Bullettin 19 ta’ Frar 2017

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA  –      Motto Parrokkjali 2016-17

Is-7 Ħadd Matul is-Sena

AĦFER – ĦOBB – SERVI

Kemm hi iebsa li taħfer kompletament.  “Naħfer iva… ninsa le.”  Kemm nisimgħu espressjonijiet bħal dawn u nibqgħu nroddu s-salib u nżejnu l-ħitan bis-slaleb.

Il-Vanġelu tal-lum huwa messaġġ qawwi għall-konverżjoni mhux biss personali iżda wkoll soċjali.

Kemm tassew għandna l-kuraġġ naħfru?  Kemm tassew għandna l-kuraġġ induru lejn xi ħadd li nafu li ma jridilniex il-ġid?  Għalhekk huwa iebes il-Vanġelu.  Għalhekk il-ħajja nisranija hija mingħajr kantunieri.  Biex inkunu “speċjali”  għall-Mulej hemm bżonn li nagħmlu l-affarijiet iebsa.  L-avventuri huma iebsin, hemm bżonn li lkoll kemm aħna bħala Nsara ma nagħmlux biss l-ovvju fil-ħajja tagħna.

L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Levitiku u jirrakkonta parti mil-liġi li għandha x’taqsam mal-qdusija tal-poplu.  Wieħed jgħix fil-qdusija meta jimxi fil-kmandamenti ta’ Alla.  Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 102, insibu li meta aħna nħobbu lill-proxxmu kollu tagħna nkunu qegħdin nixbhu lil Alla li huwa Alla ħanin u ta’ qalb tajba.  San Pawl ikompli jenfasizza fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin, li aħna tempju qaddis ta’ Alla u li ħadd ma għandu jqarraq.  Fis-silta tal-Vanġelu tal-lum insibu żvilupp tat-tielet beatitudni fid-diskors tal-Muntanja, fejn insibu:  “Ħenjin ta’ qalbhom ħelwa”.  Ġesù jagħti eżempju ta’ dan bil-ħajja tiegħu stess.

Kemm aħna kapaċi naħfru?  Kif qegħdin naħfru?  Kemm tassew aħna nies ta’ kompassjoni u mogħdrija?

Għandek għedewwa?  Kif qed tħares lejhom?  Hemm xi persuna fil-ħajja tiegħek li ilek ma tkellimha snin?

Aħfer – Ħobb – Servi … kemm taħseb li huma possibbli fil-ħajja tiegħek?  Kemm taħseb li huma possibbli li tgħixhom kuljum?

Il-ġlieda tagħna kuljum trid tkun magħna nfusna.  Hemm bżonn li nagħrfu nnaqqsu minna l-egoiżmu tagħna biex inkunu nistgħu nħarsu f’għajnejn xulxin mingħajr biżà jew mistħija.

     Mulej għallimni naħfer lill-għadu tiegħi,

     għallimni nħobb lil dawk li jriduli d-deni,

     għallimni nimxi, kontra l-kurrent, lejk imsallab.

L-ISTRINA TAL- MADONNA

Grazzi mill-qalb lil kull min ta s-sehem tiegħu fil-ġabra li saret bieb bieb – il-ġabra hekk imsejħa L-istrina tal-Madonna.

Is-somma laħqet €4835. Grazzi u prosit tabilħaqq. Grazzi mill-qalb ukoll lill-voluntiera li ħarġu jiġbru. Nirringrazzjawhom tas-sagrifiċċju li jagħmlu u tal-ħin li jagħtu f’kull ġabra li nagħmlu bieb bieb anke dawk tal-festa.  Min għadu jrid jagħti l-offerta tiegħu, tistgħu twassluha fil-letterbox tad-dar parrokkjali jew fil-knisja waqt il-ġabra.

Bħalissa għaddej ix-xogħol tal-inġir tal-ġebel. Tistgħu tarawh wara l-knisja jew fejn il-ħanut tax-xogħol ta’ Leli Saliba. Meta jkollna ċertu ammont ta’ ġebel lest, imbagħad jibda x-xogħol tat-tqegħid tiegħu.

FUQ KOLLOX-Insostnu dan il-proġett bit-talb tagħna!

GĦOTI TA’ DEMM

Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 19 ta’ Frar ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA Ser isir nofs ta’ nhar għan-nisa kollha ġewwa Lourdes Home l-Erbgħa 22 ta’ Frar mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Fr Joe Xerri, kafe’ u tombla.

Il-ĦAMISIJIET TA’ SANTA RITA Ikomplu

l-Ħamis 23 ta’ Frar għand is-sorijiet Agostinjani. Fil-5.30pm Rużarju, Kurunella, barka sagramentali u quddiesa bil-ħsieb fuq Santa Rita.

KONFERENZI NTERESSANTI U MPORTANTI

Il-Kummissjoni Djoċesana Familja qed torganizza laqgħa ta’ formazzjoni bis-suġġett: Kif indawlu lil uliedna dwar il-ħbieb.  Il-laqgħa ser tinżamm fl-Istitut tal-Familja, nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Frar bejn is-6.00pm u s-7.30pm u ser titmexxa minn Dr. Michael Galea (psikologu, family therapist u lecturer fl-Università). 

Richmond Foundation  qed torganizza taħdit f’Għawdex dwar is-Saħħa Mentali nhar it-Tnejn 27 ta’  Frar fil-5pm fiċ-Centru tal-NGO Xewkija.

DEHRIET TA’ LOURDES

Tkomli t-tifkira tad-dehriet tal-Madonna ġewwa Lourdes. Ninviżtaw lill-Madonna fil-knisja tagħha ġewwa r-raħal tagħna u nitolbu għal tant fejqan spiritwali u materjali.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Is-Sibt 18 ta’ Frar, 2017 fis-6.30pm fil-Knisja Parrokkjali tax-Xagħra. Trasport mill-Pjazza fis-6pm.

GRAZZI MILL-QALB

  • Lil Paul Stellini flimkien mal-Għaqda Ħbieb tal-Presepju Fergħa Għajnsielem li taw lill-knisja tagħna d-donazzjonijiet li saru fil-presepju u fil-wirja ta’ pasturi li saret taħt il-knisja fi żmien il-Milied – €340.
  • Lill-grupp tal-Boċċi: €100 għas-Sagristiji.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Lorenza Scicluna toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju tar-ruħ għażiża ta’ żewġha Carmelo f’għeluq it-8 sena mill-mewt tiegħu fit-18 ta’ Frar kif ukoll b’suffraġju taż-żewġ uliedha Joe u Frankie Scicluna.
  • Maria Attard toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ żewġha Salvu Attard f’għeluq il-5 snin mill-mewt tiegħu fl-20 ta’ Frar.
  • Carmel u Phyllis Portelli joffru €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Michael Portelli u Toni Portelli.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA LAQQGĦANA MA’ IBNEK ĠESÙ

Insibu ħin għall-adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija

(il-Knisja l-Qadima miftuħa kuljum mit-Tnejn sas-Sibt mit-8.30am sal-4pm)