Bullettin 12 ta’ Frar 2017

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA  –      Motto Parrokkjali 2016-17

Is-6 Ħadd Matul is-Sena

NGĦIXU L-KMANDAMENTI

Kollox m’hu xejn fil-ħajja!  Hekk jagħmel kulħadd!  Jien se nkun differenti?  Huma frażijiet li nisimgħu kuljum u li forsi rridu ngħidu li xi kultant nisimgħuhom aħna wkoll.  Lesti nippuntaw subgħajna biex nikkritikaw lil ħaddieħor iżda ma aħniex lesti li naċċettaw jew nagħmlu awtokritika fuqna stess.

Fil-Liturġija tal-lum Ġesù jikxfilna l-maskra.  Maskra li ħafna drabi turi l-mod immatur li bih ngħixu r-reliġjon tagħna.  Mod ta’ reliġjon li fih aħna biss spettaturi.  Ġesù jurina li hu ġie biex jipperfezzjona t-tagħlim u għalhekk jenfasizza għajxien sħiħ tal-kmandamenti.

Il-bniedem ġie maħluq minn Alla liberu u rajh f’idejh.  Il-bniedem huwa msejjaħ biex minn rajh jagħżel li jimxi fuq il-liġi ta’ Alla kif itenni l-awtur tal-Ktieb ta’ Bin Sirak fl-Ewwel Qari tal-lum.  Is-Salm 118 juri li hemm minn dawk li jimxu  fuq l-liġi tal-Mulej.  Fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin insibu li l-għerf ta’ Alla jistgħu jagħrfuh dawk li huma mrawmin sewwa fil-fidi u fl-imħabba.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Mattew, għandna t-tifsira ta’ Ġesù li ġie biex jipperfezzjona l-liġi u l-profeti.  Huwa jispjega wkoll l-importanza tal-ħames, is-sitt u t-tmien kmandament.

Il-ħeġġa tan-nisrani kuljum hija dik li tgħinu jfittex u jikseb aktar territorju qrib tal-Mulej.  Hemm bżonn li niddrittaw it-toroq tagħna fid-dawl tal-liġi tiegħu.

L-għażla tad-dnub u għad-dnub hija f’idejna.  Alla ħalliena liberi saħansitra li neħduha kontra tiegħu.  Kemm tassew qed inħares lejn il-kmandamenti bħala mumenti ta’ grazzja li permezz tagħhom aħna stess nirregolaw il-ħajja tagħna?

Hemm bżonn li nagħmlu għażliet ċari u bla tlaqliq fuq it-tip ta’ fidi li qed ngħixu.

Id-diskors ta’ Krisu llum huwa ċar għal min irid jifhem – le għad-divorzju u responsabbiltà kbira fuq kull min ikisser żwieġ.

Fehemni Mulej

biex inżomm il-liġi tiegħek

u nħarisha b’qalbi kollha.

EWRO COLLECTION

Il-ġbir kollu waqt il-quddies ta’ dan il-weekend ikun b’risq il-festa tagħna. Inkunu ġenerużi bħal dejjem. Nagħtu kemm nistgħu. Grazzi ta’ kull għotja.

L-ISTRINA TAL- MADONNA

INKOMPLU NKUNU ĠENERUŻI!

NGĦINU MINN QALBNA!

Sejħa lilkom Żgħażagħ li taħdmu biex tagħtu wkoll l-offerta tagħkom.

  • Wasslu l-offerta tagħkom ġo envelop permezz tal-voluntiera tal-parroċċa jew direttament fil-letterbox tad-dar parrokkjali, jew lil xi saċerdot tal-parroċċa.
  • Tista’ wkoll tissieħeb fl-iskema ta’ ġbir ta’ kull xahar.

Nagħtu skont ma l-Mulej ipprovdielna!

It-triq hija twila, imma bl-għajnuna t’Alla, ta’ Ommna Maria Lawretana u tal-għajnuna ta’ kull wieħed u waħda minna… NASLU ŻGUR!!!

IL-KNISJA TAGĦNA HIJA MONUMENT LI JIBQA’…

Affarijiet oħra jgħaddu u jispiċċaw.

Il-ĦAMISIJIET TA’ SANTA RITA Ikomplu

l-Ħamis 16 ta’ Frar għand is-sorijiet Agostinjani. Fil-5.30pm Rużarju, Kurunella, barka sagramentali u quddiesa bil-ħsieb fuq Santa Rita.

DEHRIET TA’ LOURDES

Ikomplu d-dehriet tal-Madonna ġewwa Lourdes. Ninviżtaw lill-Madonna fil-knisja tagħha ġewwa r-raħal tagħna u nitolbu għal tant fejqan spiritwali u materjali.

INTENZJONIJIET TA’ QUDDIES

Min jixtieq jordna intenzjonijiet ta’ quddies tal-ħin fil-knisja parrokkjali għax-xhur ta’ April, Mejju u Ġunju 2017 jista’ jagħmel dan fl-uffiċċju parrokkjali nhar ta’ Tlieta jew il-Ħamis bejn id-9am u nofsinhar.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Nhar is-Sibt 18 ta’ Frar, 2017 fis-6.30pm fil-Knisja Parrokkjali tax-Xagħra. Trasport mill-Pjazza fis-6pm.

GRAZZI MILL-QALB

NN €300; Offerta lill-Madonna – NN Triq il-Ġnien €200. NN €30 b’ringrazzjament lil Alla u lill-Madonna.

ILQA’ FI ĦDANEK

  • Ilqa’ fi ħdanek O Ħanin Ġesu’ lir-ruħ għażiża ta’ Rose Caruana mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li għoġbok issejħilha għal għandek fl-1 ta’ Frar fl-eta’ ta’ 78 sena.
  • Ilqa’ O Mulej fi ħdanek lir-ruħ għażiża ta’ Paul Anthony Rapa mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li ġie jiltaqa’ miegħek nhar it-3 ta’ Frar fl-għomor ta’ 24 sena.
  • Ilqa’ Missier Ħanin lir-ruħ għażiża ta’ George Vella mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li ħalla din id-dinja fit-3 ta’ Frar fl-eta’ ta’ 64 sena.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Carmena Zerafa u l-familja joffru €20 b’suffraġju ta’ ommhom Maria Zerafa f’għeluq il-15-il sena mill-mewt tagħha fit-12 ta’ Frar, għal ruħ missierhom Ġanni u għal ħuthom.
  • Censu Galea joffri €20 b’suffraġju ta’ missieru Michael Galea f’għeluq il-5 snin mill-mewt tiegħu fl-10 ta’ Frar.
  • Loreta Azzopardi u l-familja joffru €30 b’suffraġju ta’ Wenzu u Carmela Xuereb, Mary Rose u Steve Xuereb.
  • Miriam Buttigieg u l-familja joffru €20 b’suffraġju ta’ Martinu Buttigieg f’għeluq il-5 snin mill-mewt tiegħu.
  • Tonina Azzopardi toffri €20 b’suffraġju ta’ Dolora Azzopardi f’għeluq il-11-il sena mill-mewt tagħha fil-11 ta’ Frar.
  • Gorga Galea toffri €20 b’suffraġju ta’ omma Rosa Galea f’għeluq il-31 sena mill-mewt tagħha.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA LAQQGĦANA MA’ IBNEK ĠESÙ

Insibu ħin għall-adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija

(il-Knisja l-Qadima miftuħa kuljum mit-Tnejn sas-Sibt mit-8.30am sal-4pm)