Bullettin 26 ta’ Frar 2017

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA  –      Motto Parrokkjali 2016-17

It-8 Ħadd Matul is-Sena

MINGĦAJR KOMPROMESSI!!

Ħafna drabi nidħlu  f’kompromessi fil-ħajja tagħna minħabba l-mentalità  li qed tinbet fina.  Ipprova laqqat minn kullimkien.  Għix il-mument preżenti ħu ċ-ċans tal-mument.  Daqqa naħa u

daqqa oħra – skond kemm se tgawdi. Mhux hekk iddur ir-rota? Bejn Alla u x-xitan.

Illum Ġesù jridna nkunu tassew radikali fl-għażliet ta’ ħajjitna.  Ma tistgħux taqdu żewġ sidien.  Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.  IRRIDU NAGĦMLU GĦAŻLA… nintelqu f’idejh.  Alla jieħu ħsieb ta’ kollox u ta’ kulħadd.  Mhux ser jinsa la lili u lanqas lilek.  Il-Providenza qiegħda fostna… rridu nindunaw biha aħna.

L-ewwel qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija jxebbah lil Alla ma’ omm li ma tinsa qatt lil binha.  Inkunu tassew nonqsuh jekk ngħidu li hu nsiena jew ħalliena.  Fis-Salm 61 għandna għajta li f’Alla biss il-mistrieħ ta’ ruħna.  Fit-Tieni Qari San Pawl ifakkar li Kristu għażel il-ministri tiegħu u afdalhom f’idejhom l-misteri ta’ Alla – tahom missjoni li ġġorr magħha responsabbiltà kbira.

Fil-Vanġelu, minn San Mattew, Ġesù li jgħidilna li jeħtieġ li l-ewwel post fil-ħajja tagħna nagħtuh lil Alla.  Ma nistgħux inħallu affarijiet oħrajn jiddominaw il-ħajja u l-qalb tagħna.

X’hemm fiċ-ċentru ta’ qalbek?  Tafda tassew fil-Providenza t’Alla?

Kemm tħares u tafda lil Alla bħala OMMOK?

Kemm temmen fil-Mulej u kemm tafda fil-Kelma tiegħu?

F’dinja komplikata b’ħajja li qed inkomplu nikkomplikawha aħna jeħtieġ illum aktar minn qabel li nafdaw il-ħajja kollha tagħna f’idejn Alla.      Mulej, f’idejk, nafda l-ħajja tiegħi.

IS-SIEGĦA TAD-DULURI  

Kull nhar ta’ Ġimgħa matul ir-Randan fil-Knisja l-Qadima mit-3 sal-4pm. Nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Marzu tkun fil-Knisja Parrokkjali.

LAQGĦA MPORTANTI GĦALL-ANIMATURI tal-Liturġija Nhar L-ERBGĦA li ġejja, 1 ta’ Marzu, Ras ir-Randan, dritt wara l-quddiesa ta’ filgħaxija fis-sagristija.

GĦOTI TAD-DEMM Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex nhar it-Tlieta 28 ta’ Frar ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm

IR-RANDAN

NIBDEW l-ERBGĦA l-1 ta’ MARZU

IL-MIXJA tal-KONVERŻJONI TAGĦNA

LEJN ĦAJJA ĠDIDA MA’ KRISTU FIL-QAWMIEN

Fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, ir-Randan kien iż-żmien li fih il-katekumeni, jiġifieri dawk li jkunu se jitgħammdu, kienu jhejju ruħhom bit-tagħlim, bit-talb u bil-penitenza biex ikunu jistgħu jirċievu l-magħmudija fil-lejl tal-Għid il-Kbir. Fiż-żmien tar-Randan il-liturġija tistedinna biex inġeddu u nsaħħu l-konverżjoni ta’ qalbna lejn Alla, u hekk, inħejju lilna nfusna biex fil-lejl tal-Għid nerġgħu nġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija tagħna.

F’dan iż-żmien tar-Randan, jeħtieġ li ngħixu u niċċelebraw l-Ewkaristija b’dawn id-dispożizzjonijiet:

  • Nissieħbu ma’ Ġesu’ fil-mixja tiegħu fid-deżert, biex kif huwa rebaħ il-qawwiet tal-ħażen bit-talb u l-penitenza, hekk aħna wkoll nirbħu t-tentazzjonijiet tal-ħażen li magħhom niltaqgħu f’ħajjitna. Huwa żmien li nindmu u nikkonvertu dejjem aktar mill-ħażen tagħna.
  • Nitilqu l-ħażen biex induru lejn Alla f’ubbidjenza ta’ wlied u lejn ħutna f’imħabba li taf tgħin u taqdi. Huwa żmien li fih noffru lilna nfusna ma’ Kristu f’sagrifiċċju ta’ mħabba lejn Alla u lejn xulxin.
  • Ngħixu d-dmirijiet tal-ħajja ġdida li rċivejna fil-magħmudia. Bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, ngħixu l-ħajja ta’ Kristu Rxoxt, għall-glorja tal-Missier.

L-Erbgħa l-1 ta’ Marzu waqt il-quddies kollu jsir it-tqegħid tal-irmied fuq rasna.

RANDAN TA’ VERU – GĦID TAJJEB

EŻERĊIZZI F’DAN IR-RANDAN

GĦall-Koppji: Mit-Tnejn 6 sal-Ġimgħa 10 ta’ Marzu fiċ-Centru Parrokkjali

GĦAL KULĦADD: Fil-Knisja Parrokkjali: Mit-Tnejn 27 sal-Ġimgħa 31 ta’ Marzu

GĦAL KULĦADD: Fil-Knisja ta’ Sant’Antnin-Mit-Tnejn 4 sal-Ħamis 7 ta’ April.

MILL-GĦAQDA DRAMMATIKA GĦAJNSIELEM

Ser issir laqgħa  għal dawk li se jieħdu jew jixtiequ jieħdu sehem fl-attivitajiet li l-Għaqda Drammatika Għajnsielem se ttella’ għal żmien il-Ġimgħa Mqaddsa.  Din ser issir nhar il-Ħamis 2 ta’ Marzu 2017 fis-7.30pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.

L-ISKOLA PRIMARJA t’Għajnsielem tavża li min għandu tfal li jagħlqu t-3 snin sal-aħħar t’April 2018, jista’ japplika biex dawn ikunu jistgħu jibdew jattendu fs-sena skolastika 2017-18. L-applikazzjonijiet jistgħu jinġabru fil-jiem li ġejjin mill-iskola stess.

L-EWWEL ĠIMGĦA U SIBT TAX-XAHAR

Il-Ġimgħa 3 ta’ Marzu l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali u tibda wara l-quddiesa tad-9am. Is-Sibt 4 ta’ Marzu fit-3.30pm rużarju u quddiesa fil-Knisja l-Qadima. L-Adorazzjoni tkompli sad-9pm.

DEHRIET TA’ LOURDES  Tkompli t-tifkira ta’ dawn id-dehriet tal-Madonna. Ninviżtaw lill-Madonna fil-knisja tagħha ġewwa r-raħal tagħna.

GRAZZI MILL-QALB: Familja N.N. €500 għall-orgni.

LAQGĦA MIR-Richmond Foundation:

F’Għawdex dwar is-Saħħa Mentali t-Tnejn 27 ta’  Frar fil-5pm fiċ-Centru tal-NGO Xewkija.

SEMINAR GĦAL KULĦADD – bit-tema Lejn ir-Rebbiegħa ta’ Ħajjitna – Imtella’ mis-Sezzjoni Femminili Museum fil-Qasam tal-Bniet ix-Xewkija nhar it-Tlieta 7 ta’ Marzu mid-9am sa 12pm.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Carmena Ciantar toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ ommha Loreta Buttigieg f’għeluq l-44 sena mill-mewt tagħha fl-24 ta’ Frar.
  • Helen Sultana toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ ommha Gorga Sultana f’għeluq l-4 snin mill-mewt tagħha fis-26 ta’ Frar.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.