Bullettin 2 ta’ Diċembru 2016

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA   –         Motto Parrokkjali 2016-17

It-2 Ħadd tal-Avvent

ĦEJJU T-TRIQ TAL-MULEJ. IDDRITTAW IL-MOGĦDIJIET TIEGĦU

It-tħejjija tagħna fl-Avvent hija maqsuma bejn ċerta ħeġġa għal bidla interna u l-geġwiġija ta’ kummerċ li għaddejjin minnha fl-istennija tal-Milied b’elf proposta għal elf rigal.  Huwa għalhekk leħen qawwi dak li nisimgħu lil Ġwanni l-Battista jtenni llum:

“Ħejju t-triq tal-Mulej. Iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.”

Mill-ġdid appell kontra l-aljenazzjoni li tifga fina kull sens ta’ ftuħ għall-Mulej.  U hawn hija l-għażla tagħna f’din it-tħejjija.  Lesti li niddrittaw it-triq ta’ ħajjitna?  Jew  għadna mqabbdin ma’ tant kompromessi?  X’lesti nitilfu f’din it-tħejjija?

“Agħmlu mela frott xieraq ta’ ndiema”, jissuġġerixxi l-Battista.”

Israel kollu għad jinqered, iżda mill-qerda għad tinbet il-fergħa tas-Salvazzjoni – il-Messija li jġib il-bidla totali.  Hekk insibu fl-Ewwel Qari tal-lum meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija u din l-istennija għas-Saltna ta’ Alla tidher fis-Saltna tal-Messija kif insibu fis-Salm 71:  “Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja.”  Din il-ġustizzja trid tixgħel fid-dinja permezz tax-xhieda ta’ għaqda fost l-insara.   Ġwanni jistqarr li x-xogħol tiegħu huwa biss xogħol ta’ tħejjija għall-Messija.

Inkomplu l-mixja fl-Avvent b’għażla f’idejna:  IRRIDU NINBIDLU?

X’ser tagħti biex tinbidel?

Hemm bżonn li f’dan l-Avvent issib mument ta’ deżert.  Tirrifletti bis-serjetà fuq x’tip ta’ ħajja qiegħed tgħix.

Hemm bżonn ta’ DEĊIŻJONI u BIDLA fil-ħajja tagħna.

Hu fid-deżert li sseħħ il-bidla.

Mulej Ġesù, idħol fid-deżert ta’ qalbi u għinni niddritta l-mogħdijiet.

RADJU LAURETANA L-iskeda tal-Milied fuq Radju Lauretana tibda l-Ħamis 8 ta’ Diċembru. Segwu l-programmi u x-xandiriet speċjali li għandna għalikom. L-iskeda qed titqassam mal-bullettin.

FESTA IMMAKULATA KUNĊIZZJONI Il-Ħamis 8 ta’ Diċembru l-ħin tal-quddies ikun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd. Bħal kull sena mmorru l-Kunċizzjoni l-Qala. Tluq mill-pjazza fis-7.30am. Quddiesa fit-8am.

GĦOTJIET GĦALL-COMMUNITY CHEST FUND

Tista’ ġġib l-offerta tiegħek għall-Istrina ta’ dis-sena fil-Knisja tagħna u titfagħha fil-kaxxa ħdejn il-qniepen. Il-Parroċċa twassal dawn l-offerti nhar l-10 ta’ Diċembru waqt ix-xandira tal-istrina minn Għawdex.

FESTA LITURĠIKA TAL-MADONNA TA’ LORETO

Il-Ġimgħa 9 ta’ Diċembru – Lejlet il-Festa

5.30pm     Talb tas-Salmi fil-Knisja

6.00pm     Quddiesa

6.30pm    Fil-Kenn ta’ Darek Marija! Talb Marjan f’riġlejn l-istatwa devota tal-Madonna s-Sewda

Tinxtegħel ukoll il-ħuġġieġa Lawretana fuq iz-zuntier.

9.00pm    Festa della Venuta della Santa Casa

Insegwu flimkien f’xandira diretta u esklussiva l-velja ta’ talb minn Loreto l-Italja fuq Radju Lauretana. Radju Marija jingħaqad ma’ Radju Lauretana għal din ix-xandira speċjali. Ikollna l-kummentarju bil-Malti. Fil-velja ser ikun hemm preżenti l-Isqfijiet taz-zoni li ħakimhom it-terremot aktar kmieni din is-sena fil-Marche.

Is-Sibt 10 ta’ Diċembru – Festa Liturġika ta’ Sidtna Marija ta’ Loreto

5.30pm    Rużarju f’xandira diretta u esklussiva fuq Radju Lauretana u Radju Marija minn ġewwa d-Dar tal-Madonna f’Loreto, liema rużarju jinstema’ wkoll fil-knisja.

6.00pm    Konċelebrazzjoni Solenni ta’ Jum il-Festa mmexxija mill-Arċipriet Dun Frankie Bajada f’għeluq l-10 snin tiegħu bħala ragħaj tal-parroċċa. Tieħu sehem l-orkestra u l-kor taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Frankie Debono. Wara l-quddiesa jkollna Ċelebrazzjoni Ewkaristika.

BETHLEHEM F’GĦAJNSIELEM Inħeġġu lil dawk li jistgħu, biex jieħdu sehem bħala atturi u lil dawk kollha li  b’xi mod ser  jieħdu sehem f’Bethlehem li ser issir laqgħa għalihom fil-kazin tal-banda – it-Tlieta  li gejja fis-6.30pm.

IMMORRU S-SEMINARJU – Bħala parti mill-attivitajiet fl-okkażjoni tal-150sena mit-twaqqif tas-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, ġejna mistiedna biex inżuru dan il-post u naraw ukoll il-wirja sabiħa li hemm dwar l-istorja tiegħu. Immorru nhar it-Tlieta li ġejja. Trasport provdut  wara l-quddiesa ta’ filgħaxija. Min jixtieq jiġi jikkuntattja l-uffiċċju parrokkjali.

  • NOVENA TAL-MILIED: MILL-15 sat-23 ta’ DIĊEMBRU

L-EWWEL ĠABRA GĦALL-FESTA

Ma’ dal-bullettin qed jaslilkom ukoll l-envelop għall-ġabra bieb bieb għall-festa tas-sena d-dieħla. Il-voluntiera tal-parroċċa jgħaddu jiġbruh matul din il-ġimgħa. L-ispejjeż tal-festa biex inkomplu nagħmlu dak li konna nagħmlu qegħdin dejjem jikbru. Inkunu ġenerużi bħal dejjem.

Miċ-Ċentru Parrokkjali

SERATA TAL-MILIED: IL-ĦAMIS 29 ta’ Diċembru, 2016. Dawk li jixtiequ jieħdu sehem jinkitbu fl-Uffiċċju Parrokkjali jew iċ-Ċentru sat-18 ta’ Diċembru.

MILL-ISKOLA PRIMARJA  Il-Kap tal-Iskola primarja t’Għajnsielem tavża lil dawk il-ġenituri li għandhom uliedhom li se jagħlqu 3 snin sal-aħħar t’April 2017 biex jirreġistrawhom għal mal-Kindergarten intake ta’ Frar 2017. Il-ġenituri mitluba jiġbru l-applikazzjoni mill-iskola. L-applikazzjoni tagħlaq fis-7 ta’ Diċembru.

HI-TEA Nhar l-Erbgħa 14 ta’ Diċembru fiċ-Ċentru Parrokkjali mis-6.30pm ‘il quddiem.

GĦOTI TA’ DEMM Skola Primarja Sannat il-Ħadd 4 ta’ Diċembru mit-8:30am sas-1:00pm.

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 6 ta’ Diċembru – 1:00pm sal-5:00pm.

GRAZZI MILL-QALB Ġabra speċjali għall-Knisja s-Sibt u l-Ħadd 26 u 27 ta’ Diċembru – €624.88.

ILQA’ FI ĦDANEK O Ġesu’ r-ruħ għażiża ta’ Albert Sultana mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li għadda għal għandek fis-27 ta’ Novembru fl-eta’ ta’ 53 sena.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Ġuża u Maria Galea joffru €20 għall-Bullettin b’suffraġju ta’ ommhom u missierhom Carmela u Pawlu Galea fl-anniversarju tal-mewt tagħhom.
  • Loreta Saliba toffri €20 għall-Bullettin b’suffraġju ta’ missier u ommha Ġużeppa u Karlu Spiteri.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.