Monthly Archives: January 2017

Bullettin 29 ta’ Jannar 2017

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA  –      Motto Parrokkjali 2016-17

Ir-4 Ħadd Matul is-Sena

IL-FQAR: HENJIN JEW IMSIEKEN?

JIEN HIENI?

F’ħajja li tippriedka lussu, kumdità u flus, f’ħajja fejn kull diskors fuq sagrifiċċju jistona, il-Vanġelu tal-lum jidher bla sens.  Jidher bla sens kważi anki għal dawk li llum ukoll sejrin għall-quddiesa tal-Ħadd.  Iżda l-Liturġija tal-Kelma tal-lum tgħinna u tgħallimna biex nifhmu aktar il-faqar tal-ispirtu fil-ħajja.  Nifhmu aktar kif mhux biss għandna ngħinu lill-fqar imma aħna stess niftaqru biex inkunu nistgħu mhux biss naċċettaw il-Mulej fil-ħajja tagħna, iżda fuq kollox biex inħallu lill-Mulej jimliena hu u mhux nimtlew aħna b’dak kollu li jifga kull sens reliġjuż fil-ħajja tagħna.

Fl-Ewwel Qari tal-lum għandna silta mill-ktieb tal-Profeta Sofonija fejn il-Profeta, minkejja t-tifrik u l-umiljazzjoni li Israel, fis-sena 640, kien għaddej minnha, jagħraf li l-Mulej se jkompli l-missjoni tas-salvazzjoni permezz ta’ dawk li huma l-umli u foqra.  Alla jkompli jerfa’ kontinwament u jgħin lill-fqir li jafda fiH.  Dan huwa l-messaġġ li joħroġ mis-Salm Responsorjali tal-lum fejn jurina li huma l-umli li jġarrbu tassew il-ferħ.  It-Tieni Qari, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin, jurina li Alla “għażel il-ħwejjeġ boloh tad-dinja biex iħawwad l-għorrief.”  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew għandna l-bidu tad-diskors tal-muntanja.  Diskors li juri fil-beraħ ir-radikalità tal-Vanġelu.

Quddiem id-diskors li jagħmel Ġesù llum għandna għażla ċara u soda xi nwettqu: jew ir-radikalità ta’ għażla li ġġib il-vera bidla fil-ħajja u fil-qalb tagħna, jew inkomplu ngħixu fil-medjokrità.

Hemm bżonn li nagħrfu u nistaqsu kemm tassew fil-ħajja qed inkunu nies ta’ ħniena u ta’ servizz għal ta’ madwarna.

X’tip ta’ għerf qed tfittex għall-ħajja tiegħek? Dak mogħti minn Alla lill-umli jew dak li jiswa biex ineffaħ il-persuna,Hemm bżonn li bl-għemil tagħna f’ħajjitna nfittxu aktar il-ġustizzja u l-umiltà.

Mulej Ġesù, nitolbok tgħinni

biex f’għemili u f’ruħi nkun

dejjem fqir u umli.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Is-Sibt 28 ta’ Jannar, 2017 fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Lawrenz. Trasport mill-Pjazza fis-6.00pm.

IT-2 ta’ FRAR – IL-KANDLORA

FESTA TAL-PREŻENTAZZJONI TAL-MULEJ

Nhar il-Ħamis li ġej!!!

Stedina sabiħa lil kulħadd. Kbar u Żgħar.

Niltaqgħu flimkien fis-6.00pm fil-Knisja Parrokkjali għall-funzjoni li tfakkar il-Preżentazzjoni tal-Mulej fit-Tempju, erbgħin jum wara l-Milied. Isir it-Tberik tax-Xemgħa – simbolu tad-dawl li huwa Kristu.

It-tfal iż-żgħar tal-Years 1-3 ma jkollhomx katekiżmu fiċ-Ċentru Parrokkjali biex ikunu jistgħu jiġu mal-ġenituri l-knisja.

Stedina Speċjali lill-istudenti tal-Griżma u lill-adoloxxenti.

L-EWWEL ĠIMGĦA u SIBT tax-XAHAR

Il-Ġimgħa 3 ta’ Frar l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali u tibda wara l-quddiesa tad-9am. Is-Sibt 4 ta’ Frar fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm rużarju. Fl-4pm quddiesa u wara l-Adorazzjoni tkompli sad-9pm.

Il-ĦAMISIJIET TA’ SANTA RITA Ikomplu

Din il-ġimgħa minħabba l-festa tal-Kandlora kollox sser isir nhar l-Erbgħa 1 ta’ Frar għand is-sorijiet Agostinjani. Fil-5.30pm Rużarju, Kurunella, barka sagramentali u quddiesa bil-ħsieb fuq Santa Rita.

TOMBLA Fiċ-Ċentru Sant’ Antnin il-Ġimgħa 3 ta’ Frar fis-6.45pm.

GĦOTI TA’ DEMM… Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 31 ta’ Jannar ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1pm sal-5pm.

KORS GĦAQAL ID-DAR, ĦAJJA AĦJAR 

Wara li dan il-kors sar b’suċċess ġewwa l-Għarb u x-Xagħra matul is-sena l-oħra,  issa jmiss isir fir-raħal tagħna. Ser jibda nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Frar u jkompli kull nhar ta’ Ġimgħa fis-sala tal-Kunsill Lokali Għajnsielem bejn il-5.30pm u s-7.30pm. Applikazzjonijiet b’xejn mill-Kunsill Lokali.

GRAZZI – Il-Kummissarjat tal-Art Imqaddsa jirringrazzja mill-qalb lill-Parroċċa tagħna għall-għotja sabiħa ta’ €963.50 għall-missjoni tal-Art Imqaddsa.

L-ISTRINA TAL- MADONNA WASLET

Ix-xogħol lejn it-TKOMPLIJA tal-BINI tal-KNISJA miexi. Bdejna x-xogħol tal-inġir tal-ġebel tal-arkati tat-twieqi.

Issa rridu naħsbu biex nibdew nixtru l-bqija tal-ġebel l-ieħor kollu…

Proġett – Ħolma ta’ missirijietna – li qed issir realtà.

NGĦINU MINN QALBNA!

Ma’ dan il-bullettin qed jasallek l-envelop.

Dan jinġabar mill-voluntiera tal-Parroċċa bieb bieb mit-3 ta’ Frar ‘il quddiem.

Nagħtu skont ma l-Mulej ipprovdielna!

It-triq mhix qasira u anqas ħafifa, imma bl-għajnuna t’Alla, ta’ Ommna Maria Lawretana u tal-għajnuna ta’ kull wieħed u waħda minna… NASLU ŻGUR!!!

Kull offerta li tagħti hija sostenn għal dan il-monument kbir u sabiħ li għandna.

GRAZZI lil dawk li ta’ kull xahar jagħtu l-offerta tagħhom u lil dawk li taw diġa għotjiet verament sbieħ għal dan il-proġett.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Miriam Buttigieg toffri €20 għall-Bullettin b’suffraġju tal-mejtin tal-familja Buttigieg.
  • Loreto Debattista joffri €20 għall-Bullettin b’suffraġju ta’ ommu Rita Debattista f’għeluq l-4 snin mill-mewt tagħha fis-26 ta’ Jannar.
  • Katrina Sammut toffri €20 għall-Bullettin b’suffraġju ta’ Franġisku Sammut f’għeluq l-14-il sena mill-mewt tiegħu fl-1 ta’ Frar.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA ĦARISNA

 

Bullettin 22 ta’ Jannar 2017

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA  –      Motto Parrokkjali 2016-17

It-3 Ħadd Matul is-Sena

Ħajjitna ħafna drabi tixbaħ ġrajja ta’ film: esperjenza ta’ paċi, imbagħad tinqala’ xi ħaġa, tant li faċli ngħidu: “Dejjem irid jara x’jinqala”, u wara jiġu ċirkustanzi oħra li jgħinuna nkomplu għaddejja anke meta s-sitwazzjoni tkun diffiċli. Faċli pero’ nesperjenzaw ħafna drabi l-qtigħ tal-qalb! Imma l-qtigħ tal-qalb huwa l-iktar arma qawwija tax-xitan. Normalment biex wieħed ma jaqtax qalbu, irid jisma’ aħbar sabiħa; jisma’ li din id-diffkulta’, dan is-saram, dan l-inkwiet mhux għal dejjem.

L-istess jiġri fil-Vanġelu. Il-poplu kien fid-dlam; għax arrestaw lill-Profeta. Ġwanni minkejja li kien persuna xi ftit riġida, kien ta’ konsolazzjoni għall-poplu, kien kapaċi jagħti dawl, direzzjoni, tant li ħafna kienu jmorru għandu jistaqsuh kif għandhom jgħixu. Imma issa għalqulu ħalqu, u l-poplu tħawwad. Ġie xi ħadd ieħor, l-istess bħalu jxandar li s-Saltna tas-Smewwiet waslet. Daqshekk dlam! Jiġi u joqgħod idur il-Galilija kollha, jgħallem fis-sinagogi, ixandar l-aħbar it-tajba u jfejjaq kull xorta ta’ mard. U dan ma jagħmlux waħdu; jagħżel uħud biex miegħu jwettqu din il-missjonili jduru fost in-nies, jgħallmuhom, ifejquhom u jagħtuhom aħbar tajba.

Issa ġa għaddew elfejn sena minn dakinhar u dehru ħafna dixxipli tiegħu jduru man-nies jagħmlu l-ġid. Kollox beda mix-xatt il-baħar tal-Galilija u xterdu mad-dinja, għallmu, wettqu fil-fidi, bnew skejjel u sptarijiet, qerdu l-faqar, qerdu l-mard, assistew il-batut. Bosta drabi ġew ippersegwitati propju għax kienu viċin il-fqir.

U int? U jien? Aħna għandna l-missjoni li nduru l-ambjenti li ngħixu fihom, ngħallmu, inxandru Aħbar Sabiħa u bil-preżenza tagħna nfejqu kull xorta ta’ mard. Il-Mulej li sejjaħ għal warajh eluf u eluf ta’ dixxipli, minn dik l-ewwel sejħa fuq xatt il-baħar tal-Galilija, qed isejjaħ lilek ukoll!

L-GĦAQDA TAL-INSARA       18 – 25 ta’ Jannar

L-imħabba ta’ Kristu ġġegħelna naħsbu dan: li wieħed miet għal kulħadd.                   2Kor:5:14-15

Inkomplu nitolbu mal-Knisja kollha biex l-Insara kollha jersqu lejn xulxin fil-fidi u fl-azzjoni.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Nhar is-Sibt 28 ta’ Jannar, 2017 fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Lawrenz.Trasport mill-Pjazza fis-6.00pm.

IL-ĠIMGĦA TAL-AZZJONI KATTOLIKA

Il-Ħadd 22 ta’ Jannar

Ftuħ tal-Ġimgħa bil-quddiesa tat-8am

It-Tnejn 23 ta’ Jannar

Irtir għal kulħadd għand is-Sorijiet Agostinjani

8.30am      Qrar

9.00am      Taħdita minn Dun George Frendo

10.00am     Kafe’

10.30am     Taħdita oħra minn Dun George Frendo

11.30am     Quddiesa

12.00pm     Ikel (€10). Għall-booking ċemplu

9943 8275 jew 21 553470.

1.30pm      Siegħa Adorazzjoni mmexxija minn P.

Marcello Ghirlando

Il-laqgħa tal-irġiel tal-Azzjoni Kattolika titmexxa minn Fr Noel Saliba Assistent Ekklesjastiku Ġdid

It-Tlieta 24 ta’ Jannar

Xogħol volontarju mill-membri f’diversi istituzzjonijiet hawn f’Għawdex

L-Erbgħa 25 ta’ Jannar

Filgħodu Żjarat lill-morda fid-djar u fl-isptarijiet

6.30pm       Konferenza għal kulħadd fiċ-Ċentru Parrokkjali mill-gynecologist Margaret Spiteri bit-tema Il-Ħajja Umana

Il-Ħamis 26 ta’ Jannar           

9.00am    Coffee morning fid-Dar Ċentrali tal-Azzjoni Kattolika r-Rabat. Trasport fit-8.30am

Il-Ġimgħa 27 ta’ Jannar

Għeluq il-Ġimgħa tal-Azzjoni Kattolika

3.30pm    Siegħa Adorazzjoni fil-Knisja l-Qadima u tesserament

4.30pm    Quddiesa – L-Adorazzjoni u l-quddiesa jitmexxew minn Fr Noel Saliba

Il-ĦAMISIJIJET TA’ SANTA RITA

Jibdew il-Ħamis li ġej 26 ta’ Jannar għand is-sorijiet Agostinjani. Fil-5.30pm Rużarju, Kurunella, barka sagramentali u quddiesa bil-ħsieb fuq Santa Rita.

GĦOTI TA’ DEMM…          

L-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 22 ta’ Jannar ser ikun disponibbli mit-8:00am sas-1:00pm

JUM L-ART IMQADDSA

Dan il-weekend nitolbu flimkien ma’ ħutna l-patrijiet Franġiskani minuri proprju għal din il-missjoni tant nobbli. Il-patrijiet ser ikunu magħna għall-quddies tas-sibt filgħaxija u tal-Ħadd biex jgħinuna nifhmu aħjar din il-ħidma tagħhom hemmhekk u aħna ngħinuhom bit-talb u l-offerti tagħna.

KORS GĦAQAL ID-DAR, ĦAJJA AĦJAR 

Wara li dan il-kors sar b’suċċess ġewwa l-Għarb u x-Xagħra matul si-sena li għadha kemm intemmet,  issa jmiss isir fir-raħal tagħna. Ser jibda nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Frar u jkompli kull nhar ta’ Ġimgħa fis-sala tal-Kunsill Lokali Għajnsielem bejn il-5.30pm u s-7.30pm. Applikazzjonijiet b’xejn mill-Kunsill Lokali.

ILQA’ FI ĦDANEK

Missier Ħanin ilqa’ fi ħdanek ir-ruħ għażiża ta’ Ċikku Xuereb mill-Komunità Parrokkjali tagħna li ħalla din id-dinja fil-15 ta’ Jannar 2017 fl-għomor ta’ 67 sena.

Agħtih o Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Carmen Scicluna toffri $50 b’suffraġju tal-għażiż żewġha Anthony Scicluna f’għeluq il-25 sena mill-mewt tiegħu fil-25 ta’ Jannar.
  • Il-Familja Grech toffri €20 b’suffraġju ta’ Peter Paul Grech f’għeluq l-14-il sena mill-mewt tiegħu fil-25 ta’ Jannar.
  • Il-Familja Spiteri toffri €20 b’suffraġju ta’ Tonina Spiteri f’għeluq is-16-il sena mill-mewt tagħha fis-16 ta’ Jannar u għall-familja Spiteri.
  • Il-Familji Zerafa u Vella joffru €20 b’suffraġju ta’ Kelina Zerafa f’għeluq is-17-il sena mill-mewt tagħha fit-23 ta’ Jannar u b’suffraġju ta’ missierhom Pietru Zerafa u ħuthom kollha.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA ĦARISNA

 

Bullettin 15 ta’ Jannar 2017

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA  –      Motto Parrokkjali 2016-17

It-2 Ħadd Matul is-Sena

DAN HU!

Kemm tassew qed ikollna kuraġġ nuru lil Ġesù lill-oħrajn?  Kemm qegħdin nifhmu li Ġesù huwa l-Ħaruf t’Alla li bata u miet għalina?  San Ġwann il-Battista kien konvint u xandar dan il-fatt.  Aħna l-insara mmarkati bis-salvazzjoni li kiseb għalina l-Ħaruf t’Alla.  Imma kemm tassew qegħdin inxandru dan il-fatt mal-oħrajn?  L-għajta li ntennu llum fis-Salm Responsorjali turi jekk fhimniex jew le dak li jrid minna dan il-Ħaruf.  “Hawn jien Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek.”  Hemm bżonn li bħala Nsara mgħammdin nifhmu dak li jrid Alla minna u nwassluh lill-oħrajn mingħajr dewmien żejjed!

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ Isaija, insibu li l-qaddej t’Alla huwa msejjaħ Israel għaliex huwa l-aktar rappreżentant tal-poplu ta’ Israel.  Huwa fuq dan il-qaddej li Alla juri l-glorja tiegħu.  Fuq din l-istess tema, bħalma l-Iben ta’ Alla jwieġeb għas-sejħa tal-Missier, is-Salm 39 jurina li għandna nwieġbu mingħajr limiti għas-sejħa tal-Mulej.  Din is-sejħa wkoll hija waħda għall-qdusija, kif ifakkar San Pawl lill-Insara ta’ Korintu fil-bidu tal-Ittra li kitbilhom.  Fil-bidu tal-Vanġelu ta’ San Ġwann għandna lil Ġwanni l-Battista juri l-wasla tal-Ħaruf t’Alla li huwa l-istess qaddej t’Alla.

Il-Knisja hija s-sagrament tas-salvazzjoni tal-ġnus u aħna l-qaddejja u l-ministri ta’ dan.

Il-kundizzjoni tan-nisrani mgħammed fid-demm tal-Mulej hija kundizzjoni ta’ servizz.

Il-Ħaruf t’Alla ġie biex ineħħi d-dnubiet.  Taf tassew x’inhu d-dnub jew tlifna kull sens ta’ dnub?

Id-dnub mhux biss hu att kontra l-liġi imma t-tifrik tal-armonija bejn il-bniedem u Alla.

Mulej Ġesù iftaħli għajnejja biex nagħraf dnubieti!

ĠIMGĦA TAL-AZZJONI KATTOLIKA

Din is-sena l-Ġimgħa tal-Azzjoni Kattolika tibda l-Ħadd 22 ta’ Jannar. It-Tnejn 23 ta’ Jannar ser isir irtir għal kulħadd għand is-sorijiet Agostinjani. Min jixtieq joqgħod għall-ikel f’12pm (€10) iċempel fuq 21553470 jew 9943 8275. Dettalji oħra tal-programm ta’ din il-ġimgħa fil-bullettin li jmiss.

L-GĦAQDA TAL-INSARA

ĠIMGĦA TA’ TALB 18 – 25 ta’ Jannar

L-imħabba ta’ Kristu ġġegħelna naħsbu dan: li wieħed miet għal kulħadd, mela kulħadd miet. U miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom, imma għal dak li miet u rxoxta għalihom.

2Kor:5:14-15

Ningħaqdu mal-Knisja kollha fit-talb biex l-Insara kollha jersqu lejn xulxin fil-fidi u fl-azzjoni.

JUM L-ART IMQADDSA

Lkoll nafu x’missjoni kbira għandhom il-Patrijiet Franġiskani biex iżommu ħajja l-fidi nisranija fl-Art ta’ Ġesù u kemm hi kbira l-isfida tal-preżenza Nisranija f’dawn l-inħawi.

Nhar is-Sibt u l-Ħadd li ġejjin, 21 u 22 ta’ Jannar ser inkunu nitolbu flimkien ma’ ħutna l-patrijiet Franġiskani minuri proprju għal din il-missjoni tant nobbli. Il-patrijiet ser ikunu magħna għall-quddies tas-sibt filgħaxija u tal-Ħadd biex jgħinuna nifhmu aħjar din il-ħidma tagħhom hemmhekk u aħna ngħinuhom bit-talb u l-offerti tagħna.

RADJU LAURETANA … lejn l-10 snin ta’ XANDIR

Nhar is-Sibt 5 ta’ Awwissu Radju Lauretana jagħlaq 10 snin mill-ewwel xandira tiegħu. Matul din is-sena ser ikollna xandiriet speċjali biex infakkru dan l-anniversarju. L-Erbgħa 18 ta’ Jannar 2017 għall-ewwel darba fl-istorja tal-futbol Malti, Għajnsielem ser ikun l-ewwel tim Għawdxi li ser jilgħab ġewwa l-istadium nazzjonali ġo ta’ Qali, logħba kontra Floriana FC. Radju Lauretana ser ixandar din il-logħba b’mod dirett. Ix-xandira tibda fil-5.30pm.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 17 ta’ Jannar ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

ADORAZZJONI FIL-KNISJA L-QADIMA

Kuljum mit-Tnejn sas-Sibt mit-8.30am sal-4.00pm. Ngħaddu quddiem Ġesù Ewkaristija: NADURAWH – NITOLBUH – INKELLMUH.

QARI NISRANI

Bħalissa huwa ż-żmien li jiġġeddu l-abbonamenti fir-rivisti. Nħeġġukom iġeddu jew tibdew l-abbonament f’rivisti bħal Regina et Mater, Malta Missjunarja, Dawl Franġiskan, eċċ.

Inħeġġukom ukoll biex tabbonaw fir-rivista Il-Ħajja f’Għawdex u fil-gazzetta I-Leħen. Ċemplu jew aslu wasla sal-uffiċċju parrokkjali.

GRAZZI MILL-QALB

NN B’Ringrazzjament lill-Madonna-€20

MILL-MUSEUM TAL-BNIET

It-tagħlim tal-katekiżmu fil-Qasam tal-Museum tal-Bniet ser jibda jkun hekk:

It-Tlieta u l-Gimgha:

Years 4 u 5 fl- 4.30p.m. sal-5.10p.m.

Year6 u Fr.1 fil-5.15p.m. sas-6.00p.m.

Il-Ġimgħa: Studenti  Fr. 2-3-4 fis-6.30p.m.

COFFEE MORNING

Il-Ġimgħa 20 ta’ Jannar 2017 fit-8.30am ser isir coffee morning b’risq il-festa ta’ Sant’ Antnin fiċ-Ċentru ta’ Sant’ Antnin. Min jixtieq trasport iċempel fuq 99448921.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Il-Familji Galea u Azzopardi joffru €20 għall-Bullettin b’suffraġju ta’ Carmelo Galea f’għeluq l-20 sena mill-mewt tiegħu u għal Giswalda Galea f’għeluq it-3 xhur mill-mewt tagħha fis-16 ta’ Jannar.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA ĦARISNA

 

Bullettin 6 ta’ Jannar 2017

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA   –         Motto Parrokkjali 2016-17

L-EPIFANIJA TAL-MULEJ

Fir-rakkont tal-maġi, l-Evanġelista ma riedx jgħidilna biss x’ġara elfejn sena ilu, imma min hu Ġesu’. Il-kelma Epifanija tfisser wirja, wirja ta’ Ġesu. L-Evanġelista jrid ukoll jurina x’mudelli għandna nsegwu u x’atteġġjamenti għandna nieħdu fil-konfront ta’ Ġesu’. Insibu tliet tipi ta’ persunaġġi u tliet atteġjamenti.

Erodi. Nafu x’tip ta’ bniedem kien dan Erodi. Biex ma jitlifx il-poter qered it-trabi kollha subien minn sentejn ‘l isfel. Il-Vanġelu jgħidilna li Erodi ħassu trattat mill-Maġi ta’ tifel u kellhom raġun għax propju ta’ tifel ġab ruħu! Erodi kien beżżiegħ, beża’ li dan it-tfajjel ta’ Betlem ser jeħodlu postu. Qas biss kien kapaċi jikkalkula li sakemm dak it-tifel jikber, hu kellu jkun ilu taħt it-trab! Infatti, miet ftit wara. Malli jisma’ li twieled Sultan jitħawwad, ġabar il-Kittieba u l-Qassisin il-kbar u tkixxef mingħandhom x’kienet dil-biċċa xogħol! Erodi jirrapreżenta lil min jitfixkel minħabba Ġesu’, min jaħseb li Ġesu’ jrid jeħodlu xi ħaġa. Iva Ġesu’ lil Erodi ried jeħodlu xi ħaġa: l-eġoiżmu tiegħu ! Erodi jasal iqarraq biex ma jitlifx. Erodi jasal joqtol biex ma jitlifx. Erodi huwa dak il-miskin li jaħseb li ser jieħu kollox miegħu, li l-poter, il-flus u l-fama huma għal dejjem!

Imbagħad għandna t-tieni kategorija: Il-kittieba u l-qassisin il-kbar. Dawn kienu nies tassew intelliġenti. Huma kienu jafuha sewwa l-Bibbja, u lil Erodi weġbuh tajjeb. Huma kienu jafu fejn kellu jitwieled il-Messija, esperti wkoll biex juru fejnu, biex jibagħtu lill-oħrajn ħa jiltaqgħu miegħu, imma huma ma jmorrux. M’hemmx ħafna x’tispjega, la darba ma marrux ma kinux qed jistennewh jiġi, u la ma kinux qed jistennewh sinjal li ma kinux iħossu l-bżonn li jiġi. Anke bħal dawn insibu ħafna llum; u fosthom jista’ jkun hemm jien u int. Nafu kif naslu għand Ġesu’, nafu t-triq imma ma niċċaqalqux. Jista’ jkun għax nibżgħu, jista’ jkun għax il-Vanġelu nħossuh tqil wisq, jista’ jkun għax inħossuna tant tajbin li m’għandniex bżonn ta’ Messija. Jista’ jkun ukoll li nħossuna tant ħżiena li ma nażżardawx nersqu lejh. Nippreferu noqogħdu komdi kif aħna, bil-ftit, milli nagħtu dak il-ftit lil Alla, li tiegħu kapaċi jtina kollox.

Imbagħad għandna lill-Maġi. Dawn ma nsibuhomx jitkellmu, it-triq ma jafuhiex eżatt. Il-Maġi prattikament ma jgħidu xejn imma jgħallmuna ħafna b’dak li jagħmlu. Huma ma qagħdux jittrattjienu, telqu kollox u mxew f’post fejn ma kinux jafu, qalb nies li għalihom kienu barranin. Kieku qagħdu jikkalkulaw x’kien sejjer jiswiehom dak il-vjaġġ, kienu jibqgħu komdi f’posthom. Dawn huma dawk fostna li fil-ħajja kapaċi jiddeċiedu. Huma dawk li l-kalkolu ma jwaqqafhomx, li l-biża’ ma tipparalizzahomx. Huma dawk li lesti jħallsu prezz imma jafu x’jiġifieri tirriskja għal Ġesu’. Jafu x’jiġifieri jkollok ix-xorti li tgħid jien iltqajt miegħu u mindu bdejt nagħti kas xi jgħid, ħajti nbidlet. Kont nemmen li mhux kapaċi naħfer, u ħfirt. Kont miġnun wara l-flus u l-wirt, qlajt l-inkwiet imma ltqajt ma’ Ġesu’ u ċedejt u erġajt għaqqadt familja. Kont bniedem li ħadd ma’ seta’ jkellimni, sibt lil Ġesu’ u nbdilt. Kont skjav ta’ elf ħaġa u llum qed ninħeles.

Iva aħna lkoll kapaċi nkunu bħall-Maġi, kapaċi bħall-Maġi wara li naraw u niltaqgħu ma’ Ġesu’ mmorru lura lejn artna minn triq oħra. Għand Erodi ma nerggħux immorru u f’artna ngħidu lil kulħadd x’rajna, xi smajna u x’għamel Alla magħna.

EWRO COLLECTION

Matul il-quddies kollu ta’ dan il-weekend il-ġabra tkun b’risq il-festa tagħna. Ngħinu mill-aħjar li nistgħu. Nagħtu mill-qalb. Grazzi ta’ kull offerta.

MILL-KUNSILL LOKALI

Il-Kunsill Lokali Għajnsielem jixtieq javża li b’effett mill-1 ta’ Jannar, il-borża l-griża ser tibda tinġabar biss kull nhar ta’ Tlieta. Nhar ta’ Ħamis MHUX ser jibqa’ jsir ġbir tal-borża l-griża.

Skejjel tal-Knisja f’Għawdex

Applikazzjonijiet għad-Dħul fil-Kinder 1 għas-sena skolastika 2017-2018

Il-ġenituri/tuturi legali li jixtiequ jdaħħlu lit-tfal tagħhom fil-Kinder 1 fl-Iskejjel tal-Knisja f’Għawdex għas-sena skolastika 2017-2018 huma mitluba jiġbru applikazzjoni mill-Kurja tal-Isqof bejn id-9 u l-20 ta’ Jannar 2017. Il-Kurja tkun miftuħa kuljum (minbarra l-Ħamis), bejn id-9.00am u nofsinhar. Biex japplikaw, it-tfal iridu jkunu twieldu matul is-sena 2014. L-applikazzjonijiet, mimlija sewwa u bid-dokumenti meħtieġa, iridu jaslu fl-istess uffiċċju l-Kurja sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa 20 ta’ Jannar 2017. Applikazzjonijiet li jidħlu tard, jitqiegħdu fl-aħħar nett tal-polza.

Il-ġenituri/tuturi legali huma mitluba jaqraw tajjeb ir-regolamenti tad-dħul.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA ĦARISNA

NAGĦLQU ŻMIEN IL-MILIED

Nhar it-Tnejn 9 ta’ Jannar, 2017 nagħlqu żmien il-Milied għal din is-Sena bil-festa tal-Magħmudija tal-Mulej. Filgħaxija, fis-6.00pm it-tfal kollha flimkien mal-ġenituri huma mistiedna biex niċċelebraw il-quddiesa ta’ din il-festa u niċċelebraw ukoll il-FESTA TAS-SANT’INFANZJA. It-tfal u l-ġemgħa mistiedna nagħmlu l-offerta tagħna għat-tfal tal-Missjoni. Fl-aħħar tal-Quddiesa jsir il-bews tal-Bambin.

RADJU LAURETANA

L-iskeda tal-Milied tasal fi tmiemha l-Ħadd 8 ta’ Jannar 2017 b’xandira diretta mill-Mellieħa sakemm il-Maġi jaslu f’Bethlehem f’Għajnsielem. Grazzi lil kull min ta sehem f’din l-iskeda li kienet twila 32 ġurnata. L-iskeda tal-Għid tibda s-Sibt l-1 ta’ April 2017.

GĦOTI TA’ DEMM  Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 8 ta’ Jannar ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

IS-SIĠRA TAL-KARITÀ… tkompli

Matul din il-Ġimgħa s-siġra tal-Karità tkompli fil-ħwienet tagħna. Fil-knisja tistgħu ġġibu l-bolli wżati u l-kartolini tal-Milied.

GRAZZI MILL-QALB Għad-Dar tal-Providenza €1025

ILQA’ FI ĦDANEK

Mulej Ġesu’ wassal għall-ħajja ta’ dejjem lir-ruħ għażiża ta’ Carmel Grech mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li ħalla din id-dinja fit-2 ta’ Jannar 2017 fl-għomor ta’ 76 sena.

Agħtih o Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

Agnes Xuereb u ħutha joffru €20 għall-Bullettin b’suffraġju ta’ missierhom Karmnu Xuereb f’għeluq is-17-il sena mill-mewt tiegħu fl-10 ta’ Jannar.

NIBAGĦTU LIL ULIEDNA GĦAT-TAGĦLIM TAL-KATEKIŻMU