Bullettin 29 ta’ Jannar 2017

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA  –      Motto Parrokkjali 2016-17

Ir-4 Ħadd Matul is-Sena

IL-FQAR: HENJIN JEW IMSIEKEN?

JIEN HIENI?

F’ħajja li tippriedka lussu, kumdità u flus, f’ħajja fejn kull diskors fuq sagrifiċċju jistona, il-Vanġelu tal-lum jidher bla sens.  Jidher bla sens kważi anki għal dawk li llum ukoll sejrin għall-quddiesa tal-Ħadd.  Iżda l-Liturġija tal-Kelma tal-lum tgħinna u tgħallimna biex nifhmu aktar il-faqar tal-ispirtu fil-ħajja.  Nifhmu aktar kif mhux biss għandna ngħinu lill-fqar imma aħna stess niftaqru biex inkunu nistgħu mhux biss naċċettaw il-Mulej fil-ħajja tagħna, iżda fuq kollox biex inħallu lill-Mulej jimliena hu u mhux nimtlew aħna b’dak kollu li jifga kull sens reliġjuż fil-ħajja tagħna.

Fl-Ewwel Qari tal-lum għandna silta mill-ktieb tal-Profeta Sofonija fejn il-Profeta, minkejja t-tifrik u l-umiljazzjoni li Israel, fis-sena 640, kien għaddej minnha, jagħraf li l-Mulej se jkompli l-missjoni tas-salvazzjoni permezz ta’ dawk li huma l-umli u foqra.  Alla jkompli jerfa’ kontinwament u jgħin lill-fqir li jafda fiH.  Dan huwa l-messaġġ li joħroġ mis-Salm Responsorjali tal-lum fejn jurina li huma l-umli li jġarrbu tassew il-ferħ.  It-Tieni Qari, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin, jurina li Alla “għażel il-ħwejjeġ boloh tad-dinja biex iħawwad l-għorrief.”  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew għandna l-bidu tad-diskors tal-muntanja.  Diskors li juri fil-beraħ ir-radikalità tal-Vanġelu.

Quddiem id-diskors li jagħmel Ġesù llum għandna għażla ċara u soda xi nwettqu: jew ir-radikalità ta’ għażla li ġġib il-vera bidla fil-ħajja u fil-qalb tagħna, jew inkomplu ngħixu fil-medjokrità.

Hemm bżonn li nagħrfu u nistaqsu kemm tassew fil-ħajja qed inkunu nies ta’ ħniena u ta’ servizz għal ta’ madwarna.

X’tip ta’ għerf qed tfittex għall-ħajja tiegħek? Dak mogħti minn Alla lill-umli jew dak li jiswa biex ineffaħ il-persuna,Hemm bżonn li bl-għemil tagħna f’ħajjitna nfittxu aktar il-ġustizzja u l-umiltà.

Mulej Ġesù, nitolbok tgħinni

biex f’għemili u f’ruħi nkun

dejjem fqir u umli.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Is-Sibt 28 ta’ Jannar, 2017 fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Lawrenz. Trasport mill-Pjazza fis-6.00pm.

IT-2 ta’ FRAR – IL-KANDLORA

FESTA TAL-PREŻENTAZZJONI TAL-MULEJ

Nhar il-Ħamis li ġej!!!

Stedina sabiħa lil kulħadd. Kbar u Żgħar.

Niltaqgħu flimkien fis-6.00pm fil-Knisja Parrokkjali għall-funzjoni li tfakkar il-Preżentazzjoni tal-Mulej fit-Tempju, erbgħin jum wara l-Milied. Isir it-Tberik tax-Xemgħa – simbolu tad-dawl li huwa Kristu.

It-tfal iż-żgħar tal-Years 1-3 ma jkollhomx katekiżmu fiċ-Ċentru Parrokkjali biex ikunu jistgħu jiġu mal-ġenituri l-knisja.

Stedina Speċjali lill-istudenti tal-Griżma u lill-adoloxxenti.

L-EWWEL ĠIMGĦA u SIBT tax-XAHAR

Il-Ġimgħa 3 ta’ Frar l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali u tibda wara l-quddiesa tad-9am. Is-Sibt 4 ta’ Frar fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm rużarju. Fl-4pm quddiesa u wara l-Adorazzjoni tkompli sad-9pm.

Il-ĦAMISIJIET TA’ SANTA RITA Ikomplu

Din il-ġimgħa minħabba l-festa tal-Kandlora kollox sser isir nhar l-Erbgħa 1 ta’ Frar għand is-sorijiet Agostinjani. Fil-5.30pm Rużarju, Kurunella, barka sagramentali u quddiesa bil-ħsieb fuq Santa Rita.

TOMBLA Fiċ-Ċentru Sant’ Antnin il-Ġimgħa 3 ta’ Frar fis-6.45pm.

GĦOTI TA’ DEMM… Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex it-Tlieta 31 ta’ Jannar ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1pm sal-5pm.

KORS GĦAQAL ID-DAR, ĦAJJA AĦJAR 

Wara li dan il-kors sar b’suċċess ġewwa l-Għarb u x-Xagħra matul is-sena l-oħra,  issa jmiss isir fir-raħal tagħna. Ser jibda nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Frar u jkompli kull nhar ta’ Ġimgħa fis-sala tal-Kunsill Lokali Għajnsielem bejn il-5.30pm u s-7.30pm. Applikazzjonijiet b’xejn mill-Kunsill Lokali.

GRAZZI – Il-Kummissarjat tal-Art Imqaddsa jirringrazzja mill-qalb lill-Parroċċa tagħna għall-għotja sabiħa ta’ €963.50 għall-missjoni tal-Art Imqaddsa.

L-ISTRINA TAL- MADONNA WASLET

Ix-xogħol lejn it-TKOMPLIJA tal-BINI tal-KNISJA miexi. Bdejna x-xogħol tal-inġir tal-ġebel tal-arkati tat-twieqi.

Issa rridu naħsbu biex nibdew nixtru l-bqija tal-ġebel l-ieħor kollu…

Proġett – Ħolma ta’ missirijietna – li qed issir realtà.

NGĦINU MINN QALBNA!

Ma’ dan il-bullettin qed jasallek l-envelop.

Dan jinġabar mill-voluntiera tal-Parroċċa bieb bieb mit-3 ta’ Frar ‘il quddiem.

Nagħtu skont ma l-Mulej ipprovdielna!

It-triq mhix qasira u anqas ħafifa, imma bl-għajnuna t’Alla, ta’ Ommna Maria Lawretana u tal-għajnuna ta’ kull wieħed u waħda minna… NASLU ŻGUR!!!

Kull offerta li tagħti hija sostenn għal dan il-monument kbir u sabiħ li għandna.

GRAZZI lil dawk li ta’ kull xahar jagħtu l-offerta tagħhom u lil dawk li taw diġa għotjiet verament sbieħ għal dan il-proġett.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Miriam Buttigieg toffri €20 għall-Bullettin b’suffraġju tal-mejtin tal-familja Buttigieg.
  • Loreto Debattista joffri €20 għall-Bullettin b’suffraġju ta’ ommu Rita Debattista f’għeluq l-4 snin mill-mewt tagħha fis-26 ta’ Jannar.
  • Katrina Sammut toffri €20 għall-Bullettin b’suffraġju ta’ Franġisku Sammut f’għeluq l-14-il sena mill-mewt tiegħu fl-1 ta’ Frar.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA ĦARISNA