PASS LURA!!! PASS WIEĦED JISTA’ JKUN BIŻŻEJJED BIEX TKOMPLI TGAWDI L-FERĦ TAL-MILIED!   

il-Milied niċċelebraw bil-fidi, il-misteru ta’ alla magħna

Is-Sibt 24 ta’ Diċembru – Lejlet il-Milied.

4.00pm:      Qrar fil-knisja sat-8.00pm.

5.00pm:      Dimostrazzjoni bil-Bambin li titlaq mill-Knisja l-Qadima għal Pjazza tad-Dehra, Triq Fawwara u għall-Knisja Parrokkjali, bis-sehem tal-Banda San Ġużepp. Wara jkollna programm tal-Milied imtella’ mit-tfal li jattendu l-Oqsma tal-Museum fil-parroċċa tagħna li jkun jinkludi l-prietka tat-tifel minn Tomas Sciberras

11.30pm:   Prietka tat-tifel, Uffiċċju tal-Qari u Quddiesa solenni tal-Lejl tal-Milied. Il-Kor Lauretana ser ikanta l-Messa Pastorale li kien kiteb Emmanuel Xuereb fl-1977 u li kien iħobb idoqq Dun Karm Cassar.

Il-Ħadd 25 ta’ Diċembru – il-Milied

Quddies fis-6, 8, u 10am u fil-5pm.

miċ-Ċentru Parrokkjali

PARTY TAT-TFAL tal-Years 1, 2, 3. Nhar it-Tnejn 26 ta’ Diċembru fit-3.30pm.

SERATA TAL-MILIED: Nhar iL-ĦAMIS 29 ta’ Diċembru, 2016 fis-7.30pm. Biljetti mill-bieb. Ejjew agħtu support lit-tfal u żgħażagħ tagħna.

L-Arċipriet,

Is-Saċerdoti u l-Kunsill Parrokkjali

jawguraw Milied Qaddis

lill-Għajnselmiżi kollha,

speċjalment lill-morda, lill-anzjani, lill-emigranti tagħna.

Stedina mill-qalb biex ningħaqdu flimkien fil-kenn ta’ dar Ommna Marija u niċċelebraw lil binha Ġesù mwieled għalina fil-Quddiesa ta’ Nofsillejl u matul il-ġranet tal-Kwaranturi.

IS-SIĠRA TAL-KARITÀ… tkompli

Mal-bidu tan-novena nedejna s-siġra tal-karità, inizzjattiva ta’ karità marbuta ma’ żmien il-Milied għal tant snin fil-parroċċa tagħna. DIN IS-SENA QED NESTENDUHA WKOLL FIL-ĦWIENET u TAGĦNA.

Mis-Siġra tal-Karità fil-knisja tistgħu tkomplu tieħdu wkoll il-karti biex iġġibu l-oġġetti li jkun hemm indikati fuqhom.  Fejnha hemm ukoll kaxxa għall-bolli wżati u oħra għall-kartolini tal-Milied.

WARA n-NOVENA TAL-MILIED

Grazzi mill-qalb lis-Saċerdoti tagħna, Soċji tal-Museum, lill-Katekisti tal-Parroċċa, lill-Abbatini, lill-Korijiet u lill-Ġenituri tas-sehem sabiħ li lkoll tajna biex seta’ jkollna novena oħra sabiħa. Grazzi lil Radju Marija li għal sena oħra xandar din in-novena mill-knisja tagħna.

L-IKLA PARROKKJALI TAL-MILIED

Nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Jannar fis-7.30pm fil-Grand Hotel. Biljetti mid-Dar Parrokkjali.

GĦOTJIET – COMMUNITY CHEST FUND

Tista’ ġġib l-offerta tiegħek għall-Istrina ta’ dis-sena fil-Knisja tagħna u titfagħha fil-kaxxa ħdejn il-qniepen. Il-Parroċċa mbagħad twassal dawn l-offerti.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 27 ta’ Diċembru ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm bejn is-1:00pm u l-5pm.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Carmena Zerafa u l-familja joffru €20 għall-Bullettin b’suffraġju ta’ missierhom Ġanni Zerafa f’għeluq il-15-il sena mill-mewt tiegħu fil-21 ta’ Diċembru u għall-erwieħ ta’ ommhom Maria u l-familja.
  • Maria Buttigieg toffri €20 għall-Bullettin b’suffraġju tal-erwieħ tal-familja Buttigieg.

 

Bullettin 9 ta’ Diċembru 2016

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA   –         Motto Parrokkjali 2016-17

It-3 Ħadd tal-Avvent

IL-BXARA T-TAJBA WASLET

Ġwanni, li kien fil-ħabs sama’ bl-għemejjel al-Messija, u bagħat għandu tnejn mid-dixxipli tiegħu u qallu: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?” Ġesù wieġeb u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar ill-foqra. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!” Meta dawk telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub: ‘Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbar tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek.

Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu.

HIENI HU MIN MA JITFIXKILX MINĦABBA FIJA!

Iva.  Il-Bxara t-Tajba waslet u qed titħabbar lil kulħadd, anki lilek u lili.  Huwa għal dan il-għan li din il-preparazzjoni ta’ l-Avvent irridu neħduha bis-serjetaÏ.  L-isfortuna tagħna tista’ tkun li jgħaddi dan il-mument u nibqgħu fejn aħna.  Biex naslu għall-bxara t-tajba rridu ngħaddu mid-deżert, anki jekk neħduha kontra l-kurrenti li jdawruna.  Huwa għalhekk li rridu ntennu kull ħin il-frażi tas-Salmista:  “Ejja Mulej ħa ssalvana”.

Il-ferħ tal-ħelsien mill-jasar tad-deżert hija t-tema ċentrali tal-Ewwel Qari tal-lum meħud mill-ktieb tal-Profeta Isaija.  Il-Messija jfejjaqna mill-ħażen tal-ħajja: huwa għalhekk f’waqtu li fis-Salm Responsorjali ntennu EJJA MULEJ  ĦA SSALVANA – Salvazzjoni li se tiġi b’mod speċjali għall-foqra u għall-umli..

  1. Dan il-Ħadd huwa l-Ħadd ta’ ferħ:  kelma ta’ kuraġġ għax l-AĦBAR IT-TAJBA hi fil-qrib.
  2. Għax ħabbar din il-Bxara t-Tajba Ġwanni l-Battista qafluh fil-ħabs. Lilek għandhom ċans jaqfluk għax ixxandar il-Bxara t-Tajba?
  3. Kemm tassew nifhmu li l-Milied hija l-festa tal-fqir u l-batut?  Kemm se tgħin f’dawn il-ġranet lil min hu fil-bżonn?
  4. Kemm tassew qed tnaddaf qalbek f’dawn il-ġranet u mhux timliha bi proposti ta’ rigali u xalar bla rażan?

Mulej Ġesù, grazzi tal-ferħ li trid tiżra’ ġo qalbi

Agħmel li nkun xandár ta’ din l-AĦBAR IT-TAJBA b’għemili.

IN-NOVENA TAL-MILIED WASLET

Milied tajjeb jibda minn tħejjija tajba. Fost tant attivitajiet li jkunu għaddejjin f’dawn il-ġranet ta’ qabel il-Milied, għandu jkollha post prominenti fil-kalendarju ta’ kull wieħed u waħda minna … in-NOVENA. Nibdew nhar il-Ħamis li ġej 15 ta’ Diċembru u nkomplu kull jum fis-6pm. Il-Ħadd 18 tkun fl-10am.

EJJEW NINĠABRU FIL-KENN TAD-DAR TA’ OMMNA MARIJA lkoll kemm aħna:

IL-KBAR u ż-ŻGĦAR. In-novena hi tal-KBAR UKOLL. Nagħtu 45 minuta kuljum biex niċċelebraw u nitolbu bl-akbar talba tal-Knisja – Il-Quddiesa.
ĦEĠĠA … ma nintelqux.

FERĦ… minkejja tant problemi!!!  Għax ġej il-Mulej!

IL-ĦAMIS STESS INNIEDU S-SIĠRA TAL-KARITÀ għal din is-sena.

ŻJARA GĦAND IL-MORDA U L-ANZJANI

Fuq l-inizzjattiva tagħhom stess l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ Għajnselmiżi li jiġu għal-laqgħat fiċ-Ċentru Parrokkjali ser iżuru lill-anzjani u l-morda tagħna fid-djar tagħhom nhar it-Tlieta 13 ta’ Diċembru mid-9am ‘il quddiem. Nilqgħuhom u nifirħu magħhom.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Dan ser isir fil-Knisja tagħna nhar is-Sibt li ġej 17 ta’ Diċembru. Nibdew bil-quddiesa tan-novena tal-Milied fis-6pm u nkomplu wara sat-8pm.

RADJU LAURETANA L-iskeda tal-Milied fuq Radju Lauretana tkompli. Segwu l-programmi u x-xandiriet speċjali li għandna għalikom.

L-EWWEL ĠABRA GĦALL-FESTA Qed jinġabar l-envelop li tqassam bieb bieb il-ġimgħa li għaddiet. Inkunu ġenerużi bħal dejjem.

HI-TEA L-Erbgħa 14 ta’ Diċembru fiċ-Ċentru Parrokkjali mis-6.30pm ‘il quddiem. Inħeġġukom tattendu.

NIFIRĦU

Lil Joanne Debrincat li giet onorata bil-Gieħ Għajnsielem għal din is-sena 2017. Nifirħu lilha u lill-familja tagħha u nirringrazzjawha ta’ dak kollu li tagħmel fil-Parroċċa u r-Raħal tagħna.

miċ-Ċentru Parrokkjali

SERATA TAL-MILIED: IL-ĦAMIS 29 ta’ Diċembru, 2016. Dawk li jixtiequ jieħdu sehem jinkitbu fl-Uffiċċju Parrokkjali jew iċ-Ċentru sat-18 ta’ Diċembru.

GRAZZI MILL-QALB

  • Lil Antonia Borg li ħadmet u rregalat girlanda tal-ganutell sabiħa għall-istatwa tal-Madonna s-Sewda.
  • Mill-kaxxa tal-ħanut ta’ Tony’s Bar €50.
  • N. għall-orgni €100.

MILL-BANDA TAGĦNA

L-Għaqda Mużikali San Ġużepp ser torganizza l-ikla annwali tal-Milied il-Ġimgħa 23 ta’ Diċembru fit-8pm fis-sala tal-każin. Prezz kbar €20 u żgħar €15. Biljetti mill-bar jew membri tal-Kumitat.

Il-Banda San Ġużepp ser tesegwixxi l-programm mużikali tal-Milied il-Ħadd 11 ta’ Diċembru fis-2.30pm quddiem id-daħla ta’ Bethlehem f’Għajnsielem ftit qabel il-ftuh uffiċjali tal-presepju ħaj.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA

Ser isir nofs ta’ nhar għan-nisa kollha ġewwa Lourdes Home t-Tnejn 12 ta’ Diċembru mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Ġwann Mizzi, kafe’ u tombla.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 11 ta’ Diċembru ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

Ursola Azzopardi toffri €20 għall-Bullettin b’suffraġju ta’ Anthony Azzopardi f’għeluq l-ewwel anniversarju mill-mewt tiegħu fit-12 ta’ Diċembru.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

IN-NOVENA TAL-MILIED

TALB – KANT – QRAR– TĦEJJIJA TAJBA

Bullettin 2 ta’ Diċembru 2016

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA   –         Motto Parrokkjali 2016-17

It-2 Ħadd tal-Avvent

ĦEJJU T-TRIQ TAL-MULEJ. IDDRITTAW IL-MOGĦDIJIET TIEGĦU

It-tħejjija tagħna fl-Avvent hija maqsuma bejn ċerta ħeġġa għal bidla interna u l-geġwiġija ta’ kummerċ li għaddejjin minnha fl-istennija tal-Milied b’elf proposta għal elf rigal.  Huwa għalhekk leħen qawwi dak li nisimgħu lil Ġwanni l-Battista jtenni llum:

“Ħejju t-triq tal-Mulej. Iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.”

Mill-ġdid appell kontra l-aljenazzjoni li tifga fina kull sens ta’ ftuħ għall-Mulej.  U hawn hija l-għażla tagħna f’din it-tħejjija.  Lesti li niddrittaw it-triq ta’ ħajjitna?  Jew  għadna mqabbdin ma’ tant kompromessi?  X’lesti nitilfu f’din it-tħejjija?

“Agħmlu mela frott xieraq ta’ ndiema”, jissuġġerixxi l-Battista.”

Israel kollu għad jinqered, iżda mill-qerda għad tinbet il-fergħa tas-Salvazzjoni – il-Messija li jġib il-bidla totali.  Hekk insibu fl-Ewwel Qari tal-lum meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija u din l-istennija għas-Saltna ta’ Alla tidher fis-Saltna tal-Messija kif insibu fis-Salm 71:  “Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja.”  Din il-ġustizzja trid tixgħel fid-dinja permezz tax-xhieda ta’ għaqda fost l-insara.   Ġwanni jistqarr li x-xogħol tiegħu huwa biss xogħol ta’ tħejjija għall-Messija.

Inkomplu l-mixja fl-Avvent b’għażla f’idejna:  IRRIDU NINBIDLU?

X’ser tagħti biex tinbidel?

Hemm bżonn li f’dan l-Avvent issib mument ta’ deżert.  Tirrifletti bis-serjetà fuq x’tip ta’ ħajja qiegħed tgħix.

Hemm bżonn ta’ DEĊIŻJONI u BIDLA fil-ħajja tagħna.

Hu fid-deżert li sseħħ il-bidla.

Mulej Ġesù, idħol fid-deżert ta’ qalbi u għinni niddritta l-mogħdijiet.

RADJU LAURETANA L-iskeda tal-Milied fuq Radju Lauretana tibda l-Ħamis 8 ta’ Diċembru. Segwu l-programmi u x-xandiriet speċjali li għandna għalikom. L-iskeda qed titqassam mal-bullettin.

FESTA IMMAKULATA KUNĊIZZJONI Il-Ħamis 8 ta’ Diċembru l-ħin tal-quddies ikun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd. Bħal kull sena mmorru l-Kunċizzjoni l-Qala. Tluq mill-pjazza fis-7.30am. Quddiesa fit-8am.

GĦOTJIET GĦALL-COMMUNITY CHEST FUND

Tista’ ġġib l-offerta tiegħek għall-Istrina ta’ dis-sena fil-Knisja tagħna u titfagħha fil-kaxxa ħdejn il-qniepen. Il-Parroċċa twassal dawn l-offerti nhar l-10 ta’ Diċembru waqt ix-xandira tal-istrina minn Għawdex.

FESTA LITURĠIKA TAL-MADONNA TA’ LORETO

Il-Ġimgħa 9 ta’ Diċembru – Lejlet il-Festa

5.30pm     Talb tas-Salmi fil-Knisja

6.00pm     Quddiesa

6.30pm    Fil-Kenn ta’ Darek Marija! Talb Marjan f’riġlejn l-istatwa devota tal-Madonna s-Sewda

Tinxtegħel ukoll il-ħuġġieġa Lawretana fuq iz-zuntier.

9.00pm    Festa della Venuta della Santa Casa

Insegwu flimkien f’xandira diretta u esklussiva l-velja ta’ talb minn Loreto l-Italja fuq Radju Lauretana. Radju Marija jingħaqad ma’ Radju Lauretana għal din ix-xandira speċjali. Ikollna l-kummentarju bil-Malti. Fil-velja ser ikun hemm preżenti l-Isqfijiet taz-zoni li ħakimhom it-terremot aktar kmieni din is-sena fil-Marche.

Is-Sibt 10 ta’ Diċembru – Festa Liturġika ta’ Sidtna Marija ta’ Loreto

5.30pm    Rużarju f’xandira diretta u esklussiva fuq Radju Lauretana u Radju Marija minn ġewwa d-Dar tal-Madonna f’Loreto, liema rużarju jinstema’ wkoll fil-knisja.

6.00pm    Konċelebrazzjoni Solenni ta’ Jum il-Festa mmexxija mill-Arċipriet Dun Frankie Bajada f’għeluq l-10 snin tiegħu bħala ragħaj tal-parroċċa. Tieħu sehem l-orkestra u l-kor taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Frankie Debono. Wara l-quddiesa jkollna Ċelebrazzjoni Ewkaristika.

BETHLEHEM F’GĦAJNSIELEM Inħeġġu lil dawk li jistgħu, biex jieħdu sehem bħala atturi u lil dawk kollha li  b’xi mod ser  jieħdu sehem f’Bethlehem li ser issir laqgħa għalihom fil-kazin tal-banda – it-Tlieta  li gejja fis-6.30pm.

IMMORRU S-SEMINARJU – Bħala parti mill-attivitajiet fl-okkażjoni tal-150sena mit-twaqqif tas-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, ġejna mistiedna biex inżuru dan il-post u naraw ukoll il-wirja sabiħa li hemm dwar l-istorja tiegħu. Immorru nhar it-Tlieta li ġejja. Trasport provdut  wara l-quddiesa ta’ filgħaxija. Min jixtieq jiġi jikkuntattja l-uffiċċju parrokkjali.

  • NOVENA TAL-MILIED: MILL-15 sat-23 ta’ DIĊEMBRU

L-EWWEL ĠABRA GĦALL-FESTA

Ma’ dal-bullettin qed jaslilkom ukoll l-envelop għall-ġabra bieb bieb għall-festa tas-sena d-dieħla. Il-voluntiera tal-parroċċa jgħaddu jiġbruh matul din il-ġimgħa. L-ispejjeż tal-festa biex inkomplu nagħmlu dak li konna nagħmlu qegħdin dejjem jikbru. Inkunu ġenerużi bħal dejjem.

Miċ-Ċentru Parrokkjali

SERATA TAL-MILIED: IL-ĦAMIS 29 ta’ Diċembru, 2016. Dawk li jixtiequ jieħdu sehem jinkitbu fl-Uffiċċju Parrokkjali jew iċ-Ċentru sat-18 ta’ Diċembru.

MILL-ISKOLA PRIMARJA  Il-Kap tal-Iskola primarja t’Għajnsielem tavża lil dawk il-ġenituri li għandhom uliedhom li se jagħlqu 3 snin sal-aħħar t’April 2017 biex jirreġistrawhom għal mal-Kindergarten intake ta’ Frar 2017. Il-ġenituri mitluba jiġbru l-applikazzjoni mill-iskola. L-applikazzjoni tagħlaq fis-7 ta’ Diċembru.

HI-TEA Nhar l-Erbgħa 14 ta’ Diċembru fiċ-Ċentru Parrokkjali mis-6.30pm ‘il quddiem.

GĦOTI TA’ DEMM Skola Primarja Sannat il-Ħadd 4 ta’ Diċembru mit-8:30am sas-1:00pm.

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 6 ta’ Diċembru – 1:00pm sal-5:00pm.

GRAZZI MILL-QALB Ġabra speċjali għall-Knisja s-Sibt u l-Ħadd 26 u 27 ta’ Diċembru – €624.88.

ILQA’ FI ĦDANEK O Ġesu’ r-ruħ għażiża ta’ Albert Sultana mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li għadda għal għandek fis-27 ta’ Novembru fl-eta’ ta’ 53 sena.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Ġuża u Maria Galea joffru €20 għall-Bullettin b’suffraġju ta’ ommhom u missierhom Carmela u Pawlu Galea fl-anniversarju tal-mewt tagħhom.
  • Loreta Saliba toffri €20 għall-Bullettin b’suffraġju ta’ missier u ommha Ġużeppa u Karlu Spiteri.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.