Bullettin 5 ta’ Marzu 2017

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA – Motto Parrokkjali 2016-17

Semmgħalna l-Kelma ta’ Alla

L-1 ĦADD TAR-RANDAN

Liema Alla naqdi?

LILL-MULEJ ALLA TIEGĦEK, GĦANDEK TADURA,

U LILU BISS TAQDI

Il-falliment totali tagħna huwa d-dnub.  Iċ-ċaħda tal-grazzja ta’ Alla.  L-għażla libera tagħna li nsegwu lil satana u mhux lil Alla.  F’dan iż-żmien tar-Randan, li bdejna biċ-ċelebrazzjoni ta’ l-irmied, indunajna li lkoll kemm aħna rridu verament inċarrtu qlubna u mhux ilbiesna.  Hemm bżonn li fil-konverżjoni tagħna ma nkunux artifiċjali iżda nkunu radikali.  Il-mument tar-Randan irid ikun mument ta’ verifika għalina lkoll, f’liema livell ta’ fidi ninsabu, kemm tassew aħna lesti li niġġeddu fil-ħajja tagħna biex neqirdu d-dnub u noqorbu aktar lejn Alla.  It-tiġrib tagħna minn satana se jibqa’.  Saħansitra Ġesù għadda minnu.  Iżda aħna rridu nkunu sodi, bil-kelma tal-istess Ġesù, li nagħmlu għażliet ta’ ħajja u mhux għażliet li jmewtu l-fidi u l-għemil tagħna.  Ħafna drabi naħlu ħajjitna naduraw u nsiru skjavi ta’ allat foloz.  Kemm tassew hemm xewqa fina li niskopru u naduraw lil Alla veru fil-ħajja tagħna?

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi, għandna l-ħolqien ta’ Adam u Eva u d-dnub tagħhom.  Ħolqien li juri l-imħabba kbira ta’ Alla u l-libertà assoluta li ta lill-bniedem.  Is-silta tas-salm, meħuda minn Salm 80, hija talba ta’ ħniena lil Alla meta nagħrfu li aħna midinbin.  Fit-Tieni Qari tal-lum San Pawl lir-Rumani jurina b’mod ċar it-tweġiba ta’ Alla għall-falliment tal-bniedem.  Fil-Vanġelu ta’ dan l-ewwel Ħadd tar-Randan l-Evanġelista San Mattew jirrakkonta t-tentazzjonijiet ta’ Ġesù mix-xitan fid-deżert.  Ġesù jitkellem u jkeċċi x-xitan.  Fid-diskors ta’ Ġesù għandna s-sinjali fejn irridu npoġġu tassew l-għażliet ta’ ħajjitna; mhux fuq it-tlellix iżda fuq il-Kelma t’Alla.

IR-RANDAN:

  • TIĠDID spiritwali
  • TIĠDID ukoll tal-mod ta’ ħajja u attitudnijiet tagħna ta’ kuljum.
  • GĦAŻLA MILL-ĠDID TA’ ALLA

Mulej, għallimni

matul dan ir-Randan

insib aktar lilek u lili nnifsi.

BDEJNA R-RANDAN

Nagħmlu waħda kbira għall-Mulej!!

EŻERĊIZZI SPIRITWALI GĦALL-Koppji:

Din il-Ġimgħa

Mit-Tnejn 6 sal-Ġimgħa 10 ta’ Marzu

fiċ-Centru Parrokkjali fis-7.30pm.

SEJĦA SPEĊJALI LILL-KOPPJI ŻGĦAR–EJJEW!!

Ikun hemm min jieħu ħsieb it-tfal.

Inħeġġu n-nanniet biex jagħtu daqqa t’id fejn ikun hemm diffikultà minħabba t-tfal.

Intom nanniet:

  • tistgħu mbagħad tattendu għal xi wieħed mill-eżerċizzi ta’ kulħadd li għandna pprogrammati.
  • ĦEĠĠU LIL ULIEDKOM MIŻŻEWĠA JATTENDU DIL-ĠIMGĦA.

RANDAN TA’ VERU – GĦID TAJJEB

EŻERĊIZZI OĦRA F’DAN IR-RANDAN

GĦAL KULĦADD: Fil-Knisja Parrokkjali: Mit-Tnejn 27 sal-Ġimgħa 31 ta’ Marzu

GĦAL KULĦADD: Fil-Knisja ta’ Sant’Antnin-Mit-Tnejn 4 sal-Ħamis 7 ta’ April.

FIL-KENN TA’ DAREK MARIJA-Semmgħalna l-Kelma ta’ Alla

ĠABRA SPEĊJALI

Matul il-quddies ta’ dan il-weekend il-ġabra fil-knisja tkun b’risq ir-restawr urġenti tal-Pro Katidral Anglikan ta’ San Pawl fil-Belt Valletta. Nuru solidarjeta’ ma’ ħutna l-Anglikani dan ir-Randan.

PREPARAZZJONI GĦALL-GRIŻMA

L-istudenti li qed jippreparaw ruħhom biex jirċievu s-sagrament tal-Griżma tal-Isqof din is-sena, huma mistiedna għal mixja ta’ laqgħat matul ir-randan bi tħejjija għal dan is-sagrament. L-ewwel laqgħa ser tkun nhar l-Erbgħa li ġejja 8 ta’ Marzu fiċ-Ċentru Parrokkjali fil-5.15pm. Importanti li kollha jattendu għax ser jingħata l-programm kollu li jwassal sal-Griżma fl-10 ta’ Ġunju li ġej.

IS-SIEGĦA TAD-DULURI 

Kull nhar ta’ Ġimgħa matul ir-Randan fil-Knisja l-Qadima mit-3 sal-4pm.

GĦOTI TA’ DEMM  Id-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex il-Ħadd 5 ta’ Marzu ser ikun miftuħ għall-għoti tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

KOLBE: Ir-Rock-Opera li tirrakkonta l-ġrajja ta’ San Massimiljanu Kolbe. Fl-Oratorju Don Bosco. Araw il-flyer li qed jaslilkom ma’ dan il-bullettin.

PASTA NIGHT u TOMBLA  Fiċ-Ċentru Sant’ Antnin il-Ħamis 9 ta’ Marzu fis-7pm. Adulti €9.50. Tfal €7.50. Biljetti mill-Knisja ta’ Sant’ Antnin jew 99285912, 79448921.

GRAZZI MILL-QALB: Għas-sagristiji: NN. €100, NN €50. Għall-Knisja NN €1000.

SEMINAR GĦAL KULĦADD – bit-tema Lejn ir-Rebbiegħa ta’ Ħajjitna – Imtella’ mis-Sezzjoni Femminili Museum fil-Qasam tal-Bniet ix-Xewkija t-Tlieta 7 ta’ Marzu mid-9am sa 12pm.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Il-familja Ciantar joffru €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Ġużepp u Maria Ciantar fl-anniversarju tal-mewt tagħhom fix-xahar ta’ Marzu.
  • M’Rose Xuereb toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ missierha Eugenio Caruana f’għeluq il-41 sena mill-mewt tiegħu fis-7 ta’ Marzu.
  • Carmena Xuereb toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ ħuha Kelinu Xuereb f’għeluq is-7 snin mill-mewt tiegħu fl-4 ta’ Marzu.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

IMPORTANTI: Nagħmlu appell biex ikun hemm min jiġi jagħmel ħin ta’ adorazzjoni f’xi ħin bejn il-11am u s-1pm fil-Knisja l-Qadima. Ser nagħtu prova għal dan ix-xahar ta’ Marzu. Imbagħad niddeċiedu dwar ħinijiet ġodda tal-ftuħ tal-Knisja l-qadima.