Bullettin 15 ta’ Jannar 2017

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA  –      Motto Parrokkjali 2016-17

It-2 Ħadd Matul is-Sena

DAN HU!

Kemm tassew qed ikollna kuraġġ nuru lil Ġesù lill-oħrajn?  Kemm qegħdin nifhmu li Ġesù huwa l-Ħaruf t’Alla li bata u miet għalina?  San Ġwann il-Battista kien konvint u xandar dan il-fatt.  Aħna l-insara mmarkati bis-salvazzjoni li kiseb għalina l-Ħaruf t’Alla.  Imma kemm tassew qegħdin inxandru dan il-fatt mal-oħrajn?  L-għajta li ntennu llum fis-Salm Responsorjali turi jekk fhimniex jew le dak li jrid minna dan il-Ħaruf.  “Hawn jien Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek.”  Hemm bżonn li bħala Nsara mgħammdin nifhmu dak li jrid Alla minna u nwassluh lill-oħrajn mingħajr dewmien żejjed!

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ Isaija, insibu li l-qaddej t’Alla huwa msejjaħ Israel għaliex huwa l-aktar rappreżentant tal-poplu ta’ Israel.  Huwa fuq dan il-qaddej li Alla juri l-glorja tiegħu.  Fuq din l-istess tema, bħalma l-Iben ta’ Alla jwieġeb għas-sejħa tal-Missier, is-Salm 39 jurina li għandna nwieġbu mingħajr limiti għas-sejħa tal-Mulej.  Din is-sejħa wkoll hija waħda għall-qdusija, kif ifakkar San Pawl lill-Insara ta’ Korintu fil-bidu tal-Ittra li kitbilhom.  Fil-bidu tal-Vanġelu ta’ San Ġwann għandna lil Ġwanni l-Battista juri l-wasla tal-Ħaruf t’Alla li huwa l-istess qaddej t’Alla.

Il-Knisja hija s-sagrament tas-salvazzjoni tal-ġnus u aħna l-qaddejja u l-ministri ta’ dan.

Il-kundizzjoni tan-nisrani mgħammed fid-demm tal-Mulej hija kundizzjoni ta’ servizz.

Il-Ħaruf t’Alla ġie biex ineħħi d-dnubiet.  Taf tassew x’inhu d-dnub jew tlifna kull sens ta’ dnub?

Id-dnub mhux biss hu att kontra l-liġi imma t-tifrik tal-armonija bejn il-bniedem u Alla.

Mulej Ġesù iftaħli għajnejja biex nagħraf dnubieti!

ĠIMGĦA TAL-AZZJONI KATTOLIKA

Din is-sena l-Ġimgħa tal-Azzjoni Kattolika tibda l-Ħadd 22 ta’ Jannar. It-Tnejn 23 ta’ Jannar ser isir irtir għal kulħadd għand is-sorijiet Agostinjani. Min jixtieq joqgħod għall-ikel f’12pm (€10) iċempel fuq 21553470 jew 9943 8275. Dettalji oħra tal-programm ta’ din il-ġimgħa fil-bullettin li jmiss.

L-GĦAQDA TAL-INSARA

ĠIMGĦA TA’ TALB 18 – 25 ta’ Jannar

L-imħabba ta’ Kristu ġġegħelna naħsbu dan: li wieħed miet għal kulħadd, mela kulħadd miet. U miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom, imma għal dak li miet u rxoxta għalihom.

2Kor:5:14-15

Ningħaqdu mal-Knisja kollha fit-talb biex l-Insara kollha jersqu lejn xulxin fil-fidi u fl-azzjoni.

JUM L-ART IMQADDSA

Lkoll nafu x’missjoni kbira għandhom il-Patrijiet Franġiskani biex iżommu ħajja l-fidi nisranija fl-Art ta’ Ġesù u kemm hi kbira l-isfida tal-preżenza Nisranija f’dawn l-inħawi.

Nhar is-Sibt u l-Ħadd li ġejjin, 21 u 22 ta’ Jannar ser inkunu nitolbu flimkien ma’ ħutna l-patrijiet Franġiskani minuri proprju għal din il-missjoni tant nobbli. Il-patrijiet ser ikunu magħna għall-quddies tas-sibt filgħaxija u tal-Ħadd biex jgħinuna nifhmu aħjar din il-ħidma tagħhom hemmhekk u aħna ngħinuhom bit-talb u l-offerti tagħna.

RADJU LAURETANA … lejn l-10 snin ta’ XANDIR

Nhar is-Sibt 5 ta’ Awwissu Radju Lauretana jagħlaq 10 snin mill-ewwel xandira tiegħu. Matul din is-sena ser ikollna xandiriet speċjali biex infakkru dan l-anniversarju. L-Erbgħa 18 ta’ Jannar 2017 għall-ewwel darba fl-istorja tal-futbol Malti, Għajnsielem ser ikun l-ewwel tim Għawdxi li ser jilgħab ġewwa l-istadium nazzjonali ġo ta’ Qali, logħba kontra Floriana FC. Radju Lauretana ser ixandar din il-logħba b’mod dirett. Ix-xandira tibda fil-5.30pm.

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 17 ta’ Jannar ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

ADORAZZJONI FIL-KNISJA L-QADIMA

Kuljum mit-Tnejn sas-Sibt mit-8.30am sal-4.00pm. Ngħaddu quddiem Ġesù Ewkaristija: NADURAWH – NITOLBUH – INKELLMUH.

QARI NISRANI

Bħalissa huwa ż-żmien li jiġġeddu l-abbonamenti fir-rivisti. Nħeġġukom iġeddu jew tibdew l-abbonament f’rivisti bħal Regina et Mater, Malta Missjunarja, Dawl Franġiskan, eċċ.

Inħeġġukom ukoll biex tabbonaw fir-rivista Il-Ħajja f’Għawdex u fil-gazzetta I-Leħen. Ċemplu jew aslu wasla sal-uffiċċju parrokkjali.

GRAZZI MILL-QALB

NN B’Ringrazzjament lill-Madonna-€20

MILL-MUSEUM TAL-BNIET

It-tagħlim tal-katekiżmu fil-Qasam tal-Museum tal-Bniet ser jibda jkun hekk:

It-Tlieta u l-Gimgha:

Years 4 u 5 fl- 4.30p.m. sal-5.10p.m.

Year6 u Fr.1 fil-5.15p.m. sas-6.00p.m.

Il-Ġimgħa: Studenti  Fr. 2-3-4 fis-6.30p.m.

COFFEE MORNING

Il-Ġimgħa 20 ta’ Jannar 2017 fit-8.30am ser isir coffee morning b’risq il-festa ta’ Sant’ Antnin fiċ-Ċentru ta’ Sant’ Antnin. Min jixtieq trasport iċempel fuq 99448921.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

Il-Familji Galea u Azzopardi joffru €20 għall-Bullettin b’suffraġju ta’ Carmelo Galea f’għeluq l-20 sena mill-mewt tiegħu u għal Giswalda Galea f’għeluq it-3 xhur mill-mewt tagħha fis-16 ta’ Jannar.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA ĦARISNA