Bullettin 5 ta’ Frar 2017

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA  –      Motto Parrokkjali 2016-17

10 ta’ Frar: 

L-Appostlu Missierna San Pawl

NAWFRAĠJU!

San Pawl, anzi l-ġifen tiegħu, tfarrak mal-gżejjer Maltin.  Tidher diżgrazzja kbira li minnha   iżda  ħarġet   grazzja   mhux  biss għaliex  ħadd minn dawk li kienu fuq il-ġifen ma tfarrak jew intilef, iżda wkoll għaliex San Pawl kien għodda f’idejn Alla biex ġab il-fidi lil gżiritna.  San Pawl ġie bħala missjunarju u żera’ żerriegħa li minnha ħarġet żerriegħa missjunarja kbira għaliex aħna l-Maltin mhux biss għożżejna din il-fidi talli nies kuraġġużi Maltin, reliġjużi u lajċi, ħallew ġżiritna tul is-snin biex marru jwasslu l-fidi f’artijiet oħra.  Il-Providenza ħasbet fina l-Maltin.  Ftit huma dawk il-pajjiżi li għandhom isimhom minqux fl-Iskrittura Mqaddsa.  Huwa mument mhux biss ta’ tifkira iżda ta’ tiġdid għalina l-Maltin.

Il-Mulej Ġesù ħabbna fuq li ħabbna tant li bagħtilna wieħed mid-dixxipli tiegħu, l-Appostlu tal-Ġnus, biex jiżra’ l-fidi fi qlubna.

Missirijietna ħabbewh.  San Pawl, minkejja li kien għadu priġunier, ma beżax iwasslilna l-kelma ta’ Alla li dehret bil-kliem u l-mirakli li wettaq fostna.  San Pawl seraq il-qlub tal-Maltin u żera’ fihom iż-żerriegħa tas-salvazzjoni dejjiema…. Iżda llum dan kollu huwa storja?  Kemm tassew fadal fidi fostna?

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Għerf, naraw li kulma jseħħ fid-dinja jseħħ minħabba l-Providenza ta’ Alla.  Is-Salm Responsorjali, minn Salm 106, huwa għanja ta’ tifħir lill-Mulej għall-għeġubjijiet li jagħmel mal-bnedmin.  Fit-Tieni Qari, mill-Atti tal-Appostli, għandna r-rakkont tan-nawfraġju ta’ San Pawl fuq gżiritna.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark għandna lil Ġesù jagħti l-mandat u l-missjoni lill-Appostli biex imorru JXANDRU AĦBAR TAJBA u jgħammdu lill-ġnus.

San Pawl ġie Malta u wettaq dak mitlub minnu mill-Mulej bil-kelma u l-mirakli li wettaq.  Il-fidi żammet lill-poplu Malti ħaj tul dawn is-sekli kollha.  Illum huwa jum ta’ ringrazzjament nazzjonali lil Alla għal din il-grazzja li tana.  Iżda wkoll jum ta’ tiġdid fil-fidi li tagħna sew fuq livell individwali u anki flimkien bħala nazzjon.  Kemm tassew il-familji Maltin għad għandhom lil Ġesù fiċ-ċentru ta’ ħajjithom?  Ħafna drabi naqgħu fl-iżball li ninġarru minn modi u kurrenti li huma kontra l-valuri tal-fidi tagħna.  Inġibu l-gwaj b’idejna stess.  Liema huma l-mumenti tal-veru ferħ fil-ħajja tagħna?  Kemm tassew qed nitolbu kull ħin maħfra lill-Mulej u nitolbuh idawwal l-għemil tagħna?

Mulej, San Pawl żera’ ż-żerriegħa tal-fidi fil-poplu Malti.  Għinni, bħala Malti, biex inkompli din il-missjoni tiegħu fi gżiritna bil-ħajja u t-twemmin tiegħi.

WASLET L-ISTRINA TAL- MADONNA

B’risq It-TKOMPLIJA tal-BINI tal-KNISJA.

Qegħdin fl-ewwel passi ta’ dan ix-xogħol.

L-għotja tiegħek tgħinna nimxu ‘l quddiem…

Il-Ħolma ta’ missirijietna…

Proġett li jibqa’ għall-ġejjieni…

Jista’ jsir realtà bl-għajnuna ta’ kull  Għajnselmiż u kull Għajnselmiża, mill-kbir saż-żgħir u dawk li joqogħdu barra r-raħal!

Kollha kemm aħna nagħtu s-sehem tagħna. NGĦINU MINN QALBNA!

  • L-envelop li tqassam il-ġimgħa l-oħra mal-Bullettin jinġabar mill-voluntiera tal-parroċċa din il-ġimgħa.
  • Tista’ wkoll tissieħeb fl-iskema ta’ ġbir ta’ kull xahar.

Nagħtu skont ma l-Mulej ipprovdielna!

It-triq hija twila, imma bl-għajnuna t’Alla, ta’ Ommna Maria Lawretana u tal-għajnuna ta’ kull wieħed u waħda minna… NASLU ŻGUR!!!

  • Tistgħu taraw ix-xogħol fuq il-ġebel il-kbir ħdejn il-garage ta’ Leli Saliba.
  • Ix-xogħol fuq l-uċuħ tal-arloġġi wasal fil-fażi finali. Xogħol ta’ paċenzja u eżattezza.
  • Anke x-xogħol fuq it-tkomplija tar-reredos miexi ġmielu.
  • Grazzi lil tant voluntiera li jagħtu mill-ħin u s-sengħa tagħhom. Anke b’dan il-mod inkunu ngħinu lill-knisja tagħna. Grazzi verament mill-qalb.
  • Barra dawn l-ispejjeż, il-knisja għandha wkoll tant spejjeż oħra ta’ manutenzjoni u restawr li għaddejjin il-ħin kollu.

Il-Ġimgħa 10 ta’ Frar

Inqaddsu din il-festa tal-fidi tagħna bis-sehem tagħna fis-sagramenti tal-Qrar u l-Ewkaristija.

Il-quddies fil-knisja tagħna jkun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd: 6,8 u 10 am u fil-5pm.

Filgħaxija l-quddiesa tal-5pm tkun iċċelebrata minn Fr. Raymond Portelli, missjunarju Għawdxi fil-Perù. Ningħaqdu miegħu fit-talb u ngħinuh b’xi offerta.

Il-ĦAMISIJIET TA’ SANTA RITA Ikomplu l-Ħamis 9 ta’ Frar għand is-sorijiet Agostinjani. Fil-5.30pm Rużarju, Kurunella, barka sagramentali u quddiesa bil-ħsieb fuq Santa Rita.

COFFEE MORNING

Ċentru Sant’Antnin Għajnsielem il-Ġimgħa 10 ta’ Frar fit-8.30am. Kafe’ u ikel mingħajr ħlas. Min jixtieq trasport iċempel fuq 99448921.

DEHRIET TA’ LOURDES

Nhar is-Sibt li ġej, 11 ta’ Frar, infakkru l-Ewwel Dehra tal-Madonna ġewwa Lourdes. Mal-bullettin tal-ġimgħa li għaddiet wassalnielkom il-programm u l-messaġġ mill-knisja ta’ Lourdes ġewwa r-raħal tagħna. Insegwuh.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

Ursula Azzopardi toffri €20 għall-Bullettin b’suffraġju ta’ Marija Azzopardi f’għeluq l-4 snin mill-mewt tagħħa fid-9 ta’ Frar u għal Dolora Azzopardi f’għeluq id-29 sena mill-mewt tagħha fil-11 ta’ Frar. Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA LAQQGĦANA MA’ IBNEK ĠESÙ

Insibu ħin għall-adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija

(il-Knisja l-Qadima miftuħa kuljum mit-Tnejn sas-Sibt mit-8.30am sal-4pm)